Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0556

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-30 ta’ April 2019.
    Alekszij Torubarov vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(3) – Eżami sħiħ u ex nunc – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Assenza ta’ setgħa ta’ bidla – Rifjut tal-awtorità amministrattiva jew kważi ġudizzjarja kompetenti li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ din il-qorti.
    Kawża C-556/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:339

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit‑30 ta’ April 2019 ( 1 )

    Kawża C‑556/17

    Alekszij Torubarov

    vs

    Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Pécs, l-Ungerija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kontrolli tal-fruntiera, ażil u immigrazzjoni — Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali — Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali — Dritt għal rimedju effettiv — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali limitata għas-setgħa ta’ annullament”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-table tennis (jew, skont l-isem tad-ditta, Ping-Pong) huwa sport popolari, li l-oriġini tiegħu jidhru li jmorru lura sal-Ingilterra tas-seklu 19 jew tal-bidu tas-seklu 20. “L-għan [tal-logħba] huwa li jintlaqat il-ballun sabiex jaqbeż ix-xibka u jaħbat man-nofs tal-mejda tal-avversarju b’tali mod li l-avversarju ma jistax jilħqu jew jirritornah tajjeb” [traduzzjoni libera]. Ma’ din id-definizzjoni bażika, l-Encyclopædia Britannica żżid fatt storiku interessanti: “l-ewwel kampjonati mondjali saru f’Londra fl‑1926, u minn dakinhar sal‑1939 il-logħba kienet iddominata minn plejers tal-Ewropa ċentrali, bl-avveniment tat-tim tal-irġiel jintrebaħ disa’ darbiet mill-Ungerija u darbtejn miċ-Ċekoslovakja” ( 2 ) [traduzzjoni libera].

    2.

    Sfortunatament, teżisti verżjoni oħra tal-logħba li ġeneralment hija inqas pjaċevoli. Fil-lingwaġġ ġudizzjarju Ċek, iżda probabbilment mhux hemm biss, “ping-pong ġudizzjarju” jew “proċedurali” jirreferi għas-sitwazzjoni li ma hijiex mixtieqa fejn kawża ripetutament tisfa’ bħal mekkuk bejn qrati fi struttura ġudizzjarja, jew, fil-kuntest ta’ ġustizzja amministrattiva, bejn il-qrati u l-amministrazzjoni.

    3.

    Din il-kawża u l-kwistjonijiet li tikxef tista’ tiġġustifika l-ipoteżi li l-popolarità tal-logħba fl-Ewropa ċentrali, sfortunatament fl-aħħar verżjoni tagħha, jiġifieri dik ġudizzjarja, għadha ma ġietx ikkonfinata għall-kotba tal-istorja u l-enċiklopediji.

    4.

    Fl-2015, il-leġiżlatur Ungeriż biddel il-kompetenza li l-qrati kellhom fl-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-ażil, qabel huma kellhom il-possibbiltà li direttament jirriformaw deċiżjoni u issa għandhom biss is-setgħa li jannullaw u jirrinvijaw. B’konsegwenza, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jissostitwixxu tali deċiżjonijiet meta jsibu li huma illegali. Huma jistgħu purament jannullaw id-deċiżjoni u jirrinvijaw il-kawża quddiem l-amministrazzjoni għal deċiżjoni ġdida.

    5.

    A. Torubarov (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) applika għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija fl‑2013. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda darbtejn mill-amministrazzjoni. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ ċaħda ġew annullati, għal raġunijiet differenti, mill-qorti tar-rinviju. L-amministrazzjoni sussegwentement ċaħdet din l-applikazzjoni għat-tielet darba, apparentament b’nuqqas ta’ osservanza tal-istruzzjonijiet ġudizzjarji li kienu ngħataw mill-qorti tar-rinviju fit-tieni sentenza li annullat it-tieni deċiżjoni amministrattiva.

    6.

    Il-qorti tar-rinviju issa qiegħda tiddeċiedi l-kwistjoni għat-tielet darba. Affaċċjata mill-problema ta’ amministrazzjoni li ma tridx toqgħod għal deċiżjoni ġudizzjarja, dik il-qorti trid taċċerta jekk tistax tidderiva s-setgħa li tirriforma d-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, u iktar speċifikament, mid-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/32”) ( 3 ), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    7.

    Iva, tista’.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    8.

    L-Artikolu 46(1)(a) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    (a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

    (i)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

    […]

    3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ( 4 ), ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

    9.

    L-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 jinkludi d-dispożizzjonijiet tranżitorji segwenti:

    “L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva 2005/85/KE ( 5 ).

    […]”

    10.

    Il-“liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1)” tad-Direttiva 2013/32 jinkludu miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 46 tal-istess direttiva.

    B.   Id-dritt Ungeriż

    11.

    L-Artikolu 46(1)(a) tal‑2007. évi LXXX. törvény a menedékjogról (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ażil”) jipprovdi:

    “Fi proċeduri tal-ażil mwettqa mill-awtorità inkarigata mir-refuġjati:

    a)

    l-ebda appell ma huwa permess u l-ftuħ mill-ġdid tal-kawża ma jistax jintalab;”

    12.

    Skont l-Artikolu 68(5) u (6) tal-Liġi dwar l-Ażil:

    “(5)   Il-qorti ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati. Il-qorti għandha tannulla kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li hija ssib illegali – bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza ta’ regola proċedurali li ma taffettwax il-mertu tal-kawża – u, jekk neċessarju, għandha tordna lill-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil tibda proċedura ġdida.

    (6)   Id-deċiżjoni tal-qorti li tagħlaq il-proċedura hija finali, ma hemm l-ebda appell minnha.”

    13.

    L-Artikolu 339(1) tal‑1952. évi III. törvény a polgári perrendtartásról (il-Liġi Nru III tal‑1952 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“KPĊ”) jgħid:

    “Sakemm il-leġiżlazzjoni rilevanti ma tgħidx mod ieħor, il-qorti għandha tannulla kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li hija ssib illegali – bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza ta’ regola proċedurali li ma taffettwax il-mertu tal-kawża – u, jekk neċessarju, għandha tordna [lill-korp amministrattiv] iwettaq proċedura ġdida.”

    14.

    L-Artikolu 109(4) tal‑2004. évi CXL. törvény a közigazgatási hatósági eljárás és szolgáltatás általános szabályairól (il-Liġi Nru CXL tal‑2004 dwar ir-Regoli Ġenerali tal-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi”) jipprovdi:

    “L-awtorità għandha tkun marbuta mid-dispożittiv u mill-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-qorti bil-ġurisdizzjoni dwar azzjonijiet amministrattivi, u għandha tipproċedi b’dan il-mod fil-proċedura l-ġdida u meta tieħu deċiżjoni ġdida.”

    15.

    Skont l-Artikolu 121(1)(f) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi:

    “Fil-proċedura rregolata minn dan il-kapitolu, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata jekk:

    […]

    f) il-kontenut tad-deċiżjoni huwa kontradittorju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 109(3) u (4)”.

    III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domanda preliminari

    16.

    Ir-rikorrent huwa negozjant Russu. Huwa kien membru tal-partit tal-oppożizzjoni Russu “Kawża Ġusta”. Huwa kien ukoll membru ta’ organizzazzjoni ta’ soċjetà ċivili, “L-Assoċjazzjoni Russa tan-Negozju”, li tappoġġja negozjanti fir-Russja.

    17.

    Mill‑2008 ’il quddiem, diversi azzjonijiet kriminali tressqu kontrih fir-Russja. Huwa vvjaġġa lejn l-Awstrija u sussegwentement lejn ir-Repubblika Ċeka. Minn hemm huwa ġie estradit lejn ir-Russja fit‑2 ta’ Mejju 2013 taħt mandat ta’ arrest internazzjonali. Ladarba kien lura fir-Russja, ir-rikorrent kien akkużat, iżda sussegwentement ġie meħlus.

    18.

    Fid‑9 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent qasam il-fruntiera Ungeriża. Dakinhar stess, huwa ġie arrestat mill-pulizija Ungeriża tal-fruntiera u applika għal protezzjoni internazzjonali.

    19.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2014 l-awtorità Ungeriża responsabbli għad-dritt għall-ażil, il-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, iktar ’il quddiem il-“konvenut”) ċaħdet l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni amministrattiva”). Skont il-konvenut, la l-istqarrijiet tar-rikorrent u lanqas l-informazzjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini ma kienu jsostnu l-allegazzjonijiet li huwa jaffaċċja riskju reali ta’ persekuzzjoni jew dannu serju.

    20.

    Ir-rikorrent talab stħarriġ ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni amministrattiva quddiem il-qorti tar-rinviju, li, b’sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2015 annullat id-deċiżjoni tal-konvenut u ordnatlu jwettaq proċedura ġdida (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ġudizzjarja”). Dik il-qorti nnotat li l-ewwel deċiżjoni amministrattiva kien fiha inkonsistenzi, li l-konvenut kien naqas milli jinvestiga numru ta’ fatti, u kien wettaq evalwazzjoni mhux sistematika tal-fatti li huwa vverifika. Il-qorti ordnat lill-konvenut jissupplimenta r-riċerka tiegħu dwar l-informazzjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini u biex iwettaq evalwazzjoni komprensiva tal-fatti u tal-evidenza fi proċedura ġdida.

    21.

    Permezz tat-tieni deċiżjoni tiegħu, mogħtija fit‑22 ta’ Ġunju 2016, il-konvenut reġa’ ċaħad l-applikazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni amministrattiva”). Huwa kkonkluda li anki jekk akkużi kriminali kienu nġiebu kontra r-rikorrent fir-Russja għal raġunijiet politiċi, id-dritt għal smigħ xieraq minn tribunal indipendenti kien ikun iggarantit lilu f’dak il-pajjiż. Il-konvenut invoka wkoll dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni miksuba mill-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni Kostituzzjonali, l-Ungerija). Il-konvenut stqarr li l-preżenza tar-rikorrent fl-Ungerija kienet kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, għaliex kienu ġew stabbiliti raġunijiet li juru li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 6 ) għall-esklużjoni tiegħu kienet ġiet ssodisfatta.

