EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0688

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Settembru 2019.
Bayer Pharma AG vs Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt. u Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Privattivi – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 9(7) – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti bi ksur tad-drittijiet mogħtija minn privattiva – Miżuri provviżorji – Annullament sussegwenti tal-privattiva – Konsegwenzi – Dritt għal kumpens xieraq għad-dannu kkawżat mill-miżuri provviżorji.
Kawża C-688/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:722

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Privattivi – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 9(7) – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti bi ksur tad-drittijiet mogħtija minn privattiva – Miżuri provviżorji –Annullament sussegwenti tal-privattiva – Konsegwenzi – Dritt għal kumpens xieraq għad-dannu kkawżat mill-miżuri provviżorji”

Fil-Kawża C‑688/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Bayer Pharma AG

vs

Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt.,

Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský (Relatur), C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bayer Pharma AG, minn E. Szakács, K. J. Tálas u I. Molnár, ügyvédek,

għal Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt., minn A. Szecskay u G. Bacher, ügyvédek,

għal Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft., minn K. Szamosi, P. Lukácsi u Á. György, ügyvédek,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas, F. Wilman u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bayer Pharma AG (iktar ’il quddiem “Bayer”) minn naħa, u Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt. (iktar ’il quddiem “Richter”) u Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft. (iktar ’il quddiem “Exeltis”) min-naħa l-oħra, dwar dannu li dawn l-aħħar żewġ kumpanniji jallegaw li ġarrbu b’konsegwenza ta’ mandati adottati kontra tagħhom, fuq talba ta’ Bayer.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim dwar l-Aspett tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jirrigwardaw il-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) huwa fformulat kif ġej:

“Xewqana biex inaqqsu ċ-ċaqliq u l-impedimenti għal kummerċ internazzjonali, u bil-ħsieb għall-ħtieġa li jippromwovu protezzjoni effettiva u adegwata tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali, u biex jassiguraw li l-miżuri u l-proċeduri li jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jsirux xkiel għal kummerċ leġittimu”.

4

L-Artikolu 1 tal-Ftehim TRIPS, intitolat “In-natura u l-għan ta’ l-obbligi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Membri jistgħu, iżda mhux bil-fors, jimplimentaw protezzjoni iżjed ħarxa minn dik meħtieġa f’dan il-Ftehim, iżda din il-protezzjoni ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħhom.”

5

L-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS, intitolat “Miżuri Proviżorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Meta l-miżuri proviżorji huma revokati jew meta jaqgħu minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mill-applikant, jew meta misjub sussegwentement li ma kien hemm l-ebda ksur jew trattar ta’ ksur ta’ xi dritt ta’ proprjetà intelletwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw lill-applikant, dwar it-talba tal-konvenut, sabiex jipprovdu kumpens xieraq lill-konvenut għal kull ħsara mwettqa b’dawn il-miżuri.”

Id-dritt tal-Unjoni

6

Il-premessi 4, 5, 7, 8, 10 u 22 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdu:

“(4)

Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri, kif wkoll il-Komunità hija nnifsha fir-rigward ta’ ħwejjeġ li huma kompetenza tagħha, huma marbuta b’[il-Ftehim TRIPs] […]

(5)

Il-Ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma l-istandards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali u implimentati mill-Istati Membri kollha. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS.

[…]

(7)

Mill-konsultazzjonijiet miżmuma mill-Kummissjoni rigward din il-kwestjoni joħroġ li, fl-Istati Membri, u minkejja il-Ftehim TRIPS, għad hemm disparitajiet kbar fir-rigward tal-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Per eżempju, l-arranġamenti biex jiġu applikati miżuri proviżorji, li huma użati b’mod partikolari biex jippreservaw evidenza, il-kalkulazzjoni ta’ ħsarat jew l-arranġamenti biex jiġu applikati mandati, ivarjaw fil-wisa’ minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. […]

(8)

Id-disparitajiet li hemm bejn is-sistemi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi ta’ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali joħolqu preġudizzju għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern u jagħmluha impossibli li jiġi assigurat li d-drittijiet għall-propretà intellettwali għandha l-istess livell ta’ protezzjoni fil-Komunità kollha […]

[…]

(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb [il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intelletwali] fis-suq intern.

