Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0497

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2018.
    Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (OABA) vs Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative d'appel de Versailles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 13 TFUE – Benesseri tal-annimali – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi – Regolament (KE) Nru 834/2007 – Artikolu 3 u Artikolu 14(1)(b)(viii) – Kompatibbiltà mal-produzzjoni organika – Regolament (KE) Nru 889/2008 – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 – Logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-497/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:747

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑497/17

    Oeuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs (OABA)

    vs

    Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

    Bionoor,

    Ecocert Franza,

    Institut National de l’origine et de la qualité (INAO)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Metodi partikolari ta’ qatla preskritti minn riti reliġjużi – Qatla mingħajr sturdament – Kompatibbiltà mat-trobbija organika tal-annimali fis-sens tar-Regolament Nru 834/2007”

    Introduzzjoni

    1.

    Ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-ħruġ tat-tikketta Ewropea “biedja organika” (AB) għal prodotti li joriġinaw minn annimali li jkunu nqatlu b’mod ritwali għal raġunijiet reliġjużi mingħajr sturdament minn qabel, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1099/2009 ( 2 )?

    2.

    Din hija, essenzjalment, id-domanda li saret f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza).

    3.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-assoċjazzjoni Œuvre d’Assistance aux Bêtes d’Abattoirs (iktar ’il quddiem “OABA”)) ( 3 ) sabiex jinkiseb l-annullament ta’ sentenza li permezz tagħha t-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza) ċaħdet ir-rikors tagħha għal eċċess ta’ poter ippreżentat kontra r-rifjut impliċitu tas-soċjetà Ecocert France (iktar ’il quddiem “Ecocert”), korp ta’ ċertifikazzjoni rregolat mid-dritt privat li llum sar jopera f’isem l-Institut national de l’origine et de la qualité (iktar ’il quddiem l-“INAO”), li, skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 ( 4 ), tieħu miżuri li jwaqqfu r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-trade mark “Tendre France” iċċertifikati “ħalal” u li jinkludu d-denominazzjoni “AB”.

    Il-qafas ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 834/2007

    4.

    Ir-Regolament Nru 834/2007 jipprovdi fil-premessi 1, 3, 5, 17 u 22 tiegħu:

    “(1)

    Il-produzzjoni organika hija sistema ġenerali tal-ġestjoni ta’ impriżi agrikoli u l-produzzjoni ta’ l-ikel li tgħaqqad flimkien l-aħjar prattiċi ambjentali, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali, l-applikazzjoni ta’ standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali u l-produzzjoni f’konformità mal-preferenza ta’ ċerti konsumaturi għall-prodotti li ġejjin mill-użu ta’ sustanzi u proċessi naturali. Il-metodu tal-produzzjoni organika għalhekk għandu rwol soċjali doppju, fejn min-naħa l-waħda huwa jipprovdi għal suq speċifiku li jirrispondi għad-domanda tal-konsumatur għall-prodotti organiċi, u min-naħa l-oħra jwassal oġġetti pubbliċi li jikkontribwixxu għall-ħarsien ta’ l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.

    […]

    (3)

    Il-qafas legali Komunitarju li jirregola s-settur tal-produzzjoni organika għandu jsegwi l-objettiv li jiżgura kompetizzjoni ġusta u funzjonament xieraq tas-suq intern fi prodotti organiċi, u li jżomm u jiġġustifika l-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi. Għandu wkoll jimmira li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom dan is-settur jista’ jimxi ’l quddiem skond l-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.

    […]

    (5)

    Huwa għalhekk xieraq li l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-produzzjoni organika jiġu definiti b’mod aktar espliċitu, sabiex jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kunfidenza tal-konsumatur kif ukoll għal perċezzjoni armonizzata tal-kunċett tal-produzzjoni organika.

    […]

    (17)

    It-trobbija organika ta’ bhejjem għandha tirrispetta standards għoljin tal-benesseri ta’ l-annimali u tilħaq il-ħtiġijiet ta’ l-imġiba speċifika ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali filwaqt li l-ġestjoni tas-saħħa ta’ l-annimali għandha tkun ibbażata fuq il-prevenzjoni tal-mard. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kondizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, il-prattiki ta’ trobbija u d-densitajiet ta’ ħażna. Barra minn hekk, l-għażla ta’ razez għandha tieħu kont tal-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-kondizzjonijiet lokali. Ir-regoli implimentattivi għall-produzzjoni tal-bhejjem u l-produzzjoni ta’ l-akwakultura għandhom mill-inqas jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni ta’ Annimali miżmuma għall-finijiet ta’ Koltivazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet sussegwenti tal-Kumitat Permanenti tagħha (T-AP).

    […]

    (22)

    Iż-żamma tal-kunfidenza tal-konsumatur fi prodotti organiċi hija importanti. Għalhekk l-eċċezzjonijiet mill-ħtiġiet applikabbli għall-produzzjoni organika għandhom ikunu limitati strettament għal każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ regoli eċċezzjonali hija meqjusa ġustifikata.”

    5.

    L-Artikolu 1 tar-regolament Nru 834/2007, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ produzzjoni organika waqt li jiżgura l-iffunzjonar effettiv tas-suq intern, jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, jiżgura l-kunfidenza tal-konsumatur u jipproteġi l-interessi tal-konsumatur.

    Huwa jistabbilixxi objettivi komuni u prinċipji komuni biex jiġu sostnuti r-regoli stabbiliti taħt dan ir-Regolament dwar:

    a)

    l-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-kontroll tagħhom;

    b)

    l-użu ta’ indikazzjonijiet li jirreferu għal produzzjoni organika fit-tikettar u r-reklamar.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluża l-akkwakultura, fejn tali prodotti jitpoġġew fis-suq jew hemm l-intenzjoni li jitpoġġew fis-suq:

    (a)

    prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati;

    (b)

    prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel;

    (c)

    għalf;

    (d)

    materjal li jkattar il-veġetazzjoni u ż-żrieragħ għall-kultivazzjoni.

    […]

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe operatur involut f’attivitajiet fi kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, relatata mal-prodotti mniżżla fil-paragrafu 2.

    […]

    4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet komunitarji jew dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja dwar prodotti speċifikati f’dan l-Artikolu, bħal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-produzzjoni, il-preparazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, it-tikkettar u l-kontroll, inkluża l-leġislazzjoni dwar oġġetti ta’ l-ikel u n-nutriment ta’ l-annimali.”

    6.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi l-“[o]bjettivi” ta’ dan ir-regolament kif ġej:

    “Is-sistema ta’ produzzjoni organika għandha ssegwi l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    li tiġi stabbilita sistema ta’ ġestjoni sostenibbli għall-agrikultura li:

    […]

    (iv)

    tirrispetta standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali u b’mod partikolari tilħaq il-ħtiġijiet ta’ l-imġiba speċifiċi skond l-ispeċi ta’ l-annimali;

    (b)

    li timmira lejn il-produzzjon ta’ prodotti ta’ kwalità għolja;

    […]”

    7.

    Taħt it-titolu “Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-biedja”, l-Artikolu 5(h) ta’ dan ir-regolament jindika li l-biedja organika hija bbażata fuq il-prinċipju speċifiku ta’ “l-osservanza ta’ benesseri ta’ l-annimali ta’ livell għoli filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-ispeċi”.

    8.

    L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 834/2007, dwar ir-“[r]egoli tal-produzzjoni tal-bhejjem”, jipprovdi:

    “1.   Flimkien mar-regoli ġenerali ta’ produzzjoni ta’ l-impriżi agrikoli stabbiliti fl-Artikolu 11, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-bhejjem:

    […]

    (b)

    rigward prattiki ta’ trobbija u kondizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni:

    […]

    (viii)

    kwalunkwe sofferenza, inkluża l-mutilazzjoni, għandha tinżamm għal minimu matul il-ħajja intiera ta’ l-annimal, inkluż fil-ħin ta’ qatla;

    […]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008

    9.

    Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 889/2008 ( 5 ) tistipula:

    “L-agrikoltura organika għandha tiżgura li jkunu ssodisfati rekwiżiti speċifiċi ta’ l-imġieba ta’ l-annimali. F’dan ir-rigward, l-istrutturi tal-kenn għall-ispeċijiet kollha tal-bhejjem għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-annimali kkonċernati fejn jirrigwarda l-ventilazzjoni, id-dawl, l-ispazju u l-kumdità u għandu b’hekk ikun ipprovdut biżżejjed spazju li jippermetti libertà ampja ta’ moviment għal kull annimal filwaqt li jippermetti li tkun żviluppata l-imġieba soċjali naturali ta’ l-annimali. Għandhom ikunu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi ta’ l-istrutturi tal-kenn u tal-prattiki ta’ trobbija fir-rigward ta’ ċerti annimali, inkluż in-naħal. Dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ l-istrutturi tal-kenn għandhom iservu livell għoli ta’ benessri ta’ l-annimali, li hija prijorità fejn tidħol l-agrikoltura organika tal-bhejjem u għaldaqstant tista’ tmur lil hinn mill-istandards ta’ benessri fil-Komunità li japplikaw għall-agrikoltura in ġenerali. Prattiki ta’ trobbija organika għandhom jipprevjenu li t-tjur jitkabbru malajr wisq. Għaldaqstant għandhom ikunu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jevitaw metodi intensivi ta’ trobbija. B’mod partikolari t-tjur jew għandhom jitkabbru sakemm jilħqu età minima jew inkella għandhom ikunu ta’ varjetà li tikber bil-mod, sabiex f’kull każ ma jkun hemm ebda inċentiv biex jintużaw metodi ta’ trobbija intensiva.”

    10.

    L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “Il-ġestjoni ta’ l-annimali”, jipprovdi:

    “1.   Operazzjonijiet bħat-twaħħil ta’ lastkijiet mad-dnub tan-nagħaġ, il-qtugħ tad-dnub, l-illimar tas-snien, l-illimar tal-munqar u t-tneħħija tal-qrun m’għandhomx jitwettqu b’rutina fl-agrikoltura organika. Madankollu, xi wħud minn dawn l-operazzjonijiet jistgħu ikunu awtorizzati mill-awtorità kompetenti għal raġunijiet ta’ sigurtà jew jekk ikunu maħsuba biex itejjbu s-saħħa, il-benessri jew l-iġjene tal-bhejjem fuq bażi ta’ każ b’każ.

    Kull sofferenza lill-annimali għandha titnaqqas għal minimu billi jkun applikat loppju (anesteżija) u/jew analġeżija adegwat u billi l-operazzjoni ssir biss fl-iktar età adattata minn persunal kwalifikat.

    2.   Il-kastrazzjoni fiżika hija permessa sabiex jinżammu l-kwalità tal-prodotti u l-prattiki tradizzjonali tal-produzzjoni iżda biss skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

    3.   Il-mutilazzjoni bħall-qtugħ tal-ġwienaħ ta’ l-irġejjen tan-naħal hija pprojbita.

    4.   It-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali għandhom isiru mingħajr l-użu ta’ kull tip ta’ stimolazzjoni elettrika biex l-annimali jkunu sfurzati. L-użu ta’ kalmanti allopatiċi, qabel jew matul it-trasport, huwa pprojbit.”

    11.

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 889/2008, li jirrigwarda l-“[g]ħalf li jissodisfa l-ħtiġiet nutrizzjonali ta’ l-annimali” jipprojbixxi l-alimentazzjoni sfurzata fil-paragrafu 5 tiegħu.

    Ir-Regolament Nru 1099/2009

    12.

    Il-premessi tar-Regolament Nru 1099/2009 jistipulaw:

    “(2)

    Il-qtil tal-annimali jista’ jwassal għal uġigħ, stress, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anke fl-aħjar kondizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qatla jistgħu jikkawżaw stress u kwalunkwe teknika ta’ sturdament tippreżenta ċerti żvantaġġi. L-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress, t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika fil-qasam u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament. Għalhekk, meta l-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali jiksru wieħed mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew jużaw metodi ta’ prattika li ma jirriflettux l-aħħar żviluppi fil-qasam u b’hekk iwasslu għall-uġigħ, l-istress u t-tbatija minħabba negliġenza jew inkella intenzjonalment, l-uġigħ, l-istress jew it-tbatija għandhom jitqiesu li jistgħu jkunu evitati.

    […]

    (4)

    It-trattament xieraq tal-annimali huwa valur Komunitarju li huwa stabbilit fil-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (‘il-Protokoll (Nru 33)’). Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla hija kwistjoni ta’ interess pubbliku li taffettwa l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn il-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, it-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla jikkontribwixxi għal laħam ta’ kwalità ogħla u indirettament għandu impatt pożittiv fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-biċċeriji.

    […]

    (18)

    Ingħatat deroga mill-isturdament fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi li jseħħu fil-biċċeriji permezz tad-Direttiva 93/119/KE [tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421)]. Minħabba li d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’].

    […]

    (20)

    Ħafna metodi ta’ qtil jikkawżaw uġigħ għall-annimali. L-isturdament huwa għalhekk meħtieġ sabiex jikkawża telf tas-sensi u nuqqas ta’ sensibbiltà fl-annimali qabel jinqatlu jew fl-istess ħin li jinqatlu. Il-kejl tat-telf tas-sensi u n-nuqqas ta’ sensibbiltà ta’ annimal huwa kumpless u jeħtieġ li jitwettaq skont metodoloġija approvata xjentifikament. Madankollu, għandu jitwettaq monitoraġġ permezz ta’ indikaturi sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-proċedura taħt kondizzjonijiet prattiċi.

    (21)

    Il-monitoraġġ tal-effikaċja tal-isturdament huwa bbażat prinċipalment fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm l-annimal ikun f’sensih u tas-sensibbiltà tal-annimali. Kemm annimal ikun f’sensih huwa essenzjalment il-kapaċità tiegħu li jħoss l-emozzjonijiet u li jikkontrolla l-mobilità volontarja tiegħu. Minkejja xi eċċezzjonijiet, bħall-immobilizzaturi elettroniċi jew tip ta’ paraliżi oħra provokata, annimal jista’ jkun preżunt li ntilef minn sensih meta jitlef il-pożizzjoni naturali tiegħu ta’ bilwieqfa, ma jkunx imqajjem u ma jurix sinjali ta’ emozzjonijiet pożittivi jew negattivi bħal biża’ jew eċċitament. Is-sensibbiltà ta’ annimal hija essenzjalment il-kapaċità tiegħu li jħoss l-uġigħ. B’mod ġenerali, annimal ikun preżunt li mhuwiex sensittiv meta ma juri l-ebda rifless jew reazzjoni għal stimoli bħal ħoss, riħa, dawl jew kuntatt fiżiku.

    […]

    (33)

    L-annimali jistgħu jbatu meta l-proċeduri għall-isturdament ma jirnexxux. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jipprovdi sabiex ikun disponibbli apparat għall-isturdament ta’ riżerva adatt biex jitnaqqas l-uġigħ, stress żejjed jew it-tbatija għall-annimali.

    […]

    (37)

    Il-Komunità tfittex li tippromwovi standards għoljin ta’ trattament xieraq f’popolazzjonijiet ta’ annimali fid-dinja kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ. Hi tappoġġa standards u rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament xieraq tal-annimali tal-OIE, anke fil-qatla tal-annimali. […]

    […]

    (43)

    Il-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas it-tbatija. Barra minn hekk, l-annimali li ma jkunux imrażżna mekkanikament wara li ssir il-qatgħa x’aktarx li jbatu proċess itwal ta’ fsada u, li b’hekk, titwal għalxejn is-sofferenza tagħhom. L-annimali tal-ispeċi bovina, ovina u kaprina huma l-ispeċi l-aktar komuni maqtula b’din il-proċedura. Għalhekk, ir-ruminanti maqtula mingħajr ma jiġu storduti għandhom jitrażżnu individwalment u mekkanikament.

    […]”

    13.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprovdi li dan jistabbilixxi regoli għall-qtil ta’ annimali mrobbija jew miżmuma b’mod partikolari għall-produzzjoni tal-ikel.

    14.

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “[…]

    (f)

    ‘sturdament’ tfisser kwalunkwe proċess ikkaġunat intenzjonalment li jikkawża t-telf tas-sensi u s-sensibbiltà mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja;

    (g)

    ‘rit reliġjuż’ tfisser serje ta’ atti relatati mal-qatla ta’ annimali u preskritti minn reliġjon;

    […]

    (j)

    ‘qatla’ tfisser il-qtil ta’ annimali maħsub għall-konsum tal-bniedem;

    […]”

    15.

    Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Rekwiżiti ġenerali għal qtil u operazzjonijiet relatati”:

    “Waqt il-qatla u operazzjonijiet relatati, l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jigu evitati.”

    16.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1099/2009, iddedikat għall-“[m]etodi ta’ sturdament”, jipprovdi:

    “1.   L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il-metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

    Il-metodi msemmija fl-Anness I li ma jirriżultawx f’mewta istantanja […] għandhom ikunu segwiti kemm jista’ jkun malajr possibbli bi proċedura li tiżgura l-mewt bħall-fsada, l-enervazzjoni (pithing), l-elettrokuzzjoni jew l-espożizzjoni mtawla għal anossija.

    […]

    4.   Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    17.