    22.

    Ir-rikorrent ikkontesta t-tieni deċiżjoni amministrattiva quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz tat-tieni sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2017, il-qorti tar-rinviju annullat din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ġudizzjarja”). Hija kkonstatat li d-deċiżjoni tal-konvenut kienet illegali għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, minħabba l-evalwazzjoni manifestament inkonsistenti tal-informazzjoni fuq il-pajjiż ta’ oriġini, u t-tieni nett, għaliex hija bbażat fuq id-dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni mogħtija mill-Uffiċċju Ungeriż tal-Protezzjoni Kostituzzjonali, li kienet tinkludi data kunfidenzjali.

    23.

    Fir-rigward tal-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li kien issostanzjat b’mod ċar li l-biża’ tar-rikorrent li jkun suġġett għal persekuzzjoni politika kienet fondata. Fir-rigward tat-tieni punt, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni kienet manifestament inkonsistenti għaliex minn din id-dikjarazzjoni ma jirriżultax ċar li r-rikorrent seta’ kien involut f’attivitajiet ta’ servizzi sigrieti barranin li jistgħu jxekklu l-indipendenza jew l-interessi politiċi, ekonomiċi, ta’ difiża jew interessi rilevanti oħrajn tal-Ungerija, u lanqas ma seta’ jiġi affermat li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni għall-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati.

    24.

    Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju tat istruzzjonijiet lill-konvenut biex iwettaq proċedura ġdida. Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija ddikjarat li l-applikazzjoni tar-rikorrent għal protezzjoni internazzjonali għandha bħala prinċipju tingħata.

    25.

    Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑15 ta’ Mejju 2017, il-konvenut ċaħad l-applikazzjoni tar-rikorrent (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni amministrattiva”). Il-konvenut ma kompliex jinvoka l-pożizzjoni msemmija iktar’il fuq. Huwa insista, madankollu, li ma kienx ġie ssostanzjat li l-biża’ tar-rikorrent li jkun suġġett għal persekuzzjoni politika kienet fondata.

    26.

    F’rikors ippreżentat kontra t-tielet deċiżjoni amministrattiva, ir-rikorrent qiegħed jitlob li l-qorti tar-rinviju tirriforma din id-deċiżjoni u tagħtih status ta’ refuġjat jew minn tal-inqas protezzjoni sussidjarja jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Bħala talba sekondarja, huwa qiegħed jitlob li t-tielet deċiżjoni amministrattiva tiġi annullata. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, huwa qiegħed jistqarr li, skont it-tieni deċiżjoni ġudizzjarja, huwa kellu jingħata l-istatus ta’ refuġjat, suġġett biss għall-eżistenza ta’ raġunijiet għall-esklużjoni. It-tielet deċiżjoni amministrattiva hija, fil-fehma tiegħu, invalida għaliex ma tosservax is-sentenza preċedenti tal-qorti.

    27.

    Il-konvenut qiegħed jerġa’ jistqarr il-pożizzjoni li ħa fit-tielet deċiżjoni amministrattiva.

    28.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-konvenut ma osservax it-tieni deċiżjoni ġudizzjarja, li tikkostitwixxi bażi għal annullament skont l-Artikolu 109(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi. Dik il-qorti tinnota wkoll li skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, hija ma għandhiex il-kompetenza li tirriforma deċiżjoni amministrattiva u li tilqa’ direttament l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrent. Lanqas ma għandha s-setgħa li ġġiegħel lill-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil issegwi sentenza preċedenti, pereżempju billi tissanzjonaha talli ma għamlitx dan. Dik il-qorti tista’ biss tannulla d-deċiżjoni amministrattiva invalida u tordna lill-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil twettaq proċedura ġdida u toħroġ deċiżjoni ġdida. Madankollu dan jista’ jwassal għal ċiklu proċedurali bla tmiem, li jħalli lil min ifittex ażil jegħreq f’inċertezza legali.

    29.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Pécs, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 46(3) tad-[Direttiva 2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpetat fis-sens li l-qrati Ungeriżi għandhom is-setgħa jirriformaw id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil li bihom tiġi miċħuda l-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll li jikkonċedu l-imsemmija protezzjoni?”

    30.

    Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, mill-Gvern Slovakk u minn dak Ungeriż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali fis-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Jannar 2019.

    IV. Evalwazzjoni

    31.

    Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda b’żewġ rimarki inizjali dwar l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2013/32 għal din il-kawża u t-terminoloġija adottata f’dawn il-konklużjonijiet (A). Sussegwentement ser nippreżenta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu li jiġi pprovdut rimedju ġudizzjarju effettiv, kif stabbilit kemm fl-Artikolu 46(3) tad-direttiva, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta u fid-dritt tal-Unjoni inġenerali (B). Sussegwentement ser nevalwa l-funzjonament tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali meħudin fl-Ungerija fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti (C). Sakemm inevitabbilment nikkonkludi li tali sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju qiegħda tfalli partikolarment f’termini ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ser nagħlaq b’suġġerimenti dwar x’rimedju għandu jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali (D).

    A.   Kummenti preliminari

    1. Applikazzjoni ratione temporis

    32.

    Ir-rikorrent ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu qabel l‑20 ta’ Lulju 2015. Din id-data bħala prinċipju tiddetermina, skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, l-applikabbiltà tal-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-direttiva. Skont l-istess dispożizzjoni, din id-direttiva tista’ madankollu tapplika wkoll (għal dak li huwa rilevanti hawn) għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015.

    33.

    Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li fl-Ungerija, id-Direttiva 2013/32 tapplika wkoll għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015. L-avveniment rilevanti għad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/32 skont id-dritt nazzjonali jidher li huwa d-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja rilevanti.

    34.

    F’din il-kawża, id-deċiżjoni amministrattiva rilevanti (it-tielet waħda) ingħatat fil‑15 ta’ Mejju 2017. Għalhekk, ser nipproċedi fuq l-assunzjoni li d-Direttiva 2013/32 hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

    2. Terminoloġija

    35.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħmel riferiment għal żewġ tipi ta’ stħarriġ ta’ deċiżjoni ta’ amministrazzjonijiet: riforma u kassazzjoni. L-element ta’ distinzjoni f’dan ir-rigward huwa s-setgħa tal-qrati nazzjonali f’termini ta’ (nuqqas ta’) sostituzzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fuq il-mertu, b’dawk tagħhom stess.

    36.

    B’riforma (tad-deċiżjoni amministrattiva minn qorti), jien nifhem sitwazzjoni fejn parti minn deċiżjoni jew (id-dispożittiv ta’) deċiżjoni kollha kemm hi ta’ amministrazzjoni tiġi mwarrba u direttament issostitwita (sostanzjalment) b’deċiżjoni tal-qorti. Għalhekk, jekk il-qorti li tkun qiegħda tistħarreġ id-deċiżjoni hija tal-fehma li tista’ tiddeċiedi l-mertu tal-kawża, mela hija stess għandha tagħti deċiżjoni (parzjali) fuq il-mertu, mingħajr il-ħtieġa li tibgħat lura l-każ quddiem l-amministrazzjoni. Id-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwentement tissostitwixxi d-deċiżjoni amministrattiva (kollha kemm hi jew il-parti rilevanti tagħha).

    37.

    B’kassazzjoni (tad-deċiżjoni amministrattiva minn qorti), qiegħed nirreferi għal struttura istituzzjonali li fiha qorti nazzjonali ma tistax tissostitwixxi xi parti mid-deċiżjoni amministrattiva direttament b’tagħha stess. Hija tista’ biss tannulla d-deċiżjoni amministrattiva (kollha kemm hi jew parti minnha) u tibgħatha lura għand l-amministrazzjoni għal evalwazzjoni mill-ġdid.

    B.   Protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    38.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiċċara, fis-sentenza reċenti tagħha fil-kawża Alheto ( 7 ), xi aspetti tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (1). Madankollu, għall-għan ta’ din il-kawża, huma sinjifikattivi wkoll il-kunsiderazzjonijiet iktar wesgħin tad-drittijiet kostituzzjonali u fundamentali.

    1. Alheto

    39.

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 “jispeċifika l-portata tad-dritt għar-rimedju effettiv li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu […] ikollhom kontra d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tagħhom”. Din id-dispożizzjoni espressament teħtieġ “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” minn qorti jew tribunal ( 8 ). F’sentenza differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li “[m]inn dan isegwi li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” ( 9 ).

    40.

    Infakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 10 ) jikkorrispondi bħala prinċipju mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) filwaqt li it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 11 ). Permezz tar-rabta stabbilita fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom ikunu l-istess bħal (jew iktar estensivi minn) dawk tal-imsemmija dispożizzjonijiet tal-KEDB.

    41.

    Alheto enfasizzat tliet punti kruċjali.

    42.

    L-ewwel nett, kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza b’risposta għas-sitt domanda, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, huma ex ante“għomja” għat-tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju li Stat Membru istitwixxa fl-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna “l-‘eżami’ tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors” ( 12 ). Isegwi li fl-assenza ta’ kwalunkwe miżuri ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri huma għalhekk liberi li jipprevedu stħarriġ ibbażat fuq il-loġika ta’ riforma jew ta’ kassazzjoni.

    43.

    It-tieni nett, madankollu, kien hemm kundizzjonijiet importanti marbutin ma’ din id-dikjarazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li “mill-għan tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet […], mill-obbligu li jiġi ggarantit effett utli għall-Artikolu 46(3) [tad-Direttiva 2013/32], kif ukoll mill-ħtieġa, li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors, jirriżulta li kull Stat Membru marbut bl-imsemmija direttiva għandu jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni” ( 13 ).

    44.

    Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk timplika s-segwenti: filwaqt li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jipprevedi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jittrasponu din id-dispożizzjoni b’mod li jagħtu lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jiddeċiedu huma stess fuq il-mertu ta’ applikazzjoni, il-preżervazzjoni ta’ kwalunkwe effett prattiku ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li qorti jkollha s-setgħa tifformula gwida mandatorja li għandha tiġi osservata u implimentata mill-amministrazzjoni ( 14 ).

