Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0579

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2018.
    BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse vs Gradbeništvo Korana d.o.o.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 1(2) – Materji esklużi – Sigurtà soċjali – Artikolu 53 – Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ċertifikat li juri li d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-oriġini hija eżekuttiva – Sentenza li tikkonċerna pretensjoni kkostitwita minn kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas miżmuma minn korp tas-sigurtà soċjali kontra persuna li timpjega abbażi tal-kollokament ta’ ħaddiema – Eżerċizzju mill-qorti adita minn attività ġudizzjarja.
    Kawża C-579/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:863

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

    Kawża C-579/17

    BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse

    vs

    Gradbeništvo Korana d.o.o.

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 53 – Ħruġ taċ-ċertifikat – Proċedura amministrattiva u ġudizzjarja”

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse (il-Fond għal-leave imħallas u l-kumpens għat-terminazzjoni tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni, l-Awstrija) ( 3 ) għall-ħruġ ta’ ċertifikat, konformement mal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva mogħtija, f’kontumaċja, kontra l-kumpannija Gradbeništvo Korana d.o.o., stabbilita fis-Slovenja.

    3.

    Skont l-Artikoli 37 u 42 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-produzzjoni ta’ tali ċertifikat hija obbligatorja għall-iskopijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni fi Stat Membru tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor. Dan id-dokument iwassal biex jikkonferma, mingħajr proċedura speċjali minn qabel, in-natura eżekuttiva ta’ dawk id-deċiżjonijiet u nħoloq bħala riproduzzjoni tagħhom fil-forma ta’ estratti sabiex jiffavorixxi l-moviment liberu tagħhom u l-eżekuzzjoni diretta tagħhom.

    4.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari tiddependi min-natura amministrattiva jew ġudizzjarja tal-funzjonijiet eżerċitati mill-qorti tal-oriġini fl-istadju tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat.

    5.

    Dan il-punt ta’ liġi li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa ġdid, b’kuntrast ma’ dak imressaq mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, dwar il-klassifikazzjoni tat-tilwima sabiex jiġi stabbilit jekk din taqax jew le bħala “kwistjoni ċivili u kummerċjali”. Peress li din tal-aħħar ma tqajjimx diffikultajiet partikolari fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tiegħi jirrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika qabel ma teżaminaha fil-mertu.

    6.

    Fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, f’każ ta’ inċertezza dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ħruġ taċ-ċertifikat skont l-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament jeżiġi eżami ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-qorti nazzjonali hija awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari u, konsegwentement, li tiddeċiedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    7.

    Il-premessi 1, 4, 6, 26, 29 u 32 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

    “(1)

    Fil-21 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi materji ċivili u kummerċjali[ ( 4 )]. Ir-rapport ikkonkluda li, b’mod ġenerali, it-tħaddim ta’ dak ir-Regolament kien sodisfaċenti, iżda li jkun tajjeb li titjieb l-applikazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, li tiġi ffaċilitata ulterjorment iċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi u li jitjieb ulterjorment l-aċċess għall-ġustizzja. Peress li għandhom isiru għadd ta’ emendi lil dak ir-Regolament, dan għandu jiġi riformulat fl-interess taċ-ċarezza.

    […]

    (4)

    Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

    […]

    (6)

    Sabiex jintlaħaq l-objettiv taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu regolati minn strument legali tal- Unjoni li jkun jorbot u direttament applikabbli.

    […]

    (26)

    Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni tiġġustifika l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali. Barra minn hekk, l-għan li t-tilwim transkonfinali jirriżulta f’inqas ħela ta’ ħin u spejjeż jiġġustifika l-abolizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru indirizzat. Bħala riżultat, sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat.

    […]

    (29)

    L-eżekuzzjoni diretta fl-Istat Membru indirizzat minn sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor mingħajr dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà m’għandhiex tipperikola l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, il-persuna li kontriha jkun qed titfittex l-eżekuzzjoni għandha tkun tista’ tapplika għar-rifjut tar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jekk din tqis li jkun hemm preżenti raġuni waħda għar-rifjut tar-rikonoxximent. Dan għandu jinkludi r-raġuni li l-persuna ma kellhiex l-opportunità li tagħmel l-arranġamenti għad-difiża tagħha meta s-sentenza tkun ingħatat fin-nuqqas tal-apparenza f’azzjoni ċivili marbuta ma’ proċedimenti kriminali. […]

    […]

    (32)

    Sabiex il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tiġi infurmata bl-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, iċ-ċertifikat stabbilit skont dan ir-Regolament, jekk ikun hemm bżonn ikun akkumpanjat mis-sentenza, għandu jiġi nnotifikat lil dik il-persuna fi żmien raġonevoli qabel l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni. F’dan il-kuntest, l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni għandha tfisser l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni wara tali notifika”.