    Fl-24 ta’ Settembru 2012, l-OABA għamlet talba lill-ministre de l’Agriculture, de l’Agroalimentaire et de la Forêt (il-Ministru għall-Agrikoltura, għall-Agroalimentazzjoni u għall-Forestrija, iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Agrikoltura”) intiża, b’mod partikolari, biex jitwaqqaf ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-bergers tat-trade mark “Tendre France” iċċertifikati “ħalal” u bl-indikazzjoni “AB”. Fl-istess jum, hija talbet lill-INAO jeskludi mit-tikketta “AB” il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella minn annimali maqtula mingħajr ma qabel jiġu sturduti.

    18.

    Peress li dawn it-talbiet ġew impliċitament miċħuda, l-OABA, permezz ta’ att tat-23 ta’ Jannar 2013, ippreżentat rikors għal eċċess ta’ poter quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

    19.

    Bid-Deċiżjoni Nru 365447, tal-20 ta’ Ottubru 2014 (FR:CESSR:2014:365447.20141020), il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea ddefinixxiet b’mod eżawrjenti r-regoli dwar il-produzzjoni agrikola organika tal-annimali tal-ifrat, mingħajr riferiment għall-adozzjoni ta’ testi ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri u mingħajr ma dawn it-testi jkunu meħtieġa għall-effettività sħiħa tagħha. Għalhekk, l-awtorità regolatorja ma kinitx kompetenti biex tistipula dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrepetuha, jippreċiżawha jew li jikkompletawha. Konsegwentement, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad it-talbiet ta’ OABA sa fejn dawn kienu jitolbu l-annullament tar-rifjut tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tipprojbixxi l-użu tal-indikazzjoni “AB” għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella li joriġinaw mill-annimali maqtula mingħajr sturdament, peress li l-ħruġ ta’ din it-tikketta u l-użu tagħha huma kompletament irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) bagħat lura lit-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) id-deċiżjoni tal-kumplament tat-talbiet tar-rikors li kienu intiżi biex jinkiseb l-annullament tar-rifjut ta’ Ecocert li jieħu miżuri li jtemmu r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-trade mark “Tendre France” iċċertifikati “ħalal” u bl-indikazzjoni “AB”.

    20.

    Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, it-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) ċaħdet din it-talba.

    21.

    L-OABA għaldaqstant appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li Ecocert kien obbligat, skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 834/2007, li jtemm ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, peress li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni biex jinkludu din l-indikazzjoni.

    22.

    Kemm il-Ministru għall-Agrikoltura kif ukoll il-kumpannija Bionoor, li tqassam prodotti minn biedja organika (iktar ’il quddiem “Bionoor”), Ecocert u l-INAO jitolbu li r-rikors ippreżentat minn OABA jiġi miċħud.

    23.

    Għall-qorti tar-rinviju, il-kuntest ġuridiku tal-kawża jidher li huwa kkostitwit, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, l-ewwel nett, mill-Artikolu 13 TFUE, it-tieni nett, mill-premessi 1 u 17 kif ukoll mill-Artikolu 3, l-Artikolu 14(1)(b), u mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 834/2007 u, it-tielet nett, mill-Artikolu 4(1) u (4), kif ukoll mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1099/2009.

    24.

    Il-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles) tosserva, madankollu, li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1099/2009, u lanqas ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 889/2008, ma tiddefinixxi b’mod espliċitu l-metodu jew il-metodi ta’ qatla tal-annimali adattati biex jissodisfaw l-għanijiet tal-benesseri tal-annimali u ta’ tnaqqis tat-tbatija tal-annimali, u maħsuba għall-produzzjoni organika.

    25.

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tagħmel riferiment bejn, minn naħa, ir-Regolament Nru 1099/2009 u, min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008, is-sempliċi approssimazzjoni ta’ dawn it-testi ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-qatla ritwali mingħajr sturdament minn qabel, li hija ammessa taħt deroga skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, ladarba r-rekwiżiti tekniċi kollha li japplikaw għaliha huma ssodisfatti, tistax tissodisfa l-għanijiet speċifiċi tal-benesseri tal-annimali u tat-tnaqqis tat-tbatija tal-annimali li huma maħsuba għall-produzzjoni organika permezz tar-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008. Għalhekk tqum il-kwistjoni tal-konformità tal-interpretazzjoni hekk mogħtija lil dawn ir-regolamenti mal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 13 TFUE.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra għalhekk li t-tweġiba għall-motiv ibbażat fuq li t-tikketta Ewropea “AB” ma tistax tapplika għal laħam li joriġina minn annimali li jkunu nqatlu b’mod ritwali mingħajr sturdament minn qabel, li huwa determinanti għall-eżitu tat-tilwima, tippreżenta diffikultà serja ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    27.

    Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

    “Ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni […] li jirriżultaw, b’mod partikolari:

    mill-Artikolu 13 tat-[TFUE];

    mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, li r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008,

    u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009,

    għandhom jiġu interpretati li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-ħruġ tat-tikketta Ewropea ‘agricolture biologique’ [‘AB’] għal prodotti li joriġinaw minn annimali li ġew suġġetti għal qatla għal raġunijiet reliġjużi mingħajr sturdament minn qabel, imwettqa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1099/2009?”

    28.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn OABA, Bionoor, Ecocert, kif ukoll mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju tan-Norveġja u mill-Kummissjoni Ewropea.

    29.

    Fid-19 ta’ Ġunju 2018 saret seduta li fiha pparteċipaw OABA, Bionoor kif ukoll ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni.

    Analiżi

    Pożizzjoni tal-problema

    30.

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tirrispondi għal domanda li, kollox ma’ kollox, hija sempliċi: il-laħam ta’ annimali maqtula mingħajr sturdament minn qabel jista’ jkun iċċertifikat “AB”?

    31.

    Id-diffikultà ġejja mill-fatt li, minkejja li l-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ – li tikkonsisti essenzjalment mir-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008 – hija intiża li tiżgura l-osservanza ta’ “standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” ( 6 ), matul il-ħajja kollha tal-annimali ( 7 ), li jfisser li “kwalunkwe sofferenza ta’ l-annimali inkluż il-ħin tal-qatla għanda tinżamm minima” ( 8 ), hija ma tiddefinixxix b’mod preċiż il-metodi li jippermettu li titnaqqas kemm huwa possibbli t-tbatija tal-annimali fil-mument li jinqatlu.

    32.

    Il-kawża tirrigwarda kważi unikament l-interpretazzjoni tal-istandards tekniċi li għandhom jiġu osservati fl-istadju tal-qatla tal-annimali għall-ħruġ ta’ ċertifikazzjoni “AB”.

    33.

    Għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qed tintalab tiddeċiedi, proprjament, dwar kwistjoni ta’ indħil mal-libertà tal-manifestazzjoni tar-reliġjon — bħal dik li kienet inkwistjoni fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta’ Ġunju 2000, Cha’ are Shalom Ve Tsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795). Lanqas ma hija mitluba tiddeċiedi direttament dwar il-kompatibbiltà bejn l-istandard “AB” u ċ-ċertifikazzjoni “ħalal” — li, sal-lum, din tal-aħħar għadha ma tilħaqx speċifikazzjonijiet preċiżi b’mod partikolari dwar l-użu jew in-nuqqas ta’ użu tal-isturdament minn qabel mal-qtil tal-annimali.

    Il-kawża ma tirrigwardax direttament kwistjoni ta’ ħsara għall-eżerċizzju liberu tal-qima

    34.

    Fil-kawża prinċipali, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex l-intenzjoni li tidħol f’dan il-qasam, tqajmet il-kwistjoni tal-osservanza tal-eżerċizzju tal-libertà tal-qima, mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10 tal-Karta.

    35.

    B’mod partikolari, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Bionoor sostniet li kieku kellu jiġi konkluż li ċ-ċertifikazzjonijiet “AB” u “ħalal” huma inkompatibbli, dan jaffettwa d-dritt kollettiv tal-Musulmani għall-eżerċizzju liberu tagħhom ta’ qima, iggarantit mill-Artikolu 9, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-KEDB), minn naħa, u mal-Artikolu 10 tal-Karta, min-naħa l-oħra. Hija tirreferi f’dan ir-rigward b’mod partikolari għas-sentenza Cha’ are Shalom Ve Tsedek vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq. Skont Bionoor, meta ma pprojbixxiex li l-indikazzjoni “AB” titqiegħed fuq prodotti ċċertifikati “koxer” jew “ħalal”, il-leġiżlatur Ewropew xtaq jiżgura impenn pożittiv biex tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-libertà ta’ reliġjon.

    36.

    Jien m’iniex konvint ħafna minn dan l-argument, li huwa bbażat, fir-rigward tal-kawża prinċipali, fuq l-idea li l-libertà reliġjuża tal-Musulmani tkun ostakolata fil-każ li jiġi konkluż li ċ-ċertifikazzjonijiet “ħalal” u “AB” ma jistgħux jintużaw flimkien.