    45.

    It-tielet nett, l-aħħar rekwiżit għandu jinqara flimkien mar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet għat-tielet domanda magħmula fl-istess kawża, fejn stabbilixxiet xi jfisser stħarriġ ġudizzjarju sħiħ u ex nunc skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ( 15 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li t-terminu “ex nunc” jirreferi għall-obbligu tal-qorti li tagħmel “evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni […] punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors” ( 16 ).

    46.

    L-aġġettiv “sħiħ” jagħmilha ċara li r-rwol tal-qorti ma huwiex biss dak li tivverifika l-osservanza tar-“regoli tad-dritt applikabbli iżda jestendi għall-aċċertament u l-evalwazzjoni tal-fatti” ( 17 ). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, l-eżami sħiħ jirrikjedi li l-qorti tevalwa “kemm il-punti li l-awtorità determinanti ħadet jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni” taħt stħarriġ ( 18 ).

    47.

    Għalhekk, bħala sommarju, l-ewwel nett, id-Direttiva 2013/32 ma tiddeterminax mod partikolari li skontu l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi implimentat. Dan huwa għall-Istati Membri biex jagħżlu, fid-dawl tat-tradizzjonijiet u l-prattiċi ġudizzjarji u amministrattivi tagħhom. Huma jistgħu jagħżlu li d-deċiżjonijiet jiġu rriformati, jistgħu jagħżlu l-kassazzjoni, jew anki naturalment diversi ibridi tat-tnejn. It-tieni nett, il-konklużjoni tat-tnejn hija li tali stħarriġ għandu jkun stħarriġ sħiħ, fejn iż-żewġ kwistjonijiet ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt jistgħu jiġu indirizzati. It-tielet nett, jekk l-Istati Membri jagħżlu l-kassazzjoni, huma għandhom jiggarantixxu li r-riżultat tal-istħarriġ ġudizzjarju magħmul f’din il-forma jkun osservat b’mod veloċi mill-amministrazzjoni meta din l-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni ġdida wara sentenza li tannulla d-deċiżjoni tagħha.

    2. L-istampa (kostituzzjonali) iktar wiesgħa

    48.

    Il-kjarifiki mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alheto jikkostitwixxu espressjoni, fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni internazzjonali, ta’ prinċipji iktar ġenerali relatati mar-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv issa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li jissemma fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 19 ).

    49.

    Stħarriġ ġudizzjarju effettiv jikkostitwixxi l-pedament tal-istat tad-dritt li fuqu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja frekwentement fakkret mis-sentenza tagħha f’Les Verts, hija bbażata l-Unjoni ( 20 ). Dan tal-aħħar huwa wieħed mill-valuri bażiċi tal-Unjoni, espressi fl-Artikolu 2 TUE, u huwa “komuni għall-Istati Membri f’soċjetà karatterizzata, b’mod partikolari, mill-ġustizzja” ( 21 ).

    50.

    Ir-rwol kwintessenzjali u immutabbli tal-qorti (nazzjonali) huwa li jiġi żgurat li d-dritt jiġi osservat u li d-drittijiet individwali jiġu protetti. Dan ir-rwol huwa, inter alia, assunt mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-amministrazzjoni pubblika. Naturalment, li din il-protezzjoni tingħata diġà fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika, mhux talli hija xi ħaġa possibbli iżda hija wkoll xi ħaġa mixtieqa. Madankollu, din il-possibbiltà żgur li la tinnega d-dritt tal-individwi li jkollhom aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-azzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika u lanqas ir-rwol tal-qrati amministrattivi ( 22 ).

    51.

    Dan ir-rwol għandu jiġi rrispettat ukoll fl-applikazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni. Meta mħallfin nazzjonali jaġixxu qishom imħallfin tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ), huma naturalment għandhom l-istess dmir inerenti li jiżguraw li d-dritt jiġi osservat u li d-drittijiet tal-individwi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jiġu protetti fuq il-livell nazzjonali. Ir-rwol tal-ġudikatura huwa, skont it-tqassim tal-kompetenzi kostituzzjonali fi kwalunkwe Stat Membru, kruċjali għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni ( 24 ).

    52.

    Ċertament, li fit-tqassim tal-kompetenzi fl-Unjoni kwalunkwe dikjarazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu limitati għall-istanzi li fihom l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta) u/jew jaġixxu “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE).

    53.

    Filwaqt li dan huwa naturalment veru, naħseb li jkun utli li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet f’dan ir-rigward: kwistjonijiet speċifikament relatati mar-rimedju jew mal-proċedura (fejn l-argumenti u l-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw element diskret ta’ ġestjoni jew struttura ġudizzjarja), minn naħa, u kwistjonijiet orizzontali jew trażversali (li jidħlu fi kwalunkwe element tal-funzjoni ġudizzjarja nazzjonali), min-naħa l-oħra. Filwaqt li għall-għanijiet tad-diskussjoni tal-ewwel tip, bħalma hija interpretazzjoni potenzjali tal-forma u tal-portata eżatta ta’ rimedji ġudizzjarji fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali previsti fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi stabbilit li kawża taqa’ mingħajr dubju taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kwalunkwe diskussjoni bħal din hija ta’ importanza limitata fit-tieni tip ta’ kawża, fejn il-miżuri meħudin fuq livell nazzjonali, skont id-definizzjoni tagħhom stess, strutturalment jikkonċernaw il-funzjoni ġudizzjarja kollha, irrispettivament jekk kawża individwali tiġix jew le deċiża taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    54.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nifhem kompletament għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddedikatx ħafna ħsieb, fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses, biex tagħmel distinzjoni preċiża bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE u/jew tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51(1) tal-karta ( 25 ). Skont il-fehma tiegħi, il-loġika li tispjega għaliex id-dritt tal-Unjoni jestendi b’mod ċar għal kwistjonijiet ta’ tibdil strutturali, trażversali fil-funzjoni ġudizzjarja nazzjonali hija waħda differenti: kwalunkwe tibdil bħal dan għandu skont id-definizzjoni tiegħu stess ikun applikabbli indiskriminatament għal kwalunkwe u għal kull funzjoni eżerċitata mill-imħallfin nazzjonali. Għalhekk, jekk is-salarji tal-imħallfin nazzjonali qegħdin jitnaqqsu ( 26 ), jew jekk ikunu sfurzati biex jirtiraw kmieni ( 27 ), jew, b’mod purament ipotetiku, ikunu abbużivament sottoposti għal proċeduri dixxiplinari, jew issirilhom pressjoni minn presidenti, maħtura politikament, tal-qrati tagħhom, jew minn istituzzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali oħrajn li jkunu ġew użurpati, kif ukoll jekk kwalunkwe kundizzjonijiet trażversali oħrajn tax-xogħol u tal-funzjoni tagħhom jiġu affettwati, kwalunkwe suġġeriment li dan kollu jiswa biss għax-xogħol tagħhom bħala mħallfin “nazzjonali” filwaqt li, f’dak li jirrigwarda l-atti tagħhom bħala “mħallfin tal-Unjoni”, huma jibqgħu kompletament indipendenti, lanqas biss huwa argument li għandu jiġi diskuss serjament.

    55.

    Għalhekk, kwalunke miżuri trażversali, orizzontali bħal dawn, li mid-definizzjoni tagħhom stess, ser jaffettwaw kwalunkwe u kull att tal-ġudikaturi nazzjonali huma kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. U dan, fil-fehma personali tiegħi, fil-parti l-kbira irrispettivament minn jekk il-punt proċedurali speċifiku li wassal għal dik it-tilwima jaqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tradizzjonali. F’dan il-kuntest, diskussjoni ddettaljata dwar il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tal-Artikolu 51(1) tal-Karta meta kkuntrastat mal-Artikolu 19(1) TUE tidher daqsxejn bħal dibattitu dwar liema kulur għandhom ikunu l-għata tat-te u s-sett tal-ikel biex jintgħażlu għad-dar ta’ xi ħadd, flimkien ma’ skambju passjonali dwar jekk dan it-ton jaqbilx eżatt mal-kulur tal-purtieri diġà magħżulin għall-kamra tal-ikel, filwaqt li jiġi injorat il-fatt li s-saqaf qiegħed iqattar, li l-bibien u t-twieqi tad-dar qegħdin jitneħħew, u li qegħdin jidhru l-konsenturi fil-ħitan. Madankollu, il-fatt li hemm ix-xita dieħla fid-dar u l-ħitan qegħdin jaqgħu dejjem ser ikun strutturalment rilevanti għal kwalunkwe diskussjoni dwar l-istat tad-dar ġudizzjarja, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni tal-kulur tal-għata tat-te tiġix eventwalment iddikjarata li taqa’ jew ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    56.

    Finalment, jista’ jkun utli li jiġi mfakkar li dawn il-garanziji istituzzjonali u kostituzzjonali kollha ma humiex għan fihom innifishom. Lanqas ma huma stabbiliti għall-benefiċċju tal-imħallfin. Dawn huma l-mezz għal għan ieħor: li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil individwi fuq il-livell nazzjonali u għalhekk, għal darba oħra, l-essenza tal-istat tad-dritt ( 28 ).

    57.

    F’salib it-toroq bejn dawn il-prinċipji kostituzzjonali u element neċessarju għall-funzjonament effettiv u xieraq ta’ sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija l-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. In-nuqqas ta’ osservanza potenzjali tal-eżitu tal-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jikkawża problemi b’żewġ modi. Dawn ma jeskludux lil xulxin. Huma purament jaslu għall-istess problema minn perspettivi differenti.

    58.

    L-ewwel nett, hemm it-tħassib sistematiku, strutturali tal-istat tad-dritt. Minkejja li funzjonament effettiv tal-istħarriġ ġudizzjarju f’settur partikolari huwa suġġett għal regoli speċifiċi (bħalma huwa, f’din il-kawża, ir-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni ta’ ġurisdizzjoni ex nunc u sħiħa ( 29 )), ladarba qorti tkun ħadet pożizzjoni f’deċiżjoni finali, din id-deċiżjoni trid tiġi segwita u implimentata mill-partijiet kollha li lilhom tkun indirizzata, inkluża naturalment l-amministrazzjoni pubblika. Jekk, madankollu, deċiżjoni ġudizzjarja finali ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni pubblika, u jekk tali nuqqas ta’ osservanza ma jkunx inċident ta’ darba, dan ixekkel il-funzjonament xieraq ta’ kwalunkwe soċjetà mibnija fuq il-premessa tal-istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-kompetenzi leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji.

