Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0216

    Kawża T-216/17: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ April 2017 – Mabrouk vs Il-Kunsill

    ĠU C 195, 19.6.2017, p. 34–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 195/34


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ April 2017 – Mabrouk vs Il-Kunsill

    (Kawża T-216/17)

    (2017/C 195/47)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk (Tuneż, it-Tuneżija) (rappreżentanti: J-R. Farthouat, N. Boulay, avukati, u S. Crosby, Solicitor)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/153, tas-27 ta’ Jannar 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2017 L 23, p. 19) sa fejn din tapplika għar-rikorrent; u

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

    1.

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jallega li l-iffriżar tal-assi tiegħu jikser il-prinċipju ta’ żmien ragonevoli, stabbilit rispettivament fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent jallega li l-iffriżar tal-assi ma huwiex suffiċjentement fondat:

    Kuntrarjament għall-provi prodotti mir-rikorrent, il-Kunsill iqis li l-assi tar-rikorrent ma humiex leġittimi, iżda ma jimmotivax id-deċiżjoni tiegħu.

    Billi jqis li l-assi tar-rikorrent ma humiex leġittimi, il-Kunsill qed iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fattwali, jekk wieħed jassumi li għamel xi tip ta’ evalwazzjoni;

    L-iffriżar ma għandu l-ebda skop sa fejn huwa intiż li jgħin it-Tuneżija tirkupra l-assi miżapproprjati. Madankollu, l-ebda wieħed mill-assi tar-rikorrent ma kien miżapproprjat.

    3.

    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrent jallega li, sa fejn l-iffriżar tal-assi tiegħu seħħ wara l-waqgħa tal-President Ben Ali, tali ffriżar jikser id-dritt għax-xogħol tiegħu.

    4.

    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrent jallega li l-iffriżar huwa, f’kull każ, sproporzjonat u jikser id-drittijiet għall-proprjetà tiegħu.


    Top