Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0330

    Kawża C-330/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Ġunju 2017 – Verbraucherzentrale Baden-Württemberg e.V. vs Germanwings GmbH

    ĠU C 293, 4.9.2017, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 293/16


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Ġunju 2017 – Verbraucherzentrale Baden-Württemberg e.V. vs Germanwings GmbH

    (Kawża C-330/17)

    (2017/C 293/20)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesgerichtshof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Verbraucherzentrale Baden-Württemberg e.V.

    Konvenuta: Germanwings GmbH

    Domandi preliminari

    1)

    In-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji li għandhom jiġu speċifikati skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 (1), għandhom jiġu indikati f’valuta partikolari, sa fejn dawn ma humiex espressi f’euro?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermettiv għall-ewwel domanda:

    F’liema valuta nazzjonali jistgħu n-nollijiet imsemmija fl-Artikolu 2(18) u fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jiġu indikati, meta trasportatur tal-ajru stabbilit fi Stat Membru (f’dan il-każ il-Ġermanja) jippromwovi u joffri lil konsumatur fuq l-internet servizz tal-ajru li l-post ta’ tluq tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ ir-Renju Unit)?

    Il-fatt li, f’dan il-kuntest, it-trasportatur tal-ajru juża għall-offerta indirizz tal-internet b’domain tal-ogħla livell speċifiku għal pajjiż (www.germanwings.de fil-każ ineżami), li jirreferi għall-Istat Membru tas-sede tiegħu, u li l-konsumatur ikun jinsab f’dan l-Istat Membru huwa determinanti?

    Huwa sinjifikattiv il-fatt li t-trasportaturi tal-ajru kollha jew il-maġġoranza kbira ħafna tagħhom jindikaw in-nollijiet inkwistjoni fil-valuta nazzjonali fis-seħħ fil-post tat-tluq?


    (1)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, p. 3).


    Top