This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0341
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 5 December 2018.#Hellenic Republic v European Commission.#Appeal — Guarantee Section of the European Agricultural Guidance and Guarantee Fund (EAGGF), European Agricultural Guarantee Fund (EAGF) and European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD) — Expenditure excluded from EU financing — Expenditure incurred by the Hellenic Republic — Regulation (EC) No 1782/2003 — Regulation (EC) No 796/2004 — Area-related aid scheme — Concept of ‘permanent pasture’ — Flat-rate financial corrections — Deduction of earlier correction.#Case C-341/17 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2018.
Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Sezzjoni ‘Garanzija’, Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Spejjeż esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Spejjeż sostnuti mir-Repubblika Ellenika – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Skema ta’ għajnuna għas-superfiċji – Kunċett ta’ ‘mergħat permanenti’ – Korrezzjonijiet finanzjarji fissi – Tnaqqis ta’ korrezzjoni preċedenti.
Kawża C-341/17 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2018.
Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Sezzjoni ‘Garanzija’, Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Spejjeż esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Spejjeż sostnuti mir-Repubblika Ellenika – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Skema ta’ għajnuna għas-superfiċji – Kunċett ta’ ‘mergħat permanenti’ – Korrezzjonijiet finanzjarji fissi – Tnaqqis ta’ korrezzjoni preċedenti.
Kawża C-341/17 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:981
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑5 ta’ Diċembru 2018 ( 1 )
Kawża C‑341/17 P
Ir-Repubblika Ellenika
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – FAEGG, FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq magħmul mir-Repubblika Ellenika – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Sistema tal-għajnuniet marbutin mas-superfiċji – Kunċett ta’ ‘mergħa permanenti’ – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ dan l-appell, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Marzu 2017, fil-kawża Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni ( 2 ), fil-parti li tiċħad ir-rikors tagħha li hija ppreżentat kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/950/UE ( 3 ), li kienet tipprovdi għal tnaqqis b’rata fissa tal-kontribut tal-Unjoni Ewropea lil diversi għajnuniet fis-settur tal-agrikoltura mħallsa lir-Repubblika Ellenika. |
|
2. |
Is-sistema tal-għajnuna fil-politika agrikola komuni tal-Unjoni (PAK) hija kkaratterizzata mhux biss minn ċerta kumplessità teknika, imma wkoll mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tagħha huma suġġetti għal kjarifiċi, aġġornament u żvilupp kostanti. |
|
3. |
Konsegwentement hemm kuntrast, inter alia, bejn diversi kunċetti biex jiġu ddefiniti s-superfiċji agrikoli ammissibbli. Id-differenzi terminoloġiċi, minħabba fuq kollox il-kuntest leġiżlattiv li fih jintużaw it-termini rispettivament, jistgħu jinvolvu diffikultajiet notevoli biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tas-superfiċji kkonċernati. |
|
4. |
Dawn id-diffikultajiet isiru ikbar f’din il-proċedura ta’ appell inkwantu tirrigwarda li tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” hekk kif ġiet ikkonkretizzata fis-sistema tal-PAK mill-2005 sal-2015. B’mod partikolari, il-proċedura ta’ appell tqajjem il-kwistjoni tal-leġittimità tal-interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett min-naħa tal-Kummissjoni, li segwiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 4 ). Skontha, superfiċji jista’ jikkwalifika bħala “mergħa permanenti” biss jekk ikun kopert b’mod prevalenti minn ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew, iżda mhux minn pjanti għudin. Din l-interpretazzjoni restrittiva għandha implikazzjonijiet rilevanti għal dak li jirrigwarda l-ħlas tal-għajnuniet fis-settur tal-agrikoltura fil-pajjiżi tal-Mediterran, ħaġa li tispjega għaliex ir-Renju ta’ Spanja intervjena f’dan il-każ insostenn tar-Repubblika Ellenika. Id-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” huwa rilevanti, apparti għal dawn il-proċeduri, anki għal proċedura ta’ appell ieħor li ressqet ir-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ) u għal proċedura mibdija mir-Renju ta’ Spanja quddiem il-Qorti Ġenerali ( 6 ). |
II. Il-qafas legali
|
5. |
Dan ir-rikors jirrigwarda t-tnaqqis tal-kontributi tal-Unjoni lill-ħlasijiet tal-għajnuna għas-sena ta’ applikazzjoni 2008. Il-kuntest leġiżlattiv rilevanti huwa magħmul mir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ( 7 ), kif ukoll mir-Regolamenti (KE) Nru 795/2004 ( 8 ) u (KE) Nru 796/2004 ( 9 ) adottati abbażi tiegħu. |
|
6. |
Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ġie ssostitwit mir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ( 10 ), li min-naħa tiegħu kien issostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ( 11 ). Ir-Repubblika Ellenika tagħmel riferiment għal dan tal-aħħar f’dan il-każ, inkwantu d-definizzjoni ta’ mergħa permanenti li tinsab fih, almenu abbażi tat-tifsira litterali, hija evidentement usa’ minn dik tar-Regolament Nru 1782/2003, li huwa applikabbli f’dan il-każ. |
A. Ir-Regolament Nru 1782/2003
|
7. |
