Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0372

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Marzu 2019.
    Ministre de l'Action et des Comptes publics vs M. et Mme Raymond Dreyer.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative d'appel de Nancy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Imposti fuq id-dħul mill-assi ta’ resident Franċiż affiljat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera – Imposti assenjati għall-finanzjament ta’ żewġ benefiċċji ġestiti mill-fond nazzjonali Franċiż ta’ solidarjetà għall-għajxien indipendenti – Rabta diretta u suffiċjentement rilevanti ma’ ċerti fergħat tas-sigurtà soċjali – Kunċett ta’ ‘benefiċċju tas-sigurtà soċjali’ – Evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant – Teħid inkunsiderazzjoni tar-riżorsi tal-applikant fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji.
    Kawża C-372/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:206

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    14 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Imposti fuq id-dħul mill-assi ta’ resident Franċiż affiljat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera – Imposti assenjati għall-finanzjament ta’ żewġ benefiċċji ġestiti mill-fond nazzjonali Franċiż ta’ solidarjetà għall-għajxien indipendenti – Rabta diretta u suffiċjentement rilevanti ma’ ċerti fergħat tas-sigurtà soċjali – Kunċett ta’ ‘benefiċċju tas-sigurtà soċjali’ – Evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant – Teħid inkunsiderazzjoni tar-riżorsi tal-applikant fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji”

    Fil-Kawża C‑372/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour administrative d’appel de Nancy (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nancy, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

    Ministre de l’Action et des Comptes publics

    vs

    Sinjur u Sinjura Raymond Dreyer,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Levits u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għas-Sinjur u s-Sinjura Dreyer, minn J. Schaeffer, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Van Hoof, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi, Franza) u s-Sinjur u s-Sinjura Raymond Dreyer, residenti Franċiżi għall-finijiet tat-taxxa u affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Dreyer”), rigward il-pagament ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ imposti li għalihom ġew suġġetti dawn il-persuni għas-sena 2015 fuq id-dħul tagħhom minn beni mobbli.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni

    3

    Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw, fil-21 ta’ Ġunju 1999, seba’ ftehimiet, fosthom il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni”). Permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89), dawn is-seba’ ftehimiet ġew approvati f’isem il-Komunità u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

    4

    Skont il-preambolu tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-partijiet kontraenti huma “[d]eterminati li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni bejniethom ibbażat fuq ir-regoli li japplikaw fil-Komunità Ewropea”.

    5

    L-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali”, jipprevedi:

    “B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

    a)

    jiġi żgurat trattament ugwali;

    b)

    tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

    c)

    tinħoloq aggregazzjoni, sabiex jiġi miksub u miżmum id-dritt għall-benefiċċji, u jiġu kkalkolati tali benefiċċji, b’kont meħud, mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, talperjodi kollha;

    d)

    jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

    e)

    titrawwem assistenza u koperazzjoni amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.”

    6

    L-Anness II tal-imsemmi ftehim, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-istess ftehim, tal-31 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 103, p. 51), jinkludi l-Artikolu 1, ifformulat kif ġej:

    “1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

    2.   It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.”

    7

    It-Sezzjoni A ta’ dan l-anness tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 883/2004.

    Ir-Regolament Nru 883/2004

    8

    L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

    a)

    benefiċċji marbutin mal-mard;

    b)

    benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

    c)

    benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

    d)

    benefiċċji marbuta ma’ l-età;

    e)

    benefiċċji għas-superstiti;

    f)

    benefiċċji marbutin ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

    g)

    għotjiet marbutin ma’ mewt;

    h)

    benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

    i)

    benefiċċji ta’ qabel l-irtirar;

    j)

    benefiċċji marbuta mal-familja.

    […]

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.”

    9

    L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.”

    Id-dritt Franċiż

    10

    L-Artikolu 1600-0 F bis tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

    “I. – L-imposta soċjali fuq id-dħul mill-assi hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 245‑14 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.

    […]”

    11

    L-Artikolu L. 245‑16 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jgħid:

    “I. – Ir-rati tal-imposti soċjali msemmija fl-Artikoli L. 245‑14 u L. 245‑15 hija stabbilita għal 4.5 %.