    59.

    It-tieni nett, mill-perspettiva ta’ litigant individwali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu, l-osservanza mill-amministrazzjoni pubblika tad-deċiżjoni ġudizzjarja tikkostitwixxi element importanti għad-dritt għall-aċċess għall-qrati, kif stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dan id-dritt ma jistax jiġi ridott għall-istadju tal-“input” li jwassal għad-deċiżjoni ta’ qorti, jiġifieri purament il-possibbiltà li “jiġi aċċessat il-bini tal-qorti”, titressaq kawża, u li wieħed ikun jista’ jittrattaha. Naturalment dan jinkludi wkoll ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-“output” tal-eżerċizzju, jiġifieri l-istadju tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali.

    60.

    Kif stqarret il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, “id-dritt għall-qorti”, inkluż id-dritt ta’ aċċess, jiġifieri d-dritt li titressaq kawża quddiem il-qrati fi kwistjonijiet ċivili, jikkostitwixxi aspett wieħed […] ikun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ Stat kontraenti jippermetti li deċiżjoni finali u vinkolanti tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti” ( 30 ) [traduzzjoni mhux uffiċċjali]. Il-Qorti EDB kompliet tistqarr li “jkun inkonċepibbli li l-Artikolu [6(1) KEDB] jiddeskrivi fid-dettall garanziji proċedurali mogħtija lil litiganti […] mingħajr ma jipproteġi l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji; li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu [6(1) KEDB] bħala kkonċernat esklużivament bl-aċċess għal qorti u bit-tmexxija ta’ proċeduri probabbilment tkun twassal għal sitwazzjonijiet inkompatibbli mal-prinċipju tal-istat tad-dritt li l-Istati Kontraenti ntrabtu li jirrispettaw meta rretifikaw il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċċjali].

    61.

    Il-Qorti EDB, għalhekk ikkonkludiet li “l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn kwalunkwe qorti għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala parti integrali mill-“proċeduri” għall-għanijiet tal-Artikolu 6” ( 31 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iktar minn hekk, “dan il-prinċipju huwa saħansitra ta’ importanza ikbar fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw tilwima li l-eżitu tagħha huwa deċiżiv għad-drittijiet ċivili ta’ litigant” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa importanti li “persuna li ġabet sentenza kontra l-Istat fit-tmiem tal-kontenzjuż ma għandhiex tkun mistennija li tressaq proċeduri separati għall-eżekuzzjoni” ( 32 ).

    62.

    Huwa f’dan il-kuntest ġenerali li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża għandha tiġi evalwata.

    C.   Din il-kawża: protezzjoni ġudizzjarja effettiva?

    63.

    L-evalwazzjoni magħmula mll-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alheto kienet ta’ natura ġenerali u prospettiva. Id-domanda magħmula kienet jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jippreżupponix ċertu metodu għall-implimentazzjoni tiegħu. Ir-risposta għal din id-domanda, diġà indikata iktar ’il fuq fil-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kienet waħda negattiva. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu, premess li l-proċeduri istitwiti jissodisfaw ċerti rekwiżiti minimi fil-funzjonament effettiv tagħhom.

    64.

    B’kuntrast ma’ dan, din il-kawża hija speċifika u retrospettiva fin-natura tagħha. Hija essenzjalment tibda u tkompli fejn il-kwistjoni tħalliet fil-kawża Alheto. F’din il-kawża, Stat Membru diġà eżerċita l-għażla tiegħu fir-rigward tal-forma u l-istruttura proċedurali tal-mudell nazzjonali inkwistjoni. Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija jekk din l-għażla speċifika ta’ proċedura nazzjonali, hijiex, fil-prattika, kif muri fil-kawża prinċipali, kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    65.

    Is-sistema analitika tradizzjonali għall-eżami ta’ tali għażliet proċedurali jew istituzzjonali mwettqa mill-Istati Membri hija r-rekwiżit doppju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li jservi, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, bħala l-limitu awtomatiku għall-awtonomija nazzjonali (proċedurali).

    66.

    Minkejja li naqbel li f’din il-kawża, il-qofol tal-kwistjoni huwa n-natura (in)effettiva tas-sistema nazzjonali ta’ stħarriġ ġudizzjarju meta eżaminata fid-dawl tar-rekwiżit tal-effettività u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (2), xorta nikkunsidra li huwa istruttiv li l-analiżi tinbeda b’diskussjoni tar-rekwiżit tal-ekwivalenza (1). Dan ukoll għaliex, permezz tal-portata tad-diskrezzjoni kkonferita lill-Istati Membri fil-kawża Alheto f’dak li jirrigwarda kif preċiżament jixtiequ jistrutturaw il-proċeduri tagħhom skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-kunsiderazzjoni tal-ekwivalenza ġiet infatti inkluża (mill-ġdid) fi kwadru li fl-assenza ta’ dan seta’ jidher li jirrigwarda purament l-effettività ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    1. L-ekwivalenza

    67.

    Ir-rekwiżit tal-ekwivalenza jipprojbixxi, essenzjalment, lil Stat Membru milli jipprevedi regoli proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individiwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rikorsi simili ta’ natura interna ( 33 ).

    68.

    Sabiex jiġi eżaminat dan ir-rekwiżit, għandu jiġi ċċarat preċiżament liema regola għandha tiġi mistħarrġa u liema regoli oħrajn għandha tiġi mqabbla magħhom.

    69.

    Dwar l-ewwel punt, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-diskussjoni li żvolġiet fis-seduta jidher li r-regoli nazzjonali li jiddefinixxu l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali evolvew matul tliet perijodi distinti.

    70.

    L-ewwel wieħed, qabel il‑15 ta’ Settembru 2015, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi jidher li kien irregolat b’mod ġenerali mill-prinċipju ta’ kassazzjoni, filwaqt li s-setgħa ta’ riforma kienet eċċezzjoni ( 34 ). Is-setgħa li jirriformaw deċiżjoni ngħatat lill-qrati amministrattivi f’ċerti kwistjonijiet, bħal kwistjonijiet dwar status personali (adozzjoni, jew daħliet f’reġistru li jirrigwardaw data personali fl-istatistika vitali); f’materji li jeħtieġu deċiżjoni veloċi (il-kustodja tal-ġenituri jew it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni adattata għall-kura tat-tfal); f’xi materji ta’ natura ekonomika (il-benesseri tal-familja u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet u l-fatti relatati mal-proprjetà immobbli, taxxa, obbligi għall-ħlas tad-dazji u obbligi oħra ta’ ħlas, trasferiment ta’ proprjetà u l-użu ta’ proprjetajiet residenzjali); u fi kwistjonijiet ta’ rilevanza storika speċifika (tqegħid ta’ materjal f’arkivji ġenerali, jew il-kwistjoni tat-tul ta’ żmien ta’ f’detenzjoni jew kustodja għall-protezzjoni tas-sigurtà pubbliku, jew f’kampijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Sovjetika). Kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali (ażil) ukoll ġew inklużi fil-lista ta’ eċċezzjonijiet fit-Taqsima 339(2)(j) tal-KPĊ. Is-setgħa ġudizzjarja ta’ riforma ġiet rikonoxxuta fit-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil ( 35 ). Għalhekk, qabel il-15 ta’ Settembru 2015, l-imħallfin nazzjonali kellhom is-setgħa li jirriformaw id-deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

    71.

    It-tieni wieħed, bejn il‑15 ta’ Settembru u l‑1 ta’ Jannar 2018, il-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni fi kwistjonijiet ta’ ġustizzja amministrattiva baqa’ l-istess ( 36 ), iżda t-Taqsima 339(2)(j) tal-KPĊ li kienet tinkludi l-eċċezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-ażil, ġiet imħassra ( 37 ). Għalhekk, kwistjonijiet ta’ ażil ġew esklużi mil-lista ta’ eċċezzjonijiet, bir-riżultat li l-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni reġa’ beda japplika. It-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil ġiet emendata biex taqra hekk “il-qorti ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati. Il-qorti għandha tannulla kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva li hija ssib illegali […] u, jekk neċessarju, għandha tordna lill-awtorità responsabbli tmexxi proċedura ġdida”.

    72.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega li, skont ir-raġunijiet għal din l-emenda mogħtija mil-leġiżlatur, l-għan tagħha kien biex tipprovdi uniformità fid-deċiżjonijiet tal-qrati. Madankollu, dan ir-raġunar ingħata mil-leġiżlatur fir-rigward tal-proposta oriġinali. Din tal-aħħar inizjalment kienet tirrigwarda biss l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ applikazzjonijiet introdotti f’“żoni ta’ tranżitu”. Bil-maqlub, ebda raġunar ma jidher li ngħata dwar ir-riforma riżultanti u kkonċepita b’mod iktar ġenerali li tikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (irrispettivament mill-post ta’ fejn din l-applikazzjoni tressqet).

    73.

    It-tielet wieħed, mill‑1 ta’ Jannar 2018, ir-regola ġenerali u awtomatika applikabbli għall-istħarriġ ġuridiku ta’ deċiżjonijiet amministrattivi nbidlet minn kassazzjoni għas-setgħa ta’ riforma ta’ deċiżjonijiet, bir-regola l-ġdida li tipprevedi li “l-qorti għandha tbiddel l-att amministrattiv jekk in-natura tal-kawża tippermettiha, il-fatti jkunu ċċarati b’mod xieraq u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli t-tilwima legali tista’ tiġi deċiża definittivament” ( 38 ). Madankollu, il-qasam tal-protezzjoni internazzjonali baqa’ eskluż minn din ir-regola l-ġdida, minħabba li t-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil baqgħet ma nbidlitx bħala prinċipju ( 39 ). Għalhekk, mill‑1 ta’ Jannar 2018, ir-regola awtomatika ġenerali hija s-setgħa ta’ riforma, iżda deċiżjonijiet dwar il-protezzoni internazzjonali huma fost il-kwistjonijiet li jibqgħu suġġetti għal eċċezzjoni, għalhekk jibqgħu suġġetti għall-prinċipju ta’ kassazzjoni.

