EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0171

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Ottubru 2019.
Safeway Ltd vs Andrew Richard Newton u Safeway Pension Trustees Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE) – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni – Skema professjonali privata ta’ pensjonijiet ta’ rtirar – Età normali tal-irtirar iddifferenzjata skont is-sess – Data ta’ adozzjoni ta’ miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament – Ugwalizzazzjoni retroattiva ta’ din l-età ma’ dik tal-persuni li qabel kienu żvantaġġati.
Kawża C-171/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:839

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE) – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni – Skema professjonali privata ta’ pensjonijiet ta’ rtirar – Età normali tal-irtirar iddifferenzjata skont is-sess – Data ta’ adozzjoni ta’ miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament – Ugwalizzazzjoni retroattiva ta’ din l-età ma’ dik tal-persuni li qabel kienu żvantaġġati”

Fil-Kawża C‑171/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Safeway Ltd

vs

Andrew Richard Newton,

Safeway Pension Trustees Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, T. von Danwitz (Relatur), u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Safeway Ltd, minn B. Green, S. Allen, D. Pannick, QC, R. Mehta, barrister, kif ukoll minn T. Green u J. Heap, solicitors,

għal A. R. Newton, minn A. Short, QC, C. Bell u M. Uberoi, barristers, kif ukoll minn C. Rowland-Frank u J. H. C. Briggs, solicitors,

għal Safeway Pension Trustees Ltd, minn D. Murphy u E. King, solicitors, kif ukoll minn D. Grant, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Szmytkowska u L. Flynn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Safeway Ltd u, min-naħa l-oħra, Andrew Richard Newton u Safeway Pension Trustees Ltd fir-rigward tal-ugwalizzazzjoni tal-benefiċċji tal-irtirar ta’ affiljati nisa u rġiel tal-iskema ta’ pensjoni ġestita minn Safeway Pension Trustees.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa, stabbilit illum fl-Artikolu 157 TFUE, kien, fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilit fl-Artikolu 119 tat-Trattat KE.

4

Skont din l-aħħar dispożizzjoni:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess tfisser:

a)

dik il-paga għall-istess xogħol bl-imqieta għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ l-istess unità ta’ kejl;

b)

dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

L-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħolqot fil-forma ta’ trust minn Safeway fis-sena 1978. Il-Klawżola 19 tal-att kostituttiv ta’ din l-iskema tal-pensjoni (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ modifika”) tippermetti, essenzjalment, li tiġi mmodifikata retroattivament, mid-data ta’ avviż bil-miktub lill-affiljati, l-imsemmija skema tal-pensjoni, inkluż il-valur tal-benefiċċji, permezz ta’ att ta’ trust. Din il-klawżola hija fformulata kif ġej:

“Il-kumpannija prinċipali tista’ fi kwalunkwe ħin u skont il-bżonn, bil-kunsens tal-amministraturi (“trustees”) u permezz ta’ att supplimentari (“supplemental deed”) stabbilit mill-kumpannija prinċipali u mill-amministraturi, timmodifika jew tikkompleta kwalunkwe setgħa prevista fil-kuntest tat-trust u kwalunkwe dispożizzjoni tal-iskema tal-pensjoni, inkluż dan l-att kostituttiv tal-imsemmija skema (“Trust Deed”) u r-regoli (“Rules”) tiegħu, kif ukoll l-atti u l-istrumenti l-oħra kollha bil-miktub li jikkompletaw dan l-att u l-atti msemmija fit-Tieni Anness hawn mehmuż, fejn din is-setgħa ta’ modifika tista’ tiġi eżerċitata b’tali mod li d-data ta’ dħul fis-seħħ, indikata fl-att supplimentari, tista’ tkun id-data tal-att inkwistjoni jew id-data ta’ kull avviż bil-miktub minn qabel lill-affiljati li jinformahom bl-elementi mmodifikati jew ikkompletati, jew inkella, f’limiti raġonevoli, data li tiġi qabel jew wara d-data ta’ dan l-att, b’mod li l-modifiki jew l-elementi komplementari jkunu japplikaw retroattivament jew għall-futur skont skont il-każ.”