    II.

    – Dak li jiddaħħal mill-imposti msemmija fil-Parti I huwa mqassam kif ġej:

    parti korrispondenti għal rata ta’ 1.15 % lill-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà għall-Għajxien Indipendenti;

    […]”

    12

    Skont l-Artikolu L. 14‑10‑1 tal-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji:

    “I. – Il-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà għall-Għajxien Indipendenti għandu bħala missjonijiet:

    1° li jikkontribwixxi fil-finanzjament għall-prevenzjoni u l-akkumpanjament tat-telf ta’ għajxien indipendenti tal-persuni anzjani u tal-persuni b’diżabbiltà, fid-dar u f’faċilitajiet residenzjali, kif ukoll fil-finanzjament għall-appoġġ tal-familjari li jieħdu ħsieb lill-persuna anzjana, filwaqt li tiġi rrispettata l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu;

    […]

    10° li jikkontribwixxi fil-finanzjament għall-investiment intiż għall-konformità mal-istandards tekniċi u ta’ sigurtà, għall-immodernizzar tal-bini li qed jintuża kif ukoll għall-ħolqien ta’ postijiet ġodda f’faċilitajiet residenzjali u servizzi soċjali u mediko-soċjali;

    […]”

    13

    L-Artikolu L. 14‑10‑4 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “Id-dħul assenjat lill-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà għall-Għajxien Indipendenti huwa kkostitwit minn:

    […]

    2° Kontribuzzjoni addizzjonali fl-imposta soċjali msemmija fl-Artikolu L. 245‑14 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali u kontribuzzjoni addizzjonali fl-imposta soċjali msemmija fl-Artikolu L. 245‑15 tal-istess kodiċi. Dawn il-kontribuzzjonijiet addizzjonali huma bbażati, ikkontrollati, irkuprati u eżiġibbli f-istess kundizzjonijiet u taħt l-istess sanzjonijiet bħal dawk applikabbli għal dawn l-imposti soċjali. Ir-rata tagħhom hija stabbilita għal 0.3 %;

    […]”

    14

    L-Artikolu L. 232‑1 tal-istess kodiċi jipprevedi:

    “Kull persuna anzjana li tirrisjedi fi Franza li tinsab fl-inkapaċità li ġġorr il-konsegwenzi tan-nuqqas jew tat-telf ta’ għajxien indipendenti marbuta mal-istat fiżiku jew mentali tagħha għandha dritt għal allowance personali għall-għajxien indipendenti li tippermetti kura adattata għall-bżonnijiet tagħha.

    Din l-allowance, iddefinita f’kundizzjonijiet identiċi fit-territorju nazzjonali kollu, hija intiża għall-persuni li, minkejja l-kura li huma jistgħu jirċievu, ikollhom bżonn għajnuna għat-twettiq tal-atti essenzjali tal-ħajja jew li l-istat tagħhom jeħtieġ superviżjoni regolari.”

    15

    L-Artikolu L. 232‑2 tal-istess kodiċi jipprevedi:

    “L-allowance personali għall-għajxien indipendenti, li għandha n-natura ta’ benefiċċju in natura, tingħata, fuq talba tagħha, fil-limiti ta’ tariffi ffissati b’mod leġiżlattiv, lil kull persuna li turi li għandha residenza stabbli u regolari u li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ età u ta’ telf ta’ għajxien indipendenti, evalwat bl-għajnuna ta’ tabella nazzjonali, ukoll iddefiniti b’mod leġiżlattiv.”

    16

    L-Artikolu L. 232‑4 tal-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji jipprevedi:

    “L-allowance personali għall-għajxien indipendenti hija ugwali għall-ammont tal-frazzjoni mill-pjan ta’ għajnuna li l-benefiċjarju juża, imnaqqas bil-parti mġarrba minnu.

    Din il-parti hija kkalkolata u aġġornata fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, skont ir-riżorsi tiegħu ddeterminati fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli L. 132‑1 u L. 132‑2 u skont l-ammont tal-pjan ta’ għajnuna, filwaqt li tiġi segwita skala nazzjonali li tiżdied kull sena fl-1 ta’ Jannar b’applikazzjoni tal-Artikolu L 232‑3‑1.