    74.

    Il-proċedura fil-kawża prinċipali jidher li taqa’ taħt it-tieni perijodu, li fih il-kwistjonijiet li jirrelataw mal-protezzjoni internazzjonali ġew esklużi mil-lista ta’ eċċezzjonijiet u għalhekk kienu rregolati mill-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni. Hija din is-sistema li għalhekk għandha tkun is-suġġett ta’ din l-evalwazzjoni.

    75.

    B’ħarsa issa lejn l-elementi għall-komparazzjoni li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi eżaminata s-sistema rilevanti (it-tieni), għandu jiġi nnotat li r-regoli armonizzati fid-Direttiva 2013/32 ma jidhirx li għandhom ekwivalent “intern” (nazzjonali) u għalhekk element għall-komparazzjoni. Infatti, il-proċedura inkwistjoni tikkonċerna żona armonizzata ta’ dritt fejn ma hemm ebda element nazzjonali għall-komparazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, “rikorsi simili ta’ dritt intern” li “s-suġġett tagħhom, [il]-kawża tagħhom u [l]-elementi essenzjali tagħhom” ( 40 ) jistgħu jiġu kkomparati mal-proċedura inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati minn livell ogħla ta’ astrazzjoni, filwaqt li jkun hemm ukoll tfittxija għall-eqreb analoġija possibbli għar-rikors pertinenti tad-dritt tal-Unjoni jew għar-regola tal-ordinament ġuridiku nazzjonali ( 41 ). Madankollu, din l-eqreb analoġija possibbli ma tistax tkun tant astratta li tkopri qasam sħiħ tad-dritt, b’tali mod li tagħmel l-eżerċizzju ta’ komparazzjoni impossibbli.

    76.

    Filwaqt li hija l-qorti nazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar għandha twettaq din l-evalwazzjoni, abbażi tal-għarfien tagħha tar-regoli nazzjonali proċedurali ddettaljati, ninnota li fit-tieni perijodu li għalih sar riferiment iktar ’il fuq (mill‑15 ta’ Settembru 2015 sal‑1 ta’ Jannar 2018), kwistjonijiet dwar status personali u dawk li n-natura tagħhom titlob, bħala prinċipju, għal determinazzjoni pjuttost veloċi (adozzjoni, kustodja tal-ġenituri jew it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni għall-kura tat-tfal ( 42 )) baqgħu esklużi, kuntrarjament għall-kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali, mill-prinċipju awtomatiku ta’ kassazzjoni.

    77.

    Dawn l-oqsma tad-dritt, simili għal deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali, jolqtu elementi importanti tal-istatus personali ta’ individwu, li fir-rigward tiegħu jidher li huwa essenzjali li l-applikazzjoni tal-individwu tingħata determinazzjoni finali u veloċi. Taħt riżerva ta’ evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju dwar jekk il-konklużjoni dwar din il-komparabbiltà tistax tiġi milqugħa fid-dawl tal-għan tagħha, il-kawża tar-rikors u l-karatteristiċi essenzjali tar-rikorsi f’dawn il-kwistjonijiet ( 43 ), jidher diffiċli li jiġu identifikati r-raġunijiet u l-argumenti li jispjegaw it-tbegħid sistematiku fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali.

    78.

    Nixtieq nenfasizza punt wieħed: l-analiżi indikata hawn ma hijiex argument għall-immutabbiltà. Il-fatt li, sa ċertu punt fiż-żmien, kien hemm ċerta sistema proċedurali żgur ma jfissirx li din is-sistema proċedurali ma tistax tinbidel fil-futur. Madankollu, id-domanda rilevanti hija għaliex f’salt wieħed hemm bżonn għal tali bidla, jekk bżonn simili ma jidhirx li kien identifikat f’oqsma oħra simili li baqgħu suġġetti għall-istess regoli.

    79.

    Huwa fuq dan il-punt li l-argumenti mressqin mill-Gvern Ungeriż ma jikkonvinċux. Tressqu żewġ argumenti minn dan il-gvern dwar għalfejn kien hemm il-bżonn, fl‑2015, li titneħħa s-setgħa ġudizzjarja ta’ riforma tad-deċiżjonijiet u li tiġi ssostitwita purament bis-setgħa ta’ annullament u rinviju: l-ewwel nett, il-qasam tal-protezzjoni internazjonali huwa qasam partikolarment kumpless u diffiċli, li jeħtieġ għarfien speċifiku li huwa preżenti biss fi ħdan amministrazzjoni speċjalizzata u, it-tieni nett, il-bżonn li tiġi żgurata l-uniformità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.

    80.

    L-ewwel nett, filwaqt li naturalment mhux qiegħda tiġi miċħuda n-natura sensittiva ta’ kwistjonijiet tal-ażil, għadni mħawwad dwar l-argument li dan il-qasam tad-dritt huwa, għall-kuntrarju ta’ xi wħud mill-kwistjonijiet l-oħra elenkati fit-Taqsima 339(2) tal-KPĊ ( 44 ), bħalma huma dawk dwar l-istatus personali jew li jeħtieġu deċiżjoni veloċi, sproporzjonalment iktar kumpless b’tali mod li għandu jkun distint b’dan il-mod.

    81.

    It-tieni nett, il-Gvern Ungeriż ikompli jispjega l-bżonn li l-qrati f’dan il-kuntest jingħataw biss is-setgħa ta’ annullament minħabba l-bżonn li tiġi żgurata l-uniformità tad-deċiżjonijiet. Dan il-bżonn jiġi, skont dan il-gvern, mill-fatt li l-ebda appell ma jista’ jitressaq kontra d-deċiżjoni ġudizzjarja.

    82.

    Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa argument kurjuż, fejn il-karrettun jitqiegħed quddiem iż-żiemel, b’akkuża li saret immedjatament wara li ż-żiemel huwa zopp għaliex ma jistax jiġbed il-karrettun sewwa. Jekk wieħed jixtieq jiżgura l-uniformità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’qasam speċifiku, il-mod naturali biex jagħmel dan huwa billi jistabbilixxi qorti ġudizzjarja ogħla li l-inkarigu tagħha jkun li tagħmel preċiżament dan. Ma nistax nara kif l-għan tal-uniformità jista’ jintlaħaq billi l-qrati jiċċaħdu mis-setgħa li jirriformaw deċiżjonijiet filwaqt li s-setgħa ta’ deċiżjoni fuq il-mertu tal-applikazzjonijiet tal-ażil titħalla għand l-amministrazzjoni. Sakemm kwalunkwe stħarriġ, anki ta’ kassazzjoni, jibqa’ possibbli, bil-kompetenza attribwita lil qrati differenti jew lil imħallfin differenti, ikun hemm per definizzjoni l-“perikolu” ta’ konklużjonijiet differenti quddiem qrati differenti. Jew inkella, din l-aħħar konsegwenza turi l-portata loġika sħiħa ta’ dan l-argument, li jista’ jintuża ugwalment biex jiġi ssuġġerit li sabiex il-prassi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tinżamm uniformi quddiem amministrazzjoni waħda, ma jista’ jkun hemm l-ebda stħarriġ ġudizzjarju.

    83.

    Fid-dawl tal-elementi kollha esposti iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-argumenti mressqin mill-Gvern Ungeriż dwar għalfejn, min-natura tiegħu, is-suġġett tal-protezzjoni internazzjonali kellu jiġi distint sabiex jingħata trattament speċjali, huma diffiċli li jiġu sostnuti.

    84.

    Din id-diffikultà hija iżjed lampanti jekk wieħed jikkunsidra, bħala argument sussidjarju, il-perijodu ta’ żmien wara r-riforma tal‑1 ta’ Jannar 2018 li biddlet ir-regola awtomatika (għalhekk applikabbli għal kull qasam ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi) mill-prinċipju ta’ kassazzjoni għal dak ta’ riforma, filwaqt li l-ażil inżamm ’il barra minn din ir-regola awtomatika ġdida. Filwaqt li dan il-perijodu ma huwiex direttament rilevanti għal din l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza, għandu jiġi nnotat li l-kompetenza ta’ riforma ta’ deċiżjoni ġiet introdotta bħala regola ġenerali f’numru ta’ oqsma li jidhru inkomparabbilment iktar kumplessi mill-kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali (naturalment, bir-rispett kollu lejn dawn tal-aħħar).

    85.

    Għalhekk fid-dawl tat-tibdiliet magħmulin għall-istħarriġ ġudizzjarju matul it-tliet perijodi differenti li dwarhom ikkummentajt iktar ’il fuq, ikolli nammetti li ma nistax nara x’jagħmel kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tant speċjali strutturalment u inkompatibbli mal-prinċipju ta’ riforma. Dan bl-ebda mod ma jeskludi l-possibbiltà li jeżistu raġunijiet għal dan it-trattament differenti. Madankollu, jibqa’ l-fatt li jekk dawn jeżistu, ma ġewx imressqa f’dawn il-proċeduri mill-Gvern Ungeriż.

    2. L-effettività

    86.

    Skont ir-rekwiżit tal-effettività, ir-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ( 45 ). Iktar minn hekk, il-kwistjoni dwar “jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għand[ha] [t]iġi analizzat[a] billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi korpi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura” ( 46 ).

    87.

    It-tifsira ta’ rimedju effettiv fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, diġà ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alheto u ġiet indikata iktar ’il fuq fil-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    88.

