Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 62017CJ0057

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2018.
    Eva Soraya Checa Honrado vs Fondo de Garantía Salarial.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Ħlas żgurat mill-istituzzjoni ta’ garanzija – Kumpens għad-danni għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg – Trasferiment tal-post ta’ xogħol li jeżiġi bidla ta’ residenza tal-ħaddiem – Bidla ta’ element essenzjali tal-kuntratt ta’ xogħol – Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mill-ħaddiem – Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni.
    Kawża C-57/17.

    Kohtulahendite kogumik – Üldkohus – jaotis „Teave avaldamata otsuste kohta“

    Euroopa kohtulahendite tunnus (ECLI): ECLI:EU:C:2018:512

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    28 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Ħlas żgurat mill-istituzzjoni ta’ garanzija – Kumpens għad-danni għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg – Trasferiment tal-post ta’ xogħol li jeżiġi bidla ta’ residenza tal-ħaddiem – Bidla ta’ element essenzjali tal-kuntratt ta’ xogħol – Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mill-ħaddiem – Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni”

    Fil-Kawża C‑57/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

    Eva Soraya Checa Honrado

    vs

    Fondo de Garantía Salarial,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal E. S. Checa Honrado, minn A. de Oyagüe Collados, abogada,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eva Soraya Checa Honrado u l-Fondo de Garantía Salarial (il-Fond ta’ Garanzija tas-Salarji, iktar ’il quddiem il-“Fogasa”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jiżguralha, minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegaha, il-ħlas ta’ kumpens għad-danni dovut għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-Direttiva 2008/94 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal‑20 ta’ Ottubru 1980 dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261), u ħassritha.

    4

    Il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94 tistipula:

    “Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat [fl-Unjoni Ewropea]. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati”.

    5

    Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2008/94:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).

    2.   L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanzija jekk jiġi stabbilit li dawn joffru lill-persuni kkonċernati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva.”

    6

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/94 jipprevedi:

    “Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu prospettiv’”.

    7

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali [kumpensatorja] fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

    Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.”

    8

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/94 jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94. Skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 4, il-limitazzjoni ta’ dan l-obbligu tista’ tirrigwarda kemm it-tul tal-perijodu li jagħti lok għall-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa mill-istituzzjoni ta’ garanzija kif ukoll il-limiti massimi tal-ħlasijiet magħmula minn din l-istituzzjoni.

    9

    Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/94:

    “Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

    (a)

    li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

    […]”

    Id-dritt Spanjol

    10

    L-Artikolu 33 tar-Real Decreto Legislativo 1/1995, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema), tal‑24 ta’ Marzu 1995, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-[Fogasa] […] għandu jħallas lill-impjegati l-ammont tas-salarji li ma setgħux jitħallsu lilhom fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom […]

    2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, il-[Fogasa] għandu jħallas il-kumpens rrikonoxxut permezz ta’ sentenza, digriet, att ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni amministrattiva, favur ħaddiema minħabba t-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratti konformement mal-Artikoli 50, 51 u 52 ta’ din il-liġi […]

    […]”

    11

    L-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi:

    “1.   It-trasferiment ta’ ħaddiema li ma ġewx irreklutati speċifikament sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom lil impriżi li għandhom postijiet ta’ xogħol mobbli lejn post ta’ xogħol differenti tal-istess persuna li timpjega li jimponi bidla ta’ residenza jeżiġi raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni u ta’ produzzjoni. Jitqiesu bħala tali r-raġunijiet marbuta mal-kompetittività, il-produttività jew l-organizzazzjoni teknika jew tax-xogħol fl-impriża, kif ukoll l-impenji marbuta mal-attività kummerċjali.

    […]

    Ladarba d-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi nnotifikata, il-ħaddiem ikollu d-dritt li jagħżel bejn it-trasferiment, li jirċievi kumpens għall-ispejjeż tat-trasport jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu, f’liema każ huwa għandu jibbenefika minn kumpens ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz, u l-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati prorata tax-xhur imwettqa, u l-ammont ta’ dan il-kumpens ma jistax jaqbeż it-tnax-il pagament mensili.