    […]”

    17

    L-Artikolu L. 245‑1 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “I. – Kull persuna b’diżabbiltà li tirrisjedi b’mod stabbli u regolari fi Franza metropolitana, fil-komunitajiet imsemmija fl-Artikolu L. 751‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jew f’Saint-Pierre-et-Miquelon, li l-età tagħha tkun inqas minn limitu stabbilit b’digriet u li d-diżabbiltà tagħha tissodisfa kriterji ddefiniti b’digriet li jieħdu fost l-oħrajn inkunsiderazzjoni n-natura u l-importanza tal-bżonnijiet għal kumpens fir-rigward tal-pjan ta’ ħajja tagħha, għandha dritt għal benefiċċju ta’ kumpens li għandu n-natura ta’ benefiċċju in natura li jista’ jitħallas, skont kif jagħżel il-benefiċjarju, in natura jew fi flus.

    Meta l-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ età li jippermettu l-ftuħ tad-dritt għall-allowance previst fl-Artikolu L. 541‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, l-aċċess għall-benefiċċju ta’ kumpens isir fil-kundizzjonijiet previsti fil-Parti III ta’ dan l-artikolu.

    Meta l-benefiċjarju tal-benefiċċju ta’ kumpens ikollu dritt tal-istess natura mogħti taħt skema ta’ sigurtà soċjali, is-somom imħallsa b’dan il-mod jitnaqqsu mill-ammont tal-benefiċċju ta’ kumpens f’kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet.

    […]”

    18

    L-Artikolu L. 245‑6 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

    “Il-benefiċċju ta’ kumpens huwa kkalkolat abbażi ta’ tariffi u ta’ ammonti stabbiliti skont in-natura tal-ispiża, fil-limitu tar-rati ta’ kopertura li jistgħu jvarjaw skont ir-riżorsi tal-benefiċjarju. L-ammonti massimi, it-tariffi u r-rati ta’ kopertura huma stabbiliti permezz ta’ digrieti tal-ministru inkarigat mill-persuni b’diżabbiltà. Il-modalitajiet u t-tul tal-għoti ta’ dan il-benefiċċju huma ddefiniti b’digriet.

    Huma esklużi mir-riżorsi kkunsidrati għad-determinazzjoni tar-rata ta’ kopertura msemmija fil-paragrafu preċedenti:

    id-dħul minn attività professjonali tal-persuna kkonċernata;

    l-allowances temporanji, benefiċċji u vitalizji mogħtija lill-vittmi ta’ inċidenti fuq ix-xogħol jew lill-aventi kawża tagħhom imsemmija fil-punt 8° tal-Artikolu 81 tal-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxi;

    id-dħul ta’ sostituzzjoni li l-lista tiegħu hija ffissata b’mod leġiżlattiv;

    id-dħul minn attività tal-konjuġi, tal-koabitant, tal-persuna li magħha l-persuna kkonċernata tkun ikkonkludiet patt ta’ unjoni ċivili, tal-familjari li jgħin li, filwaqt li jgħix fid-dar tal-persuna kkonċernata, jagħtiha l-għajnuna effettiva, tal-ġenituri tagħha anki meta l-persuna kkonċernata tkun iddomiċiljata għandhom;

    il-vitalizji msemmija fil-punt 2° tal-Parti I tal-Artikolu 199 septies tal-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxi, meta jkunu ġew ikkostitwiti mill-persuna b’diżabbiltà għalija nnifisha jew, favuriha, mill-ġenituri tagħha jew mir-rappreżentant legali tagħha, min-nanniet tagħha, minn ħutha jew minn uliedha;

    ċerti benefiċċji soċjali bi skop speċjalizzat li l-lista tagħhom hija stabbilita b’mod leġiżlattiv.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    19

    Il-konjuġi Dreyer huma ċittadini Franċiżi, li jirrisjedu fi Franza u li huma ddomiċiljati, għall-finijiet ta’ taxxa, f’dan l-Istat Membru. R. Dreyer, li dan iż-żmien huwa rtirat, wettaq il-karriera professjonali tiegħu fl-Isvizzera, u l-konjuġi tiegħu kif ukoll huwa nnifsu huma affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera.

