Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0152

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-19 ta’ April 2018.
    Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi SpA vs Rete Ferroviaria Italiana SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/17/KE – Obbligu ta’ reviżjoni tal-prezz wara l-għoti tal-kuntratt – Assenza ta’ tali obbligu fid-Direttiva 2004/17/KE jew li jirriżulta mill-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati l-Artikolu 56 TFUE u d-Direttiva 2004/17/KE – Servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni marbuta mal-attività ta’ trasport ferrovjarju – Artikolu 3(3) TUE – Artikoli 26, 57, 58 u 101 TFUE – Assenza ta’ speċifikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari – Inammissibbiltà – Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.
    Kawża C-152/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:264

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    19 ta’ April 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/17/KE – Obbligu ta’ reviżjoni tal-prezz wara l-għoti tal-kuntratt – Assenza ta’ tali obbligu fid-Direttiva 2004/17/KE jew li jirriżulta mill-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati l-Artikolu 56 TFUE u d-Direttiva 2004/17/KE – Servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni marbuta mal-attività ta’ trasport ferrovjarju – Artikolu 3(3) TUE – Artikoli 26, 57, 58 u 101 TFUE – Assenza ta’ speċifikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari – Inammissibbiltà – Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”

    Fil-Kawża C-152/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

    Consorzio Italian Management,

    Catania Multiservizi SpA

    vs

    Rete Ferroviaria Italiana SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos, imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi SpA, E. Giardino u A. Cariola, avvocati,

    għal Rete Ferroviaria Italiana SpA, minn U. Cossu, avvocato,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

    għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Moro u M. Balta, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE, tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Dritijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011 tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 319, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/17”), kif ukoll l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2004/17.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi SpA, minn naħa, u Rete Ferroviaria Italiana SpA (iktar ’il quddiem “RFI”), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tilqa’ t-talba tagħhom intiża, wara l-għoti ta’ kuntratt li jirrigwarda, b’mod partikolari, servizzi ta’ tindif tal-istazzjonijiet ferrovjarji, għar-reviżjoni tal-prezz ta’ dan il-kuntratt.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2004/17 tistabbilixxi koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti f’setturi speċifiċi, imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tagħha, li jinkludu s-servizzi tat-trasport.

    4

    Taħt il-Kapitolu III, intitolat, “Prinċipji ġenerali”, tat-Titolu I ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 10, intitolat “Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi:

    “Entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lil operaturi ekonomiċi ugwalment (indaqs) u mhux b’mod diskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti.”

    5

    Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Livelli minimi ta’ kuntratti”:

    “Minbarra fejn ikunu mwarrba mill-esklużjonijiet fl-Artikoli 19 sa 26 jew skond l-Artikolu 30, rigward is-segwiment ta’ l-attività msemmija, din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti li għandhom valur li jeskludi t-taxxa tal-valur miżjud (VAT) stmat li mhuwiex inqas mill-livelli minimi li ġejjin:

    (a)

    EUR 400000 fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvdita u ta’ servizz;

    […]”

    6

    L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Kuntratti mogħtija għall-għanijiet oħra għajr is-segwiment ta’ attività koperta jew għas-segwiment ta’ din l-attività f’pajjiż terz”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti li l-entitajiet kontraenti jagħtu għal għanijiet oħra għajr is-segwiment ta’ l-attivitajiet tagħhom kif deskritt fl-Artikoli 3 sa 7 […]”

    7

    L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratti”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

    “Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi dwar ir-rimunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-entitajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti għandhom:

    (a)

    fejn il-kuntratt jingħata fuq il-bażi ta’ l-offerti l-aktar vantaġġuża ekonomikament mill-lat ta’ l-entità kontraenti, jkunu kriterji varji marbuta mal-kontenut tas-suġġett tal-kuntratt imsemmi, bħad-data tal-kunsinja jew tat-tlestija, spejjeż fl-operat, infiq effettiv, kwalità, karatteristiċi ta’ l-estetika u funzjonali, karatteristiċi ambjentali, mertu tekniku, servizz wara l-bejgħ u għajnuna teknika, irbit rigward parts, sigurtà ta’ provvista, u prezz jew inkella

    (b)

    il-prezz l-aktar baxx biss.”