6

Filwaqt li l-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet inizjalment stabbilixxiet età normali tal-irtirar (iktar ’il quddiem l-“ENI”) differenti għall-irġiel u għan-nisa, jiġifieri 65 sena għall-irġiel u 60 sena għan-nisa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), li l-iffissar ta’ ENI differenti skont is-sess jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE. Wara din is-sentenza, Safeway u Safeway Pension Trustees, permezz ta’ avviżi li saru fl‑1 ta’ Settembru 1991 u fl‑1 ta’ Diċembru 1991 (iktar ’il quddiem l-“avviżi tal‑1991”), informaw bil-miktub lill-affiljati tal-iskema tal-pensjoni li din kienet ser tiġi mmodifikata, b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 1991, bl-introduzzjoni ta’ ENI uniformi ta’ 65 sena għall-affiljati kollha. Fit‑2 ta’ Mejju 1996, ġie adottat att ta’ trust li jimmodifika l-imsemmija skema, liema att stabbilixxa ENI uniformi ta’ 65 sena, b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 1991.

7

Peress li l-kwistjoni tal-konformità tal-modifika retroattiva tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni kienet tqajmet matul is-sena 2009, Safeway bdiet il-proċedura fil-kawża prinċipali intiża li jiġi kkonstatat li ENI uniformi ta’ 65 sena kienet ġiet stabbilita validament mill‑1 ta’ Diċembru 1991. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, A. R. Newton ġie nnominat sabiex jaġixxi bħala rappreżentant tal-affiljati.

8

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit), qieset li l-modifika retroattiva tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tmur kontra l-Artikolu 119 tat-Trattat KE u li, għaldaqstant, id-drittijiet għall-pensjoni tal-affiljati kellhom jiġu kkalkolati abbażi ta’ ENI uniformi ta’ 60 sena għall-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 1991 sat‑2 ta’ Mejju 1996.

9

Adita minn Safeway b’appell minn din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-dritt nazzjonali, l-avviżi tal‑1991 ma setgħux, waħedhom, jimmodifikaw validament l-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-unika modifika valida kienet dik li tirriżulta mill-att ta’ trust tat‑2 ta’ Mejju 1996.

10

Madankollu, din il-qorti tesponi li, skont dan id-dritt nazzjonali, il-klawżola ta’ modifika u l-avviżi tal‑1991 kellhom l-effett li jagħtu lid-drittijiet miksuba mill-affiljati, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 1991 u t‑2 ta’ Mejju 1996, natura “revokabbli”(defeasible), b’tali mod li dawn id-drittijiet setgħu sussegwentement, fi kwalunkwe mument, jitnaqqsu b’mod retroattiv. Filwaqt li tqis, għaldaqstant, li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, l-att ta’ trust tat‑2 ta’ Mejju 1996 seta’ validament jgħolli l-ENI tan-nisa għal 65 sena u jżomm dik tal-irġiel fl-istess età għal dan il-perijodu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk tali soluzzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 119 tat-Trattat KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

11

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta r-regoli ta’ skema tal-pensjoni jagħtu s-setgħa, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, permezz ta’ emenda tal-att li jikkostitwixxi l-iskema bħala trust, sabiex jitnaqqas retroattivament il-valur tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba kemm tal-ħaddiema rġiel kif ukoll tan-nisa għal perijodu bejn id-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tat-tibdil previst fl-iskema u d-data ta’ meta l-att li jikkostitwixxi l-iskema bħala trust effettivament jiġi emendat, l-Artikolu 157 [TFUE] (li qabel kien u li kien fil-mument tal-fatti l-Artikolu 119 tat-[Trattat KE]) jeħtieġ li d-drittijiet għall-pensjoni miksuba kemm tal-ħaddiema rġiel kif ukoll tan-nisa għandhom jitqiesu għal dan il-perijodu bħala irrevokabbli, fis-sens li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom huma protetti minn tnaqqis retroattiv b’riżultat tas-setgħa mogħtija mid-dritt nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

12

Qabelxejn, għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss id-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-affiljati tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 1991 u t‑2 ta’ Mejju 1996. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE, fis-seħħ f’dan il-perijodu.