    20

    B’avviż ta’ rkupru tal-31 ta’ Ottubru 2016, ikkonfermat b’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2016, l-amministrazzjoni fiskali Franċiża ssuġġettat lill-konjuġi Dreyer, għad-dħul mill-assi rċevut fi Franza tul is-sena 2015 fil-forma ta’ dħul minn beni mobbli, għall-kontribuzzjoni soċjali ġenerali, għall-kontribuzzjoni għar-rimbors tad-dejn soċjali, għall-imposta soċjali u għall-kontribuzzjoni addizzjonali tagħha kif ukoll għall-imposta ta’ solidarjetà (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, il-“kontribuzzjonijiet u l-imposti inkwistjoni”). Dawn tal-aħħar jgħinu biex jiffinanzjaw tliet organi Franċiżi, jiġifieri l-Fond ta’ Solidarjetà għax-Xjuħija (iktar ’il quddiem il-“FSV”), il-Fond għall-Ħlas Lura tad-Dejn Soċjali (iktar ’il quddiem iċ-“CADES”) u l-Fond ta’ Solidarjetà għall-Għajxien Indipendenti (iktar ’il quddiem iċ-“CNSA”).

    21

    Filwaqt li qiesu li l-benefiċċji ġestiti mill-FSV, miċ-CADES u miċ-CNSA u ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet u mill-imposti inkwistjoni kienu benefiċċji tas-sigurtà soċjali, il-konjuġi Dreyer ikkontestaw, quddiem it-tribunal administratif de Strasbourg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Strasbourg, Franza), l-issuġġettar tagħhom għall-imsemmija kontribuzzjonijiet u imposti, peress li diġà kienu affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera u peress li ma kellhomx jikkontribwixxu fil-finanzjament tal-iskema ta’ sigurtà soċjali Franċiża, abbażi tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni soċjali li jirriżulta mir-Regolament Nru 883/2004. B’sentenza tal-11 ta’ Lulju 2017, it-tribunal administratif de Strasbourg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Strasbourg) laqgħet ir-rikors tal-konjuġi Dreyer u ħelsithom mill-kontribuzzjonijiet u l-imposti inkwistjoni.

    22

    Il-Ministru de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi) sussegwentement appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-cour administrative d’appel de Nancy (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nancy, Franza).

    23

    Din tal-aħħar l-ewwel nett ikkonfermat, bħat-tribunal administratif de Strasbourg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Strasbourg), li l-konjuġi Dreyer kellhom jinħelsu mill-parti tal-kontribuzzjonijiet u tal-imposti inkwistjoni assenjata lill-FSV u liċ-CADES, jiġifieri l-kontribuzzjoni soċjali ġenerali, il-kontribuzzjoni għall-ħlas lura tad-dejn soċjali, l-imposta ta’ solidarjetà u parti mill-imposta soċjali. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-parti tal-kontribuzzjonijiet u imposti inkwistjoni għandha rabta diretta u suffiċjentement rilevanti ma’ fergħat oħra tas-sigurtà soċjali u hija għaldaqstant irregolata mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni, previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, peress li l-konjuġi Dreyer huma affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera, huma ma jistgħux jiġu suġġetti fi Franza għal kontribuzzjonijiet u imposti soċjali intiżi sabiex tiġi ffinanzjata l-iskema ta’ sigurtà soċjali Franċiża, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C‑623/13, EU:C:2015:123).

    24

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk il-parti tal-kontribuzzjonijiet u imposti inkwistjoni assenjata liċ-CNSA, jiġifieri parti mill-imposta soċjali u l-kontribuzzjoni addizzjonali, tistax titqies, hija wkoll, li tiffinanzja benefiċċji tas-sigurtà soċjali, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, u li għandha rabta, għalhekk, diretta u suffiċjentement rilevanti ma’ ċerti fergħat oħra tas-sigurtà soċjali.