    8

    Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

    (a)

    espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

    […]

    (c)

    l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

    Id-dritt Taljan

    9

    L-Artikolu 2(4) tad-Decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti li Jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju fil-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”, jipprovdi:

    “Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi f’dan il-kodiċi, l-attività kuntrattwali tas-suġġetti msemmija fl-ewwel artikolu hija rregolata wkoll permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili.”

    10

    Skont l-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, intitolat “Aġġustament tal-prezzijiet”:

    “1.   Il-kuntratti kollha ta’ servizzi jew ta’ provvisti ta’ eżekuzzjoni suċċessiva għandhom jinkludu klawżola ta’ reviżjoni perijodika tal-prezz. Ir-reviżjoni sseħħ abbażi ta’ investigazzjoni mwettqa minn persuni responsabbli għall-akkwist tal-oġġetti u servizzi fuq il-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 7(4)(c) u (5).”

    11

    L-Artikolu 115 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv ma kienx inkluż fid-dispożizzjonijiet tiegħu li, skont l-Artikolu 206 tiegħu, kienu japplikaw għall-kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt is-setturi speċjali li jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17.

    12

    L-Artikolu 1664 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Natura oneruża jew diffiċli fl-eżekuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fil-każ li, minħabba ċirkustantanzi mhux prevedibbli, ikun hemm żidiet jew tnaqqis tal-ispiża tal-materjali jew tax-xogħol li jwasslu għal żieda jew tnaqqis ogħla minn għaxra fil-mija tal-prezz globali miftiehem, l-awtorità kontraenti jew l-iżviluppatur jista’ jitlob ir-reviżjoni ta’ dan il-prezz. Ir-reviżjoni tista’ tingħata biss fir-rigward tad-differenza li tmur lil hinn mill-għaxra fil-mija.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    RFI tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kuntratt għas-servizzi ta’ tindif, manutenzjoni tad-dekorazzjoni tal-bini u ta’ spazji miftuħa għall-pubbliku, kif ukoll għas-servizzi anċillari fl-istazzjonijiet, fl-istabbilimenti, fl-uffiċji u fl-imħażen mifruxa fit-territorju kollu tad-Direzione Compartimentale Movimento de Cagliari (id-Direttorat Reġjonali taċ-Ċirkulazzjoni ta’ Cagliari, l-Italja). Il-kuntratt kien jinkludi klawżola speċifika li tistabbilixxi l-modalitajiet għar-reviżjoni tal-prezz miftiehem, li kienu jidderogaw mill-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili.

    14

    Matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil RFI r-reviżjoni tal-prezz tal-kuntratt preċedentement miftiehem sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni żieda fl-ispejjeż kuntrattwali li tirriżulta miż-żieda fl-ispejjeż tal-persunal. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2012, RFI ċaħdet din it-talba.

    15

    Wara din iċ-ċaħda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja) b’azzjoni intiża għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna) ċaħdet l-azzjoni. Din il-qorti qieset li l-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ma kienx applikabbli għall-kuntratti li jirrigwardaw setturi speċjali, bħall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din il-qorti, fil-fatt, ikkunsidrat li s-servizzi ta’ tindif tal-istazzjonijiet, tal-istabbilimenti, tal-uffiċċji u tal-imħażen kienu anċillari għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jaqgħu taħt is-setturi speċjali, peress li huma kienu jirrigwardaw elementi neċessarji li kienu jifformaw parti min-netwerk tat-trasport ferrovjarju. L-imsemmija qorti żiedet li reviżjoni tal-prezzijiet lanqas ma kienet obbligatorja skont l-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili, peress li l-partijiet għal kuntratt jistgħu jidderogaw minn din id-dispożizzjoni billi jinkludu f’dan il-kuntratt klawżola kuntrattwali li tillimita r-reviżjoni tal-prezz, li kien il-każ fil-kawża prinċipali.

