Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0079

    Kawża C-79/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (l-Awstrija) fl-14 ta’ Frar 2017 – Gmalieva s.r.o. et vs Landespolizeidirektion Oberösterreich

    ĠU C 178, 6.6.2017, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 178/3


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (l-Awstrija) fl-14 ta’ Frar 2017 – Gmalieva s.r.o. et vs Landespolizeidirektion Oberösterreich

    (Kawża C-79/17)

    (2017/C 178/03)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Landesverwaltungsgericht Oberösterreich

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Gmalieva s.r.o., Celik KG, PBW GmbH, Antoaneta Claudia Gruber, Play For Me GmbH, Haydar Demir

    Konvenut: Landespolizeidirektion Oberösterreich

    Domandi preliminari

    1)

    Skema legali nazzjonali ta’ monopolju fir-rigward tal-logħob tal-ażżard għandha titqies li hija koerenti, fis-sens tal-Artikoli 56 et seq., fid-dawl tal-fatt li, sa fejn

    a)

    il-fatti jistgħu jiġu stabbiliti u evalwati billi jsir riferiment għal provi prodotti mill-korpi pubbliċi u minn persuni privati, partijiet fil-proċedura, kif ukoll għal fatti magħrufa pubblikament (ara, f’dan ir-rigward, il-Kawża C-685/15) u

    b)

    l-analiżi legali ta’ qrati oħra tal-ordinament ġuridiku intern li ma bbażawx ruħhom fuq evalwazzjoni ta’ koerenza awtonoma ma hijiex vinkolanti (ara, f’dan ir-rigward, il-Kawża C-589/16),

    proċedura ġudizzjarja li, fid-dawl tal-imsemmija kundizzjonijiet, hija għalhekk preżunta konformi mal-prinċipju ta’ smigħ xieraq previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tkun stabbilixxiet il-punti essenzjali tal-kuntest ta’ din l-iskema legali billi kkonstatat li

    id-dipendenza fuq il-logħob ma hijiex problema għas-soċjetà li tiġġustifika intervent mill-Istat;

    il-logħob tal-ażżard ipprojbit ma jidhirx li huwa att kriminali iżda sempliċi (għalkemm spiss) inkonvenjent għall-pulizija amministrattiva,

    id-dħul tal-Istat mil-logħob tal-ażżard jammonta għal iktar minn EUR 500 miljun fis-sena (= 0,4 % tal-baġit annwali globali tal-Istat) u

    il-miżuri promozzjonali tad-detenturi tal-liċenzji huma prinċipalment intiżi li jħajru lil persuni li qatt ma lagħbu qabel?

    2.

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: tali skema li ma tistabbilixxix espressament fil-liġi l-għanijiet li tfittex u li ma tobbligax lill-Istat jagħti prova tat-twettiq effettiv tagħhom, iżda li tafda lill-qrati nazzjonali bil-kompitu li jfasslu u li jivverifikaw il-kriterji ta’ koerenza essenzjali, b’mod li fl-aħħar mill-aħħar ir-rekwiżit ta’ smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma huwiex iggarantit b’ċertezza, għandha titqies li hija koerenti fis-sens tal-Artikoli 56 TFUE et seq.?

    3.

    Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: tali skema għandha titqies li hija proporzjonata fis-sens tal-Artikoli 56 TFUE et seq. fid-dawl tal-poteri wiesa’ ta’ intervent tal-awtoritajiet stabbiliti mil-liġi, li ma huma suġġetti għal ebda awtorizzazzjoni minn qabel jew stħarriġ minn qorti?

    4.

    Fil-każ li r-risposti għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domanda jkunu fl-affermattiv: tali skema għandha titqies li hija proporzjonata fis-sens tal-Artikoli 56 TFUE et seq., fid-dawl tal-fatt li s-sempliċi definizzjoni tal-kundizzjonijiet stretti ta’ aċċess li, fl-istess ħin, ma jillimitawx in-numru ta’ liċenzji li għandhom jingħataw, tirriżulta f’interferenza komparattivament minuri mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?

    5.

    Fil-każ li r-risposta għal waħda mid-domandi preċedenti tkun fin-negattiv: qorti nazzjonali, li kkonstatat li l-iskema ta’ monopolju tal-GSpG (Glücksspielgesetz; liġi dwar il-logħob tal-ażżard) ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandha għaldaqstant mhux biss, minħabba dan, tikkonstata l-illegalità tal-miżuri ta’ intervent fil-proċeduri quddiemha, iżda wkoll, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha (pereżempju, bil-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri) tirrevoka s-sanzjonijiet legali li jkollhom awtorità ta’ res judicata (pereżempju sanzjoni amministrattiva)?


    Top