    […]”

    12

    L-Artikolu 41 ta’ dan l-istatut jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li, f’ċerti ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jekk il-ħaddiem ikun leż bid-deċiżjoni tal-persuna li timpjega, huwa jkollu d-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u li jirċievi kumpens ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz.

    13

    L-Artikolu 50 tal-Istatut tal-Ħaddiema jirregola x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol fuq it-talba tal-ħaddiem u jesponi d-diversi raġunijiet għal xoljiment. Il-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu jsemmi għaldaqstant il-bidliet sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiem, magħmula mill-persuna li timpjega bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 tal-istess statut u li jimminaw id-dinjità tal-ħaddiem. Il-punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu 1 jirrigwardaw, rispettivament, in-nuqqas ta’ ħlas jew id-dewmien persistenti fil-ħlas tas-salarju u kull nuqqas gravi ieħor tal-persuna li timpjega, ħlief każ ta’ force majeure, tal-obbligi tiegħu. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 50 jipprevedi li, f’tali każijiet, il-ħaddiem għandu dritt għall-allowances previsti fil-każ ta’ tkeċċija irregolari.

    14

    L-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema jirregola t-tkeċċija kollettiva, li tirrigwarda, skont din id-dispożizzjoni, it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni, li jaffettwa numru minimu ta’ ħaddiema fuq perijodu partikolari.

    15

    L-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema jirregola x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi, li fosthom hemm l-inkompetenza tal-ħaddiem, in-nuqqas ta’ adattament tal-ħaddiem għall-bidliet tekniċi magħmula fuq il-post tax-xogħol tiegħu, it-tkeċċijiet individwali għal raġunijiet oġġettivi (raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni) u għal assenzi rripetuti mix-xogħol, anki ġġustifikati, li jirrappreżentaw 20 % ta’ ġranet tax-xogħol fuq perijodu ta’ xahrejn konsekuttivi taħt ċerti kundizzjonijiet.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16

    Sa mill‑1 ta’ Novembru 2000, E. S. Checa Honrado ħadmet bħala persuna responsabbli mit-tindif fit-theme park “Terra Mítica”, f’Benidorm (il-Provinċja ta’ Alicante, Spanja). Hija kienet impjegata minn Cespa SA sal‑1 ta’ Marzu 2010, u sussegwentement minn Soroma patrimonial SL (iktar ’il quddiem “Soroma”). Hija kellha kuntratt ta’ xogħol full-time.

    17

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Soroma informat bil-miktub lil E. S. Checa Honrado kif ukoll lil ħames ħaddiema oħrajn bl-intenzjoni tagħha li tittrasferixxi, sa mill‑15 ta’ Mejju 2011, il-post ta’ xogħol tagħhom lejn theme park ieħor f’San Martin de la Vega (il-Komunità ta’ Madrid, Spanja).

    18

    Skont il-fatti, kif esposti mill-qorti tar-rinviju, dan it-trasferiment kien jimplika għal E. S. Checa Honrado bidla ta’ domiċilju peress li d-distanza bejn il-post tax-xogħol antik u dak ġdid kienet ta’ iktar minn 450 km. E. S. Checa Honrado għaldaqstant għażlet it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, konformement mal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema. Din l-għażla ġiet aċċettata minn Soroma.

    19

    Madankollu peress li din il-kumpannija ma ħallsitx volontarjament il-kumpens legalment dovut minħabba din it-terminazzjoni, E. S. Checa Honrado bdiet azzjoni quddiem il-Juzgado de lo Social no1 de Benidorm (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Benidorm, Spanja). Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2011, din il-qorti kkundannat lil Soroma għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 7 453.77, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

    20

    Peress li Soroma eżegwiet din is-sentenza parzjalment biss, E. S. Checa Honrado talbet il-ftuħ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja. Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, fil‑11 ta’ Ġunju 2013, Soroma ġiet iddikjarata insolventi. Id-deċiżjoni ta’ insolvenza ġiet innotifikata lill-Fogasa. E. S. Checa Honrado għaldaqstant talbet lill-Fogasa tieħu r-responsabbiltà tal-ħlas tal-parti tal-kumpens mhux imħallsa minn Soroma minħabba l-insolvenza tagħha. Il-Fogasa rrifjuta din it-talba, għar-raġuni li l-kumpens li għandu l-oriġini tiegħu f’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li jseħħ fuq it-talba tal-ħaddiem affettwat mid-deċiżjoni tal-persuna li timpjegah li jibdel il-post ta’ xogħol ma huwiex iggarantit mill-Artikolu 33(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

    21

    E. S. Checa Honrado ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de Alicante (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Alicante, Spanja), li ma laqgħetx it-talba tagħha.