Ir-Regolament Nru 1782/2003 kien stabbilixxa regoli komuni għall-ħlasijiet diretti fil-kuntest ta’ diversi sistemi ta’ għajnuna għad-dħul tal-PAK. F’dan ir-rigward, il-premessi 3, 4, 21 u 24 ta’ dan ir-regolament kienu jipprovdu dan li ġej:
[…]
[…]
|
|
8. |
Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1782/2003: “‘attività agrikola’ tfisser il-produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, produzzjoni tal-ħalib, trobbija ta’ annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skop ta’ biedja, jew il-manteniment ta’ l-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit taħt l-Artikolu 5”. |
|
9. |
L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jipprovdi kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċifiċi fi skemi individwali ta’ appoġġ, m’għandu jsir l-ebda pagament lill-benefiċjarji li jinstabu li ħolqu artifiċjalment il-kondizzjonjiet mitluba biex jakkwistaw tali pagamenti bl-intenzjoni li jiksbu vantaġġ kontra l-għanijiet ta’ dik l-iskema ta’ appoġġ”. |
|
10. |
L-element ċentrali tar-Regolament Nru 1782/2003 kien l-iskema ta’ pagament uniku, mifrud mill-produzzjoni, kif previst fit-titolu III. Biex jibbenefikaw minnha, il-bdiewa kellhom jakkwistaw “drittijiet għall-pagament” li, flimkien ma’ kull ettaru ammissibbli ddikjarat mill-bidwi, kienu jistabbilixxu l-pagament uniku. F’dan ir-rigward, il-pargrafu 2 tal-Artikolu 44 (“Użu ta’ drittijet għall-pagament”), fil-verżjoni applikabbli għal dawn il-proċeduri ( 12 ), kien jistabbilixxi: “(2) ‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli”. |
B. Ir-Regolamenti Nri 795/2004 u 796/2004
|
11. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 795/2004, fil-verżjoni applikabbli għal dan il-każ ( 13 ), kien jipprovdi kif ġej: “Għall-finijiet ta-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u ta’ dan ir-regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:
|
|
12. |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 796/2004, fil-verżjoni applikabbli għal dan il-każ kif emendata mir-Regolamenti Nri 239/2005 u 972/2007 ( 14 ), kien fih id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
|
13. |
Għal dak li jirrigwarda l-punti (2) u (2a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 796/2004, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 239/2005, li għaliha jagħmlu riferiment tali dispożizzjonijiet fil-verżjoni riprodotta hawnhekk, kienet tipprovdi kif ġej: “L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 jinkludi bosta definizzjonijiet li jeħtieġu kjarifika. B’mod partikolari, id-definizzjoni ‘mergħa permanenti’ fil-punt 2 ta’ dak l-Artikolu teħtieġ kjarifika u jinħtieġ li tkun introdotta definizzjoni tat-terminu ‘ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew’. Madankollu, f’dak il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jeħtieġu ċerta flessibilità sabiex ikunu jistgħu jqisu l-kondizzjonijiet agronomiċi lokali”. |
|
14. |
Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 8 (“Prinċipji ġenerali fir-rigward ta’ pakketti agrikoli”), tar-Regolament Nru 796/2004, fil-verżjoni applikabbli għall-każ ineżami (jiġifieri li kienet għadha mhux emendata mir-Regolament Nru 380/2009 ( 15 )) kienet tipprovdi kif ġej: “1. Pakkett li jkun fih is-siġar għandu jitqies bħala pakkett agrikolu għall-finijiet tal-iskemi relatati maż-żona kemm-il darba li l-attivitajiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jew, fejn japplika, il-produzzjoni maħsuba tista’ titwettaq b’mod simili bħal dik fuq pakketti mingħajr siġar fl-istess żona”. |
|
15. |
L-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, li baqa’ intatt, jipprovdi kif ġej: “2. [L-erja totali tal-pakkett agrikolu tista’ titqies sakemm hi tintuża b’mod sħiħ skont l-istandards tas-soltu tal-Istat Membru jew tar-reġjun ikkonċernat]. F’każi oħra għandu jingħata kont taż-żona attwalment utilizzata. [F]ir-rigward tar-reġjuni fejn ċerti fatturi, b’mod partikolari sisien tal-ħaxix, ħniedaq u ħitan huma tradizzjonalment parti mill-prattiċi ta’ agrikoltura tajba għall-uċuh tar-raba jew utilizzazzjoni, l-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona li tikkorrispondi għandhom jitqiesu bħala parti miż-żona utilizzata kollha kemm hi bil-kondizzjoni li majisbqux wisa’ totali li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun in kwistjoni u ma għandhiex tisboq iż-żewġ metri. […]”. |
C. Ir-Regolament Nru 1307/2013
|
16. |
Ir-Regolament Nru 1307/2013 isegwi r-riformi tal-PAK tas-snin 1990 u 2000. |
|
17. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1307/2013 illum jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…] (2) L-Istati Membri għandhom: […] L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dik l-art li tista’ tintuża għar-ragħa u li tifforma parti minn prattiki lokali stabbiliti fejn ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor huma tradizzjonalment mhux predominanti fl-erjas tar-ragħa, għandha tiġi kkunsidrata bħala bwar permanenti, kif imsemmi fil-punt (h) tal-paragrafu 1”. |
|
18. |
L-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1307/2013 dwar l-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, li tikkorrispondi ġeneralment għall-iskema ta’ pagament uniku msemmija fir-Regolament Nru 1782/2003, jipprovdi wkoll li: “Għall-fini li jiġi ddeterminat ‘ettaru eliġibbli’, l-Istati Membri li jkunu ħadu d-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), jistgħu japplikaw koeffiċjent ta’ tnaqqis biex jikkonvertu l-ettari kkonċernati f’ ’ettari eliġibbli’”. |