    37.

    F’dan ir-rigward, jidhirli li l-problema li għandi quddiemi hija ferm differenti minn dik inkwistjoni fis-sentenza Cha’ are Shalom Ve Tsedek vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.

    38.

    Infakkar li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li “bl-istabbiliment ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ sturdament minn qabel ta’ annimali ddestinati għall-qatla, id-dritt nazzjonali kien ikkonkretizza impenn pożittiv tal-Istat intiż li tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà ta’ reliġjon” (§ 76) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li “kien ikun hemm indħil fil-libertà tal-manifestazzjoni tar-reliġjon ta’ persuna biss kieku l-projbizzjoni tal-prattika b’mod legali ta’ dan il-qtil kienet twassal li jkun impossibbli għal-Lhud ultraortodossi li jieklu laħam ta’ annimali maqtula skont il-preskrizzjonijiet reliġjużi li jqisu applikabbli għalihom fil-qasam” (§ 80). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    39.

    Issa, f’dan il-każ, b’differenza mill-qatla ritwali li ssir waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, li kienet prevista fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et ( 9 ), hawnhekk ma hijiex inkwistjoni l-possibbiltà għall-Musulmani li jikkonformaw ruħhom ma’ preskrizzjoni reliġjuża. Il-possibbiltà tal-konsum ta’ prodotti ċċertifikati “AB” u “ħalal” ma hijiex relatata, bħala tali, mal-prassi ta’ “rit reliġjuż”, u b’hekk ma taqax taħt l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta u fl-Artikolu 9 tal-KEDB bħala espressjoni ta’ twemmin reliġjuż.

    40.

    Fil-fatt, il-persuni li jkunu jixtiequ jixtru prodotti minn annimali maqtula mingħajr sturdament minn qabel, sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ ċerti preċetti reliġjużi, dejjem għandhom alternattiva li tirrispetta t-twemmin reliġjuż tagħhom ( 10 ). Kieku kellu jiġi konkluż li l-qatla ritwali mingħajr sturdament kienet ipprojbita fil-kuntest tal-biedja organika, iċ-ċittadini ta’ twemmin Lhudi jew Musulmana xorta jistgħu dejjem jiksbu laħam koxer jew ħalal u, għalhekk, is-sustanza stess tad-dritt ta’ reliġjon ma hijiex ippreġudikata. Dawn ikunu sempliċement ipprojbiti milli jikkonsmaw laħam koxer jew ħalal iċċertifikat “AB”. Il-fatt li ma jkollhomx laħam bit-tikketta “AB” minn annimali maqtula mingħajr ma jiġu storduti, ma jaffettwax, bħala tali, il-preskrizzjonijiet reliġjużi, li ma jimponux li jiġu kkonsmati unikament prodotti li joriġinaw mill-biedja organika. Bl-istess mod, ma hemm ebda “dritt” għal aċċess għal prodotti b’tikketta “AB”. Nosserva barra minn hekk li l-konvenuti bl-ebda mod ma allegaw, fil-kawża prinċipali, li l-fatt li jiġu pprojbiti milli jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodotti ċċertifikati kemm “ħalal” kif ukoll “AB” huwa fih innifsu inkompatibbli mat-twemmin reliġjuż tal-konsumaturi ta’ prodotti bit-tikketta “ħalal”.

    41.

    Fil-fehma tiegħi din il-konklużjoni tidher iktar u iktar valida meta, jekk wieħed jaħseb sewwa, id-domanda magħmula ma hijiex tant jekk iċ-ċertifikazzjonijiet “AB” u “ħalal” humiex kompatibbli, iżda pjuttost jekk ċertifikazzjoni “AB” tistax tinħareġ għal prodotti li joriġinaw minn annimali maqtula mingħajr sturdament minn qabel, li finalment, jidhirli li hija kompletament kwistjoni oħra.

    Il-kawża ma tistedinx lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-isturdament mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali ( 11 ), u lanqas fuq il-portata tat-tikketta “ħalal”

    42.

    Minbarra l-fatt li din il-kawża ma tidhirx li tirrigwarda direttament ksur tal-libertà reliġjuża, hija lanqas ma tikkonċerna l-kwistjoni tal-isturdament minn qabel mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali, u lanqas dik tal-kompatibbiltà inġenerali taċ-ċertifikazzjonijiet “AB” u “ħalal”.

    43.

    Fl-ewwel lok, jidhirli li llum huwa stabbilit sew li, għalkemm kull qtil huwa problematiku f’termini tal-benesseri tal-annimali, l-użu ta’ metodi ta’ sturdament waqt il-qatla tal-annimali jista’, tal-inqas teoretikament u hekk kif juru għadd kbir ta’ studji xjentifiċi ( 12 ), jgħin biex din it-tbatija titnaqqas meta l-użu tagħhom isir f’kundizzjonijiet tajbin.

    44.

    Fit-tieni lok, minkejja li l-kawża prinċipali kienet tirrigwarda l-possibbiltà li l-prodotti ttikkettati “ħalal” jingħataw ċertifikazzjoni “AB”, il-punt li fl-aħħar mill-aħħar jinsab inkwistjoni f’din il-kawża huwa l-possibbiltà li prodotti minn annimali maqtula mingħajr sturdament, li fil-fehma tiegħi hija dik li hija verament problematika mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ċertifikazzjoni “AB” ( 13 ).

    45.

    Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, sal-lum, iċ-ċertifikazzjoni “ħalal” tindika ftit li xejn dwar il-metodu ta’ qatla li fir-realtà jintuża.

    46.

    Hekk kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, fost il-komunitajiet Musulmani fl-Ewropa ( 14 ) u madwar id-dinja, jeżistu opinjonijiet differenti dwar l-aċċettazzjoni tal-isturdament riversibbli jew tal-isturdament immedjatament wara l-fsada tal-annimali. Għalissa, ma hemmx uniformità rigward il-kwistjoni speċifika tal-kompatibbiltà tal-qatla ritwali bl-użu ta’ ċerti metodi ta’ sturdament, fil-prassi segwiti mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni “ħalal” fl-Istati Membri.

    47.

    F’dan ir-rigward, wieħed jista’ faċilment jifhem li, f’termini ta’ traduzzjoni tar-rekwiżiti reliġjużi li l-aċċettazzjoni u l-portata tagħhom huma, b’definizzjoni, suġġetti għal interpretazzjonijiet diverġenti ( 15 ) u li diffiċilment jiġu standardizzati, ma teżistix leġiżlazzjoni Ewropea li tiddefinixxi u tirregola l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-qatla ritwali, kemm jekk hija koxer jew ħalal. B’mod partikolari, għalkemm jidher li hemm qbil ġenerali li, skont il-preskrizzjonijiet tar-reliġjon Musulmana, l-annimal li jkun ser jinqatel “irid jkun ħaj jew meqjus ħaj” fil-ħin tal-qatla sabiex jitqies bħala ħalal ( 16 ), dan mhux neċessarjament ifisser li kull forma ta’ sturdament qabel il-qatla hija pprojbita.

    48.

    Hekk kif ġie rrilevat fil-kuntest ta’ din il-proċedura, xi rappreżentanti tal-komunità Musulmana ( 17 ) huma tal-parir li l-elektronarkożi jew kull proċedura simili ta’ sturdament qabel il-qatla li ma għandhomx effett fuq il-funzjonijiet vitali tal-annimal, u b’mod partikolari fuq l-iżvinar tiegħu (li jimplika li dan jista’ jerġa’ jiġi f’sensih jekk il-fsada ma tkunx seħħet), huma konformi mal-preskrizzjonijiet tar-reliġjon Musulmana.

    49.

    It-testi nazzjonali wkoll ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ qatla ritwali. L-indikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni dwar in-natura koxer jew ħalal tal-prodotti huma, b’mod ġenerali, iddefiniti u amministrati minn korpi ta’ ċertifikazzjoni marbuta ma’ ċerti awtoritajiet reliġjużi u mhux minn awtoritajiet regolatorji ( 18 ).

    50.

    Għaldaqstant, il-prassi segwita mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni tvarja ħafna. B’hekk, ċerti korpi ta’ ċertifikazzjoni jfakkru fl-ispeċifikazzjonijiet tagħhom li l-qatla għandha ssir permezz ta’ sturdament minn qabel filwaqt li oħrajn jillimitaw ruħhom li jimponu livell għoli ta’ benesseri tal-annimali, mingħajr iktar dettalji f’dak li jirrigwarda l-isturdament. Ma’ dan jiżdied il-fatt li, fl-istess korp taċ-ċertifikazzjoni, l-użu tal-isturdament minn qabel ivarja minn speċi ta’ annimali għal oħra.