    8.

    Il-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet” jinkludi l-Artikolu 1 li jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

    2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

    […]

    c)

    sigurtà soċjali;

    […]”

    9.

    L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-qorti għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta’ jirċievi d-dokument li jniedi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jagħmel arranġamenti għad-difiża tiegħu, jew li l-passi kollha meħtieġa jkunu ttieħdu għal dan il-għan”.

    10.

    Skont l-Artikolu 37(1) tal-istess regolament li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Rikonoxximent” tal-Kapitolu III, dwar ir-“[r]ikonoxximent u [l-]eżekuzzjoni [tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru]”:

    “Parti li tkun tixtieq tinvoka fi Stat Membru sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tippreżenta:

    a)

    kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

    b)

    iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53”.

    11.

    Fit-Taqsima 2, intitolata “Eżekuzzjoni”, ta’ dan il-Kapitolu III, l-Artikolu 39 jipprovdi:

    “Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà”.

    12.

    L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

    “Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi Stat Membru mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:

    a)

    kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u

    b)

    iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 li jiċċertifika li s-sentenza hija eżegwibbli u li jkun fih silta mis-sentenza kif ukoll, meta jkun xieraq, l-informazzjoni rilevanti dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru tal-proċedimenti u l-kalkolu tal-imgħax”.

    13.

    L-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Meta tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 għandu jkun notifikat lill-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni qabel l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun akkumpanjat mis-sentenza, jekk din ma tkunx diġà ġiet innotifikata lil dik il-persuna”.

    14.

    Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 4, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni”:

    “Il-qorti tal-oriġini għandha, fuq talba ta’ kull parti interessata, toħroġ iċ-ċertifikat bl-użu tal-formula li tidher fl-Anness I” ( 5 ).

    B.   Id-dritt Awstrijak

    15.

    Din l-espożizzjoni hija limitata għad-dispożizzjonijiet ta’ proċedura minħabba s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    16.

    Skont digriet tas‑17 ta’ Settembru 2015 tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) ( 6 ), mogħti abbażi tar-Regolament Nru 44/2001 ( 7 ), l-Artikolu 7a(1) ( 8 ), tal-Gesetz über das Exekutions- und Sicherungsverfahren (Exekutionsordnung) (il-Kodiċi tal-Proċedura għall-Eżekuzzjoni) ( 9 ), kif emendat, japplika għaċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti adita fl-ewwel istanza hija kompetenti għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat.

    17.

    Konformement mal-Artikolu 16(7) tal-Bundesgesetz betreffend die Besorgung gerichtlicher Geschäfte durch Rechtspfleger (Rechtspflegergesetz) (il-Liġi dwar l-Awżiljari tal-Ġustizzja) ( 10 ), tat‑12 ta’ Diċembru 1985, ir-Rechtspfleger (Awżiljarju tal-ġustizzja) huwa responsabbli minn din il-funzjoni.

    18.

    Skont il-punt 7 tad-digriet tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), il-proċedura li tirrigwarda l-ħruġ taċ-ċertifikat fis-sens tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 hija, bħala prinċipju, irregolata mir-regoli tal-proċedura prinċipali. Barra minn hekk, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) ikkunsidrat fl-istess punt li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 84(1) tal-EO (li sar l-Artikolu 411(1)), li jipprevedi proċedura kontradittorja, ma kinitx tapplika.

    19.

    Konformement mal-Artikolu 7(3) tal-EO, jista’ jsir rikors għall-iskopijiet tal-irtirar taċ-ċertifikati li jkunu nħarġu b’mod illegali jew bi żball.

    II. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    20.

    Il-BUAK huwa organu kollettiv irregolat mid-dritt pubbliku Awstrijak, li jinsab fi Vjenna (l-Awstrija) li għandu bħala funzjoni li jiġbor ir-riżorsi intiżi għall-ħlas tal-kumpens ta’ leave mħallas u tal-kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni, bis-saħħa tal-Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungsgesetz 1972 (il-Liġi li tirregola l-Leave Mħallas u l-Kumpens għat-Terminazzjoni tal-Impjieg tal-Ħaddiema fis-Settur tal-Kostruzzjoni) ( 11 ), tat-23 ta’ Novembru 1972, kif emendata ( 12 ).

    21.

    Gradbeništvo Korana, li s-sede tagħha tinsab fis-Slovenja, hija impriża li kkollokat xi ħaddiema fl-Awstrija sabiex iwettqu xogħol ta’ kostruzzjoni hemmhekk.

    22.