[…]

(22)

Huwa essenzali wkoll li jsiru miżuri proviżorji għat-twaqqif immedjat tal-kontravvenzjonijiet, mingħajr stennija għal deċiżjoni fuq is-sostanza tal-każ, waqt li jkunu osservati d-drittijiet tad-difiża, jiġi assigurat li l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji hija proporzjonali għall-karatteristiċi tal-każ in kwestjoni u jipprovdu garanziji neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lid-difiża b’talba li ma tkunx ġustifikata. Dawn il-miżuri huma partikolarment ġustifikati fejn xi stennija tista’ toħloq ħsara irreparabbli fuq id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.”

7

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “diritijiet tal-proprjetà intellettwali” jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

8

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

[…]

(b)

l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-aktar il-Ftehim TRIPS, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet;

[…]”

9

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-Miżuri, il-Porċeduri u r-Rimedji”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 15 ta’ din id-direttiva. Skont dan l-Artikolu 3, intitolat “Obbligu Ġenerali”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

10

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:

(a)

joħorġu kontra l-kontravventur mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew biex jipprojbixxi, fuq bażi proviżorja u bla ħsara, li jsir pagament rikorrenti tal-penalità fejn hemm provdut fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjonijiet allegati ta’ dak id-dritt, jew biex jagħmel dik il-kontinwazzjoni bla ħsara għal depożitu tal-garanziji intiżi biex jassiguraw il-kumpens tad-detentur tad-dritt; […]

(b)

jordnaw il-qabda jew il-konsenja ta’ l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali biex jipprevjenu d-dħul tagħhom jew il-moviment tagħhom fil-mezzi tal-kummerċ.

2.   Fil-każ ta’ kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, jekk il-parti offiża turi li hemm riskju li l-ħsara ma tistax tissewwa, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw s-sekwestru ta’ proprjetà mobbli jew mhux mobbli tal-kontravventur allegat, li jinkludu l-waqfien tal-kontijiet bankarji tiegħu/tagħha u assi oħra. […]

[…]

7.   Fejn il-miżuri proviżorji huma revokati jew jiġu preskritti minħabba xi azzjoni jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kienx kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdi lid-difiża kumpens xieraq għal xi ħsara ikkawżata b’dawk il-miżuri.”

Id-dritt Ungeriż

11

Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tat-találmányok szabadalmi oltalmáról szóló 1995. évi XXXIII. törvény (il-Liġi Nru XXXIII tal-1995 dwar il-Protezzjoni tal-Privattivi), il-protezzjoni mogħtija minn privattiva tibda mal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u l-effetti tagħha jmorru lura għad-data tal-applikazzjoni. Din il-protezzjoni hija provviżorja u ssir definittiva biss jekk l-applikant jikseb privattiva għall-invenzjoni tiegħu.

12

L-Artikolu 156(1) tal-polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal-1952 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprevedi:

“Il-qorti tista’, fuq talba, tordna permezz ta’ miżura provviżorja, li tintlaqa’ talba jew kontrotalba jew talba għal miżuri provviżorji, jekk tali miżura tkun neċessarja sabiex tipprevjeni dannu imminenti jew iżżomm l-istatus quo tal-kawża, kif ukoll sabiex tippreżerva dritt predominanti tal-applikant, u jekk id-dannu li jirriżulta mill-miżura ma jaċċedix il-benefiċċju mistenni mill-imsemmija miżura. […] Għandha tiġi pprovata l-plawżibbiltà tal-fatti li huma l-bażi tat-talba”.

13

Skont l-Artikolu 339(1) tal-polgári törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal-1959 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

“Kull min jikkawża dannu lil ħaddieħor illegalment għandu jikkumpensah. Hija eżentata minn dan l-obbligu l-persuna li turi li aġixxiet kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari.”

14

L-Artikolu 340(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li:

“Il-vittma għandha taġixxi kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari sabiex tevita jew tnaqqas id-dannu. Ma għandux jingħata kumpens għad-dannu li huwa konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu mill-vittma”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fit-8 ta’ Awwissu 2000, Bayer ippreżentat quddiem is-Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatala (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”) applikazzjoni għal privattiva relattiva għal prodott farmaċewtiku li jinkludi prinċipju attiv kontraċettiv. L-Uffiċċju ppubblika din l-applikazzjoni fit-28 ta’ Ottubru 2002.