    51.

    Għaldaqstant, attwalment fis-suq jeżistu prodotti ttikkettati “ħalal” li ġejjin minn annimali li jkunu nqatlu wara li ġew storduti. Barra minn hekk, seta’ jintwera li l-laħam li joriġina minn annimali maqtula mingħajr sturdament jitqassam fiċ-ċirkwit konvenzjonali, mingħajr ma l-konsumaturi jiġu informati dwar dan ( 19 ). Fl-aħħar mill-aħħar, it-twaħħil ta’ tikketta “ħalal” fuq prodotti jagħti biss ftit li xejn indikazzjoni dwar l-użu tal-isturdament waqt il-qatla tal-annimali u, jekk ikun il-każ, dwar il-metodu ta’ sturdament magħżul.

    Risposta għad-domanda preliminari

    52.

    Kif osservat ġustament il-qorti tar-rinviju, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li speċifikament tagħmel riferiment bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw, rispettivament, minn naħa, il-metodu ta’ produzzjoni organika u, min-naħa l-oħra, il-qatla tal-annimali.

    53.

    Fl-assenza ta’ tali distinzjoni, żewġ interpretazzjonijiet huma previsti.

    54.

    L-ewwel waħda, sostnuta minn Ecocert, Bionoor kif ukoll mill-Gvern Franċiż, hija li d-dispożizzjonijiet rilevanti ma jipprekludux l-għoti ta’ tikketta “AB” għal prodotti li joriġinaw minn annimali maqtula mingħajr sturdament.

    55.

    Għalkemm ir-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ “standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” għall-produzzjoni organika, la dan ir-regolament u lanqas ir-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 889/2008 tiegħu ma jipprekludu espressament li r-regola ta’ sturdament minn qabel ma tiġix osservata fil-kuntest partikolari tal-qatla ritwali.

    56.

    Il-qtil ritwali li huwa permess, għal finijiet ta’ osservanza ta’ ċerti riti reliġjużi, taħt deroga mir-Regolament Nru 1099/2009, peress li r-rekwiżiti tekniċi previsti kollha huma ssodisfatti, jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-benesseri tal-annimali u t-tnaqqis tat-tbatija tal-annimali, liema għanijiet jagħmlu parti minn dawk li għandhom jintlaħqu fil-produzzjoni organika.

    57.

    It-tieni interpretazzjoni, li hija dik sostnuta mill-OABA, mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Gvern Grieg u dak Norveġiż, hija qari teleoloġika u sistemika tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Essenzjalment hija bbażata fuq l-idea li l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u ta’ tnaqqis tat-tbatija tal-annimal, inkluż fil-ħin tal-qatla, jimponu, għall-kuntrarju, li tali tikketta ma tinħariġx għal prodotti li ġejjin minn qtil ritwali.

    58.

    Id-difensuri ta’ dan it-tieni approċċ isostnu b’mod partikolari li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li l-importanza tiegħu hija espressa fl-Artikolu 13 TFUE. Il-ħtieġa li jiġi rrispettat il-benesseri tal-annimali hija mfakkra kemm mir-Regolament Nru 1099/2009, li jistabbilixxi b’mod partikolari l-prinċipju tal-isturdament qabel il-qtil, kif ukoll mir-Regolament Nru 834/2007 li jqis it-tnaqqis tat-tbatija tal-annimal bħala rekwiżit importanti tal-biedja organika.

    59.

    Fil-fehma tagħhom, il-possibbiltà miftuħa mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, li jsir qtil ritwali ssegwi u hija kundizzjonata minn għanijiet ta’ spezzjonijiet sanitarji u ta’ rispett ugwali tat-twemmin u ta’ riti reliġjużi. Din id-deroga ma taqbilx u ma għandha ebda rabta mal-“[i]standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” li għandhom jirregolaw l-għoti tal-indikazzjoni “AB” skont ir-Regolament Nru 834/2007 (b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 5 tiegħu). Dawn jargumentaw ukoll li l-għoti ta’ ċertifikazzjoni “AB” għal prodotti li joriġinaw minn annimali maqtula mingħajr sturdament minn qabel jikser il-prinċipju ta’ aspettattivi tal-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti organiċi, prinċipju li dan ir-regolament jirreferi għalih fl-Artikolu 1 tiegħu u fil-premessi 3, 5 u 22 tiegħu.

    60.

    Fil-punti li ġejjin, l-ewwel nett, ser nispjega l-kontenut tal-istandards li jirregolaw it-trobbija organika tal-bhejjem mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħquda tar-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008 u r-rabtiet li għandhom mar-regoli fil-qasam ta’ qatla tal-annimali kif jirriżultaw b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1099/2009. Huwa fid-dawl ta’ din l-espożizzjoni li mbagħad ser nispjega għal liema raġunijiet dawn ir-regoli, anki jekk jinqraw fid-dawl tar-rekwiżit tal-osservanza ta’ standards għoljin tal-benesseri tal-annimali, ma jipprekludux, fil-fehma tiegħi, il-ħruġ ta’ tikketta “AB” għal prodotti li jkunu ġejjin minn annimali maqtula mingħajr ma jkunu ġew storduti.

    L-istandards li jirregolaw il-biedja organika u r-rabtiet mar-regoli fil-qasam ta’ qatla tal-annimali

    61.

    Biex takkumpanja l-iżvilupp kostanti tas-suq tal-prodotti organiċi ( 20 ), l-Unjoni ilha tilleġiżla mis-sena 1991 fil-qasam tal-produzzjoni organika, billi teżiġi minn operaturi li josservaw sistema elaborata ta’ standards u ta’ kontrolli.

    62.

    Bħal fil-każ tar-Regolamenti (KEE) Nru 2092/91 ( 21 ) u (KE) Nru 392/2004 ( 22 ) li ġew qablu, ir-Regolament Nru 834/2007 jimmira li jistabbilixxi sistema komprensiva ta’ ġestjoni agrikola u ta’ produzzjoni tal-ikel li tgħaqqad l-aqwa prassi f’oqsma differenti (l-ambjent, il-bijodiversità, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-istandards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali).

    63.

    Bħar-Regolament Nru 834/2007, ir-Regolament il-ġdid (UE) 2018/848 ( 23 ), li se jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021, ifakkar, b’mod partikolari, fil-premessa 1 tiegħu li “[i]l-produzzjoni organika għandha rwol soċjetali doppju, fejn min-naħa waħda tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tforni prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali”.

    64.

    Ma jistax jiġi serjament ikkontestat li, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-prodotti organiċi u dawk mhux organiċi jaqgħu taħt sistemi legali differenti, minħabba li dawk tal-ewwel huma suġġetti għal preskrizzjonijiet ta’ produzzjoni iktar stretti mill-oħrajn ( 24 ).

    65.

    Fost l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-biedja organika, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat l-importanza li għandha tingħata lil dawk dwar is-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tal-konsumatur. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jinżammu l-aspettattivi tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi ( 25 ). F’dan ir-rigward, u kif jippreċiża l-Artikolu 23(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 834/2007 jawtorizza biss, fit-tikkettar u fir-reklamar ta’ prodotti agrikoli, l-użu ta’ termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika għall-prodotti miksuba skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament.

    66.

    Mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, ma hemmx dubju li r-Regolament Nru 834/2007 huwa intiż li jissuġġetta l-biedja organika għal ċertu numru ta’ standards li jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali minn dak li jista’ jkun meħtieġ fil-kuntest tal-agrikoltura konvenzjonali. Għalhekk, l-Artikolu 3(a)(iv) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-produzzjoni organika għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni sostenibbli għall-agrikultura li “tirrispetta standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali ( 26 )”. L-Artikolu 5(h) tal-imsemmi regolament jindika wkoll li l-biedja organika għandha bħala għan “l-osservanza ta’ benesseri ta’ l-annimali ta’ livell għoli ( 27 ) filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-ispeċi”.

    67.

    Madankollu, għandu jiġi nnotat li, għalkemm il-leġiżlazzjoni rilevanti hija relattivament iddettaljata fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-istrutturi tal-kenn (ara l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 889/2008 li jirreferu b’mod partikolari għall-Anness III ta’ dan l-istess regolament) u ta’ trobbija (ara, b’mod partikolari, dwar il-miżuri ta’ “ġestjoni tal-annimali”, l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament) tal-annimali li l-biedja organika trid tissodisfa, sa fejn tistabbilixxi standards li jmorru sew lil hinn mill-istandards Ewropej applikabbli għall-agrikoltura hekk imsejħa konvenzjonali, ftit li xejn titkellem dwar l-istandards applikabbli għall-qatla tal-annimali. B’mod partikolari, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma tipprojbixxi inkwantu tali l-qatla mingħajr sturdament.