    Fit‑18 ta’ Ottubru 2016, il-BUAK adixxa lill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) b’azzjoni kontra Gradbeništvo Korana intiża għall-ksib, prinċipalment, tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 38 477.50, li tikkorrispondi għal suppliment dovut, bis-saħħa tat-taqsima VIb tal-BUAG, minn din il-kumpannija għall-jiem ta’ xogħol imwettqa minn numru kbir ta’ ħaddiema fil-kostruzzjoni kkollokati fl-Awstrija għal perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 2016 sax-xahar ta’ Ġunju 2016.

    23.

    Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ April 2017, mogħtija f’kontumaċja minħabba li Gradbeništvo Korana ma attendietx is-seduta preliminari tal-istess jum, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) laqgħet it-talba kollha tal-BUAK u stabbilixxiet terminu ta’ ħmistax-il jum għall-eżekuzzjoni volontarja min-naħa tal-kumpannija konvenuta. Fl-assenza ta’ appell, din is-sentenza, li ġiet innotifikata lil Gradbeništvo Korana saret res judicata ( 13 ) b’effett mill-21 ta’ Ġunju 2017.

    24.

    Għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni forzata ta’ din is-sentenza, il-BUAK ressaq quddiem l-istess qorti, fil‑31 ta’ Lulju 2017, talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    25.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, li jiddependi mill-punt dwar jekk il-proċedura li wasslet għall-għoti tas-sentenza tat‑28 ta’ April 2017 hijiex kwistjoni ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament.

    26.

    Hija tikkunsidra li ċerti ċirkustanzi jistgħu jagħtu lill-proċedura natura ta’ dritt pubbliku, minkejja li l-BUAK ma għandux is-setgħa, fil-kuntest tal-kollokament tal-ħaddiema, li joħroġ titoli eżekuttivi, bħalma jiġri għas-sitwazzjonijiet purament interni, u li, għall-ħlas tas-suppliment salarjali dan għandu jipproċedi ġudizzjarjament quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna), li għandha kompetenza esklużiva.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li, permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014 ( 14 ), it-Tribunal fédéral (il-Qorti Federali, l-Isvizzera) analizzat proċedura simili bbażata fuq it-taqsima VIb tal-BUAG u ddeċidiet li, minħabba r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn l-impjegat u l-BUAK, dan tal-aħħar jeżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fejn tali proċedura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano ( 15 ).

    28.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt ‘kwistjonijiet ċivili u kummerċjali’ proċeduri li jinvolvu pretensjonijiet mill-[BUAK] għal supplimenti salarjali kontra persuni li jimpjegaw minħabba l-kollokament fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol ta’ ħaddiema mingħajr post tax-xogħol abitwali fl-Awstrija jew fil-kuntest ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema fl-Awstrija, jew kontra persuni li jimpjegaw li huma stabbiliti barra minn Awstrija minħabba l-ingaġġ ta’ ħaddiema li għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, anki meta tali pretensjonijiet mill-BUAK għal supplimenti salarjali jikkonċernaw relazzjonijiet ta’ xogħol irregolati mid-dritt privat u jkopru d-drittijiet għal leave u allowances ta’ leave annwali u jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ persuni li jimpjegaw, minkejja li

    kemm l-ammont tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema kontra l-BUAK għall-allowances ta’ leave annwali kif ukoll l-ammont tal-pretensjonijiet tal-BUAK kontra persuni li jimpjegaw għal supplimenti salarjali huma ddeterminati mhux b’kuntratt jew bi ftehim kollettiv, iżda permess ta’ digriet tal-Ministru Federali,

    is-supplimenti salarjali dovuti minn persuni li jimpjegaw lill-BUAK iservu mhux biss sabiex ikopru l-ispejjeż għall-ħlas tal-allowances ta’ leave annwali lill-ħaddiema iżda wkoll sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-BUAK u

    fir-rigward tal-implementazzjoni u tal-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet għal tali supplimenti salarjali, il-BUAK għandu poteri iktar estensivi minn dawk ta’ persuna privata, sa fejn

    il-persuni li jimpjegaw għandhom, taħt piena ta’ multa, jagħmlu dikjarazzjonijiet lill-BUAK f’okkażjonijiet speċifiċi u fuq bażi mensili, billi jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni stabbiliti mill-BUAK, jikkooperaw u jaċċettaw il-miżuri ta’ kontroll tal-BUAK, jagħtu aċċess lill-BUAK għal dokumenti salarjali, imprenditorjali u oħra, u jipprovdu lil dan tal-aħħar b’informazzjoni u,

    fil-każ li l-persuni li jimpjegaw ma josservawx l-obbligi tagħhom ta’ komunikazzjoni, il-BUAK huwa awtorizzat jikkalkola s-supplimenti salarji dovuti mill-persuni li jimpjegaw fuq il-bażi tal-investigazzjoni tiegħu stess, u f’dan il-każ l-ammont tal-pretensjoni tas-suppliment salarjali tal-BUAK huwa dak stabbilit mill-BUAK, irrispettivament miċ-ċirkustanzi effettivi tal-kollokament jew tal-impjieg ikkonċernat?”