III. L-oriġini tal-kwistjoni
A. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni
|
19. |
Il-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata jirriproduċu essenzjalment il-fatt tal-każ bil-mod kif ġej: |
|
20. |
F’Settembru 2008 u fi Frar 2009, il-Kummissjoni Ewropea pproċediet b’żewġ investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-infiq imġarrab għall-għajnuniet marbutin mas-superfiċji, jiġifieri l-miżuri ta’ żvilupp rurali adottati mir-Repubblika Ellenika skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ( 16 ). |
|
21. |
B’ittri datati 21 ta’ Novembru 2008 u 13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Ellenika ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fix-xhur ta’ Jannar u Lulju 2009. |
|
22. |
Sussegwentement, fit‑8 ta’ April 2010 nżammet laqgħa bilaterali. Fit-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika, u din tal-aħħar irrispondiet għalihom fit‑2 ta’ Awwissu 2010. |
|
23. |
Fil‑31 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika li hija kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ammont nett u tar-raġunijiet għall-korrezzjonijiet tagħha. |
|
24. |
Sussegwentement, fil‑11 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Ellenika adixxiet il-korp ta’ konċiljazzjoni li, fir-rapport tiegħu tal‑31 ta’ Jannar 2014, minkejja li kkonstata li ma kienx possibbli li l-pożizzjonijiet diverġenti tal-partijiet jitqarrbu, stedinhom sabiex isibu kuntatti oħrajn. |
|
25. |
Fis‑26 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni finali tagħha. Hija kkonstatat, fl-ewwel lok, nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-pakketti agrikoli u tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika ( 17 ) li jaffettwaw il-kontroverifiki u l-kontrolli amministrattivi, u fit-tieni lok, nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post kif ukoll kalkoli żbaljati tal-ħlasijiet u tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat in-natura rikorrenti ta’ dawn l-abbużi. L-ammont finali nett tal-korrezzjoni imposta fuq ir-Repubblika Ellenika kien ta’ EUR 86 007 771.11. |
|
26. |
Fid‑19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża. B’din tal-aħħar, f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni rrifjutat għas-sena ta’ applikazzjoni tal-2008, minn naħa, spiża fl-ammont ta’ EUR 61 012 096.85 fil-qasam tal-għajnuna skont is-superfiċji, li minnu hija naqqset sussegwentement l-ammont ta’ EUR 2 135 439.32, fejn l-ammont tal-effetti finanzjarji li jirriżultaw minn dan huwa ta’ EUR 58 876 657.53. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrifjutat spiża ta’ EUR 10 504 391.90 fil-kuntest tal-miżuri ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji, li minnu hija naqqset sussegwentement l-ammont ta’ EUR 2 588 231.20, fejn l-ammont tal-effetti finanzjarji li jirriżultaw minn dan huwa ta’ EUR 7 916 160.70. |
|
27. |
Il-korrezzjonijiet kienu jirrigwardaw il-klassifikazzjonijiet segwenti:
|
|
28. |
Fir-rapport ta’ sinteżi tagħha mehmuż mad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża ( 18 ), il-Kummissjoni ġġustifikat il-korrezzjonijiet abbażi tal-lakuni li kienu kkonstatati ripetutament fis-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, b’mod partikolari fil-funzjonament tas-SIPA-SIG u fil-kontrolli fuq il-post, li ma kinux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1782/2003 jew fl-Artikoli 23 u 30 tar-Regolament Nru 796/2004. Barra minn hekk, kienu ġew irrilevati s-segwenti inkongruwenzi:
|
|
29. |
Dawn il-lakuni kienu jirrappreżentaw nuqqas kontinwu fil-funzjonament tal-kontrolli prinċipali u tal-kontrolli sekondarji u għaldaqstant ħolqu riskju ta’ dannu għall-fondi agrikoli fir-rigward tal-għajnuna marbuta mas-superfiċji. Kien hemm effetti wkoll fuq l-għajnuniet addizzjonali “skont” is-superfiċji. |
B. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali
|
30. |
Permezz ta’ rikors datat 2 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ellenika talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża fil-parti fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, għas-sena ta’ applikazzjoni 2008, l-10 % mill-ammont totali tal-ispiża mġarrba għall-għajnuna li tirrigwarda l-mergħat, il‑5 % mill-ammont totali tal-ispiża mġarrba għall-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji u l‑5 % mill-ammont totali tal-ispiża totali mġarrba għall-miżuri ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji. |
|
31. |
Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda l-korrezzjoni tal‑10 % mill-ispiża mġarrba għall-għajnuniet li jirrigwardaw il-mergħat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, indipendentement mill-kunċett ta’ “mergħa permanenti”, tali korrezzjoni kienet iġġustifikata u proporzjonata minħabba l-lakuni tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ( 19 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-applikazzjoni żbaljata tas-SIPA-SIG, li kienet taffettwa l-ħruġ ta’ diversi dikjarazzjonijiet u fuq l-affidabbiltà tal-kontrokontrolli amministrattivi, għall-assenza ta’ kejl tas-superfiċji fil-kuntest tal-kontroll fuq il-post u għat-twettiq żbaljat tal-kontrolli permezz ta’ osservazzjoni remota (remote sensing), kif ukoll għall-fatt li ma kinitx ġiet irreġistrata informazzjoni li kienet tippermetti li jiġu individwati l-kontrolli fuq il-post li kienu effettivament saru ( 20 ). Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet serji, il-Qorti Ġenerali kklassifikat il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tas-superfiċji ddikjarati bħala “mergħa permanenti” fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u, konsegwentement, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ tali kunċett bħala irrilevanti għall-fini tad-deċiżjoni ( 21 ). Minkejja dan, il-Qorti Ġenerali qablet espressament mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tas-superfiċji u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” li fuqu kienet ibbażata tali evalwazzjoni ( 22 ). |