    68.

    L-Artikolu 14(1)(b)(viii) tar-Regolament Nru 834/2007 jiddikjara sempliċement li “kwalunkwe sofferenza, inkluża l-mutilazzjoni, għandha tinżamm għal minimu matul il-ħajja intiera ta’ l-annimal, inkluż fil-ħin ta’ qatla ( 28 )”.

    69.

    Dan is-silenzju tar-Regolament Nru 834/2007 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 889/2008 tiegħu dwar il-modalitajiet ta’ qatla tal-annimali jista’ fil-fehma tiegħi jiġi interpretat biss bħala li jissuġġerixxi li f’din il-kwistjoni għandu jsir riferiment għar-regoli ġenerali li jirregolaw il-qatla tal-annimali, b’mod partikolari dawk applikabbli għal annimali mrobbija jew miżmuma għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel li huma previsti mir-Regolament Nru 1099/2009 ( 29 ).

    70.

    Dan jidhirli li jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 834/2007, li jgħid li dan tal-aħħar għandu japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prodotti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Issa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 jagħmlu parti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    71.

    Wieħed għandu jinnota mill-bidu nett li, kif tindika l-formulazzjoni tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għall-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mument tat-tbiċċir jew tal-qatla tagħhom fl-Unjoni. B’differenza mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti mill-“pakkett tal-iġjene” tal-2006 ( 30 ), ir-Regolament Nru 1099/2009 rrigwarda preċiżament il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-ħin tal-qatla tagħhom.

    72.

    Dan ir-regolament huwa bbażat, kif tiddikjara l-premessa 4 tiegħu, fuq l-idea li l-protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom hija kwistjoni ta’ interess pubbliku ( 31 ).

    73.

    Bl-istess mod, l-Artikolu 3(1) tiegħu jistabbilixxi preskrizzjoni ġenerali li waqt il-qatla u operazzjonijiet relatati, l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe wġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jiġu evitati.

    74.

    Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 1099/2009 huwa intiż li jkopri u jinkludi huwa stess rekwiżiti dwar il-benesseri tal-annimali. Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni intiża speċifikament għall-biedja organika, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament.

    75.

    Issa, għalkemm, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, għandu japplika l-prinċipju tal-qatla wara sturdament skont il-metodi u preskrizzjonijiet esposti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 4(4) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi eċċezzjoni għall-qatla ritwali mingħajr sturdament tal-annimali fil-biċċeriji.

    76.

    Hekk kif huwa espost fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009, billi jipprevedi deroga mir-regola ġenerali li tipprevedi li l-annimali jinqatlu biss wara sturdament, stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament jaċċetta l-qtil ritwali mingħajr sturdament, sa fejn dan iseħħ f’biċċerija, u dan għall-finijiet tal-osservanza ta’ ċerti preċetti reliġjużi.

    77.

    Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi l-għan prinċipali li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 1099/2009 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4(4) tiegħu, kif jirriżulta mit-titolu stess ta’ dan ir-regolament u mill-premessa 2 tiegħu” ( 32 ).

    78.

    Madankollu din id-deroga ma timplikax li s-sistema derogatorja applikabbli għall-qatla ritwali tinjora l-benesseri tal-annimali.

    79.

    Fil-fatt, tali qtil għandu dejjem isir f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-limitazzjoni tat-tbatija tal-annimali skont ir-Regolament Nru 1099/2009.

    80.

    B’hekk, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1099/2009 tindika b’mod partikolari li “[l]-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress, t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika fil-qasam u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament”. Il-premessa 43 tal-imsemmi regolament tgħid li “[i]l-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas it-tbatija”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) ta’ dan l-istess regolament, l-annimali għandhom ikunu mrażżna individwalment u biss “sakemm il-persuna inkarigata bl-isturdament jew il-fsada tkun lesta sabiex tistordihom jew tafsadhom malajr kemm jista’ jkun”. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, “[f]ejn, għall-finijiet tal-Artikolu 4(4), l-annimali jinqatlu mingħajr sturdament minn qabel, il-persuni responsabbli għall-qatla għandhom iwettqu kontrolli sistematiċi sabiex jiġi żgurat li l-annimali ma jippreżentaw l-ebda sinjal ta’ kuxjenza jew sensibbiltà qabel ma jiġu rilaxxati mit-trażżin u ma jippreżentaw l-ebda sinjal ta’ ħajja qabel ma jiġu preparati jew jinstamtu”.

    81.

    Fl-aħħar mill-aħħar, hemm żewġ sistemi ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali li jeżistu flimkien: is-sistema ta’ prinċipju, li timponi l-isturdament minn qabel, u s-sistema derogatorja (motivata mix-xewqa li jkun permess in-nuqqas ta’ sturdament għal raġunijiet reliġjużi). F’kull waħda minn dawn is-sistemi huma l-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress u t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla (ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1099/2009).

    82.

    Fil-fatt jidher kemxejn kontradittorju li jsir riferiment għar-Regolament Nru 1099/2009 – u dan, anki meta dan ir-regolament ma jinkludi l-ebda riferiment għal “standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” – sabiex jiġi argumentat li l-isturdament ġie stabbilit fil-prinċipju, skont l-Artikolu 4(1) tiegħu, u, fl-istess ħin, li jiġi kkunsidrat li dan ir-riferiment ma għadux rilevanti fir-rigward tad-deroga qabel l-isturdament prevista fl-Artikolu 4(4) ta’ dan l-istess regolament.

    83.

    Minn dan isegwi li l-għan ġenerali ta’ osservanza ta’ “standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” ser jiġi rrispettat dejjem, ikun x’ikun il-metodu tal-qatla adottat. Ma nqisx li l-prinċipju ta’ sturdament minn qabel stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1099/2009 iwassal għall-konklużjoni li r-rekwiżit ta’ “standards għoljin dwar il-benesseri ta’ l-annimali” jimplika neċessarjament li l-qatla issir permezz ta’ sturdament minn qabel.

    84.

    Fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet dwar l-obbligi imposti fuq l-operaturi kkonċernati, bħal dawk pjuttost iddettaljati li l-leġiżlatur ried jiddefinixxi rigward l-istrutturi tal-kenn tal-annimali (ara l-premessa 10 tar-Regolament Nru 889/2008), il-produzzjoni organika ma tistax tkun suġġetta għal regoli iktar stretti dwar il-qatla tal-annimali minn dawk previsti mit-testi ġenerali li jirregolaw il-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom.

    85.

    Bħala konklużjoni, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008 ma tistabbilixxi espressament il-metodu jew il-metodi ta’ qatla tal-annimali li jistgħu jissodisfaw l-għanijiet tal-benesseri tal-annimali jew li jnaqqsu t-tbatija tal-annimali. Fl-assenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-metodi ta’ qatla stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika, għandu jsir riferiment għar-regoli kollha li jirregolaw il-benesseri tal-annimali waqt il-qatla, f’dan il-każ għar-Regolament Nru 1099/2009. F’dan il-kuntest, ma hemmx lok li jiġu esklużi r-regoli li jirregolaw il-qtil ritwali.

    Il-possibbiltà skont regoli applikabbli li tinħareġ tikketta “AB” għal prodotti li ġejjin minn qatla mingħajr sturdament

    86.

    Peress li r-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008 ma jagħmlu ebda kundizzjoni fil-qasam ta’ sturdament qabel il-qatla biex tinkiseb l-indikazzjoni “AB”, huma ma jistgħux jipprojbixxu l-prassi tal-qatla ritwali.

    87.

    Peress li l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jistabbilixxu standards preċiżi li magħhom għandhom jikkonformaw il-prodotti sabiex jiġu ċċertifikati bħala li joriġinaw minn biedja organika, ma narax kif jista’ jiġi serjament sostnut li s-silenzju ta’ din il-leġiżlazzjoni dwar l-użu possibbli ta’ qtil mingħajr sturdament jista’ jitqies bħala purament fortuwitu. Fil-fehma tiegħi, is-silenzju tat-testi fuq dan il-punt ma huwiex ir-riżultat ta’ żvista u sempliċi riferiment għall-kuntest tat-tfassil ( 33 ) mhux neċessarjament isostni l-interpretazzjoni tal-OABA fil-kawża prinċipali.

    88.

    Diversi raġunijiet addizzjonali jwassluni għal din il-konklużjoni.

    89.