    29.

    Fil‑5 ta’ Lulju 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra l-Gradbeništvo Korana u biż-żamma tat-talba għal deċiżjoni preliminari min-naħa tal-qorti tar-rinviju ( 16 ).

    III. L-analiżi tiegħi

    30.

    Permezz tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar il-proċedura għall-ħruġ taċ-ċertifikat konformement mal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE, li tiddependi fuq il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet eżerċitati mill-organu tar-rinviju.

    31.

    Hija ssostni li l-qorti ta’ oriġini, maħtura bħala responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, taġixxi fil-kwalità ta’ organu ġudizzjarju fil-kontinwazzjoni tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita u li din għandha l-kompetenza li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, f’dan l-istadju, peress li din ma setgħetx tinqata’ fil-fażi tas-sentenza. Il-Kummissjoni tinvoka l-loġika u l-għan tal-imsemmi regolament kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża relatati mal-assenza ta’ kontestazzjoni mill-konvenut sabiex tiddeduċi minn dan kollu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza biex tirrispondi d-domanda magħmula.

    32.

    Sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tad-domanda preliminari humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali, jidher opportun li jsir riferiment, fl-ewwel lok, għall-prinċipji esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam u, b’mod iktar preċiż, għall-okkażjoni tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn organu responsabbli milli jipproċedi biċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew ( 17 ).

    33.

    Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, “skont ġurisprudenza stabbilita, jekk l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċedura li matulha l-qorti nazzjonali tifformula domanda preliminari, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima hija pendenti quddiemhom u jekk dawn huma mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja” ( 18 ).

    34.

    Min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat, mill-ġdid, li, “jekk l-kliem ‘jagħtu s-sentenza tagħhom’, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jinkludu l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju, dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati b’mod wiesgħa, sabiex jiġi evitat li numru ta’ kwistjonijiet proċedurali jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli u ma jkunux jistgħu jingħataw interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika” ( 19 ).

    35.

    Fit-tieni lok, għandha ssir approssimazzjoni ma’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw iċ-ċertifikati maħruġa skont ir-Regolamenti Nri 44/2001 u 805/2004.

    36.

    Fis-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi ( 20 ), mogħtija abbażi tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “ċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew jikkostitwixxi att ta’ natura ġudizzjarja” ( 21 ), u kkonfermat għaldaqstant l-analiżi adottata mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Imtech Marine Belgium ( 22 ).

    37.

    Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency ( 23 ), mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ġiet adita f’kuntest ta’ rikors kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja fl-Istat Membru tal-oriġini u akkumpanjata miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 24 ), jista’ jiġi dedott li tali ċertifikat ma jeżiġix eżami ġudizzjarju. Hija sostniet li, “sa fejn il-qorti […] kompetenti għall-ħruġ ta[ċ]-ċertifikat ma tikkorrispondix neċessarjament għal dik li tkun tat id-deċiżjoni li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba, [l-]informazzjoni jista’ biss ikollha natura purament indikattiva, b’valur ta’ sempliċi tagħrif” ( 25 ).

    38.

    Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li l-elementi użati għall-klassifikazzjoni tal-funzjoni mwettqa mill-qorti tal-oriġini waqt il-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom ikunu bbażati mhux biss fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli, iżda wkoll fuq is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament u mill-għanijiet li dan jixtieq jikseb.

    39.

    L-analiżi ta’ dawn l-elementi jwassluni sabiex nikkunsidra li, minkejja ċerta punti ta’ konverġenza li jeżistu bejn ir-Regolament Nru 1215/2012 u r-Regolamenti Nri 44/2001 u 805/2004, ebda waħda mis-soluzzjonijiet preċedenti adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hija trasponibbli direttament.

    40.

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 hija differenti minn dik tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jikkorrispondi. Għalkemm dan jipprovdi li “l-qorti jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat Memnru fejn kienet ingħatat is-sentenza għandha toħroġ, fuq it-talba ta’ xi parti interessata, ċertifikat li juża l-formola normali f’L-Anness V ta’ dan ir-Regolament” ( 26 ), l-Artikolu 53 jipprovdi li ċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-“qorti tal-oriġini”.

    41.