|
32. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma annullatx il-korrezzjoni tal‑5 % li tirrigwarda l-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċiji ( 23 ). |
|
33. |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża fil-parti fejn, għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji, kienet ġiet imposta korrezzjoni ta’ EUR 5 007 867.36, b’effett finanzjarju ta’ EUR 2 689 811.61 (prevja tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75) fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba fis-sena ta’ applikazzjoni 2008, għas-sena finanzjarja 2009. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti kif kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni preċedenti ordnata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/214/UE ( 24 ) għall-finijiet li tiġi evitata korrezzjoni doppja ( 25 ). |
|
34. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors, u kkundannat lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż. |
IV. Talbiet u proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
35. |
Permezz ta’ att datat 6 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika Ellenika bdiet din il-proċedura biex tannulla s-sentenza appellata. Hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
|
|
36. |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
|
|
37. |
Ir-Renju ta’ Spanja intervjena fil-proċedura insostenn tar-Repubblika Ellenika, billi talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
|
|
38. |
Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-mitkub tagħhom. Is-seduta nżammet fit‑13 ta’ Settembru 2018. |
V. Evalwazzjoni legali
|
39. |
L-appell, li l-Kummissjoni ssostni li huwa inammissibbli (f’dan ir-rigward, ara t-taqsima A infra), huwa bbażat fuq total ta’ sitt aggravji. Bl-ewwel tliet aggravji, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fiss tal‑10 % għall-bdiewa li ddikjaraw biss mergħat (f’dan ir-rigward ara t-taqsima B infra). Permezz tar-raba’ u l-ħames aggravju, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa tal‑5 % li tirrigwarda l-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji (f’dan ir-rigward ara t-taqsima Ċ infra). Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt aggravju, ir-Repubblika Ellenika tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali, fil-parti li ma ġietx annullata mill-Qorti Ġenerali (f’dan ir-rigward ara t-taqsima D infra). |
A. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
|
40. |
B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika ma tillimitax ruħha biex tidduplika l-motivi tar-rikors esposti fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni. Indipendentement mix-xebh bejn l-aggravji tal-appell u l-motivi mressqa inizjalment kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u r-riferimenti dettaljati għall-iskritturi ppreżentati fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ellenika tagħmel, min-naħa l-oħra, kritika awtonoma, mill-aspett legali, fuq l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, billi tirreferi għal brani speċifiċi tas-sentenza, parzjalment riprodotti b’mod litterali. |
|
41. |
Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli. |
B. Aggravji mressqa kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % tal-infiq għall-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss
|
42. |
Ir-Repubblika Ellenika tressaq tliet aggravji kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % tal-infiq għall-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss ( 26 ). |
|
43. |
L-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tas-superfiċji ddikjarati fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “mergħa permanenti” (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 1 u 2 iktar ’il quddiem). Permezz tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fejn din tgħid li r-rata fissa ta’ korrezzjoni ta’ 10 % setgħet tiġi imposta anki minħabba n-nuqqasijiet tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 3 iktar ’il quddiem). |
1. L-ewwel aggravju
|
44. |
Permezz tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika tinvoka, qabel xejn, il-ksur tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, minħabba żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” (ara f’dan ir-rigward, is-sezzjoni a infra). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika l-kunsiderazzjoni li fil-fehma tagħha hija żbaljata fil-liġi u mhux immotivata suffiċjentement u li tissemma fil-punt 66 tas-sentenza appellata (ara f’dan ir-rigward, is-sezzjoni b infra). Fit-tielet lok, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ppreċiżatx b’mod adegwat il-kriterju ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” (ara, f’dan ir-rigward, is-sezzjoni ċ iktar ’il quddiem). |
a) L-ewwel parti tal-ewwel aggravju
|
45. |
Ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-sentenza appellata ma tagħtix interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” fir-rigward tat-tipi ta’ veġetazzjoni li jaqgħu taħtu. |
|
46. |
Skont il-Qorti Ġenerali, il-kriterju magħżul mir-Regolament Nru 796/2004, għal dak li jirrigwarda l-għajnuna mħallsa għall-mergħa, kien it-tip ta’ veġetazzjoni preżenti fuq is-superfiċji inkwistjoni. L-għan kien li jiġi ggarantit li ma jsirx pagament ta’ għajnuna għal superfiċji li ma humiex suġġetti għal attività agrikola. Il-predominanza ta’ pjanti li ma humiex il-pjanti erbaċej kienet isservi ta’ indikatur ta’ abbandun tal-attività agrikola fuq is-superfiċji inkwistjoni. Għalhekk, il-limitazzjoni tad-definizzjoni tal-“mergħat permanenti” biss għas-superfiċji miksija b’ħaxix u bi pjanti tal-għalf erbaċej, kienet intiża li tipprevjeni r-riskju ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna marbuta mas-superfiċji li ma kinux użati effettivament għat-trobbija tal-annimali ( 27 ). |
|
47. |
Skont kif osservat il-Qorti Ġenerali ( 28 ), il-klassifikazzjoni ta’ superfiċji bħala “mergħa permanenti” fis-sens tar-Regolamenti Nri 1782/2003 u 796/2004 tippreżumi għaldaqstant “superfiċji li tinkludi kopertura ta’ produzzjoni agrikola” ( 29 ), li taħtha jaqgħu “[bħala prinċipju] il-ħaxix u l-pjanti tal-għalf erbaċej” ( 30 ) u, min-naħa l-oħra, ikunu esklużi “[bħala prinċipju] l-foresti u l-pakketti miksija bi pjanti għudin” ( 31 ). Hija “biss preżenza marġinali ta’ pjanti għudin” li tista’ tkun ittollerata, “l-iktar l-iktar jiġu ttollerati sa fejn dawn ma […] jikkompromettu[x] l-iżvilupp tar-riżorsi ta’ għalf erbaċej u, minn hemm, l-operat effettiv tal-pakketti bħala mergħat” ( 32 ). |
|
48. |
Ma ġewx eżaminati d-dettalji li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-grad speċifiku ta’ tollerabbiltà tal-koeżistenza ta’ pjanti erbaċej u pjanti għudin. Il-Qorti Ġenerali, minkejja li għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għall-gwida ppubblikata miċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-Kummissjoni, li tipprovdi linji gwida fuq l-aħjar prattiċi biex tiġi osservata l-liġi fis-seħħ li tirrigwarda l-PAK ( 33 ) tal-2008 ( 34 ), naqset madankollu milli tispjega fid-dettall l-importanza li tagħtiha ( 35 ). |
|
49. |
Ir-Repubblika Ellenika, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tesprimi ruħha favur interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”, li tkun tinkludi wkoll dawk il-“mergħat imsejħa tat-tip Mediterranju”, li l-veġetazzjoni tagħhom hija kkaratterizzata wkoll (jew unikament) minn arbuxxelli u pjanti għudin. |
|
50. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati mhux biss skont il-kliem litterali tagħhom, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha ( 36 ). |
|
51. |
Il-bażi tal-interpretazzjoni, fil-każ ineżami, hija s-sistema tal-għajnunjiet marbutin mas-superfiċji kif stabbilita mir-Regolamenti Nri 1782/2003 u 796/2004 li kienu fis-seħħ fis-sena ta’ applikazzjoni 2008. |
|
52. |
Ir-Repubblika Ellenika tirreferi wkoll għall-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jikkontempla definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”, li skontha jistgħu jitqiesu “mergħa permanenti” anki l-artijiet li fihom jikbru speċijiet oħra, b’mod partikolari arbuxelli u/jew siġar li jipproduċu għalf tal-annimali li jistgħu jintużaw għall-mergħa dment li l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti jew inkella, meta fis-superfiċji tal-mergħa ma jkunux predominanti l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor, tali superfiċji jaqgħu taħt il-prassijiet lokali kkonsolidati ( 37 ). |
|
53. |
Kif ġie rrilevat mill-partijiet kollha, l-applikazzjoni diretta ta’ din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ wara l-perijodu li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, ma hijiex possibbli fejn ma tkunx ingħatat effett retroattiv. B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, tali dispożizzjoni tista’ tiġi invokata biss b’mod limitat anki għall-finijiet ta’ interpretazzjoni. Infatti, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet suċċessivi ma jipprovdux minnhom infushom attestazzjonijiet vinkolanti fuq il-valur leġiżlattiv tad-dispożizzjoni ta’ qabilhom, peress li t-tibdil fil-kontenut litterali jista’ jkun intiż mhux biss bħala kjarifika, imma anki bħala modifika sostantiva tad-dispożizzjoni legali ( 38 ). Madankollu, għandu jiġi rilevat f’dan il-każ li d-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti” imsemmija fir-Regolament Nru 1307/2013 tal-inqas ma tipprekludix interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” kif inhu fis-seħħ fir-Regolament Nru 1782/2003. |
|
54. |
Il-punt tat-tluq għall-interpretazzjoni huwa għaldaqstant il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 fil-verżjoni applikabbli fil-mument rilevanti għal dawn il-proċeduri ( 39 ). Dan l-artikolu jiddefinixxi l-“mergħa permanent” bħala “art li tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali (biż-żriegħ waħdu) jew permezz ta’ koltivazzjoni (miżrugħ) u li mhux inkluż fir-rotazzjoni tal-uċuh tar-raba ta’ l-azjenda għal ħames snin jew aktar”. Skont il-punt 2a tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, “ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew” tfisser il-pjanti kollha erbaċej li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew li normalment ikunu inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għall-mergħat jew meded ta’ art miżrugħa fl-Istat Membru (kemm jekk użati jew le għall-annimali li jirgħu) ( 40 ). |