    25

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar, b’riferiment għall-punt 37 tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse (C‑286/03, EU:C:2006:125), li, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċju jista’ jitqies bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” sa fejn, minn naħa, huwa jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-ħtiġijiet personali abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita u sa fejn, min-naħa l-oħra, huwa marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    26

    Fir-rigward taż-żewġ benefiċċji taċ-CNSA ffinanzjati minn parti mill-kontribuzzjonijiet u imposti inkwistjoni, jiġifieri l-allowance personali għall-għajxien indipendenti (iktar ’il quddiem l-“APA”) u l-benefiċċju kumpensatorju għad-diżabbiltà (iktar ’il quddiem il-“PCH”), il-qorti tar-rinviju tqis li t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti tista’ titqies li hija ssodisfatta b’mod sħiħ. Fil-fatt, filwaqt li tikkonstata li l-APA u l-PCH jingħataw mingħajr ebda evalwazzjoni diskrezzjonali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, il-qorti tar-rinviju tosserva, b’risposta għall-argument imqajjem mill-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi, li l-APA u l-PCH jistgħu ma jitqisux li jingħataw mingħajr evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarji, minħabba li l-ammont tagħhom jiddependi mil-livell ta’ riżorsi ta’ dawn il-benefiċjarji jew ivarja skont dawn ir-riżorsi.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour administrative d’appel de Nancy (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nancy) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-kontribuzzjonijiet allokati lill-[CNSA], li jikkontribwixxu għall-finanzjament [tal-APA u tal-PCH], għandhom rabta diretta u suffiċjentement rilevanti ma’ ċerti fergħat tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 883/2004] u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sempliċement minħabba li dawn is-servizzi jirrelataw ma’ wieħed mir-riskji elenkati fl-imsemmi Artikolu 3 u jingħataw mingħajr ebda evalwazzjoni diskrezzjonali abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment?”

    Fuq id-domanda preliminari

    28

    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji, bħall-APA u l-PCH, jistgħu, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jitqiesu li jingħataw mingħajr ebda evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju, meta l-kalkolu tal-ammont tagħhom jiddependi mir-riżorsi tal-benefiċjarji jew ivarja skont dawn ir-riżorsi.

    29

    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-partijiet kontraenti jirregolaw, skont l-Anness II tal-imsemmi ftehim, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali sabiex jiġu żgurati, fost l-oħrajn, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni li jirrisjedu fit-territorju tal-partijiet kontraenti. L-Anness II, Sezzjoni A, punt 1, ta’ dan il-ftehim jipprevedi l-applikazzjoni, bejn il-partijiet kontraenti, tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, u peress li, skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness II tal-imsemmi ftehim, “[i]t-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea”, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikopru ukoll lill-Konfederazzjoni Svizzera (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C-551/16, EU:C:2018:200, punt 28).

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadini ta’ Stat Membru affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Svizzera, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 29).

    31

    Fir-rigward tal-mertu tad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li d-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju huwa jew ma huwiex ikklassifikat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali [ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punt 19; tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 70, u tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 31].

    32

    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li benefiċċju jista’ jitqies bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” sa fejn, minn naħa, jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-ħtiġijiet personali tagħhom, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u sa fejn, min-naħa l-oħra, huwa marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 [ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, EU:C:1985:139, punti 12 sa 14; tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 71, u tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 32].

    33

    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li din hija ssodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jsir abbażi ta’ kriterji oġġettivi li, ladarba jkunu ssodisfatti, joħolqu d-dritt għall-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra [ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 17; tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 73, u tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 34].

    34

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, rigward benefiċċji li l-għoti tagħhom isir jew jiġi rrifjutat jew li l-ammont tagħhom jiġi kkalkolat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dħul tal-benefiċjarju, li l-għoti ta’ tali benefiċċji ma jiddependix fuq l-evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant, għaliex huwa kriterju oġġettiv u legalment iddefinit li joħloq id-dritt għal dan il-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Acciardi, C‑66/92, EU:C:1993:341, punt 15; tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 23, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 52).

    35

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, barra minn hekk, fil-punt 38 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601), li, sabiex ikun jista’ jitqies li ma ġietx issodisfatta l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, in-natura diskrezzjonali tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju għandha tkun marbuta qabel kollox mal-ħolqien tad-dritt għal dan il-benefiċċju. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu, mutatis mutandis, f’dak li jirrigwarda n-natura individwali tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju ta’ benefiċċju.