16

Ritcher, f’Novembru 2009 u f’Awwissu 2010, u Exeltis, f’Ottubru 2010, bdew jikkummerċjalizzaw fl-Ungerija prodotti farmaċewtiċi kontraċettivi (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”).

17

Fl-4 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċju ħareġ privattiva lil Bayer.

18

Fit-8 ta’ Novembru 2010, Ritcher ippreżentat quddiem l-Uffiċċju talba sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ksur intiż sabiex jiġi stabbilit li l-prodotti inkwistjoni ma jiksrux il-privattiva ta’ Bayer.

19

Fid-9 ta’ Novembru 2010, Bayer talbet lill-qorti tar-rinviju, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji sabiex Richter u Exeltis jiġu pprojbiti milli jqiegħdu fis-suq il-prodotti inkwistjoni. Dawn it-talbiet ġew miċħuda minħabba li l-plawżibbiltà tal-ksur ma kinitx ġiet ipprovata.

20

Fit-8 ta’ Diċembru 2010, Richter u Exeltis ippreżentaw talba quddiem l-Uffiċċju għall-annullament tal-privattiva ta’ Bayer.

21

Fil-25 ta’ Mejju 2011, Bayer ippreżentat talbiet ġodda għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti tar-rinviju li, permezz ta’ digrieti eżekuttivi tal-11 ta’ Lulju 2011, li daħlu fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2011, ipprojbixxiet lil Richter u lil Exeltis milli jqiegħdu l-prodotti inkwistjoni fis-suq filwaqt li imponitilhom l-obbligu li jikkostitwixxu garanziji.

22

Fil-11 ta’ Awwissu 2011, Bayer ippreżentat proċedimenti ta’ ksur, quddiem il-qorti tar-rinviju, kontra Richter u Exeltis. Dawn il-proċedimenti ġew sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-proċedura għall-annullament tal-privattiva ta’ Bayer.

23

Adita b’appelli mid-digrieti tal-11 ta’ Lulju 2011, ippreżentati minn Richter u Exeltis, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) annullat dawn id-digrieti minħabba difetti proċedurali fid‑29 ta’ Settembru u fl-4 ta’ Ottubru 2011 rispettivament, u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

24

Permezz ta’ digrieti tat-23 ta’ Jannar 2012 u tat-30 ta’ Jannar 2012, din il-qorti tal-aħħar ċaħdet it-talbiet għal miżuri provviżorji ta’ Bayer. Filwaqt li qieset li Richter u Exeltis kienu daħlu fis-suq billi kkontrafattaw il-privattiva, l-imsemmija qorti qieset li, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-progress tal-proċedura għall-annullament tal-privattiva ta’ Bayer u tal-irtirar ta’ privattiva Ewropea ekwivalenti, l-adozzjoni ta’ tali miżuri ma setgħetx titqies li hija pproporzjonata. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) ikkonfermat dawn iż-żewġ digrieti.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2012, l-Uffiċċju laqa’ parzjalment it-talba għall-annullament tal-privattiva ta’ Bayer ippreżentata minn Richter u Exeltis. Wara talba ġdida ppreżentata minn dawn tal-aħħar, l-Uffiċju rtira d-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 u, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2012, annulla din il-privattiva kollha kemm hi.

26

Permezz ta’ digrieti tad-9 ta’ Settembru 2014, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tat-13 ta’ Settembru 2012. Barra minn hekk, hija bidlet id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tal-14 ta’ Ġunju 2012 u annullat il-privattiva ta’ Bayer kollha kemm hi.

27

Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Settembru 2016, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) ikkonfermat dan id-digriet.

28

Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-qorti tar-rinviju temmet il-proċedimenti ta’ ksur bejn Bayer u Exeltis wara r-rinunzja ta’ Bayer.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, hija ċaħdet definittivament l-azzjoni ta’ ksur mibdija minn Bayer kontra Richter, abbażi tal-annullament definittiv tal-privattiva ta’ Bayer.

30

Richter, permezz ta’ kontrotalba ppreżentata fit-22 ta’ Frar 2012, u Exeltis, permezz ta’ rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2017, talbu li Bayer tiġi kkundannata tikkumpensa d-danni li huma jqisu li ġarrbu b’konsegwenza tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt 21 tas-sentenza preżenti.