    Sussegwentement, il-proċedura għall-ħruġ, minn dik il-qorti, taċ-ċertifikat li jattesta n-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni ( 27 ) għandha tiġi distinta mill-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew ( 28 ). Dawn il-kliem, li jinsabu fir-Regolamenti Nri 805/2004 u 1215/2012, juru differenza kbira bejn dawn iż-żewġ proċeduri. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 805/2004, iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar kreditu mhux ikkontestat quddiem il-qorti tal-oriġini bħala titolu eżekuttiv tippreċedi l-att formali tal-ħruġ taċ-ċertifikat, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ).

    42.

    Fl-aħħar nett, huwa essenzjali li jingħad li jekk, bħar-Regolament Nru 805/2004, ir-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ tneħħija tal-exequatur, dan jiġġeneralizzah mingħajr prerekwiżiti. Din l-innovazzjoni kbira, li seħħet fir-riforma tar-Regolament Nru 44/2001, li kienet issimplifikat id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva, tirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-prinċipju ta’ saħħa eżekuttiva immedjata ( 30 ) fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 26 ta’ dan ir-regolament li skontha “sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat”.

    43.

    Din hija r-raġuni għalfejn, għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor, huwa biżżejjed, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1215/2012, li tiġi prodotta kopja ta’ dik id-deċiżjoni u ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament.

    44.

    Dan iċ-ċertifikat jikkostitwixxi għaldaqstant il-bażi fundamentali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni diretta tad-deċiżjoni mogħtija fl-Istati Membri. Fi kliem ieħor, mingħajr dak id-dokument, id-deċiżjoni ma tkunx “tgawdi minn moviment liberu fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew” ( 31 ), ħaġa li ma kinitx il-każ fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001 ( 32 ).

    45.

    Għaldaqstant, sabiex tiġi ffaċilitata l-komprensjoni tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, iċ-ċertifikat ġie maħluq bħala s-sostitut tagħha ( 33 ), mingħajr ma t-traduzzjoni tiegħu ( 34 ), jew anki dik tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita tkun obbligatorja fil-każijiet kollha ( 35 ).

    46.

    L-effikaċja ta’ din is-sistema, li ġġustifikat iż-żieda ta’ numru ta’ taqsimiet fiċ-ċertifikat, tistrieħ fuq il-kwalità tal-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tal-oriġini fl-istadju tas-sentenza li sussegwentement ikunu ser iservu bħala bażi għall-ħolqien taċ-ċertifikat. Ebda verifika ulterjuri ma ssir mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru indirizzat. F’każ ta’ talba għal eżekuzzjoni, hija biss il-persuna li kontriha dan ikun inħareġ li tista’ tadixxi lil dik il-qorti sabiex din tiddeċiedi dwar ir-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent ( 36 ) jew tal-eżekuzzjoni ( 37 ) allegati. Huwa preċiżament minħabba din il-fakultà li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiġi nnotifikat lill-persuna kkonċernata qabel kull eżekuzzjoni, konformement mal-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament.

    47.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-qorti tal-oriġini, adita b’talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat, jeħtieġ prinċipalment li tirriproduċi l-indikazzjonijiet li jissemmew fid-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita ( 38 ). Hija ma tipproċedix għall-verifika tal-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti li jiġġustifikaw l-eliminazzjoni tal-exequatur bħalma il-każ tal-istrumenti preċedenti ( 39 ) meta l-assenza ta’ exequatur kienet marbuta jew mal-verifiki ta’ garanziji partikolari ( 40 ), jew mal-iżvolġiment tal-proċedura skont ir-regoli speċifiċi stabbiliti minn ċerti regolamenti ( 41 ).

    48.

    Konsegwentement, f’każ ta’ talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, jidhirli li hemm żewġ każijiet li għandhom jiġu kkontemplati.

    49.

    Għalkemm il-qorti tal-oriġini tqis ruħha li għandha l-kompetenza sabiex toħroġ iċ-ċertifikat meta d-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita jkun fiha r-rekwiżiti kollha, l-att tal-ħruġ taċ-ċertifikat ma għandu ebda natura ġudizzjarja. Minkejja li dan iċ-ċertifikat jikkostitwixxi element primordjali fil-proċess ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, previst mir-Regolament Nru 1215/2012, in-natura tiegħu ma hijiex differenti, f’tali il-każ, minn dik murija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 42 ).

    50.

    Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jippreċiżax min, fil-qorti tal-oriġini, għandu l-kompetenza li joħroġ tali ċertifikat ( 43 ), dan jista’ wkoll jinħareġ minn organu li ma huwiex ġudizzjarju. Għaldaqstant, f’din l-ipoteżi, il-kwistjoni tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tqumx.