    Filwaqt li l-kejl għall-evalwazzjoni huwa relattivament ċar, l-ewwel jeħtieġ li jitneħħa tip ieħor ta’ dubju. Fil-qasam ta’ domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, fl-evalwazzjoni tal-effettività jew tal-ekwivalenza, hija tista’ tipprovdi gwida dwar il-kompatibbiltà ġenerali, normattiva: regoli nazzjonali strutturati u/jew applikati b’ċerta mod huma jew ma humiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-fokalizzazzjoni hija fuq kunflitt bejn ir-regoli, filwaqt li jiġi preżunt li l-korpi nazzjonali jew l-amministrazzjonijiet effettivament “jilagħbu skont ir-regoli”, u fuq il-funzjonament ġenerali tar-regola, u mhux fuq l-applikazzjoni potenzjalment żbaljata tagħha f’din il-kawża.

    89.

    Dan il-kwadru tradizzjonali jsir pjuttost iżjed sfukat jekk dawn iż-żewġ saffi jibdew jiċċaqalqu: x’jiġri jekk, f’każ individwali, id-“dritt applikat” ikun differenti mid-“dritt fil-kotba”?

    90.

    Is-separazzjoni potenzjali bejn iż-żewġ livelli ta’ analiżi hija riflessa wkoll fil-perspettivi differenti introdotti iktar ’il fuq fil-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet: minn naħa, hemm l-analiżi strutturali ta’ ċerta mudell jew l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika li tista’ tindika nuqqasijiet strutturali. Min-naħa l-oħra, hemm l-analiżi tal-każ individwali li tista’, fil-kawża inkwistjoni, tammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ applikant individwali, filwaqt li ma tammontax għal problema strutturali. Din tal-aħħar tista’ tiġi mwarrba bħala nuqqas ta’ darba (ta’ sistema li hija min-naħa l-oħra tajba).

    91.

    Nixtieq li nagħmilha pjuttost ċara li, fil-fehma tiegħi, din il-kawża tibqa’ istanza tal-ewwel tip ta’ analiżi. Jista’ jsir argument li l-kawża preżenti ma hija xejn iktar minn applikazzjoni żbaljata individwali ta’ dritt f’każ speċifiku ta’ applikant wieħed individwali li ma ġġorr l-ebda prova ta’ nuqqasijiet strutturali usa’.

    92.

    Madankollu, dan is-suġġeriment huwa impossibbli li jiġi sostnut.

    93.

    L-ewwel nett, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq fil-punti 67 sa 85 fid-diskussjoni tar-rekwiżit tal-ekwivalenza, din il-kawża hija stabbilita sewwa f’tip jew f’mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-parametri tiegħu ġew stabbiliti mil-leġiżlatur. Dawn il-parametri neċessarjament jillimitaw dak li mħallef, f’kawża speċifika bħal din, jista’ jagħmel.

    94.

    It-tieni nett, il-Gvern Ungeriż isostni li l-operazzjoni tas-sistema kif intwera f’din il-kawża hija l-operazzjoni li kienet imfittxija mil-leġiżlatur, speċjalment fid-dawl tal-ispjegazzjoni tal-gvern dwar l-interpretazzjoni tat-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi. Infatti, il-Gvern Ungeriż ressaq viżjoni pjuttost unika dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-ġustizzja amministrattiva fl-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward huwa qal li l-qrati amministrattivi jistgħu biss jagħtu istruzzjonijiet dwar liema fatti għandhom jiġu eżaminati, liema prova ġdida għandha tinġabar u biex jinterpretaw, b’mod astratt, il-leġiżlazzjoni u jindikaw il-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Bil-maqlub, il-qorti amministrattiva ma tistax torbot lill-amministrazzjoni fl-evalwazzjoni speċifika tagħha fil-każ individwali u ma tistax tiddeċiedi l-kawża minflok l-awtorità inkarigata mir-refuġjati, li hija inkarigata li tagħmel dan skont id-Direttiva 2013/32.

    95.

    Għalhekk, ladarba jidher biċ-ċar li ma huwiex istanza unika, dan il-każ għandu minflok jitqies bħala eżempju individwali ta’ disinn istituzzjonali intenzjonali usa’. F’dan ir-rigward, u bil-preżunzjoni li għandha l-parametri kif intwera minn din il-kawża u kif ġie spjegat ulterjorment mill-Gvern Ungeriż, il-kwistjoni tal-effettività strutturali tal-mudell speċifiku ta’ stħarriġ ġudizzjarju li l-Ungerija għażlet biex timplimenta l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 tista’ infatti tiġi evalwata.

    96.

    Evalwat fuq din il-bażi, mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li fih il-qrati għandhom biss is-setgħa ta’ kassazzjoni filwaqt li l-gwida ġudizzjarja li jagħtu fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ annullament effettivament ma tiġix osservata mill-korpi amministrattivi, jonqos b’mod ċar milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv previsti fl-Artikoli 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u interpretati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    97.

    Qabel kollox, nixtieq nenfasizza li ma hemm l-ebda dubju li l-amministrazzjoni kompetenti biex teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza ( 47 ) (jiġifieri fil-livell amministrattiv) taqdi rwol partikolarment importanti fis-sistema tal-protezzjoni tal-ażil kif imfassla mid-Direttiva 2013/32 ( 48 ).

    98.

    Minkejja dan, diffiċilment jirriżulta minn tali konferma tar-rwol prinċipali mwettaq mill-amministrazzjonijiet li kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti għandu jkun parzjali jew limitat. Partikolarment, nixtieq nieqaf ftit mal-perspettiva msemmija iktar ’il fuq tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ppreżentata mill-Gvern Ungeriż. It-Taqsima 109(4) li diġà ġiet ikkwotata tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi tipprovdi li l-“awtorità għandha tkun marbuta mid-dispożittiv u mill-ġustifikazjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-qorti bil-ġurisdizzjoni dwar azzjonijiet amministrattivi, u għandha tipproċedi b’dan il-mod fil-proċedura l-ġdida u meta tieħu deċiżjoni ġdida. ( 49 )”

    99.

    Superfiċjalment, din id-dispożizzjoni tidher pjuttost simili għal numru ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li jistgħu jinstabu f’sistemi tat-tip ta’ stħarriġ ta’ kassazzjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi. Madankollu, dak li huwa differenti hija l-interpretazzjoni (dejqa ħafna) ta’ din id-dispożizzjoni mill-Gvern Ungeriż.

    100.

    Naturalment huwa veru li d-disinn u l-interpretazzjoni tat-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi huma f’idejn il-leġiżlatur u l-qrati nazzjonali.

    101.

    Madankollu, jekk din l-istess dispożizzjoni tintuża bħala għodda għall-eżekuzzjoni ta’ drittijiet mogħtija lil individwu mid-dritt tal-Unjoni, bħal fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali koperti mid-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija lil din id-dispożizzjoni mill-Gvern Ungeriż ovvjament ma tkunx sostenibbli. Kif diġà stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, kif interpretati fil-kawża Alheto, jinkludu stħarriġ ex nunc b’ġurisdizzjoni sħiħa kemm fir-rigward tad-dritt u kif ukoll tal-fatti, b’effetti vinkolanti fuq l-amministrazzjoni li għandu jiġi implimentat b’mod veloċi minn din l-amministrazzjoni ( 50 ).

    102.

    Dan ifisser li qorti nazzjonali li tistħarreġ kwalunkwe deċiżjoni bħal din tkun intitolata li tagħti gwida vinkolanti kemm fuq kwistjonijiet ta’ dritt kif ukoll fuq evalwazzjonijiet tal-fatti relatati mal-kawża individwali, li bihom l-amministrazzjoni tkun marbuta strettament u trid issegwihom. Din il-perspettiva ta’ stħarriġ ġudizzjarju hija differenti ħafna: qorti tad-dritt qiegħda hemm biex tistħarreġ u tikkontrolla l-amministrazzjoni pubblika, mhux biex taġixxi bħala “amicus administratoris” umli, li tagħti suġġerimenti dwar kif id-dritt jista’ jiġi interpretat jew liema fatti l-amministrazzjoni tista’ forsi tiġbor id-darba ta’ wara.

    103.

    Min-naħa l-oħra, huwa wkoll naturalment veru li jista’ jkun hemm tali effetti vinkolanti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja biss fir-rigward tal-kwistjoni koperta minn din id-deċiżjoni. Fi kliem ieħor, wara deċiżjoni tal-qorti f’ċerti kwistjonijiet, l-ispazju fattwali u legali li fih l-amministrazzjoni tista’ taġixxi jiċkien. Sal-punt fejn il-qorti effettivament “għalqet” xi spazju legali minn kunsiderazzjoni ulterjuri b’determinazzjoni finali, l-istess domanda ma tistax terġa’ tiġi evalwata. Jekk isir mod ieħor dan ikun jisfida l-kunċett u l-għan ta’ kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju, u effettivament ibiddel il-ġustizzja amministrattiva f’logħba interminabbli ta’ ping-pong proċedurali.

    104.

    B’kuntrast ma’ dan, l-amministrazzjoni tista’ tagħmel l-evalwazzjoni tagħha fl-ispazju legali li jitħalla “miftuħ” mill-imħallef u, fil-kuntest speċifiku tal-protezzjoni internazzjonali, fejn l-evalwazzjoni għandha ssir ex nunc, hija wkoll obbligata tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe fatti ġodda jekk tali fatti ġodda jirriżultaw bejn id-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ annullament u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ġdida.

    105.

    Madankollu, fuq iż-żewġ punti, l-amministrazzjoni għandha tuża l-“ispazju” li potenzjalment tħalla miftuħ minn deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti u/jew in-natura ex nunc ta’ evalwazzjoni magħmula f’bona fide: filwaqt li l-amministrazzjoni għandha kontinwament tevalwa ċ-ċirkustanzi fattwali, hija ma tistax tuża (ħażin) dan l-obbligu sabiex tinvoka elementi li huma, formalment, ġodda, iżda li ma għandhom l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni fattwali sabiex tevita l-limiti tal-evalwazzjoni ġudizzjarja preċedenti li kienet neċessarjament marbuta mad-deċiżjoni amministrattiva preċedenti li kienet tinkludi elementi fattwali speċifiċi.

    106.

    Nixtieq inżid li, fil-fehma tiegħi, l-istess konklużjoni tirriżulta wkoll mir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 51 ), li miegħu għandhom jikkonformaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri ( 52 ).

    107.