    17

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju u sostnew, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom, li l-Arikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jew, b’mod alternattiv, l-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili kien, kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna), applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 115 u 206 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, billi sostnew li dawn id-dispożizzjonijiet, peress li huma intiżi li jeskludu r-reviżjoni tal-prezzijiet fis-settur tat-trasporti, b’mod iktar speċifiku fil-kuntratti relatati mat-tindif, kienu jmorru kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikoli 26, 101 TFUE et seq, kif ukoll id-Direttiva 2004/17. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija għalhekk eċċessiva u mhux iġġustifikata fil-konfront tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-imsemmija leġiżlazzjoni hija wkoll inġustament sproporzjonata u ta’ natura li tqiegħed lill-impriża kontraenti ta’ kuntratt li jirrigwarda s-servizz ta’ tindif f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni u dgħajfa fil-konfront tal-impriża pubblika, u dan iwassal għal żbilanċ kuntrattwali inġust u sproporzjonat, u finalment jibdel ir-regoli ta’ funzjonament tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-esklużjoni tar-reviżjoni tal-prezz fil-kuntratti kollha konklużi u applikati fis-setturi speċjali tirriżulta direttament mid-Direttiva 2004/17, din tal-aħħar tkun invalida.

    18

    Fir-rigward tal-ewwel aggravju mqajjem mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tesprimi l-intenzjoni tagħha li tiċħdu, billi tikkonferma l-analiżi tat-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna) li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li huwa marbut b’rabta funzjonali mas-setturi speċjali, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 applikabbli għall-imsemmija setturi. Il-qorti tar-rinviju tindika li hija tipprevedi wkoll li tiċħad it-tieni aggravju mqajjem mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn dawn huma ta’ natura imperattiva, jirbħu fuq l-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili, minħabba li l-partijiet fil-kawża prinċipali pprevedew regola speċjali li tidderoga minn dan l-artikolu tal-Kodiċi Ċivili u minħabba li l-kundizzjoni intiża “għaċ-ċirkustanzi mhux prevedibbli” inkluża fl-imsemmi artikolu ma kinitx ġiet issodisfatta f’dan il-każ. Din il-qorti tqis madankollu li, peress li hija tiddeċiedi fl-aħħar istanza u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu quddiemha talba f’dan is-sens, hija għandha tivverifika l-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 206 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, sa fejn dan jeskludi l-applikabbiltà tal-Artikolu 115 ta’ dan id-digriet mhux biss għall-kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi speċjali iżda wkoll, permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja, għall-kuntratti ta’ servizzi li, minkejja li ma jaqgħux taħt is-setturi speċjali, huma marbuta magħhom permezz ta’ rabta funzjonali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija għandha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tadixxi lil din tal-aħħar bil-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2004/17, imqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    19

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi r-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti relatati ma[s]-[…] setturi speċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li s-suġġett tagħhom huwa differenti minn dawk imsemmija fl-istess direttiva, iżda li huwa marbut ma’ dawn tal-aħħar permezz ta’ rabta funzjonali, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni […] (b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) TUE, l-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE u l-Artikolu 16 tal-[Karta] u mad-Direttiva 2004/17?

    2)

    Id-Direttiva 2004/17 (jekk jitqies li l-esklużjoni tar-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti kollha konklużi u applikati fil-kuntest ta[s]-[…] setturi speċjali tirriżulta direttament minnha), hija konformi mal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari mal-Artikolu 3(1) TUE, mal-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE u mal-Artikolu 16 tal-[Karta]), “fid-dawl tan-natura inġusta u sproporzjonata, u tal-alterazzjoni tal-bilanċ kuntrattwali u, għaldaqstant tar-regoli ta’ suq effiċjenti?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    20

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta kif ukoll id-Direttiva 2004/17 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti fis-setturi inklużi fl-imsemmija direttiva.

    21

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa li għandha għarfien tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-rakkomandazzjonijiet lill-qrati tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1).

    22

    Għalhekk, huwa indispensabbli, kif jindika l-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli ta’ Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi, minn naħa, espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti jew, minn tal-inqas, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) TUE kif ukoll tal-Artikoli 26, 57, 58 u 101 TFUE għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. L-istess japplika għall-Artikolu 56 TFUE sa fejn dan jirrigwarda aspetti differenti minn dawk li huma s-suġġett tal-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja inklużi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

    24

    Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija, f’dan is-sens, inammissibbli.