    51.

    Min-naħa l-oħra, għalkemm, bħal f’dan il-każ, il-qorti tal-oriġini ma tatx deċiżjoni, fl-istadju tas-sentenza ( 44 ), dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 45 ) u għalkemm ma huwiex ċar li l-kwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, din il-qorti għandha neċessarjament tipproċedi għal eżami ġudizzjarju, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jew fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha għall-iskopijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat, jew wara rikors ( 46 ), meta jkun hemm rifjut.

    52.

    F’din iċ-ċirkustanza, il-qorti tal-oriġini ma tikkompletax jew ma tinterpretax id-deċiżjoni mogħtija kif hija suppost tagħmel sabiex tkun tista’ tipprovdi informazzjoni dwar ċerti taqsimiet taċ-ċertifikat, f’każ ta’ deċiżjoni mhux kompleta jew mhux preċiża ( 47 ). Billi tivverifika jekk għandhiex kompetenza sabiex toħroġ iċ-ċertifikat, hija tkun qiegħda tkompli l-proċedura tas-sentenza, f’fażi intiża li tiggarantixxi s-saħħa eżekuttiva immedjata tad-deċiżjoni mogħtija. Il-qorti tal-oriġini għandha, għaldaqstant, tagħti deċiżjoni li tiġġustifika, konformement mal-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja” ( 48 ), li hija tkun tista’ tissottometti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċertezza legali u l-eżekuzzjoni rapida tad-deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru tal-oriġini jiddependu ħafna minnha.

    53.

    Fil-fehma tiegħi, dan il-każ għandu jitqabbel ma’ dak fejn il-qorti tal-oriġini għandha tinterpreta s-sens ta’ ċerti taqsimiet taċ-ċertifikat fir-rigward tal-partikolaritajiet tad-dritt nazzjonali tiegħu ( 49 ) jew tiddeċiedi dwar il-kompetenza tal-qorti fuq il-mertu f’każ ta’ deċiżjoni li tordna miżura provviżorja jew kawtelatorja ( 50 ). Għalhekk il-qorti tal-oriġini teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji li jiġġustifikaw ukoll li hija tkun awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

    54.

    Din il-klassifikazzjoni ta’ qorti, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, għandha madankollu, fil-fehma tiegħi, tibqa’ eċċezzjonali. Fil-fatt, ma għandhiex tkun tinvolvi, fl-istadju tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, li “tinbeda proċedura ġdida” ( 51 ), taħt piena li tqiegħed inkwistjoni l-għan tar-Regolament Nru 1215/2012 u li tippreġudika d-drittijiet tad-debitur ( 52 ). Fil-fatt, jeħtieġ li titfakkar in-natura mhux kontradittorja tal-proċedura ta’ ħruġ taċ-ċertifikat. Barra minn hekk, id-debitur, li jkun ġie nnotifikat biċ-ċertifikat ( 53 ), ikun jista’ jippreżenta rikors kontra l-effetti taċ-ċertifikat biss fil-limiti tal-motivi previsti fl-Artikolu 45 ( 54 ) tar-Regolament Nru 1215/2012. Issa, dawn jiġu interpretati b’mod strett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex f’dan l-istadju tal-proċedura l-konvenut li jkun ġie informat b’mod regolari bil-proċedura ma jkunx jista’ jikkontestahom permezz ta’ motivi, bħalma huwa l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, li setgħu jitqajmu quddiem il-qorti li tanalizza l-mertu jew billi jiġu eżerċitati r-rimedji ġudizzjarji ( 55 ).

    55.

    Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li l-qorti tar-rinviju, adita b’talba għal ħruġ taċ-ċertifikat konformement mal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, li tiddubita dwar l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament fl-assenza ta’ deċiżjoni fuq dan il-punt, hija awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari.

    56.

    Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, f’każ ta’ inċertezza dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ħruġ taċ-ċertifikat konformement mal-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament jirrikjedi eżami ġudizzjarju li fil-kuntest tiegħu l-qorti nazzjonali hija awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari u, konsegwentement, li tiddeċiedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    IV. Konklużjoni

    57.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, f’każ ta’ inċertezza dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-ħruġ taċ-ċertifikat konformement mal-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament jirrikjedi eżami ġudizzjarju li fil-kuntest tiegħu l-qorti nazzjonali hija awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari u, konsegwentement, li tiddeċiedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) hija ammissibbli.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2012, L 351, p. 1.

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“BUAK”.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42.

    ( 5 ) Dwar id-differenza fil-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu meta mqabbla ma’ dik tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 6 ) Digriet Nru 3Ob152/15x.