31

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Bayer titlob li l-imsemmija talbiet jiġu miċħuda filwaqt li ssostni li Richter u Exeltis ikkawżaw huma stess id-dannu li jallegaw li ġarrbu billi introduċew, intenzjonalment u illegalment, il-prodotti inkwistjoni fis-suq. Konformement mal-Artikolu 340(1) tal-Kodiċi Ċivili, huma ma għandhomx id-dritt jitolbu kumpens għal dan id-dannu.

32

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tqis li, fl-assenza, fid-dritt Ungeriż, ta’ dispożizzjoni li tirregola speċifikament is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, ir-regoli ġenerali tal-Kodiċi Ċivili dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens għandhom jiġi interpretati fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, hija għandha dubji, fl-ewwel lok, dwar il-portata tar-regola li tinsab fl-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva u tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din id-dispożizzjoni sempliċement tiggarantixxix lill-konvenut dritt għal kumpens għad-danni jew jekk hija tiddefinixxix ukoll il-kontenut tiegħu. Fit-tieni lok, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 9(7) tal-imsemmija direttiva jipprekludix li, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt ċivili ta’ Stat Membru, l-qorti nazzjonali teżamina x’kien ir-rwol tal-konvenut fuq l-okkorrenza tad-dannu.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-espressjoni ‘kumpens xieraq’ li tinsab fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva [2004/48], għandha tiġi interpretata fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli ta’ dritt sostantiv dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet kif ukoll dwar il-portata u l-modalitajiet tal-kumpens li abbażi tagħhom il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jordnaw lill-applikant jikkumpensa lill-konvenut għad-dannu kkawżat minn miżuri li ġew sussegwentement annullati mill-qorti jew li sussegwentement waqfu milli jiġu applikati wara azzjoni jew ommissjoni tal-applikant, jew fil-każijiet meta il-qorti sussegwentement ikkonstatat li ma kienx hemm ksur jew theddida ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 9(7) ta[d-Direttiva 2004/48], jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li għandhom jiġu applikati, fir-rigward tal-kumpens imsemmi f’din id-dispożizzjoni tad-direttiva, ir-regoli ġenerali tal-Istat Membru dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-kumpens li jipprovdu li l-qorti ma tistax tikkundanna lill-applikant jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżulta li huma infondati minħabba l-annullament tal-privattiva, liema dannu jirriżulta mill-fatt li l-konvenut ma aġixxiex konformement ma’ dak li huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari jew meta, għall-istess raġuni, il-konvenut huwa responsabbli għall-okkorrenza tad-dannu, sa fejn l-applikant, meta talab il-miżuri provviżorji, ikun aġixxa konformement ma’ dak li huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari?”

Fuq id-domandi preliminari

34

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari l-kunċett ta’ “kumpens xieraq” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ma hemmx lok li persuna tiġi kkumpensata għad-dannu li hija ġarrbet b’konsegwenza tal-fatt li hija ma aġixxietx hekk kif jista’ ġeneralment jiġi mistenni minn kull persuna sabiex tevita jew tnaqqas id-dannu tagħha u li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, twassal lill-qorti sabiex ma tikkundannax lill-applikant għal miżuri provviżorji jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dawn il-miżuri minkejja li l-privattiva li abbażi tagħha dawn kienu ntalbu u ġew aċċettati ġiet annullata sussegwentement.

35

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi ddeterminat jekk huwiex l-obbligu tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kontenut, il-portata kif ukoll il-modalitajiet tal-kunċett ta’ “kumpens xieraq” li għalih jirreferi l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, ipoteżi li hija ppreferuta mill-qorti tar-rinviju.

36

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(7) tad‑Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma awtorizzati jordnaw lill-applikant, fuq talba tal-konvenut, jikkumpensa b’mod xieraq lil dan tal-aħħar għad-danni kollha kkawżati minn miżuri provviżorji fil-każ li dawn il-miżuri jiġu rrevokati jew ma jibqgħux iktar applikabbli minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mir-rikorrent, jew meta sussegwentement jiġi kkonstatat li ma kien hemm l-ebda ksur jew theddida ta’ ksur ta’ xi dritt ta’ proprjetà intellettwali.