    22

    Adita b’appell, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), qorti tar-rinviju, tesponi li hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema, għar-raġuni li din id-dispożizzjoni tillimita l-garanzija tat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlas tal-kumpens mill-Fogasa għas-sitwazzjonijiet ta’ tkeċċija jew ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol previsti fl-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan l-istatut. Hija tesponi li għaldaqstant huma esklużi mis-sistema ta’ garanzija l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn forom legali oħrajn ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg li jagħtu lok għal kumpens, bħal dik prevista fl-Artikolu 40 tal-imsemmi statut, li, taħt il-forma ta’ għażla, fil-verità tkopri xoljiment fil-veru sens tal-kelma tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi.

    23

    Billi tagħmel riferiment għas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743), il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 33(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema kien missu jinkludi s-sitwazzjonijiet kollha ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mhux inerenti għall-persuna tal-ħaddiem. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tal-imsemmi statut, billi ma ssemmix forom legali oħrajn ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg li jagħtu lok għal kumpens stabbilit legalment, bħal dik prevista fl-Artikolu 40 tal-istess att, tikkostitwixxi, skont l-imsemmija qorti, esklużjoni mhux iġġustifikata u mhux awtorizzata mid-Direttiva 2008/94.

    24

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Fogasa wasal f’dan il-każ li “jitratta b’mod diskriminatorju l-ħaddiema differenti kkonċernati”, minħabba t-traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva 2008/94 fid-dritt Spanjol.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

    “Il-kumpens dovut legalment minn impriża [persuna li timpjega] lill-ħaddiem, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, sussegwentement għall-bidla ta’ element essenzjali tal-kuntratt ta’ xogħol, bħal ma hija mobbiltà ġeografika li tobbliga lill-ħaddiem li jbiddel ir-residenza, għandu jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi ‘paga terminali [kumpensatorja] fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg’ li jirreferi għaliha l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 […]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    26

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, ċerti allowances legali dovuti għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba r-rieda tal-ħaddiem kif ukoll dawk dovuti fil-każ ta’ tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “paga terminali [kumpensatorja] fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-allowances legali dovuti għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba r-rieda tal-ħaddiem għar-raġuni tat-trasferiment tal-post ta’ xogħol mill-persuna li timpjega, li jobbliga lill-ħaddiem ibiddel il-post ta’ residenza, għandhom ukoll jaqgħu taħt dan l-istess kunċett.

    27

    F’dan ir-rigward hemm lok jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94 jipprevedi li din għandha tapplika għall-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti fil-konfront tal-persuni li jimpjegaw li jkunu jinsabu fi stat ta’ insolvenza.

    28

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, il-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg inkluż, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi għalih, kumpens għal terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-pretensjonijiet li tittieħed ir- responsabbiltà tal-ħlas tagħhom mill-istituzzjoni ta’ garanzija huma r-remunerazzjonijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu ma’ ċertu perijodu ddeterminat mill-Istati Membri.

    29

    L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/94 jippreċiża li din hija mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-kelma “paga”.

    30

    Għaldaqstant minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jippreċiża l-allowances li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner,C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet repetittivament li l-possibbiltà mogħtija lid-dritt nazzjonali, mill-imsemmija direttiva, li jippreċiża l-benefiċċji li minnhom li jitħallsu mill-istituzzjoni ta’ garanzija hija suġġetta għall-eżiġenzi li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Robledillo Núñez,C‑498/06, EU:C:2008:109, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Dan il-prinċipju tal-aħħar jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero,C‑442/00, EU:C:2002:752, punt 32; tas‑7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso,C‑81/05, EU:C:2006:529, punt 37, u tas‑17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro,C‑246/06, EU:C:2008:19, punt 36).