    ( 7 ) Sa fejn naf jien, ma ngħata ebda digriet ġdid abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 8 ) Applikabbli għad-data tal-fatti, li sar l-Artikolu 419(1).

    ( 9 ) RGBl. 79/1896, iktar ’il quddiem l-“EO”.

    ( 10 ) BGBl. 560/1985.

    ( 11 ) BGBl. 414/1972, iktar ’il quddiem il-“BUAG”.

    ( 12 ) BGBl. I 72/2016.

    ( 13 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tinsab ebda preċiżazzjoni fuq il-verifika dwar l-għarfien mill-konvenuta tal-proċedura pendenti u lanqas tal-bażi li fuqha hija tressqet quddiem il-qorti tal-Istat Membru li fih hija ddomiċiljata r-rikorrenti, b’deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 14 ) Sentenza Nru 5A_249/2014.

    ( 15 ) Minħabba d-data ta’ din is-sentenza, għandha tiġi applikata l-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1).

    ( 16 ) Skont l-indikazzjonijiet miġbura waqt is-seduta, għandu japplika r-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19).

    ( 17 ) Ara r-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 7, p. 38). Jista’ jiġi rilevat li, għalkemm ingħataw tliet sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw iċ-ċertifikati maħruġa bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531), tas-17 ta’ Diċembru 2015, Imtech Marine Belgium (C‑300/14, EU:C:2015:825), u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448)), hija biss din l-aħħar kawża li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    ( 18 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fl-istess sens, b’riferiment għar-Regolament Nru 805/2004, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Imtech Marine Belgium (C‑300/14, EU:C:2015:825, punt 47).

    ( 20 ) C‑511/14, EU:C:2016:448.

    ( 21 ) Ara l-punt 30 ta’ din is-sentenza.

    ( 22 ) C‑300/14, EU:C:2015:825 (punti 46 u 47).

    ( 23 ) C‑619/10, EU:C:2012:531.

    ( 24 ) Infakkar li dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 25 ) Ara l-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza.

    ( 26 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 27 ) Ara l-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan għandu jitqabbel mal-punt 68 tas-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271), li skontu “ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonstata n-natura eżekuttiva tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini fid-data li fiha nħareġ dan iċ-ċertifikat”.

    ( 28 ) Ara t-titolu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 805/2004: “[…] ċertifikazzjoni [tad-deċiżjoni] bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar”.

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Imtech Marine Belgium (C‑300/14, EU:C:2015:825, punt 45). Għandu jiġi enfasizzat li, f’tali każ, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 805/2004 tiġi vverifikata fi stadju ta’ qabel iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni.

    ( 30 ) Dan il-prinċipju jikkomplementa lil dak tar-rikonoxximent sħiħ tad-deċiżjonijiet, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, imfakkar, ukoll, fil-premessa 26 tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara, ukoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punti 5253).

    ( 31 ) Espressjoni użata fis-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 27), relatata mat-titolu eżekuttiv Ewropew.

    ( 32 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 36).

    ( 33 ) Ara l-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 li skontu “ċ-ċertifikat […] jkun fih silta mis-sentenza kif ukoll, meta jkun xieraq, l-informazzjoni rilevanti dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru tal-proċedimenti u l-kalkolu tal-imgħax”.

    ( 34 ) Ara l-Artikolu 42(3) ta’ dan ir-regolament.

    ( 35 ) Ara, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom it-traduzzjoni tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita tista’ xorta waħda tintalab jew mill-awtorità kompetenti responsabbli mill-eżekuzzjoni, jew mill-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, rispettivament, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tal-imsemmi regolament.

    ( 36 ) Ara l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 37 ) Ara l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 38 ) F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jimmaġina li, sa fejn possibbli, id-diffikultajiet eventwali jiġu antiċipati waqt li tinkiteb is-sentenza.

    ( 39 ) Bl-eċċezzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 1, p. 191), Artikoli 16 sa 18, imħassar bir-Regolament 2015/848 u ssostitwit bl-istess mod bl-Artikoli 19 sa 21 ta’ dan ir-regolament li jipprovdu għar-rikonoxximent u l-effetti diretti tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment. Ara wkoll, l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat‑18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1), li tissuġġetta t-tneħħija tal-exequatur għall-applikabbiltà tal-Protokoll ta’ Den Haag, tat‑23 ta’ Novembru 2007, dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment fl-Istat Membru li fih ingħatat id-deċiżjoni, mingħajr kunsiderazzjoni għar-regoli proċedurali applikati jew il-kontestazzjoni tal-konvenut.