37

Minkejja li l-formolazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma ssemmix dan espressament, mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta b’mod ċar li dan huwa indirizzat lill-Istati Membri u jimponilhom li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-miżuri kollha previsti fl-imsemmi Artikolu 9, inklużi dawk imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, hekk kif tikkonferma barra minn hekk il-premessa 22 tal-imsemmija direttiva.

38

L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, lill-qrati kompetenti jordnaw lill-applikant, fuq talba tal-konvenut, jikkumpensa d-dannu kkawżat mill-miżuri provviżorji msemmija fl-imsemmi artikolu.

39

Mill-kliem tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta wkoll li din is-setgħa, l-ewwel nett, tista’ tiġi eżerċitata jew meta l-miżuri provviżorji jiġu rrevokati jew ma jibqgħux iktar applikabbli minħabba att jew ommissjoni tal-applikant, jew meta sussegwentement jiġi kkonstatat li ma kienx hemm ksur jew theddida ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. It-tieni nett, l-imsemmija setgħa għandha tikkonċerna “kull ħsara” ikkawżata mill-miżuri msemmija u, it-tielet nett, ir-rimedju għandu jsir taħt forma ta’ “kumpens xieraq”.

40

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, dan il-kunċett ta’ “kumpens xieraq”, għandu jitfakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, interpretazzjoni li għandha tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, peress li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-imsemmi kunċett ta’ “kumpens xieraq”, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi, mingħajr ma jkun jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza tad-diversi Stati Membri.

42

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mid-Direttiva 2004/48. Fil-fatt, fil-premessa 10 tagħha, din tippreċiża li l-għan tagħha huwa dak ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti jew omoġenju għall-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

43

F’dan ir-rigward, il-premessa 7 tad-Direttiva 2004/48 turi l-eżistenza ta’ disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri provviżorji. Barra minn hekk, il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tfakkar li tali disparitajiet joħolqu preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jagħmluha impossibli li jiġi żgurat li d-drittijiet għall-proprjetà intellettwali jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni.

44

Issa, interpretazzjoni li tipprovdi li d-diversi Stati Membri huma liberi li jiddettaljaw huma stess il-kontenut, il-portata kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjonji tal-kunċett ta’ “kumpens xieraq” imsemmi fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 tmur kontra dan l-għan ta’ ekwivalenza u omoġenità fil-livell għoli tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali kif imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

45

Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 41 tas-sentenza preżenti ma tistax tikser l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim TRIPS li jorbot kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha u li għalih id-Direttiva 2004/48 tirreferi diversi drabi.

46

Fil-fatt, il-Ftehim TRIPS jipprevedi fl-Artikolu 1(1) tiegħu fost oħrajn li “l-Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħhom.” Il-portata ta’ din id-dispożizjoni ġenerali testendi wkoll għall-Artikolu 50(7) ta’ dan il-Ftehim li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 u li jirreferi wkoll għall-kunċett ta’ “kumpens xieraq”.

47

Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim li, skont l-ewwel paragrafu tal-preambolu tiegħu, huwa intiż li jiżgura protezzjoni effettiva u suffiċjenti tad-drittijiet ta’ protezzjoni intellettwali, jaċċetta espressament, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, il-possibbiltà għall-Membri li jimplimentaw protezzjoni iktar wiesgħa minn dik stabbilita f’dan l-istess ftehim.

48

Issa, dawn huma eżattament l-għażliet li għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni billi adotta d-Direttiva 2004/48 li l-għan prinċipali tagħha, imfakkar fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, jikkonsisti f’li jiżgura, fis-sistema ġuridika propja tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju għall-proprjetà intellettwali.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-kunċett ta’ “kumpens xieraq” jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

50

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jobbliga lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-qrati nazzjonali tagħhom jagħtu lill-konvenut, fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, kumpens xieraq.

51

Konsegwentement, huma dawn il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fl-eżerċizzju tas-setgħa hekk iddefinita li huma għandhom, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li biha huma aditi sabiex jiddeċiedu jekk hemmx lok li l-applikant jiġi kkundannat iħallas lill-konvenut kumpens li għandu jkun “xieraq”, jiġifieri ġġustifikat fid-dawl tal-imsemmija ċirkustanzi.