    Fl-ewwel lok, u wara dak li indikajt preċedentement, għandu jiġi rrilevat li ċerti prassi ta’ trobbija huma espressament ipprojbiti jew ristretti fit-testi li jirregolaw il-biedja organika, b’mod partikolari mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 889/2008. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-fatt, li ċerti prassi ddestinati għall-ġestjoni tal-annimali huma, fil-prinċipju, ipprojbiti (mutilazzjoni) jew ristretti ħafna (it-twaħħil ta’ lastkijiet mad-dnub tan-nagħaġ, il-qtugħ tad-dnub, l-illimar tas-snien, l-illimar tal-munqar u t-tneħħija tal-qrun u l-kastrazzjoni fiżika). Fl-istess sens, l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-għalf tal-annimali, jipprojbixxi l-alimentazzjoni sfurzata ta’ dawn l-annimali.

    90.

    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li obbligu ta’ sturdament minn qabel ma huwiex previst għall-annimali mrobbija previsti mir-Regolament Nru 1099/2009, l-Artikolu 25h(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffissar ta’ regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar ( 34 ) jipprovdi li “[i]t-tekniki tal-qatla għandhom jitilfu lill-ħut minn sensihom u jneħħulhom il-ħila li jħossu l-uġigħ mill-ewwel”.

    91.

    Fl-aħħar nett, is-silenzju tal-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika fuq il-kwistjoni tal-qatla ritwali jidhirli li huwa inqas u inqas riżultat ta’ żvista minħabba li din il-kwistjoni ilha ( 35 ) magħrufa u rikonoxxuta fit-testi li jirregolaw il-qatla tal-annimali u li, barra minn hekk, il-“qatla” tal-annimali tissemma diversi drabi f’din il-leġiżlazzjoni ( 36 ).

    92.

    Għandu jiġi osservat li, minkejja li ċerti assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali esprimew ix-xewqa tagħhom, b’mod partikolari fl-okkażjoni tat-tfassil tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal emenda tar-Regolament Nru 834/2007 ( 37 ), għal emenda tal-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika fis-sens ta’ ġeneralizzazzjoni tal-isturdament tal-annimali qabel il-qatla tagħhom ( 38 ), ir-Regolament 2018/848, li daħal fis-seħħ reċentement, ma jgħid xejn dwar l-użu jew le ta’ dan l-isturdament.

    93.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jien tal-opinjoni li ċ-ċertifikazzjoni “AB” ma tistax tiġi rrifjutata għal prodotti li ġejjin minn annimali li jkunu nqatlu mingħajr sturdament.

    94.

    F’dan ir-rigward, ma jikkonvinċunix l-argumenti teleoloġiċi u sistemiċi l-oħrajn imressqa fil-kuntest ta’ din il-kawża sabiex isostnu t-teżi kuntrarja.

    95.

    Fl-ewwel lok, jidhirli li l-argument dwar l-osservanza tal-“prinċipju ta’ aspettattivi tal-konsumaturi” fi prodotti ttikkettati bħala organiċi, li għalih jirreferu b’mod partikolari l-premessi 3, 5 u 22 kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 834/2007, ma jistax jintlaqa’. Sa fejn l-allegata impossibbiltà li titwaħħal l-indikazzjoni “AB” fuq prodotti miksuba minn annimali maqtula mingħajr sturdament ma tirriżultax b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-istandards applikabbli għall-biedja organika, dan il-prinċipju ma jistax jinkiser, ladarba t-tikketta tkun inħarġet f’konformità mad-dritt applikabbli.

    96.

    Huwa minnu li l-protezzjoni tal-aspettattivi tal-konsumaturi fil-prodotti ttikkettati bħala prodotti organiċi teżiġi, bħalma jipprovdi l-Artikolu 6(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007, li għandhom jiġu esklużi s-sustanzi u l-metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu rigward in-natura vera tal-prodott. Madankollu, dawn l-aspettattivi huma ppreġudikati biss fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti ċari li l-biedja organika hija espressament suġġetta għalihom. Issa, kif spjegajt iktar ’il fuq, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti, l-esklużjoni tal-użu tal-isturdament waqt il-qatla tal-annimali ma jidhirlix li tista’ twassal b’mod awtomatiku għal esklużjoni totali mill-benefiċċju tal-indikazzjoni “AB” għall-prodotti kkonċernati.

    97.

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-istat attwali u minkejja l-interess dejjem jikber tal-konsumaturi għall-kundizzjonijiet ta’ qatla tal-annimali ( 39 ), il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel ma tipprovdi għal ebda indikazzjoni speċifika dwar il-kundizzjonijiet tal-qatla tal-annimali ( 40 ).

    98.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni ta’ inkompatibbiltà, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, bejn, minn naħa, iċ-ċertifikazzjoni “koxer” u “ħalal” u, min-naħa l-oħra, it-tikketta “AB” tkun tfisser iż-żieda ta’ kundizzjoni li d-dritt sostantiv ma jipprevedix. Dan iwassal biex il-Lhud u l-Musulmani prattikanti li jixtiequ jaċċedu għal prodotti organiċi u jibbenefikaw minn garanziji li dawn joffru f’termini ta’ kwalità u sigurtà tal-ikel, jiġu miċħuda minn dan.

    99.

    Fil-fatt, għalkemm l-impossibbiltà ta’ kumulu bejn iċ-ċertifikazzjoni “AB” u l-indikazzjonijiet “koxer” jew “ħalal” ma hijiex direttament problematika mill-perspettiva tal-eżerċizzju tal-libertà reliġjuża, jidhirli li hija, min-naħa l-oħra, tikkomprometti l-possibbiltà tal-konsumaturi ta’ prodotti koxer u ħalal li jiksbu prodotti li jibbenefikaw mill-garanziji offruti miċ-ċertifikazzjoni “AB”.

    100.

    Fit-tieni lok, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 46), għalkemm ma jistax jiġi miċħud li “[i]d-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxix li operatur ekonomiku jkun jista’ jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu taħt il-kategoriji kollha li huwa jqis vantaġġużi sabiex jippromwovi l-imsemmija prodotti”, dan ma jistax jiġi invokat kontra operatur li jkun ikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    101.

    F’dan ir-rigward, ma nistax inkun insensittiv għall-argument, żviluppat b’mod partikolari minn Ecocert, li korp ta’ ċertifikazzjoni ma huwiex fil-pożizzjoni li jimponi kundizzjonijiet li ma jinsabux fil-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex tinkiseb ċertifikazzjoni “AB”. B’mod partikolari, dment li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-modalitajiet tat-trobbija u tal-qatla tal-annimali sabiex tinkiseb it-tikketta “AB” ikunu ssodisfatti, il-korp taċ-ċertifikazzjoni huwa fil-prinċipju obbligat li jagħti din it-tikketta mingħajr ma jżid kundizzjonijiet mhux imposti mid-dritt sostantiv. Kieku ma jagħmilx hekk, din tkun problema kemm mill-perspettiva tal-moviment liberu ta’ prodotti organiċi fi ħdan l-Unjoni msemmi fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 834/2007 kif ukoll minn dak tal-libertà tal-kummerċ u tal-industrija.

    102.

    Din il-konklużjoni ma tmurx kontra l-Artikolu 13 TFUE.

    103.

    Ċertament, huwa stabbilit sew li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali, li l-importanza tiegħu wasslet, b’mod partikolari, għall-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali meta huma jifformulaw u jimplimentaw il-politika Komunitarja b’mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura u tat-trasport. Mal-imsemmi protokoll issa jikkorrispondi l-Artikolu 13 TFUE, dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat FUE, li tinsab fl-ewwel parti ta’ dan tal-aħħar, iddedikata għall-prinċipji msemmija ( 41 ).

    104.

    Madankollu, jiena tal-fehma li, permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1099/2009 li jirregola l-istandards relatati mal-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom, il-leġiżlatur ried jikseb bilanċ bejn il-libertà ta’ qima u l-benesseri tal-annimali. Kif diġà spjegajt qabel, dan ir-regolament mhux biss ma jinjorax il-benesseri tal-annimali, iżda minbarra dan jippermetti l-qtil ritwali biss taħt deroga u taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti strettament fl-Artikolu 4(4) tiegħu.

    Konklużjoni

    105.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza) skont kif ġej:

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprojbixxux il-ħruġ tat-tikketta Ewropea “AB” għal prodotti li joriġinaw minn annimali li jkunu nqatlu b’mod ritwali mingħajr sturdament minn qabel, b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1099/2009.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1).

    ( 3 ) Din l-assoċjazzjoni Franċiża, imwaqqfa fl-1961, għandha bħala għan, skont l-istatuti tagħha “li tassisti, tiddefendi u tipproteġi, bil-mezzi xierqa kollha previsti mil-liġi, l-annimali maħsuba għall-qatla, għal-laħam ipproċessat, għall-karkassi u l-annimali tar-razzett, l-annimali b’demmhom biered u b’estensjoni l-annimali kollha li laħamhom huwa maħsub għall-konsum, fid-diversi stadji tal-eżistenza tagħhom, b’mod partikolari dawk tat-trobbija, taż-żamma, tat-trasport u tal-qatla”.