    ( 40 ) Fir-rigward tad-djun mhux ikkontestati, ara r-Regolament 805/2004 u s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rilevat li, b’effett mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1215/2012, l-unika interess sabiex tintalab l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 joħroġ mill-osservanza ta’ dawn il-garanziji, peress li l-preżunzjoni ta’ ammissjoni tal-kreditu hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-parti kkundannata ma dehritx matul il-proċedura.

    ( 41 ) Ara r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), u r-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1).

    ( 42 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 3637). Għandu jiġi osservat li din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura f’kontumaċja f’taqsima tal-formola mhux mibdula fir-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 43 ) Qabbel mas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Imtech Marine Belgium (C-300/14, EU:C:2015:825, punt 44), dwar l-espressjoni “qorti ta’ oriġini” li tinsab fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004.

    ( 44 ) Il-kwistjoni tista’ tqum ukoll għall-ewwel darba fl-istadju tal-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjoni mogħtija f’kawża nazzjonali. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Weil (C‑361/18), li tinsab attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 45 ) F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat, u dan b’kuntrast ma’ dak li ġie sostnut mill-Kummissjoni fil-punt 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, meta l-konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru jitħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx, din għandha tkun partikolarment attenta fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, minn naħa, skont il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, l-eżistenza ta’ regoli komuni Ewropej dwar il-ġurisdizzjoni għandha tkun ivverifikata u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 28 tal-istess regolament, il-qorti għandha ex officio tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni, sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-istess regolament, u tipproċedi b’ċerti verifiki li jirrigwardaw l-osservanza tad-dritt tad-difiża tal-konvenut. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni], li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali, għandhom jitqiesu bħala li huma ta’ ordni pubblika” (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 10)].

    ( 46 ) Qabbel mas-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C‑111/94, EU:C:1995:340, punt 11), u tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 37), kif ukoll mat-talba għad-deċiżjoni preliminari fil-kawża Logistik XXL (C‑135/18), li hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 47 ) F’dawn il-każijiet, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu implimentati proċeduri oħra previsti fid-dritt nazzjonali peress li, fl-istadju tal-ħruġ taċ-ċertifikat, il-proċedura ma hijiex kontradittorja.

    ( 48 ) Ara l-punti 31 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 49 ) Ara t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Logistik XXL (C‑135/18), li hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrigwarda t-taqsima 4.4 tal-formola li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan il-każ, il-qorti tal-oriġini ordnat li s-sentenza għall-ħlas ta’ somma flus hija provviżorjament eżekuttiva sakemm tiġi pprovduta garanzija mill-kreditur. Dan jista’ jillimita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni għal ċertu ammont tal-kreditu dovut (u konsegwentement il-garanzija tiegħu) jew għal miżuri kawtelatorji, wara l-iskadenza ta’ terminu, jekk ma tkunx saret il-garanzija.

    ( 50 ) Ara taqsima 4.6.2. tal-formola li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1215/2012 u, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Nuyts, A., “La refonte du règlement Bruxelles I”, Revue critique de droit international privé, Dalloz, Pariġi, 2013, p. 1 sa 64, b’mod partikolari p. 27 (punti 23 u 24).

    ( 51 ) Espressjoni meħuda mis-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 31).

    ( 52 ) Dwar it-tfakkira tad-drittijiet tad-difiża, ara l-premessa 29 tar-Regolament Nru 1215/2012.

    ( 53 ) F’din l-okkażjoni, fil-fehma tiegħi, huwa għandu jiġi informat bir-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 fosthom, b’mod partikolari, dawk ibbażati fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-parti dgħajfa. Ara, f’dan ir-rigward, il-kawża Salvoni (C‑347/18), li tinsab attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 54 ) Ara, ukoll, ir-riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward tal-verifika tar-rispett tad-drittijiet tal-konvenut kontumaċi, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 3738), li l-portata tagħha jidhirli li tista’ tiġi estiża għar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-Anness I ta’ dan ir-regolament fih l-istess taqsima bħal dik li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 44/2001, li l-effetti tiegħu kienu ġew diskussi f’dik il-kawża. Barra minn hekk, skont il-premessa 30 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-parti li tikkontesta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha, sa fejn ikun possibbli, u konformement mas-sistema legali tal-Istat Membru indirizzat, tkun tista’ tinvoka wkoll ir-raġunijiet għal rifjut disponibbli taħt il-liġi nazzjonali u fit-termini ffissati f’dik il-liġi. Għaldaqstant, id-diffikultajiet eżaminati fis-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653), għandhom jiġu evitati.

    ( 55 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471), u tal-25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349). Fil-każ kuntrarju, fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ikollu bħala effett li jaċċetta li l-qorti tal-Istat Membru indirizzat jista’ jistħarreġ l-evalwazzjoni tal-qorti tal-oriġini.

    Top