52

B’mod partikolari, għalkemm l-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom li jagħtu tali kumpens huwa strettament suġġett għall-kundizzjonijiet preliminari li jipprovdu li jew il-miżuri provviżorji jridu jkunu ġew irrevokati jew ma jkunux iktar applikabbli minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni tal-applikant, jew għandu jiġi kkonstatat sussegwentement li ma kienx hemm ksur jew theddida ta’ ksur għal dritt tal-proprjetà intellettwali, il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, f’kawża partikolari, ma jimplikax li l-qrati nazzjonali kompetenti huma awtomatikament jew f’kull każ obbligati jikkundannaw lill-applikant jikkumpensa kull dannu miġrub mill-konvenut minħabba l-imsemmija miżuri.

53

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku, l-ewwel nett li l-privattiva ma ngħatatx ħlief wara li Richter bdiet tikkummerċjalizza l-prodotti inkwistjoni u li, meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet inizjalment l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji u, wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba, talbet mill-ġdid, fil-25 ta’ Mejju 2011, l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’reazzjoni tal-imsemmija kummerċjalizzazzjoni, hija kienet il-proprjetarja ta’ din il-privattiva.

54

It-tieni nett, huwa paċifiku wkoll li, f’din l-istess data, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu, min-naħa tagħhom, diġà introduċew talba għall-annullament tal-imsemmija privattiva quddiem l-Uffiċċju.

55

Għandu jitfakkar, fit-tielet nett, li wara li ngħataw, fil-11 ta’ Lulju 2011 mill-qorti tar-rinviju, dawn il-miżuri provviżorji ġew annullati, fid-29 ta’ Settembru u fl-4 ta’ Ottubru rispettivament, mill-qorti tal-appell u li l-qorti tar-rinviju, filwaqt li qieset li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu daħlu fis-suq bi ksur tal-privattiva ta’ Bayer, ma ġedditx, wara r-rinviju ta’ dawn il-kawżi quddiemha, l-imsemmija miżuri provviżorji b’kunsiderazzjoni tal-progress tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din il-privattiva u tal-irtirar ta’ privattiva Ewropea ekwivalenti.

56

Fir-raba’ nett u finalment, il-privattiva ta’ Bayer ġiet annullata, fl-ewwel lok mid-deċiżjoni tal-Uffiċju tat-13 ta’ Settembru 2012 u, fit-tieni lok, bid-digriet li l-qorti tar-rinviju mogħti fid-9 ta’ Settembru 2014.

57

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-domandi magħmula minnha lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix lill-qorti tordna lill-applikant jikkumpensa d-danni kkawżati lill-konvenut mill-imsemmija miżuri provviżorji rrevokati.

58

Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li għandha tingħata risposta, fit-tieni lok, għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari l-kunċett ta’ “kumpens xieraq” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jipprekludix l-applikazzjoni, f’tali ċirkustanzi, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li essenzjalment teskludi li l-konvenut jista’ jikseb kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-fatt li ma aġixxiex kif ġeneralment huwa mistenni minn kull persuna fis-sitwazzjoni kkonċernata sabiex jiġi evitat jew imnaqqas l-imsemmi dannu, bil-kundizzjoni li l-konvenut, billi talab miżuri provviżorji, aġixxa huwa stess konformement għal dak li huwa ġeneralment mistenni minn kull persuna fis-sitwazzjoni kkonċernata.

59

Fl-assenza ta’ indikazzjoni espessa f’dan ir-rigward fil-formulazzjoni tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, hemm lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li dan jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 22).

60

Għal dak li jirrigwarda l-imsemmi kuntest, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 22 in fine tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li l-kumpens xieraq previst fl-Artikolu 9(7) tagħha jikkostitwixxi garanzija li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies bħala neċessarja sabiex jiġu koperti l-ispejjeż u d-danni kkawżati lill-konvenut minn “talba li ma tkunx ġustifikata” għal miżuri provviżorji.

61

Skont il-kliem tal-premessa 22 tad-Direttiva 2004/48, il-miżuri provviżorji previsti fl-Artikolu 9 tagħha huma partikolarment iġġustifikati meta kwalunkwe dewmien ikun tali li jikkawża ħsara irreparabbli lill-proprjetarju ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

62

Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni tan-natura mhux iġġustifikata ta’ talba għal miżuri provviżorji tippreżumi, qabel kollox, l-assenza ta’ riskju li ħsara irreparabbli tiġi kkawżata lill-proprjetarju ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fil-każ li l-miżuri mitluba minnu jdumu ma jiġu adottati.