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 119 tat-Trattat KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li skema tal-pensjoni tadotta, sabiex ittemm diskriminazzjoni li tmur kontra din id-dispożizzjoni, li tirriżulta mill-iffissar ta’ ENI differenti skont is-sess, miżura li tirrendi uniformi, b’mod retroattiv, l-ENI tal-affiljati ta’ din l-iskema ma’ dik tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, għall-perijodu bejn l-avviż u l-adozzjoni ta’ din il-miżura, meta tali miżura tkun awtorizzata mid-dritt nazzjonali u mill-att kostituttiv ta’ din l-iskema tal-pensjoni.

14

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-iffissar ta’ ENI differenti skont is-sess għall-pensjonijiet imħallsa minn skema tal-pensjoni jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE.

15

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fuq il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu mill-konstatazzjoni ta’ tali diskriminazzjoni, b’mod partikolari fis-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees (C‑200/91, EU:C:1994:348), tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems (C‑408/92, EU:C:1994:349), u tat‑28 ta’ Settembru 1994, van den Akker (C‑28/93, EU:C:1994:351). Kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, dawn il-konsegwenzi jvarjaw skont il-perijodi ta’ impjieg ikkonċernati.

16

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-perijodi ta’ impjieg preċedenti għad-data tal-għoti tas-sentenza Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), jiġifieri s‑17 ta’ Mejju 1990, l-iskemi tal-pensjoni ma humiex obbligati japplikaw ENI uniformi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis billi eskludiet l-applikabbiltà tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE għall-benefiċċji tal-pensjoni dovuti għall-imsemmija perijodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees, C‑200/91, EU:C:1994:348, punt 34; tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, EU:C:1994:349, punt 19, u tat‑28 ta’ Settembru 1994, van den Akker, C‑28/93, EU:C:1994:351, punt 12).

17

Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-perijodi ta’ impjieg inklużi bejn is‑17 ta’ Mejju 1990 u l-adozzjoni, mill-iskema tal-pensjoni kkonċernata, ta’ miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, il-persuni tal-kategorija żvantaġġata għandhom jingħataw l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata, fejn dawn il-vantaġġi jibqgħu, fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni korretta tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE fid-dritt nazzjonali, l-unika sistema ta’ riferiment valida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees, C‑200/91, EU:C:1994:348, punti 31 u 32; tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, EU:C:1994:349, punti 1617, u tat‑28 ta’ Settembru 1994, van den Akker, C‑28/93, EU:C:1994:351, punti 1617).

18

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-perijodi ta’ impjieg imwettqa wara l-adozzjoni, mill-iskema tal-pensjoni kkonċernata, ta’ miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-Artikolu 119 tat-Trattat KE ma jipprekludix li l-vantaġġi tal-persuni li qabel kienu pprivileġġati jitnaqqsu għal-livell ta’ dawk tal-persuni li qabel kienu żvantaġġati, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi biss li l-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa jirċievu l-istess remunerazzjoni għall-istess xogħol, mingħajr madankollu ma timponi livell partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees, C‑200/91, EU:C:1994:348, punt 33; tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, EU:C:1994:349, punt 21, u tat‑28 ta’ Settembru 1994, van den Akker, C‑28/93, EU:C:1994:351, punt 19).

19

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet għall-pensjoni tal-affiljati tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali relatati mal-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 1991 sat‑2 ta’ Mejju 1996 għandhomx jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ ENI uniformi ta’ 60 jew ta’ 65 sena. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, l-att ta’ trust tat‑2 ta’ Mejju 1996 setax validament, għal dan il-perijodu, jirrendi uniformi b’mod rettroattiv l-ENI ta’ dawn l-affiljati ma’ dik tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, jiġifieri l-ħaddiema rġiel.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, sa fejn id-domanda preliminari u l-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju huma intiżi għall-ugwalizzazzjoni, magħmula minn dan l-att ta’ trust b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Diċembru 1991, tal-ENI tal-affiljati tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dik tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, hemm lok li din id-domanda tinftiehem fis-sens li hija bbażata fuq il-premessa li miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ittieħdu biss fit‑2 ta’ Mejju 1996, permezz tal-imsemmi att ta’ trust.

