Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0137

    Kawża T-137/17: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2017 – Kakol vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 144, 8.5.2017, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 144/51


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2017 – Kakol vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-137/17)

    (2017/C 144/70)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Danuta Kakol (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: R. Duta, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-25 ta’ Novembru 2016 u tat-2 ta’ Mejju 2016 li skont dawn il-kandidatura tar-rikorrenti, ikkwalifikata minn qabel għall-kompetizzjoni EPSO/AD/177/10-AUDIT2013-Amministraturi-D5 ġiet miċħuda,

    tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ammont ta’ EUR 5 000, jew kull ammont ieħor, anki ogħla, li għandu jiġi ffissat ex aequo et bono mill-Qorti Ġenerali bħala kumpens għan-natura vessatorja tal-ipproċessar tal-kandidatura tagħha,

    tikkundanna li jitwettqu d-dmirjiet legali kollha,

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha inklużi dawk tal-istanza.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors huwa essenzjalment ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Novembru 2016 u tal-5 ta’ Mejju 2016 li skont dawn, il-kandidatura tar-rikorrenti fil-kompetizzjoni “EPSO/AD/177/10-AUDIT2013-Amministraturi-AD5” ġiet miċħuda minħabba li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà relatati mat-taħriġ meħtieġ.

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ delega mill-Bord tal-Għażla rigward id-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2016.

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward, li diversi indizji juru li ma huwiex possibbli li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2016 ittieħdet mill-Bord tal-Għażla.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ “estoppel”.

    Ir-rikorrenti tafferma li l-amministrazzjoni tat assigurazzjonijiet preċiżi fil-kuntest tal-kompetizzjoni li hija kienet preċedentement applikat għaliha, jiġifieri l-kompetizzjoni EPSO/AD/172/09, billi din il-kompetizzjoni għandha l-istess kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà bħall-kompetizzjoni EPSO/AD/177/10. Issa, fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AD/172/09, il-Bord tal-Għażla kkonkluda li r-rikorrenti tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa marbuta mal-esperjenza/taħriġ professjonali.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    Ir-rikorrenti tafferma f’dan ir-rigward li mid-diplomi prodotti inkwistjoni jirriżulta li hija għandha livell ta’ tagħlim universitarju ugwali għal kors komplet ta’ mill-inqas tliet snin, rikonoxxut b’diploma relatata man-natura tal-funzjonijiet tal-kompetizzjoni.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ nuqqas ta’ proporzjonalità.

    Ir-rikorrenti tafferma f’dan ir-rigward li huwa manifest li l-kandiatura tar-rikorrenti ma ġietx miċħuda abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kwalifika u mad-diplomi tagħha, iżda minħabba kwistjoni ta’ politika ġenerali mhux relatata mal-għanijiet intiżi mir-reklutaġġ.


    Top