    25

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/17 u tal-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt din id-direttiva, peress li ngħata minn awtorità kontraenti fis-sens tagħha, f’dan il-każ RFI, u huwa marbut b’rabta funzjonali mal-attività ta’ trasport ferrovjarju li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    26

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 2004/17 tapplika effettivament mhux biss għall-kuntratti li ngħataw fil-qasam ta’ waħda mill-attivitajiet espressament imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tagħha, iżda wkoll għall-kuntratti li, għalkemm huma ta’ natura differenti u jistgħu għalhekk, bħala tali, jaqgħu normalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitol 6, Vol. 7, p. 132), iservu għall-eżerċizzju tal-attivitajiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/17. Konsegwentement, sa fejn kuntratt li ngħata minn entità kontraenti jkollu rabta ma’ attività eżerċitata minnha fis-setturi msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva, dan il-kuntratt għandu jkun suġġett għall-proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner, C-393/06, EU:C:2008:213, punti 56 sa 59).

    27

    Barra minn hekk, għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element dwar il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-valur imur lil hinn mil-livell minimu rilevanti għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, stabbilit fl-ammont ta’ EUR 400000 skont l-Artikolu 16(a) tagħha.

    28

    Id-Direttiva 2004/17 hija, għaldaqstant, rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva li din għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħall-Artikoli 115 u 206 flimkien tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li ma jipprevedux r-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti tal-kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija mill-istess direttiva, peress li din tal-aħħar ma timponi l-ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri sabiex huma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeżiġu li l-entità kontraenti tagħti lill-parti kontraenti tagħha reviżjoni ’l fuq tal-prezz wara l-għoti ta’ kuntratt.

    30

    Bl-istess mod, lanqas il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2004/17, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, ma jipprekludu tali dispożizzjonijiet. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li reviżjoni tal-prezz wara l-għoti tal-kuntratt tista’ tikser dan il-prinċipju u dan l-obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne, C-549/14, EU:C:2016:634, punt 40). Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-prezz tal-kuntratt jikkostitwixxi element importanti ħafna fl-evalwazzjoni tal-offerti minn entità kontraenti, kif ukoll fid-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kuntratt lil operatur. Din l-importanza tirriżulta barra minn hekk mill-fatt li l-prezz jissemma fiż-żewġ kriterji għall-għoti tal-kuntratti inklużi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2004/17. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija minn din id-direttiva huma minflok iktar ta’ natura li jiffavorixxu r-rispett tal-imsemmija prinċipji.

    31

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 2004/17 u l-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija minn din id-direttiva.

    32

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jistabbilixxi, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza, li magħhom il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà ġiet evalwata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, ma hemmx lok li titwettaq mill-ġdid interpretazzjoni, f’dan is-sens, ta’ dan l-artikolu.

    33

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma indirizzati biss lill-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, ma toħloq ebda kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni u ma tbiddilx il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C-198/13, EU:C:2014:2055, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku lill-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C-198/13, EU:C:2014:2055, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-każ, peress li jirriżulta mill-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza li la d-Direttiva 2004/17 u lanqas il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata ma jimponu fuq l-Istati Membri obbligu speċifiku li jipprevedu dispożizzjonijiet li jeżiġu li l-entità kontraenti tagħti lill-parti kontraenti tagħha reviżjoni ’l fuq tal-prezz wara l-għoti ta’ kuntratt, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, sa fejn dawn ma jipprevedux r-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet tal-kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija mill-imsemmija direttiva, ma għandhomx rabta mal-imsemmija direttiva u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu kkunsidrata li huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

    36

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/17 u l-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija f’din id-direttiva.

    Fuq it-tieni domanda

    37

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fejn ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-talba mressqa mill-qorti nazzjonali bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni, li permezz tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tad-Direttiva 2004/17, hija bbażata fuq il-premessa li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, sa fejn dawn ma jipprevedux r-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet tal-kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija minn din id-direttiva, jikkostitwixxu implimentazzjoni ta’ din tal-aħħar.

    39

    Issa, peress li mill-eżami tal-ewwel domanda jirriżulta li la d-Direttiva 2004/17 u lanqas il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata ma jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija f’din id-direttiva, din il-kwistjoni hija ta’ natura purament ipotetika.

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni domanda hija inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, kif emendata bir-Reglament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011, tat-30 ta’ Novembru 2011, u l-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija f’din id-direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top