21

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Safeway u l-Kummissjoni kkontestaw din il-premessa, billi sostnew, essenzjalment, li l-avviżi tal‑1991 u l-ġestjoni tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi ta’ ENI uniformi ta’ 65 sena mill‑1 ta’ Diċembru 1991 għandhom jitqiesu li huma miżuri li stabbilixxew mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament b’effett minn dik id-data.

22

Għalkemm, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju, li jkollha għarfien dirett tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li hija biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern, li għandha tiddetermina d-data li fiha l-miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ġew adottati, tali miżuri għandhom madankollu jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali elementi rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 36, kif ukoll tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Ciup, C‑288/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:495, punt 33).

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 119 tat-Trattat KE jipproduċi effetti diretti billi joħloq, fir-rigward tal-individwi, drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom bħala missjoni li jissalvagwardjaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56 punt 24, u tat‑28 ta’ Settembru 1994, van den Akker, C‑28/93, EU:C:1994:351, punt 21).

24

Fir-rigward tal-effett dirett tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE, l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-persuna li timpjega wara l-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni għandha tkun immedjata u kompleta, b’tali mod li l-miżuri meħuda sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet li jirriżultaw fiż-żamma, anki jekk tranżitorja, tad-diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, EU:C:1994:349, punti 2526).

25

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi osservat ukoll. Dan il-prinċipju tal-aħħar, li huwa applikabbli b’rigorożità partikolari fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji, jirrikjedi li d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni jiġu implimentati b’mod suffiċjentement preċiż, ċar u prevedibbli sabiex jippermettu lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u li jieħdu l-passi meħtieġa kif ukoll li jinvokawhom, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati nazzjonali. L-istabbiliment ta’ sempliċi prattika, mingħajr effett ġuridiku vinkolanti fir-rigward tal-persuni kkonċernati, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Aventis Pasteur, C‑358/08, EU:C:2009:744, punt 47, u tat‑8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service, C‑14/16, EU:C:2017:177, punti 36 sa 38, 4042 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, il-miżuri meħuda sabiex tintemm diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 119 tat-Trattat KE għandhom, sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza.

27

Issa, f’dan il-każ, jidher li l-miżuri meħuda mill-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali qabel l-adozzjoni tal-att ta’ trust tat‑2 ta’ Mejju 1996 ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

28

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet immodifikata validament, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, biss permezz tal-adozzjoni ta’ dan l-att ta’ trust. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, f’sentenza mogħtija fil‑5 ta’ Ottubru 2017 fil-kawża prinċipali, li l-formulazzjoni tal-klawżola ta’ modifika tawtorizza biss modifiki permezz ta’ att ta’ trust u li d-dritt nazzjonali jipprekludi interpretazzjoni ta’ din il-klawżola li tiddevja minn din il-formulazzjoni, fid-dawl tan-neċessità li jiġu protetti l-benefiċjarji tal-imsemmija skema tal-pensjoni u li jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet tagħhom.

29

Jidher ukoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola ta’ modifika u l-avviżi tal‑1991 kellhom biss l-effett ġuridiku li jagħtu lill-persuni responsabbli għall-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-possibbiltà li jirrendu uniformi, b’mod retroattiv, l-ENI tal-affiljati ta’ din l-iskema ma’ dik tal-irġiel, permezz tal-adozzjoni ta’ att ta’ trust fi kwalunkwe mument sussegwenti.

30

Issa, l-istabbiliment ta’ tali possibbiltà, li tista’ tiġi eżerċitata f’mument li jiddependi mill-għażla diskrezzjonali ta’ dawn il-persuni responsabbli għall-iskema, la jista’ jitqies li temm id-diskriminazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas li ppermetta lill-persuni affiljati li jkunu jafu b’eżattezza d-drittijiet tagħhom.

