EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0469

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2019.
IN vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Hof van Cassatie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-469/18 u C-470/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:895

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawżi magħquda C‑469/18 u C‑470/18,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Hof van Cassatie (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ġunju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2018, fil-proċeduri

IN (C‑469/18),

JM (C‑470/18)

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IN u JM, minn J. Verbist, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u P. Cottin u kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn W. van Eeckhoutte, advocaat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn IN (Kawża C‑469/18) u JM (Kawża C‑470/18) u l-Belgische Staat (Stat Belġjan) dwar stima ta’ taxxa maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana għas-snin fiskali 1997 u 1998, fejn tirrettifika d-dikjarazzjonijiet tagħhom għat-taxxa tal-persuni fiżiċi.

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Estradizzjoni u l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 1962 fi Brussell jeżisti bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jipprevedi:

“1.   Fuq talba tal-parti rikjedenti, il-parti rikjesta għandha, sa fejn huwa ammissibbli mid-dritt nazzjonali tagħha, tagħti l-oġġetti

(a)

li jistgħu jservu ta’ prova;

(b)

li jkunu ġew akkwistati bħala riżultat tar-reat jew li nstabu qabel jew wara l-konsenja tal-persuna arrestata.

2.   It-trasferiment huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-awla ta’ smigħ preliminari tal-qorti tal-ewwel istanza tal-post fejn saru t-tfittxija u l-qbid. L-awla ta’ smigħ preliminari għandha tiddeċiedi jekk il-proprjetà maqbuda għandhiex tiġi ttrasferita kollha jew parti minnha lill-parti li qiegħda tressaq it-talba. Hija tista’ tordna r-ritorn ta’ oġġetti li ma humiex direttament relatati mal-akkuża miġjuba kontra l-persuna ssuspettata u, fejn xieraq, għandha tiddeċiedi dwar oġġezzjonijiet minn terzi li kellhom fil-pussess l-oġġett, jew minn persuni oħra intitolati.

[…]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

4

Il-fatti relatati maż-żewġ kawżi prinċipali huma, mutatis mutandis, identiċi fil-Kawżi C‑469/18 u C‑470/18. Dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

5

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma amministraturi delegati ta’ impriżi ta’ kummerċ u ta’ distribuzzjoni ta’ kompjuters kif ukoll komponenti tal-kompjuter. Dawn l-impriżi kienu s-suġġett, matul is-sena 1996, ta’ investigazzjoni kriminali mibdija wara lment tal-awtorità tat-taxxa Belġjana li, matul is-sena 1995, kienet bdiet investigazzjonijiet dwar frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tat-tip carrousel.

6

Fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali, ittra rogatorja ġiet eżegwita fil-Lussemburgu, li matulha d-direttur ta’ bank Lussemburgiż bagħat, waqt is-smigħ tiegħu minn qorti istruttorja Lussemburgiża, fil-preżenza tal-omologu Belġjan tiegħu, dokumenti bankarji fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, din il-konsenja saret mingħajr il-kunsens tal-awla ta’ smigħ preliminari tal-qorti tal-ewwel istanza tal-post fejn kienu saru l-perkwiżizzjonijiet u aditi, jiġifieri l-awla ta’ smigħ preliminari tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu), meħtieġa mill-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Estradizzjoni u l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kienet ġiet mitluba.

7

Wara li kisbet l-awtorizzazzjoni li tikkonsulta l-fajl kriminali u li tieħu kopja tiegħu, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana ħarġet stimi ta’ taxxa li jirrettifikaw id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-persuni fiżiċi magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li jordnaw il-ħlas ta’ taxxi fuq profitti ta’ impriżi industrijali u kummerċjali, fl-ammont ta’ EUR 536 738.94 għas-sena finanzjarja 1997 u ta EUR 576 717.62 għas-sena finanzjarja 1998, li kienu tħallsu f’kont Lussemburgiż.

8

Peress li l-ilmenti mressqa kontra dawn l-istimi ta’ taxxa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew miċħuda, dawn tal-aħħar ippreżentaw rikorsi sabiex jiksbu eżenzjoni mit-taxxa imposta fuqhom, billi sostnew li d-dokumenti bankarji kienu nkisbu irregolarment u għalhekk ma setgħux jagħtu lok għal deċiżjoni ta’ impożizzjoni. Dawn ir-rikorsi ntlaqgħu permezz ta’ sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza, li ġiet annullata fl-appell. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk appellaw fil-kassazzjoni.

9

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hof van Cassatie (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Belġju), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il- “KEDB”), u mill-Artikolu 7 tal-Karta jirriżulta li r-remissjoni ta’ data bankarja ta’ persuni fiżiċi hija possibbli biss jekk il-proċeduri legali previsti għal dan il-għan ikunu osservati. Issa, dan ma kienx il-każ hawnhekk, b’tali mod li d-dritt fundamentali tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata kien miksur. Il-kisba ta’ tali provi bi ksur ta’ tali dritt tmur kontra dak li jista’ jiġi mistenni minn awtorità li taġixxi skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u l-użu ta’ dawn il-provi għandu għalhekk, f’kull ċirkustanza, jitqies bħala inammissibbli.

10

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832), billi jsostnu li għalkemm, fil-kuntest tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul, kellha tiġi aċċettata fid-dritt Belġjan il-possibbiltà li jiġu użati provi miksuba bi ksur ta’ dritt fundamentali, dan iwassal għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, iggarantit mill-Kostituzzjoni Belġjana, bejn il-persuna taxxabbli li hija s-suġġett ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul u l-persuna taxxabbli li hija s-suġġett ta’ ġbir tal-VAT.