    Għandu jiġi nnotat f’dan il-kuntest li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ikun imċaħħad minn kwalunkwe effett prattiku jekk l-amministrazzjoni titħalla terġa’ tiftaħ kwistjonijiet li jkunu diġà ġew deċiżi f’deċiżjoni finali ta’ qorti ( 53 ). Tali sitwazzjoni tkun tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu jitqies parti mid-dritt għal rimedju effettiv u huwa “wieħed mill-aspetti fundamentali tal-istat tad-dritt ( 54 )” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Infatti, kif fakkret il-Qorti EDB, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li “fejn il-qrati jkunu finalment iddeterminaw xi kwistjoni, id-deċiżjoni tagħhom ma tistax tiġi ddubidata” ( 55 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iktar minn hekk, kif diġà ġie diskuss b’mod ġenerali iktar ’il fuq ( 56 ), nuqqas ta’ rispett tar-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv imur kontra l-valur innifsu tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea.

    108.

    Lura għall-kawża prinċipali, fid-dawl tal-elementi ppreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju, kwalunkwe spazju għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li fadal lill-amministrazzjoni jidher li ngħalaq mill-qorti tar-rinviju wara l-annullament tat-tieni deċiżjoni amministrattiva. Infatti, filwaqt li fl-ewwel annullament il-qorti tar-rinviju ordnat l-amministrazzjoni biex teżamina evidenza speċifika, fit-tieni sentenza ta’ annullament hija ddikjarat li l-applikazzjoni tar-rikorrent għall-protezzjoni internazzjonali kellha tintlaqa’ għaliex l-element ta’ biża’ fondata ġie stabbilit. Għalhekk ma kinitx possibbli li l-amministrazzjoni tiftaħ mill-ġdid din l-evalwazzjoni.

    109.

    Iktar minn hekk, jista’ jingħad ukoll li billi tonqos milli tosserva l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali, kif esposta fir-raġunijiet għat-tieni deċiżjoni ta’ annullament, l-amministrazzjoni tawlet it-tul ġenerali tal-proċeduri (li fil-preżent damu ħames snin u li għad baqa’ x’jiżdied magħhom). B’dan il-mod, hija xekklet il-kisba tal-għan ta’ stħarriġ fil-pront li kemm l-istadji amministrattivi u ġudizzjarji tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ifittxu ( 57 ).

    110.

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-konklużjoni provviżorja tiegħi hija li mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li fih il-qrati huma mogħtija biss is-setgħa ta’ kassazzjoni iżda li fih il-gwida ġudizzjarja li jagħtu fid-deċiżjonijiet ta’ annullament tagħhom effettivament ma tiġix osservata mill-korpi amministrattivi meta jerġgħu jiddeċiedu dwar l-istess każ, kif intwera fil-kawża prinċipali, jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv previsti fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u interpretati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47(1) tal-Karta.

    D.   Rimedju

    111.

    Il-konklużjoni provviżorja li għadni kemm wasalt għaliha toħloq żewġ kwistjonijiet oħra li wkoll ġew indirizzati mill-qorti tar-rinviju: liem rimedju u meta preċiżament għandu jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża?

    1. Liema rimedju?

    112.

    Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ xi diskussjoni fis-seduta. Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-Gvern Ungeriż dwar l-istrumenti u l-miżuri li huma previsti mid-dritt Ungeriż li jistgħu jiżguraw l-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja kontra l-amministrazzjoni. Jidher, mit-tweġiba pprovduta, u taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, li ma teżisti ebda tali miżura.

    113.

    Fi proċedura li tkun għadha għaddejja, jidher li l-qorti nazzjonali ma tistax tisforza lill-amministrazzjoni biex tieħu xi azzjoni speċifika fir-rigward tal-mertu tal-każ. Anki jekk fl-astratt, wieħed jista’ forsi jissuġġerixxi l-impożizzjoni ta’ multi jew il-ħruġ ta’ ordnijiet, (pjuttost apparti mill-mistoqsija dwar l-effettività tagħhom) dawn il-miżuri jidhru li ma humiex disponibbli.

    114.

    Ġaladarba l-qorti tagħti deċiżjoni finali dwar il-mertu, il-kawża u l-proċedura ġudizzjarja relatati magħha jingħalqu. Imbagħad issir loġikament impossibbli għall-qorti biex tibda teżegwixxi d-deċiżjoni tagħha stess fuq l-amministrazzjoni, ġaladarba ma hemmx kawża pendenti minn fejn tibda. Infatti, id-deċiżjoni tal-qorti għandha tiġi imposta fuq l-amministrazzjoni b’sempliċi operazzjoni tal-liġi, jiġifieri t-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi, sakemm l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u r-realtà nazzjonali tassew iwasslu għal din il-konklużjoni.

    115.

    Għalhekk, jidher li ma hemm l-ebda alternattivi vijabbli fid-dritt nazzjonali għall-osservanza volontarja ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tagħti lill-qrati s-setgħa li jġegħlu lill-amministrazzjoni tosserva d-deċiżjoni tagħhom. Il-kwistjoni infatti ssir waħda dwar, kif tidentifika l-qorti tar-rinviju, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprovdix lill-qorti nazzjonali b’xi rimedju f’tali sitwazzjoni.

    116.

    Fil-fehma tiegħi, iva. Kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ okkażjonijiet, “skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni […] dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk dawn ikunu ta’ livell kostituzzjonali, ma jist[għux] jaffettwa[w] l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat” ( 58 ). Il-prinċipju tas-supremazija (u ta’ effett dirett ( 59 )) għalhekk jobbliga lill-qorti nazzjonali twarrab kwalunkwe regola nazzjonali li tinkwadra l-istħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali b’tali mod li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jwaqqaf il-qorti nazzjonali milli tikseb l-għan imfittex minn dawn ir-regoli ( 60 ).

    117.

    Nifhem li f’din il-kawża, ma huwiex possibbli li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. L-inapplikazzjoni tar-regola inkompatibbli hija għalhekk, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, l-unika rimedju possibbli f’din il-kawża ( 61 ). Madankollu, il-mistoqsija li immedjatament tqum hija kif tali inapplikazzjoni tkun topera fil-kuntest tal-kawża preżenti.

    118.

    Dan ikun jiddependi minn liema regoli proċedurali finalment japplikaw għall-kawża prinċipali fil-mument meta l-qorti tar-rinviju tiddediedi dwarha għal darba oħra.

    119.

    Jekk ir-regoli proċedurali applikabbli jkunu dawk fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2018, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tkun tfisser l-esklużjoni tal-eċċezzjoni li neħħiet il-possibbiltà li jiġu rriformati deċiżjonijiet amministrattivi fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali mill-qrati amministrattivi. Qiegħed nifhem li din l-eċċezzjoni hija inkluża fl-Artikolu 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil. Każ ittrattat fuq livell nazzjonali jkun sussegwentement jaqa’ lura għas-setgħa ġenerali ta’ riforma ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li llum hija eżerċitata skont it-Taqsima 90(1) tal-KTA.

    120.

    Jekk id-dritt proċedurali applikabbli jkun dak fis-seħħ bejn il‑15 ta’ Settembru 2015 u l‑1 ta’ Jannar 2018, is-setgħa ta’ riforma tad-deċiżjonijiet amministrattivi f’din il-kwistjoni tista’ tiġi eżerċitata bl-inapplikazzjoni tal-liġi li ħassret l-ittra (j) mil-lista inkluża fit-Taqsima 339(2) tal-KPĊ kif kienet fis-seħħ qabel il‑15 ta’ Settembru 2015 u li emendat ukoll it-Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil. Għalhekk, ir-regoli proċedurali effettivament jaqgħu lura għas-sistema li kienet teżisti fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali qabel il‑15 ta’ Settembru 2015.

    121.

    B’konklużjoni, it-tema komuni hija li s-soluzzjoni ssuġġerita tkun tikkonsisti effettivament fl-esklużjoni tal-esklużjoni tas-setgħa ta’ riforma ta’ deċiżjonijiet fl-istħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali. Fiż-żewġ xenarji, wara din l-esklużjoni, l-imħallfin nazzjonali ma jkunux inkarigati biex jagħmlu xi ħaġa li ma kinux imdorrija jagħmlu qabel u li ma hijiex effettivament il-pożizzjoni proċedurali awtomatika llum.

    2. Meta tiskatta?

    122.

    Il-mistoqsija finali tikkonċerna l-mument meta s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tiskatta l-effett ta’ esklużjoni msemmi iktar ’il fuq. Fid-dawl tar-rekwiżiti kumulattivi ta’ stħarriġ fil-pront u osservanza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti inklużi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-mument li fih is-setgħa msemmija iktar ’il fuq tal-imħallef nazzjonali tkun skattata jkun jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fejn (i) l-evalwazzjoni ċara inkluża f’deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni amministrattiva ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni, (ii) mingħajr ma din tal-aħħar tressaq kwalunkwe element ġdid li hija kellha raġonevolment u leġittimament tressaq għall-kunsiderazzjoni, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lir-rikorrent tiċċaħħad minn kull effett prattiku.

    123.

    Fi kliem sempliċi, il-punt ta’ skattar ma huwiex dwar in-numri, iżda dwar il-kwalità. Skont il-loġika tal-għeluq tal-ispazji għat-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi permezz ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja li diġà seħħet, enfasizzata iktar ’il fuq fil-punti 103 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet, qorti nazzjonali takkwista l-kompetenza li tirriforma deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni l-ewwel darba li d-deċiżjoni tagħha ma ġietx osservata. Ma jimpurtax jekk din tiġri fir-seba’, fit-tielet, jew anki fit-tieni episodju ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

    124.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni konklużjoni provviżorja tiegħi hija li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tiddeċiedi f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, għandha twarrab ir-regola nazzjonali li tillimita s-setgħa tagħha biss għall-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva rilevanti. Dan l-obbligu jirriżulta meta l-evalwazzjoni ċara inkluża f’deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni amministrattiva preċedenti ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni li tkun qiegħda tiddeċiedi l-istess każ mill-ġdid, mingħajr ma din tal-aħħar tressaq kwalunkwe element ġdid li hija setgħet raġonevolment u leġittimament tressaq għall-kunsiderazzjoni, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lir-rikorrent tiċċaħħad minn kull effett prattiku.