63

F’dan ir-rigward, meta konvenuti jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom minkejja li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal privattiva jew li teżisti privattiva ta’ natura li tostakola tali kummerċjalizzazzjoni, aspett li huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah, tali aġir jista’ prima facie jitqies bħala li jikkostitwixxi indizju oġġettiv tal-eżistenza ta’ riskju, għall-proprjetarju ta’ din il-privattiva, ta’ ħsara irreparabbli fil-każ li l-miżuri mitluba minnu jdumu ma jiġu adottati. Għaldaqstant, it-talba għal miżuri provviżorji ppreżentata minn dan tal-aħħar b’riżultat ta’ tali aġir, ma tistax a priori tiġi kklassifikata bħala “mhux ġustifikata”, fis-sens tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 moqri fid-dawl tal-premessa 22 tagħha.

64

Għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-miżuri provviżorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew irrevokati, għalkemm dan jista’ jikkostitwixxi hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa prevista mill-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, min-naħa l-oħra, huwa ma jistax jitqies, fih innifsu, bħala element determinanti ta’ prova tan-natura mhux iġġustifikata tat-talba għall-miżuri provviżorji rrevokati.

65

Konklużjoni differenti jista’ jkollha l-effett, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li tiskoraġġixxi lill-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni milli jirrikorri għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 u għaldaqstant tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ogħla tal-proprjetà intellettwali.

66

It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-aġir tal-applikant, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 3 tagħha li jistabbilixxi “obbligu ġenerali” li jirregola l-Kapitolu I kollu ta’ din id-direttiva li minnu jagħmel ukoll parti l-Artikolu 9 tagħha.

67

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji, li huma neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn din id-direttiva, għandhom jiġu applikati b’mod li jevitaw il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ legali u jipprovdu protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.

68

Din id-dispożizzjoni timponi għaldaqstant lill-Istati Membri u, fl-aħħar nett, lill-qrati nazzjonali, li jipprovdu garanziji intiżi, b’mod partikolari, sabiex il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 ma jintużawx b’mod abbużiv.

69

Għal dan il-għan il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jivverifikaw jekk, f’kawża partikolari, l-applikant ma jkunx uża b’mod abbużiv dawn il-miżuri u proċeduri.

70

Konsegwentement, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li l-applikant ma użatx b’mod abbużiv il-miżura prevista fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48. Għal dan il-għan hija għandha l-obbligu li tieħu debitament inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza oġġettiva tal-kawża, inkuż l-aġir tal-partijiet.

71

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “kumpens xieraq” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ma hemmx lok li persuna tiġi kkumpensata għad-dannu li hija ġarrbet b’konsegwenza tal-fatt li hija ma aġixxietx hekk kif jista’ ġeneralment jiġi mistenni minn kull persuna sabiex tevita jew tnaqqas id-dannu tagħha u li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, twassal lill-qorti sabiex ma tikkundannax lill-applikant għal miżuri provviżorji jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dawn il-miżuri minkejja li l-privattiva li abbażi tagħha dawn kienu ntalbu u ġew aċċettati ġiet annullata sussegwentement, sakemm din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-qorti tieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-kawża, inkuż l-aġir tal-partijiet, sabiex tivverifika, b’mod partikolari, li l-applikant ma użax b’mod abbużiv l-imsemmija miżuri.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “kumpens xieraq” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ma hemmx lok li persuna tiġi kkumpensata għad-dannu li hija ġarrbet b’konsegwenza tal-fatt li hija ma aġixxietx hekk kif jista’ ġeneralment jiġi mistenni minn kull persuna sabiex tevita jew tnaqqas id-dannu tagħha u li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, twassal lill-qorti sabiex ma tikkundannax lill-applikant għal miżuri provviżorji jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dawn il-miżuri minkejja li l-privattiva li abbażi tagħha dawn kienu ntalbu u ġew aċċettati ġiet annullata sussegwentement, sakemm din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-qorti tieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-kawża, inkuż l-aġir tal-partijiet, sabiex tivverifika, b’mod partikolari, li l-applikant ma użax b’mod abbużiv l-imsemmija miżuri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top