    33

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 33(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi espressament il-garanzija ta’ ħlas tal-allowances żgurata mill-Fogasa għas-sitwazzjonijiet ta’ tkeċċija jew ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol previsti fl-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan l-istatut, iżda ma jsemmix forom legali oħrajn ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg li jagħtu lok għal kumpens legali, fost liema hemm b’mod partikolari dak previst fl-Artikolu 40 ta’ dan l-istess statut, li konformement miegħu ntemmet ir-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    34

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, qabelxejn, li l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi li t-trasferiment tal-ħaddiema, mill-persuna li timpjega, lejn post ta’ xogħol ieħor tal-istess persuna li timpjega u li jirrikjedi bidla tar-residenza ta’ dawn il-ħaddiema, għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni u ta’ produzzjoni u li, f’tali każ, il-ħaddiem għandu d-dritt li jagħżel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, f’liema każ huwa jibbenefika minn kumpens ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz.

    35

    Hija tindika, sussegwentement, li l-Artikoli 50 sa 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, imsemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ dan l-istatut, jirregolaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg minn ħaddiem, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tkeċċija kollettiva u t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg għal raġunijiet oġġettivi, rispettivament.

    36

    B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 50 tal-Istatut tal-Ħaddiema jelenka r-raġunijiet li jippermettu lil ħaddiem jitlob it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, li fosthom hemm b’mod partikolari l-bidliet sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol magħmula mill-persuna li timpjega mingħajr ma tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 tal-imsemmi statut u li jimminaw id-dinjità tal-ħaddiem kif ukoll kull ksur gravi tal-obbligi tagħha min-naħa tal-persuna li timpjega, u li l-ħaddiem jibbenefika b’tali każijiet mill-allowances previsti għal tkeċċija irregolari.

    37

    L-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema jirregola, min-naħa tiegħu, it-tkeċċija kollettiva, li tirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni, li taffettwa numru minimu ta’ ħaddiema fuq ċertu perijodu. L-Artikolu 52 ta’ dan l-istatut jirregola, min-naħa tiegħu, ix-xoljiment tal-kuntratt għal raġunijiet oġġettivi, li jinkludu b’mod partikolari l-inkompetenza tal-ħaddiem, in-nuqqas ta’ adattament tal-ħaddiem għall-modifiki tekniċi magħmula fuq il-post tax-xogħol tiegħu u t-tkeċċijiet individwali għal raġunijiet oġġettivi, jiġifieri raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni.

    38

    Il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-aħħar nett, li t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg prevista fl-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema hija fil-fatt xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġuni oġġettiva, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni li jiġġustifikaw emenda sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u li l-għażla li hija offruta lill-ħaddiem li jtemm ir-relazzjoni ta’ impjieg hija marbuta mal-preġudizzju evidenti li tikkawżalu bidla tal-post tax-xogħol tiegħu li tobbligah ibiddel ir-residenza.

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok jitqies li l-ħaddiema li jagħżlu t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg konformement mal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li jinsabu fiha l-ħaddiema li jagħżlu t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg konformement mal-Artikolu 50 tal-Istatut tal-Ħaddiema, peress li huma jagħżlu din it-terminazzjoni minħabba l-fatt li l-persuna li timpjega tagħmel bidliet sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, liema bidliet il-leġiżlatur Spanjol qies li ma setgħux jiġu imponuti fuqhom, peress li f’dawn iż-żewġ każijiet huwa ppreveda li l-ħaddiem seta’ jagħżel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg u li huwa kellu jibbenefika barra minn hekk minn allowances.

    40

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-ħaddiema li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom intemmet skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li jinsabu fiha l-ħaddiema mkeċċija għal waħda mir-raġunijiet oġġettivi previsti fl-Artikoli 50 sa 52 tal-imsemmi statut, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg ibbażata fuq l-imsemmi Artikolu 40 titqies ukoll bħala xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġuni oġġettiva.