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 68, p. 61; rettifika fil-ĠU 2014, L 300, p. 72).

    ( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1)

    ( 6 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 u 17 kif ukoll l-Artikolu 3(a)(iv) u l-Artikolu 5(h) tar-Regolament Nru 834/2007.

    ( 7 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 834/2007.

    ( 8 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(1)(b)(viii) u l-Artikolu 15(1)(b)(vi) tar-Regolament Nru 834/2007.

    ( 9 ) Sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 45).

    ( 10 ) Ara, b’mod aktar ġenerali, fir-rigward ta’ preċetti tal-ikel immotivati mir-reliġjon, il-QEDB, 7 ta’ Diċembru 2010, Jakóbski vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2010:1207JUD001842906), u 17 ta’ Diċembru 2013, Vartic vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2013:1217JUD001415008).

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, l-osservazzjonijiet ta’ Bionoor, paġni 8 sa 12.

    ( 12 ) Fost id-diversi studji msemmija mill-partijiet ikkonċernati, nistgħu nsemmu b’mod partikolari l-Opinjoni tal-2004 tal-Grupp Xjentifiku tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-Benesseri tal-Annimali (Scientific Panel on Animal Health and Welfare (AHAW)), intitolata “Welfare aspects of the main systems of stunning and killing the main commercial species of animals”, The EFSA Journal (2004), 45, p. 1–29; it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Federazzjoni tal-Veterinarji Ewropej tal-2002, “Slaughter of Animals Without Prior Stunning”, disponibbli fl-indirizz segwenti: http://www.fve.org/uploads/publications/docs/fve_02_104_slaughter_prior_stunning.pdf; kif ukoll studju tal-2010 intitolat “Report on Good and Adverse Practices – Animal Welfare Concerns in Relation to Slaughter Practices from the Viewpoint of Veterinary Sciences”, li sar bħala parti mill-proġett Ewropew Diarel (“Encouraging Dialogue on issues of Religious Slaughter”) u disponibbli fl-indirizz li ġej: http://www.dialrel.eu/dialrel-results/veterinary-concerns.html.

    ( 13 ) Il-Kummissjoni indikat li Ecocert huwa, sa fejn taf hi, l-uniku korp li jaċċetta b’mod espliċitu l-qatla ritwali mingħajr ebda forma ta’ sturdament.

    ( 14 ) L-użu mifrux tal-isturdament jidher li huwa stabbilit fid-Danimarka u fl-Isvezja. Matul is-sena 2007, il-parlamenti tal-Wallonie u tal-Flandre fil-Belġju, iddeċidew li l-użu ta’ xi forma ta’ sturdament kellu jkun obbligatorju għall-qtil ritwali.

    ( 15 ) It-terminu “ħalal” ifisser b’mod ġenerali dak li huwa “leċitu” jew “permess” mill-preċetti reliġjużi.

    ( 16 ) Ara b’mod partikolari d-direttivi ġenerali tal-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius għall-użu tal-kelma “ħalal” (CAC/GL 24–1997), li jistgħu jiġu kkonsultati fl-indirizz segwenti: http://www.fao.org/docrep/005/Y2770e/y2770e08.htm. Dawn id-direttivi ġew indirizzati lill-Istati Membri u lill-membri assoċjati kollha tal-Food and Agriculture Organization of the United Nations (l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO)) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħala test ta’ natura konsultattiva u hija r-responsabbiltà ta’ kull gvern li jiddeċiedi kif għandu jużah.

    ( 17 ) Skont l-OABA, fi Franza, din hija l-pożizzjoni tal-Moskej ta’ Pariġi, ta’ Lyon u ta’ Évry. Wara l-verifika, jidher li korpi ta’ ċertifikazzjoni “ħalal” konnessi ma’ dawn il-moskej (bħas-Société française de contrôle de viande halal (SFCVH), l-Association rituelle de la Grande Mosquée de Lyon (ARGML) jew l-Association culturelle des musulmans d’Île-de-France (ACMIF)) jippermettu effettivament forom ta’ sturdament qabel il-qatla tal-annimali (bħall-elektronarkożi msejħa “riversibbli”).

    ( 18 ) Fi Franza, l-ebda tentattiv ta’ definizzjoni ta’ standard “ħalal” mill-Association française de normalisation (AFNOR), li kien ġie żviluppat fuq bażi sperimentali għall-prodotti tal-ikel ipproċessati matul is-sena 2017, ma ntlaqa’.

    ( 19 ) Ara, pereżempju, rapport magħmul f’isem il-kummissjoni ta’ investigazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża dwar il-kundizzjonijiet ta’ qatla tal-annimali f’biċċeriji Franċiżi tal-20 ta’ Settembru 2016, p. 117-118 (http://www2.assemblee-nationale.fr/14/autres-commissions/commissions-d-enquete/conditions-d-abattage-des-animaux-de-boucherie-dans-les-abattoirs-francais/).

    ( 20 ) Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-suq ta’ prodotti organiċi rreġistra żvilupp dinamiku xprunat minn żieda kbira fit-talba. Is-suq dinji tal-ikel organiku kkwadrupla mill-1999 ’l hawn. Ara, b’mod partikolari, id-dokument ta’ ħidma tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, sunt tal-analiżi ta’ impatt, li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (regolament dwar il-kontrolli uffiċjali) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007”, tal-24 ta’ Marzu 2014 (COM (2014) 180 finali, p. 11 u r-referenzi ċċitati).

    ( 21 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 39).

    ( 22 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 392/2004 tal-24 ta’ Frar 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 8, p. 189.

    ( 23 ) Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni (C-682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 36).

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 42), u tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kamin und Grill Shop (C‑289/16, EU:C:2017:758, punt 30).

    ( 26 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 27 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 28 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 29 ) Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1099/2009.

    ( 30 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2017:926, punti 35 u 64 sa 68).

    ( 31 ) Ara wkoll il-premessi 24, 37 u 43 ta’ dan ir-regolament.

    ( 32 ) Sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 63).

    ( 33 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Vion Livestock (C‑383/16, EU:C:2017:783).

    ( 34 ) ĠU 2009, L 204, p. 15.

    ( 35 ) Ix-xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikonċilja l-protezzjoni tal-libertà ta’ qima mal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali kienet diġà dehret fl-adozzjoni tad-Direttiva 74/577/KEE tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 1974 dwar l-isturdament tal-annimali qabel il-qatla tagħhom (ĠU 1974, L 316 p. 10), u għadha tinsab sal-lum fir-Regolament Nru 1099/2009 preżentement fis-seħħ.

    ( 36 ) Ara l-Artikolu 2(i), u l-Artikolu 14(1)(b)(viii) tar-Regolament Nru 834/2007, kif ukoll l-Artikolu 12(5), u l-Artikolu 76(b) tar-Regolament Nru 889/2008.

    ( 37 ) Dokument ta’ ħidma tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, sunt tal-analiżi tal-impatt li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (regolament dwar il-kontrolli uffiċjali) u li jħassar ir-Regolament Nru 834/2007” (COM (2014) 180 finali/SWD (2014) 66 finali, p. 91).

    ( 38 ) F’dan il-każ, huwa interessanti li wieħed jinnota li OABA, filwaqt li tikkontesta ċ-ċertifikat “AB” maħruġ minn Ecocert, li jmur kontra l-leġiżlazzjoni dwar il-biedja organika, fl-istess ħin titlob emenda tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    ( 39 ) Diversi assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-annimali jimmilitaw favur l-impożizzjoni ta’ ttikkettar li jindika l-metodu ta’ qatla użat. Ir-rilevanza ta’ tali ttikkettar għadha qed tiġi diskussa (ara l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 118-120).

    ( 40 ) Ara b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 2011, L 304, p. 18). Il-premessa 50 tar-Regolament Nru 1169/2011 tindika, madankollu, li [f]’dan ir-rigward, studju dwar l-opportunità li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni rilevanti dwar l-għoti ta’ xokkijiet tal-elettriku lill-annimali għandu jitqies fil-kuntest ta’ strateġija futura tal-Unjoni għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali” (korsiv miżjud minni). Ir-riżultati ta’ dan l-istudju, li finalment ġie kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, u li l-konklużjonijiet tiegħu ġew ippubblikati fit-23 ta’ Frar 2015 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_practice_slaughter_fci-stunning_report_en.pdf), juru b’mod partikolari li, għall-maġġoranza tal-konsumaturi l-informazzjoni dwar l-isturdament qabel il-qatla ma hijiex kwistjoni importanti, sakemm ma tinġiebx għall-attenzjoni tagħhom.

    ( 41 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh-Export (C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35) u tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top