Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0451

    Kawża T-451/17: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2017 – Verband der Deutshcen Biokraftstoffindustrie vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 318, 25.9.2017, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/15


    Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2017 – Verband der Deutshcen Biokraftstoffindustrie vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-451/17)

    (2017/C 318/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Verband der Deutschen Biokraftstoffindustrie e.V. (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Stein, P. Friton u H.-J. Prieß, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rreġistrata bin-numru BK/abd/ener.c.1(2017)2122195, sa fejn, fil-paġna 5 tipprevedi l-użu ta’ fattur ta’ emissjonijiet ta’ 99,57 g CO2eq għal kull MJ ta’ metanol għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-bijodiżil; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: ksur tad-Direttiva 2009/28/KE (1) minħabba li ma ġietx segwita l-metodoloġija tal-kalkolu speċifikata.

    Ir-rikorrenti targumenta li skont l-Artikolu 19(1)(b), il-metodoloġija prevista fil-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28 għandha tintuża meta jsir riferiment għall-valuri attwali sabiex jiġi kkalkolat fattur ta’ emissjonijiet. Skont il-punt 13 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28, l-emissjonijiet mill-karburant użat (eu) għandhom jitqiesu li huma żero għall-bijokarburanti u għall-bijolikwidi. Il-komunikazzjoni kkontestata tindika li s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għandhom jużaw kalkolu li ma jimxix mal-punt 13 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28, li jinkludi wkoll emissjonijiet minn użu ta’ karburanti, f’terminu stabbilit.

    Id-devjazzjoni mill-punt 13 tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28 tikser ir-rekwiżiti proċedurali ta’ din id-direttiva. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(7) tal-istess direttiva, bidla fil-metodoloġija prevista fl-Anness V tal-imsemmija direttiva teħtieġ f’kull każ li tiġi osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 25(4) tagħha. Min-naħa tagħha, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 5a(1) sa (4) u għall-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (2), fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha, li jipprovdu li għandu jkun hemm proċedura regolatorja bi skrutinju u reviżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill Ewropew. Ma kienx f’loku li tingħażel komunikazzjoni informali b’terminu qasir.

    2.

    It-tieni motiv: ksur tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi minħabba li ġie stabbilit perijodu tranżitorju irraġonevolment qasir sabiex fih is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni jimplementaw il-metodoloġija ta’ kalkolu li tmur kontra d-Direttiva, li jiskadi fl-1 ta’ Settembru 2017.

    Il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma hijiex żgurata sa fejn it-termini proċedurali u t-termini għal transpożizzjoni huma irraġonevolment qosra.

    Hemm ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba d-diffikultajiet irraġonevoli marbuta mal-implementazzjoni.


    (1)  Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).


    Top