    41

    Issa, skont l-Artikolu 33(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema, huma biss il-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan l-istatut, u mhux dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-imsemmi statut, li jibbenefikaw mit-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlas mill-Fogasa tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tagħhom li jirriżultaw mill-kumpens għal terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

    42

    Id-differenza fit-trattament li dan l-Artikolu 33(2) għaldaqstant jirriżerva għall-ħaddiema li l-pretensjonijiet tagħhom jirriżultaw minn allowances għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg ibbażata fuq l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema għaldaqstant tista’ tiġi aċċettata biss, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jekk tkun oġġettivament iġġustifikata (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, Olaso Valero,C‑520/03, EU:C:2004:826, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan ir-rigward, l-argument miġjub mill-Gvern Spanjol, li skontu, essenzjalment, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 2008/94 kienet tippermetti lil-leġiżlatur Spanjol jagħżel li l-istituzzjoni ta’ garanzija tieħu r-responsabbiltà tal-ħlas biss tal-“kumpens għal terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem” u li għaldaqstant hija ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn għażla volontarja tal-ħaddiem ikkonċernat, ma jistax jiġi aċċettat.

    44

    Fil-fatt, dan l-argument huwa intiż, fir-realtà, li jikkontesta tali natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema li jkunu għażlu t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom konformement mal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema, minn naħa, u tal-ħaddiema li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom ikun intemm konformement mal-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan l-istess statut, min-naħa l-oħra. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol skont dan l-Artikolu 40 ma tistax titqies li tirriżulta mir-rieda tal-ħaddiem, peress li din hija l-konsegwenza tal-fatt li l-persuna li timpjega tagħmel bidla tant sostanzjali fil-kuntratt ta’ xogħol tiegħu bħat-trasferiment tal-post ta’ xogħol għal distanza li tobbliga lill-ħaddiem ibiddel il-post ta’ residenza tiegħu u li l-liġi tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens mill-persuna li timpjega meta l-ħaddiem jirrifjuta li jaċċetta dan it-trasferiment u jagħżel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

    45

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Spanjol, mistoqsi f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma pproduċa ebda prova li tista’ tiġġustifika trattament differenti tat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlas mill-Fogasa tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-allowances previsti fl-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Ħaddiema u tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-allowances previsti fl-Artikoli 50 sa 52 ta’ dan l-istatut.

    46

    L-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 mogħtija mill-Gvern Spanjol, barra minn hekk, ma tkunx konformi mal-għan soċjali ta’ din id-direttiva, li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha moqri flimkien mal-premessa 3 tal-imsemmija direttiva, huwa dak li jiġi ggarantit lill-ħaddiema impjegati kollha protezzjoni minima fuq il-livell tal-Unjoni fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega permezz tal-ħlas ta’ pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner,C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Barra minn hekk, hemm lok jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/94 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-pretensjonijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema impjegati, minħabba l-eżistenza ta’ forom oħrajn ta’ garanzija, jekk jiġi stabbilit li dawn jiżguraw lill-persuni kkonċernati protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(a) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw abbużi.

    48

    Madankollu, hemm lok jiġi rrilevat li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, ma jirriżultax li ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali huma meqjusa bħala eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/94 jew li jikkostitwixxu abbuż għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva.

    49

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, ċerti allowances legali dovuti għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bir-rieda tal-ħaddiem kif ukoll dawk dovuti fil-każ ta’ tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “paga terminali [kumpensatorja] fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-allowances legali dovuti għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bir-rieda tal-ħaddiem minħabba t-trasferiment tal-post ta’ xogħol mill-persuna li timpjega, li jobbliga lill-ħaddiem ibiddel il-post ta’ residenza, għandhom ukoll jaqgħu taħt dan l-istess kunċett.

    Fuq l-ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, ċerti allowances legali dovuti għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bir-rieda tal-ħaddiem kif ukoll dawk dovuti fil-każ ta’ tkeċċija għal raġunijiet oġġettivi, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “paga terminali [kumpensatorja] fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-allowances legali dovuti għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bir-rieda tal-ħaddiem minħabba t-trasferiment tal-post ta’ xogħol mill-persuna li timpjega, li jobbliga lill-ħaddiem ibiddel il-post ta’ residenza, għandhom ukoll jaqgħu taħt dan l-istess kunċett.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Üles