Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0577

    Kawża T-577/17: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2017 – thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 347, 16.10.2017, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 347/46


    Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2017 – thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-577/17)

    (2017/C 347/61)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: thyssenkrupp Electrical Steel GmbH (Gelsenkirchen, il-Ġermanja) u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo (Isbergues, Franza) (rappreżentant: M. Günes, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-dokument Ares(2017)3010674 tal-15 ta’ Ġunju 2017, li l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni ma humiex ser jintlaqtu b’mod negattiv jekk jiġi awtorizzat ipproċessar attiv ta’ ċerti prodotti tal-azzar elettriku orjentat fuq fili;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-kundizzjonijiet ekonomiċi kienu ssodisfatti fir-rigward tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni ta’ pproċessar attiv ma tipprovdix ir-raġunament li fuqu kienet ibbażata din il-konklużjoni.

    2.

    It-tieni motiv: żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti.

    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-awtorizzazzjoni inkwistjoni ta’ pproċessar attiv ma hijiex ser ikollha impatt negattiv fuq l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni hija bbażata fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti.

    3.

    It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 211(4)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1) u tar-Regolament bażiku (2).

    Meta kkonkludiet li l-kundizzjonijiet ekonomiċi kienu ssodisfatti fir-rigward tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni ta’ pproċessar attiv, il-Kummissjoni naqset milli tillimita l-evalwazzjoni tagħha għall-fatturi identifikati fl-Artikolu 211(4)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq fatturi li jistgħu jitqiesu biss taħt il-proċedura stabbilita fir-Regolament bażiku.

    4.

    Ir-raba’ motiv: ksur tal-Artikolu 259(4) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tar-regoli orizzontali dwar l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

    Sa fejn il-Kummissjoni ddelegat il-konklużjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi lill-Grupp ta’ Esperti Doganali, hija kisret l-Artikolu 259(4) tar-Regolament li jimplementa l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (3) u r-regoli orizzontali tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien u l-operat ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

    5.

    Il-ħames motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    Billi naqset milli tiżvela ċerta informazzjoni importanti pprovduta fl-applikazzjoni inkwistjoni għal awtorizzazzjoni ta’ pproċessar attiv jew sommarji mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni b’mod suffiċjentement iddettaljat li jippermettu li jinftiehem b’mod raġonevoli l-kontenut essenzjali tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.


    (1)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 5).

    (3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, tal-24 ta’ Novembru 2015, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558).


    Top