    36

    Fir-rigward tal-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull persuna li għandha mill-inqas 60 sena li titqies li qed titlef l-għajxien indipendenti abbażi ta’ kriterji ddefiniti minn qabel u li tirrisjedi fi Franza b’mod stabbli u regolari għandha dritt għall-APA. Fir-rigward tal-PCH, din tibbenefika lil kull persuna b’diżabbiltà li għandha, fil-prinċipju, inqas minn 60 sena u li tirrisjedi fi Franza b’mod stabbli u regolari, u li d-diżabbiltà tagħha tissodisfa ċertu numru ta’ kriterji ddefiniti minn qabel. Huwa stabbilit li l-aċċess għal dawn iż-żewġ benefiċċji huwa indipendenti mir-riżorsi tal-applikant. Minkejja li dawn ir-riżorsi jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont effettiv li jitħallas lill-benefiċjarju, mill-Artikoli L. 232-4 u L. 245-6 tal-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji jirriżulta li dan l-ammont huwa kkalkolat, essenzjalment, abbażi ta’ kriterji oġġettivi applikabbli mingħajr distinzjoni għall-benefiċjarji kollha skont il-livell ta’ riżorsi tagħhom.

    37

    Għalhekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżorsi tal-benefiċjarju jikkonċerna mhux il-ħolqien tad-dritt għall-APA u għall-PCH, iżda l-modalitajiet għall-kalkolu ta’ dawn il-benefiċċji, għaliex dawn tal-aħħar għandhom jingħataw meta l-applikant jissodisfa, indipendentement mil-livell tar-riżorsi tiegħu, il-kundizzjonijiet li joħolqu d-dritt għall-imsemmija benefiċċji.

    38

    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżorsi tal-benefiċjarju biss għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont effettiv tal-APA jew tal-PCH abbażi ta’ kriterji oġġettivi u legalment iddefiniti ma jimplikax evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali ta’ dan il-benefiċjarju mill-awtorità kompetenti.

    39

    Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-ħtieġa li jiġi evalwat, għall-finijiet tal-għoti tal-APA u tal-PCH, il-livell ta’ telf ta’ għajxien indipendenti jew ta’ diżabbiltà tal-applikant lanqas ma timplika evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali ta’ dan l-applikant. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni ta’ “telf ta’ għajxien indipendenti” u ta’ “diżabbiltà” (għall-PCH) issir minn tabib jew minn professjonist ta’ team mediku-soċjali jew minn team pluridixxiplinari abbażi ta’ tabelli, listi u parametri ddefiniti minn qabel, jiġifieri, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u legalment iddefiniti li, ladarba jkunu ssodisfatti, joħolqu d-dritt għall-benefiċċju korrispondenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-għoti tal-APA u tal-PCH jiddependi fuq evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

    40

    Minbarra dan, u wkoll bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-APA u l-PCH ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, peress li jirriżulta kemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza li ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti u peress li l-APA u l-PCH għandhom għalhekk jiġu kklassifikati bħala“benefiċċji tas-sigurtà soċjali”, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn iż-żewġ benefiċċji jistgħux ukoll jitqiesu bħala “benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus”, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn iż-żewġ kwalitajiet jeskludu waħda lill-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C‑286/03, EU:C:2006:125, punt 36, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 45).

    41

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji, bħall-APA u l-PCH, għandhom, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jitqiesu li huma mogħtija mingħajr ebda evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju, peress li r-riżorsi ta’ dan tal-aħħar jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont effettiv ta’ dawn il-benefiċċji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u legalment iddefiniti.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji, bħall-allowance personali għall-għajxien indipendenti u l-benefiċċju kumpensatorju għad-diżabbiltà, għandhom, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jitqiesu li huma mogħtija mingħajr ebda evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-benefiċjarju, peress li r-riżorsi ta’ dan tal-aħħar jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont effettiv ta’ dawn il-benefiċċji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u legalment iddefiniti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top