31

Għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-iskema b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 1991, mill-punt 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-istabbiliment ta’ sempliċi prattika, mingħajr effett ġuridiku vinkolanti fir-rigward tal-persuni kkonċernati, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ma jistax, għaldaqstant, jitqies li jikkostitwixxi miżura li tistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament meħtieġ mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miżuri li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza kienu ttieħdu biss permezz tal-att ta’ trust adottat f’din id-data.

33

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 119 tat-Trattat KE jawtorizzax miżura, bħal dik prevista minn dan l-att ta’ trust, li tikkonsisti fl-ugwalizzazzjoni b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Diċembru 1991 tal-ENI tal-affiljati ta’ skema tal-pensjoni mal-ENI tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jiġi kkonstatat li jkun hemm diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni fil-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni fil-kategorija pprivileġġata (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 46, kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jipprekludi li skema tal-pensjoni telimina diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 119 tat-Trattat KE billi jitneħħew, għall-passat, il-vantaġġi tal-persuni fil-kategorija pprivileġġata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, EU:C:1994:349, punti 5, 13, 14, 1718).

35

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk din il-ġurisprudenza tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom id-drittijiet għall-pensjoni kkonċernati jkollhom, skont id-dritt nazzjonali u l-att kostituttiv tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni, natura revokabbli.

36

Għalkemm din il-kwistjoni għadha ma ġietx deċiża espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà, f’tali sitwazzjonijiet, li wieħed jirrendi uniformi, b’mod retroattiv, il-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-affiljati ta’ skema tal-pensjoni ma’ dawk tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata ma ssib madankollu ebda sostenn fl-imsemmija ġurisprudenza. Għall-kuntrarju, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikonoxximent ta’ tali possibbiltà jċaħħad fil-parti l-kbira lil din l-istess ġurisprudenza mill-portata tagħha, sa fejn hija tkun applikabbli biss għall-każijiet li fihom tali ugwalizzazzjoni retroattiva tkun, fi kwalunkwe każ, diġà pprojbita mid-dritt nazzjonali jew mill-att kostituttiv tal-iskema tal-pensjoni.

37

Barra minn hekk u fuq kollox, għandu jiġi enfasizzat li kull miżura intiża li telimina diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, li għandha tosserva r-rekwiżiti tiegħu. B’mod partikolari, la d-dritt nazzjonali u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-att kostituttiv tal-iskema tal-pensjoni kkonċernat ma jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu evitati dawn ir-rekwiżiti.

38

Fir-rigward tal-imsemmija rekwiżiti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, bħala regola ġenerali, li att li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni jingħata effett retroattiv. Jista’ jkun mod ieħor biss b’mod eċċezzjonali, meta r-rekwiżit ta’ interess ġenerali jirrikjedi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Goed Wonen, C‑376/02, EU:C:2005:251, punti 3334 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Ma’ dan il-prinċipju jiżdiedu r-rekwiżiti, li jirriżultaw b’mod iktar speċifiku mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE, li huma imposti fuq il-persuni responsabbli għal skema tal-pensjoni malli tiġi kkonstatata diskriminazzjoni li tmur kontra din id-dispożizzjoni.

40

Għal dak li jirrigwarda l-obbligu li l-persuni fil-kategorija żvantaġġata jingħataw, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni fil-kategorija pprivileġġata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rabta li l-Artikolu 119 tat-Trattat KE għandu mal-għan tal-ugwalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li jinżamm il-progress, li tirriżulta mill-preambolu ta’ dan it-Trattat kif ukoll mill-Artikolu 117 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punti 10, 1115, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems, C‑408/92, EU:C:1994:349, punti 1517).