|
55. |
Dan jippermetti li jinstiltu tliet konklużjonijiet: fl-ewwel lok, il-punti 2 u 2a tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jeżiġu, għall-fini ta’ klassifikazzjoni bħala mergħat permanenti, il-preżenza ta’ veġetazzjoni ta’ “pjanti erbaċej” ( 41 ). Fit-tieni lok, l-oriġini ta’ din il-veġetazzjoni hija irrilevanti. Il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jagħmel riferiment espliċitu kemm għall-pjanti miżrugħin kif ukoll għal dawk spontanji. Fit-tielet lok, isegwi li l-espressjoni “għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix” ma għandhiex tinftiehem fis-sens tradizzjonali tal-kelma “tkabbir” bħala tħawwil u ħidma attiva tal-art għall-finijiet li jipproduċu prodotti agrikoli. Tali espressjoni tista’ jekk xejn tindika d-destinazzjoni għall-użu agrikolu tas-superfiċji inkwistjoni. |
|
56. |
Huma biss is-superfiċji ddestinati għall-użu agrikolu koperti esklużivament bi pjanti erbaċej li jaqgħu għaldaqstant bla ebda dubju taħt il-kontenut litterali tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. It-test li jirrigwarda s-superfiċji mħallta ma huwiex ċar: tqum għaldaqstant id-domanda jekk ir-riferiment espliċitu għal “ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix” kienx intiż li jeskludi perentorjament il-preżenza jew l-użu agrikolu ta’ forom ta’ veġetazzjoni oħra. |
|
57. |
Madankollu, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni restrittiva li skontha s-superfiċji mħallta u s-superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “mergħa permanenti”. |
|
58. |
Fl-ewwel lok, il-premessa 1 tar-Regolament (KE) Nru 239/2005 tipprovdi li l-Istati Membri jeħtieġu ċerta flessibbiltà fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ “mergħa permanenti” u “ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix” sabiex ikunu jistgħu jqisu l-kundizzjonijiet agronomiċi prevalenti fl-Unjoni ( 42 ). Dan iwassal biex jiġi kkunsidrat li d-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti” imsemmija fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, kif emendat mir-Regolament Nru 239/2005, ma għandhiex tkun interpretata b’mod restrittiv wisq – b’mod partikolari anki fir-rigward tal-veġetazzjoni. Kif osservaw fis-seduta kemm ir-Repubblika Ellenika kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, il-fatturi li jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet agronomiċi huma prinċipalment il-kundizzjonijiet ambjentali, bħall-ġeografija, il-klima u t-tradizzjonijiet agrikoli. |
|
59. |
Fit-tieni lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 796/2004, permezz tad-definizzjoni tiegħu ta’ “mergħa permanenti”, huwa intiż li jimplimenta r-Regolament Nru 1782/2003, li jirregola, inter alia, l-iskema ta’ pagament uniku li fil-kuntest tagħha il-“mergħa permanenti” tikkostitwixxi superfiċji ammissibbli ( 43 ). Fejn possibbli, regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat b’mod konformi mar-regolament bażiku ( 44 ). |
|
60. |
Ir-Regolament Nru 1782/2003 ma jimponix ir-rekwiżit ta’ veġetazzjoni speċifika għall-“mergħa permanenti”. L-Artikolu 44(2) jeskludi biss iż-żoni “kkultivati bi prodotti permanenti” u l-“foresti” ( 45 ). Għalkemm xi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jirreferu għal veġetazzjoni ta’ “pjanti erbaċej” ( 46 ), il-maġġoranza kbira tagħhom jużaw kunċetti li ma humiex marbutin mal-veġetazzjoni li tista’ pjuttost tiġi tradotta bħala “mergħa(t) permanenti” ( 47 ). |
|
61. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament 1782/2003, flimkien mal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 795/2004, il-“mergħa permanenti” hija taħlita ta’ żoni agrikoli. L-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 jiddefinixxi, infatti, bħala “żona agrikola”“iż-żona totali kollha meħuda, minn art li tinħadem, mergħa permanenti, u uċuh tar-raba permanenti” ( 48 ). |
|
62. |
Il-karatteristika determinanti ta’ kull żona agrikola ammissibbli hija l-“attività agrikola” eżerċitata fiha skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1782/2003 ( 49 ). Dan joħroġ, minn naħa, mid-demarkazzjoni mal-artijiet agrikoli abbandunati msemmija fil-premessa 3 tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, mill-funzjoni tal-pagament uniku, imsemmija fil-premessi 21 u 24, li jimmira li jirrendi stabbli d-dħul agrikolu għall-finijiet li jiżgura kwalità tal-ħajja ġusta lill-popolazzjoni agrikola ( 50 ). Madankollu, skont ir-rapport introduttiv tal-proposta tal-Kummissjoni li tirrigwarda r-Regolament Nru 1782/2003, huma biss il-bdiewa “li jaħdmu attivament fil-produzzjoni jew li jżommu s-superfiċji agrikoli f’kundizzjonijiet agronomiċi tajba, b’mod li jissalvagwardjaw ir-rabta tagħhom mal-art” li għandhom jibbenefikaw mill-għajnuna fuq id-dħul ( 51 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
63. |
Mis-suespost, jirriżulta li, għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti”, it-tip ta’ veġetazzjoni huwa kriterju sekondarju meta mqabbel mal-użu tal-art. Għaldaqstant, huwa l-użu effettiv tal-art li huwa determinanti għal attività agrikola tipika tal-“mergħa permanenti” ( 52 ). Dan jista’ jikkonsisti, pereżempju, skont l-inċiż (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1782/2003, fiż-żamma ta’ annimali, kif sostnew ir-Repubblika Ellenika u r-Renju ta’ Spanja. |
|
64. |