11

Il-Qorti tar-rinviju tesponi, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana ma tinkludix dispożizzjoni ġenerali li tipprojbixxi li jintużaw provi miksuba b’mod irregolari sabiex jiġi stabbilit dejn tat-taxxa u sabiex tiġi imposta, jekk ikun il-każ, żieda jew multa. L-użu mill-amministrazzjoni ta’ tali provi għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal smigħ xieraq. Ħlief meta l-leġiżlatur jipprevedi sanzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward, l-użu f’każijiet fiskali ta’ dawn il-provi jista’ jiġi eskluż biss jekk ikunu nkisbu b’mod li jmur kontra dak li jista’ jiġi mistenni minn awtorità li taġixxi skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li dan l-użu għandu f’kull każ jitqies bħala inammissibbli jew jekk dan l-użu jqiegħed fil-perikolu d-dritt tal-persuna taxxabbli għal smigħ xieraq. F’din l-evalwazzjoni, il-qorti tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni wieħed jew iktar mill-aspetti li ġejjin: in-natura purament formali tal-irregolarità, l-effetti tagħha fuq id-dritt jew il-libertà li r-regola miksura tipproteġi, in-natura intenzjonali jew le tal-irregolarità mwettqa mill-awtorità u l-fatt li l-gravità tal-ksur tgħaddi bil-kbir l-irregolarità mwettqa.

12

Il-Qorti tar-rinviju tiċċita, min-naħa l-oħra, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832) u tosserva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-qasam ta’ ġbir tal-VAT, provi miksuba bi ksur ta’ dritt fundamentali għandhom jiġu miċħuda. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-użu ta’ prova miġbura bi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma jwassalx neċessarjament għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB u li l-Artikolu 13 tal-KEDB ma jeħtieġx, minnu nnifsu, li tali prova tiġi miċħuda mid-dibattiti.

13

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mistoqsija mill-ġdid fuq il-kwistjoni jekk, fil-qasam tal-VAT, l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’kull każ, l-użu ta’ provi miksuba bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta jew fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-qorti li għandha tevalwa jekk tali prova tistax tintuża bħala bażi għal ġbir tal-VAT, għandha l-obbligu li twettaq eżami bħal dak espost preċedentement.

14

Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li, minkejja li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw it-taxxi fuq id-dħul u li għalhekk ma hijiex materja li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, risposta għad-domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi magħquda hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-inugwaljanza fit-trattament, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li teżisti bejn persuna taxxabbli suġġetta għal ġbir tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi u persuna taxxabbli li hija s-suġġett ta’ ġbir tal-VAT.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hof van Cassatie (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet, fil-Kawżi C‑469/18 u C‑470/18, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, ifformulata b’mod identiku f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi:

“L-Artikolu 47 tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawżi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa prekluż fi kwalunkwe ċirkustanza l-użu ta’ prova miksuba bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, jew hija permessa leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qorti li ser tiddeċiedi jekk din il-prova tistax tintuża bħala bażi għal stima tal-VAT għandha twettaq evalwazzjoni bħal dik deskritta [fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2018, il-Kawżi C‑469/18 u C‑470/18 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura miktuba u tas-sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

17

Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li s-suġġett tagħha hija rettifika tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

18

Għandu jiġi osservat li l-fatt li, fil-kawżi prinċipali, provi kienu nkisbu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li saru wara lment tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana li kienet investigat dwar frodi tal-VAT ma jimplikax, fih innifsu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-użu tagħhom għall-finijiet ta’ rettifika ta’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-fatt, tali użu ma għandux rabta mad-dritt tal-Unjoni li jmur lil hinn mill-viċinat li jista’ jeżisti, fi Stat Membru, bejn ir-regoli dwar il-ġbir tal-VAT u dawk relatati mal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi jew l-effetti indiretti ta’ waħda minn dawn il-materji fuq l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax għaldaqstant tevalwa, fid-dawl tal-Karta, il-leġiżlazzjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali applikabbli għall-użu, fil-proċedura ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi li kienu suġġetti għalihom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ provi li, skont il-qorti tar-rinviju, inkisbu b’mod irregolari.

20

Madankollu, minkejja li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, il-qorti tar-rinviju, li d-domanda tagħha f’kull kawża tirrigwarda espressament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, fir-realtà hija intiża sabiex tiddetermina sa fejn id-dritt tal-Unjoni jippermetti jew le l-użu ta’ provi miksuba b’mod irregolari għall-finijiet tal-ġbir tal-VAT. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, tista’ teżisti, fuq dan il-punt, diverġenza bejn is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-risposta għad-domanda magħmula hija neċessarja għaliha sabiex tkun tista’ tevalwa l-inugwaljanza fit-trattament, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li teżisti bejn persuna taxxabbli li hija s-suġġett, bħal f’dan il-każ, ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi u persuna taxxabbli li hija s-suġġett ta’ ġbir tal-VAT.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala ammissibbli talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet li fihom, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt ikunu ġew reżi applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan,C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 45, u tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, mas-soluzzjonijiet adottati fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskriminazzjonijiet kontra residenti nazzjonali jew eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jew ukoll li tiġi żgurata proċedura unika f’sitwazzjonijiet paragunabbli, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 32, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 46).

23

B’dan il-mod, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tkun iġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 33).

24

Fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi ma’ dak li jeħtieġ l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif il-kawża pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55, u tal-20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 22).

25

Issa, sa fejn id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli dwar il-modalitajiet tal-produzzjoni tal-provi fil-qasam tal-frodi tal-VAT u sa fejn huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu tali regoli b’osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet iggarantiti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 65 sa 68, u kif ukoll tas-17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et, C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 24), l-eżistenza ta’ riferiment tad-dritt nazzjonali għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jidher diffiċilment konċepibbli f’dan il-qasam. Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li d-dritt Belġjan jagħmel tali rinviju.

26

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

27

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Belġju), b’deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ġunju 2018, huma inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top