41

Issa, ikun kuntrarju għal dan l-għan kif ukoll għall-prinċipju ta’ ċertezza legali u għar-rekwiżiti msemmija fil-punti 17, 24 u 34 ta’ din is-sentenza jekk il-persuni responsabbli għall-iskema tal-pensjoni kkonċernata jkunu jistgħu jeliminaw diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 119 tat-Trattat KE billi jadottaw miżura li tirrendi uniformi, b’effett retroattiv, l-ENI tal-affiljati ta’ din l-iskema mal-ENI tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ tali soluzzjoni jkollha l-effett li dawn il-persuni responsabbli għall-iskema jitneħħielhom l-obbligu li jwettqu, wara l-konstatazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-eliminazzjoni immedjata u kompleta tagħha. Barra minn hekk, hija jkollha l-effett li tmur kontra l-obbligu li l-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata jingħataw il-benefiċċju tal-ENI tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet ivvantaġġata għal dak li jirrigwarda d-drittijiet għall-pensjoni relatati mal-perijodi ta’ impjieg inklużi bejn id-data tal-għoti tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), u dik tal-adozzjoni tal-miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-projbizzjoni li jitneħħew, għall-passat, il-vantaġġi ta’ dawn tal-aħħar. Fl-aħħar nett, hija jkollha l-effett li toħloq, sakemm jiġu adottati tali miżuri, inċertezzi, li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-portata tad-drittijiet tal-affiljati.

42

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jibqgħu validi fl-ipoteżi fejn l-affiljati tal-iskema tal-pensjoni kkonċernata jkunu ġew informati li, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-ENI tal-affiljati ta’ din l-iskema tal-pensjoni ser issir uniformi mal-ENI tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, permezz ta’ avviż li ma jkollux effett ta’ modifika.

43

Fid-dawl ta’ dan, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li miżuri intiżi li jtemmu diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jittieħdu b’effett retroattiv, sakemm, minbarra l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati, dawn il-miżuri jkunu jissodisfaw effettivament rekwiżit ta’ interess ġenerali. B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, riskju li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tal-iskema tal-pensjoni kkonċernata jista’ jikkostitwixxi tali rekwiżit ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 43, u tas‑7 ta’ Marzu 2018, DW, C‑651/16, EU:C:2018:162, punt 33).

44

F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-interess finanzjarju tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali jammonta għal madwar 100 miljun lira sterlina, hija madankollu ma tagħmilx riferiment għall-fatt li l-ugwalizzazzjoni retroattiva tal-ENI tal-affiljati tal-iskema tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-ENI tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata kienet neċessarja sabiex jiġi evitat li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju ta’ din l-iskema tal-pensjoni. Peress li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix elementi oħra li jistgħu jistabbilixxu li din il-miżura kienet tissodisfa effettivament rekwiżit ta’ interess ġenerali, jidher li ma hemmx ġustifikazzjoni oġġettiva għaliha, liema fatt għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 119 tat-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li skema tal-pensjoni tadotta, sabiex ittemm diskriminazzjoni li tmur kontra din id-dispożizzjoni, li tirriżulta mill-iffissar ta’ ENI differenti skont is-sess, miżura li tirrendi uniformi, b’mod retroattiv, l-ENI tal-affiljati ta’ din l-iskema ma’ dik tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, għall-perijodu bejn l-avviż u l-adozzjoni ta’ din il-miżura, anki meta tali miżura tkun awtorizzata mid-dritt nazzjonali u mill-att kostituttiv ta’ din l-iskema tal-pensjoni.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li skema tal-pensjoni tadotta, sabiex ittemm diskriminazzjoni li tmur kontra din id-dispożizzjoni, li tirriżulta mill-iffissar ta’ età normali tal-irtirar differenti skont is-sess, miżura li tirrendi uniformi, b’mod retroattiv, l-età normali tal-irtirar tal-affiljati ta’ din l-iskema ma’ dik tal-persuni fil-kategorija li qabel kienet żvantaġġata, għall-perijodu bejn l-avviż u l-adozzjoni ta’ din il-miżura, anki meta tali miżura tkun awtorizzata mid-dritt nazzjonali u mill-att kostituttiv ta’ din l-iskema tal-pensjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top