    125.

    Bħala rimarka finali, għandu jiġi nnotat li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw ir-rwol kruċjali tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv fil-preżervazzjoni tal-istat tad-dritt fi kwalunkwe ordinament ġuridiku japplikaw għal kwalunkwe qasam tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi implimentat fuq il-livell nazzjonali. Dan huwa veru partikolarment fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-grad tal-effetti vinkolanti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-obbligi li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet pubbliċi bis-sħiħ u f’bona fide. Madankollu, għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-kawża preżenti tikkonċerna r-rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-veloċità u l-kwalità tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ dritt sekondarju ddettaljat, jiġifieri l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jirrigwarda qasam partikolarment speċifiku tad-dritt.

    V. Konklużjoni

    126.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Pécs, l-Ungerija) kif ġej:

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li mudell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li fih il-qrati huma mogħtija biss is-setgħa ta’ kassazzjoni iżda li fih il-gwida ġudizzjarja li jagħtu fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ annullament effettivament ma tiġix osservata mill-korpi amministrattivi meta jerġgħu jiddeċiedu dwar l-istess każ, kif intwera fil-kawża prinċipali, jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv previsti fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u interpretati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    Qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tiddeċiedi f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, għandha twarrab ir-regola nazzjonali li tillimita s-setgħa tagħha biss għall-annulament tad-deċiżjoni amministrattiva rilevanti. Dan l-obbligu jirriżulta meta l-evalwazzjoni ċara inkluża f’deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni amministrattiva preċedenti ma tiġix osservata mill-amministrazzjoni li tkun qiegħda tiddeċiedi l-istess każ mill-ġdid, mingħajr ma din tal-aħħar tressaq kwalunkwe element ġdid li hija setgħet raġonevolment u leġittimament tressaq għall-kunsiderazzjoni, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lir-rikorrent tiċċaħħad minn kull effett prattiku.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Daħla “Table tennis”, Britannica Academic, Encyclopædia Britannica, 21 ta’ Awwissu 2018, https://academic.eb.com/levels/collegiate/article/table-tennis/70842 (l-aħħar aċċess sar fil‑15 ta’ Jannar 2019).

    ( 3 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    ( 4 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    ( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal- 1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168–189 (MT))

    ( 6 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.

    ( 7 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018 (C‑585/16, EU:C:2018:584).

    ( 8 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 105 u 106).

    ( 9 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, E. G. (C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

    ( 11 ) Fl-istess ħin, spjegazzjonijiet relatati mal-Karta jagħmluha ċara li l-protezzjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta hija iktar estensiva minn dik mogħtija mill-Artikolu 13 KEDB, għaliex hija tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Iktar minn hekk, ikkumparat mal-Artikolu 6(1) KEDB, id-dritt għal smigħ xieraq skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex ikkonfinat għal disputi relatati ma’ drittijiet u obbligi tad-dritt ċivili jew għal akkużi fil-qasam kriminali. Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

    ( 12 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 145).

    ( 13 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 148).

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigrawd, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 71).

    ( 15 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 102 sa 118).

    ( 16 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 111). Fl-istess kuntest u, iktar speċifikament, dwar in-neċessità li l-qorti ta’ stħarriġ iżżomm seduta, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 42 sa 48).

    ( 17 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 68).

    ( 18 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113).

    ( 19 ) Sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 ) Sentenzi tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), u tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punti 3839). Ara, iktar reċenti, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlamentu Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Kif issuġġerejt banda oħra, is-setgħa u r-responsabbiltà li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt finalment tinsab f’idejn il-qorti (nazzjonali). Għalhekk, il-fatt li ċerti elementi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali huma kwistjonijiet ta’ diskrezzjoni amministrattivi ma jistax iċaħħad lill-qrati mir-rwol inerenti tal-protezzjoni tad-drittijiet individwali - ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:387, punti 127 sa 129) u f’Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:494, punt 112).

    ( 23 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punti 41, 42 u 65 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 42 et seq); tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 35 sa 37); u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 60 et seq.).

    ( 25 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29).

    ( 26 ) Bħal fil-kwistjoni li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).

    ( 27 ) Din kienet inkwistjoni fil-kwistjoni li wasslet għad-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021).

    ( 28 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36).

    ( 29 ) Stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32.

    ( 30 ) Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il-Greċja (CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punt 40), fejn ġie deċiż li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 6(1) minħabba l-assenza ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mill-awtorità eżekuttiva. Dawn il-kunsiderazzjonijiet baqgħu jiġu kkonfermati kemm-il darba. Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 7 ta’ Mejju 2002, Burdov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2002:0507JUD005949800, punt 34 sa 37), il-Qorti EDB, 6 ta’ Marzu 2003, Jasiūnienė vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2003:0306JUD004151098, punt 27 sa 31), il-Qorti EDB, 7 ta’ April 2005, Užkurėlienė vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2005:0407JUD006298800, punt 36), fejn madankollu ma nstab l-ebda ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB minħabba t-tardività allegata fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġudizzjarja, il-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2005, Malinovskiy vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2005:0707JUD004130202, punti 34 sa 39), il-Qorti EDB, 31 ta’ Ottubru 2006, Jeličić vs Il‑Bosnja-Ħerzegovina (CE:ECHR:2006:1031JUD004118302, punti 38 sa 45), il-Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2009, Yuriy Nikolayevich Ivanov vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2009:1015JUD004045004, punti 51 sa 57), u il-Qorti EDB, 19 ta’ Ġunju 2012, Murtić u Ćerimović vs Il‑Bosnja-Ħerzegovina (CE:ECHR:2012:0619JUD000649509, punti 27 sa 30).

    ( 31 ) Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il‑Greċja (CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punt 40).

    ( 32 ) Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2018, Sharxhi et vs L‑Albanija (CE:ECHR:2018:0111JUD001061316, punti 92 sa 93), fejn tiġi ċċitata l-Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 2005, Okyay et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2005:0712JUD003622097, punt 72). Ara wkoll, il-Qorti EDB, 15 ta’ Jannar 2009, Burdov vs Ir‑Russja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0115JUD003350904, punt 68).

    ( 33 ) Ara riċentement, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 25) jew tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Ara t-Taqsima 339(1) tal-KPĊ li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Għal-lista (miftuħa) ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ara t-Taqsima 339(2) tal-KPĊ.

    ( 35 )

    ( 36 ) Ara t-Taqsima 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċeduri u s-Servizzi Amministrattivi u t-Taqsima 339(1) tal-KPĊ. L-istess leġiżlazzjoni kienet ukoll fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Settembru 2015.

    ( 37 ) Ara egyes törvényeknek a tömeges bevándorlás kezelésével összefüggő módosításáról szóló 2015. évi CXL. törvény (il-Liġi CXL tal‑2015 dwar l-emendi ta’ ċerti liġijiet dwar l-immaniġġar tal-immigrazzjoni tal-massa).

    ( 38 ) Taqsima 90(1) ta’ a közigazgatási perrendtartásról szóló 2017. évi I. törvény (tal-Kodiċi il-ġdid dwar it-Tilwim Amministrattiv, Att I tal‑2017) (iktar ’il quddiem il-“KTA”) li ssostitwixxa mill‑1 ta’ Jannar 2018, il-KPĊ l-antik fir-rigward ta’ proċeduri ġudizzjarji amministrattivi.

    ( 39 ) Taqsima 68(5) tal-Liġi dwar l-Ażil tipprovdi li “d-deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mir-refuġjati ma tistax tiġi rriformata mill-qorti.”

    ( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, EU:C:2000:247, punt 57).

    ( 41 ) Ara, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi f’Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punti 100 sa 103).

    ( 42 ) Ara iktar ’il fuq, punti 70 u 71.

    ( 43 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 27).

    ( 44 ) Ara l-punt 70 iktar ’il fuq.

    ( 45 ) Ara, riċentement, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) Riċentement, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroack (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14), u tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 19).

    ( 47 ) “Awtorità determinanti”, biex nuża l-kliem tad-Direttiva 2013/32, iddefinita fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.

    ( 48 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat infatti li “l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn organu amministrattiv jew semiġudizzjarju pprovdut b’riżorsi speċifiċi u b’persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32”. Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 116), u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 96).

    ( 49 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 50 ) Iktar ’il fuq, punti 41 sa 47.

    ( 51 ) Dwar ir-relazzjoni ta’ bejn il-prinċipju tal-effettività bħala wieħed mir-rekwiżiti doppji li jirriżultaw mill-kunċett tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Banger (C‑89/17, EU:C:2018:225, punti 99 et seq.).

    ( 52 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, E. G. (C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 53 ) Ara, b’analoġija, ukoll il-Qorti EDB, 2 ta’ Novembru 2004, Tregubenko vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2004:1102JUD006133300, punti 34 sa 38), u Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punti 150 u 151).

    ( 54 ) Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punti 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 55 ) Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2011, Agrokompleks vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:1006JUD002346503, punti 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 56 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 57 ) Dwar il-fażi qabel dik ġudizzjarja ara l-Artikolu 31(2) kif ukoll il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32. Fir-rigward tal-obbligu tal-qrati li jiżguraw “ipproċessar kemm jista’ jkun malajr”, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 148).

    ( 58 ) Ara s-sentenza s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 59 ) Mingħajr ma nixtieq nidħol fid-diskussjoni (pjuttost akkademika) ta’ jekk it-twarrib ta’ kwalunkwe regoli nazzjonali kunfliġġenti f’kawża bħal din huwiex biss il-konsegwenza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jew tas-supremazija u tal-effett dirett, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta diġà ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li għandu l-effett dirett fis-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16 EU:C:2018:257, punt 78).

    ( 60 ) Ara wkoll b’analoġija s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 30, u 62 sa 64).

    ( 61 ) Minkejja li naturalment, almenu fit-teorija, ir-rimedju għad-danni għall-ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli għal Stat Membru jista’ wkoll jiġi kkontemplat, huwa pjuttost ċar li fis-sitwazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali tali rimedju jkun illużorju u ineffettiv.

    Top