Konsegwentement, il-preżenza ta’ pjanti għudin ma tistax tipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ superfiċji bħala “mergħa permanenti” meta ma jkunx ġie ppreġudikat l-eżerċizzju effettiv tal-attività agrikola. Dan jista’ jkun, pereżempju, fil-każ fejn il-pjanti għudin jieħdu rilevanza sekondarja meta mqabbla mal-pjanti erbaċej. Barra minn hekk, l-eżerċizzju effettiv tal-attività agrikola jista’ jiġi kkorroborat anki bil-preżenza ta’ pjanti għudin. Fil-fatt, l-effettività trid dejjem tkun mifhuma fil-kuntest speċifiku tal-kundizzjonijiet agronomiċi msemmija diġà ( 53 ). Konsegwentement, anki s-superfiċji mħallta b’komponent prevalenti ta’ pjanti għudin jew koperti esklużivament minn pjanti għudin għandhom f’kull każ jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “mergħa permanenti” meta, minħabba l-kundizzjonijiet agronomiċi prevalenti, ma jkunx jista’ jkun hemm veġetazzjoni b’komponent prevalenti ta’ pjanti erbaċej u, għaldaqstant, tali artijiet għandhom ikunu użati għal attivitajiet tipiċi tal-“mergħa permanenti”. |
|
65. |
Tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”, li tinkludi, barra mis-superfiċji koperti minn pjanti erbaċej biss, anki s-superfiċji mħallta u s-superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin, bil-kundizzjoni li jkunu ddestinati għal użu agrikolu effettiv, hija konformi wkoll mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri għall-istabbilizzazzjoni tad-dħul agrikolu, għaż-żamma taż-żoni rurali u għall-protezzjoni tal-ambjent. |
|
66. |
L-għan li jkun stabbilizzat id-dħul agrikolu ( 54 ), fis-sens tar-Regolament Nru 1782/2003, japplika mingħajr distinzjoni għall-popolazzjoni agrikola tal-Unjoni kollha. Konsegwentement, il-provenjenza ta’ bidwi minn ċerta reġjun ma jistax jiddetermina, lanqas indirettament, l-aċċess għall-pagament uniku previst minn dan ir-regolament. Madankollu, din tkun il-konsegwenza fil-każ fejn tip ta’ veġetazzjoni, li l-preżenza tagħha tkun marbuta ħafna mal-klima, tkun determinanti għall-finijiet tal-eliġibbiltà tal-artijiet agrikoli. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-bdiewa attivi, li jużaw l-art għad-dispożizzjoni tagħhom b’mod effettiv skont il-kundizzjonijiet agronomiċi prevalenti, ikollhom inqas benefiċċji mill-istabbilizzazzjoni tad-dħul tagħhom permezz tal-pagament uniku meta mqabbla mal-bdiewa ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni minħabba biss it-tip differenti ta’ veġetazzjoni ddeterminat mill-klima. |
|
67. |
Barra minn hekk, skont il-premessa 21 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-istabbilizzazzjoni tad-dħul hija marbuta strettament maż-żamma taż-żoni rurali ( 55 ). F’dan ir-rigward, fl-okkażjoni tar-riforma tal-PAK tal-2003, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-għajnuna mmirata għad-diversità fil-metodi ta’ produzzjoni agrikola tradizzjonali b’valur naturali għoli, bil-għan li twaqqaf it-tendenza lejn speċjalizzazzjoni dejjem tikber tal-azjendi zootekniċi u azjendi ċerealikoliċi, kif ukoll lejn koltivazzjoni permanenti ( 56 ). F’dak il-kuntest, huma proprju s-superfiċji mħallta maħduma b’mod tradizzjonali u s-superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin li jidhru li huma eliġibbli. |
|
68. |
Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-ambjent ma hijiex biss wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-PAK ( 57 ), iżda wkoll wieħed mill-għanijiet speċifiċi tal-iskema ta’ pagament uniku fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ( 58 ). F’dan ir-rigward, il-ħlas ta’ għajnuna għall-“mergħa permanenti” imsemmija fil-premessi 3 u 4 tal-istess regolament jieħu importanza partikolari inkwantu jiġġenera inċentivi finanzjarji intiżi li jevitaw xenarji mhux mixtieqa mill-aspett ambjentali, jiġifieri l-abbandun ta’ art agrikola jew il-konverżjoni mill-ġdid ta’ artijiet oħra f’art li tinħadem. Madankollu, l-effikaċja ta’ tali mekkaniżmu tkun ippreġudikata jekk id-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti” imsemmija fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 tiġi interpretata b’mod restrittiv wisq fir-rigward tal-veġetazzjoni. U anki meta ma jkunx hemm biża’ ta’ abbandun jew konverżjoni mill-ġdid tal-użu, jidher li hija meħtieġa definizzjoni wiesgħa u dan minħabba l-protezzjoni tal-ambjent. Fil-każ kuntrarju, inkella, jinħoloq inċentiv biex jitneħħew l-istrutturi veġetali differenti, indipendentement mill-benefiċċju għall-ambjent, jekk ma jkollhomx effett negattiv fuq l-eżerċizzju tal-attività agrikola fuq l-art inkwistjoni. |
|
69. |
Madankollu, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” ibbażata fuq l-għanijiet tar-Regolament Nru 1782/2003, li hija marbuta strettament ma’ użu agrikolu effettiv, ma tfissirx li l-kriterju tal-veġetazzjoni stabbilit mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jsir skadut. Għall-kuntrarju, dan huwa fil-bażi tal-preżunzjoni legali fis-sens li żona ddestinata għall-użu agrikolu, li l-veġetazzjoni tagħha tkun magħmula esklużivament minn pjanti erbaċej, tista’ tkun ikklassifikata minnha nfisha bħala “mergħa permanenti” fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ superfiċji mħallta jew superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin, jeħtieġ eżami ulterjuri, li fil-kuntest tiegħu jridu jintwerew pożittivament l-effettività tal-użu u, jekk ikun il-każ, il-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali. |
|
70. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 796/2004 ( 59 ) jenfasizzaw ir-rilevanza ikbar tal-użu agrikolu effettiv jew tal-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali meta mqabbla mal-elementi tal-għelieqi għall-finijiet tal-eliġibbiltà ta’ xi superfiċji. Huwa jipprovdi li l-pakketti li jkunu koperti bis-siġar jew elementi oħra tal-għelieqi, bħal sisien tal-ħaxix, fosos jew ħitan, għandhom jitqiesu xorta waħda bħala pakketti agrikoli bil-kundizzjoni li l-attività agrikola ma tkunx limitata jew li tali elementi tal-għelieqi jkunu jiffurmaw parti mit-tradizzjonijiet agrikoli lokali ( 60 ). |
|
71. |
B’kuntrast, it-tieni punt tal-Artikolu 132(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 (pagament għall-estensjoni), li jirreferi għalih ir-Renju ta’ Spanja, ma huwiex direttament rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”. Il-pagament għall-estensjoni jifforma parti minn skema ta’ għajnuniet mhux marbutin mas-superfiċji, li huwa intiż li jnaqqas it-tkabbir intensiv, li kien japplika anki qabel l-introduzzjoni tal-pagament uniku. Il-kunċett ta’ “mergħat” użat għal dan il-għan ma jindikax superfiċji eliġibbli, iżda jservi sempliċiment bħala riferiment kontabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ densità, jiġifieri tar-rapport bejn in-numru ta’ annimali adulti u n-numru ta’ ettari. Anki jekk wieħed jipprevedi ċerta konverġenza bejn il-kunċetti fid-dawl tal-fatt li l-“mergħa permanenti” tintuża b’mod partikolari għat-tkabbir, il-kunċett ta’ “mergħa permanenti” irid madankollu jiġi ddefinit unikament fil-kuntest speċifiku tiegħu. |
|
72. |
Finalment, l-inklużjoni ta’ superfiċji mħallta u ta’ superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin fid-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti” fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 ma żżidx ir-riskju ta’ abbużi. Huwa minnu li l-premessa 21 u l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprovdu li ma għandhomx jitħallsu pagamenti lill-bdiewa li ħolqu, b’mod artifiċjali, il-kundizzjonijiet biex jiksbu l-pagament uniku għall-finijiet li jieħdu vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-pagament inkwistjoni ( 61 ). Madankollu, anki abbażi tad-definizzjoni wiesgħa ta’ “mergħa permanenti”, is-superfiċji mħallta u s-superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin, li jintużaw l-iktar l-iktar pro forma, jiġifieri mingħajr ir-rieda li jisfruttaw il-potenzjal agrikolu tal-artijiet għall-għan biss li joħolqu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà, ma jibbenefikawx minn inċentivi, inkwantu dawn tal-aħħar huma bbażati fundamentalment fuq l-użu agrikolu tal-artijiet. |
|
73. |
Fl-aħħar mill-aħħar, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” imsemmija fir-Regolamenti Nri 1782/2003 u 796/2004 li kienu fis-seħħ għas-sena ta’ applikazzjoni 2008, li hija bbażata fuq l-użu effettiv ta’ superfiċji għal attività agrikola tipika tal-“mergħa permanenti”, hija simili ħafna għad-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti” imsemmija fl-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013 li ġie adottat sussegwentement. Hija tinkludi espressament, barra mis-superfiċji koperti bi pjanti erbaċej biss, is-superfiċji koperti bi speċijiet oħra ta’ pjanti, li jistgħu jirgħu minnhom u li jidħlu fil-qafas tal-prassi lokali ( 62 ). Minn dan isegwi li – għalkemm ir-Regolament Nru 1307/2013 ma jippermettix minnu nnifsu, bħala prinċipju, li wieħed jasal għal konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 796/2004 ( 63 ) – il-kunċett ta’ “mergħa permanenti” imsemmi fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 ma jistax jinftiehem f’sens iktar wiesa’ minn dak imsemmi fl-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013. |
|
74. |
F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1307/2013 jippermetti, fil-kuntest tal-kalkolu tal-pagament uniku, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-superfiċji koperti biss bi pjanti erbaċej jirrikjedu tipikament impenn ta’ manutenzjoni differenti meta mqabbla mas-superfiċji mħallta u mas-superfiċji koperti esklużivament minn pjanti għudin. Għal dan il-għan, l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi, fil-fatt, l-applikazzjoni fakoltattiva ta’ koeffiċjent ta’ tnaqqis min-naħa tal-Istati Membri. Dan għandu effett simili għal dak tas-sistema pro rata, kif prevista, pereżempju, mill-pjan ta’ azzjoni Grieg tal-2012 ( 64 ), imsemmi fis-sentenza appellata, fir-rigward tas-sistema l-ġdida introdotta mir-Regolament Nru 1307/2013 ( 65 ). Meta tiġi applikata tali sistema, in-numru totali ta’ ettari ta’ “mergħat permanenti” jitnaqqas b’perċentwali abbażi tal-kopertura bis-siġar preżenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagament uniku li jkun irid jitħallas. |
|
75. |
Għaldaqstant, il-fatt li l-kunċett ta’ “mergħa permanenti” imsemmija fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jiġi mifhum bħala superfiċji użat effettivament għal attività agrikola tipika tal-“mergħa permanenti” ma jipprekludix li tiġi applikata l-imsemmija sistema pro rata. B’dan il-mod, il-kwantità ta’ pjanti erbaċej fuq il-paskoli permanenti tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni proporzjonalment fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. |
|
76. |
Madankollu, dan ma jippreġudikax il-klassifikazzjoni fundamentali tas-superfiċji kkonċernata bħala “mergħa permanenti”. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, kif ġustament osservat mir-Renju ta’ Spanja waqt is-seduta, il-kwistjoni tal-eliġibbiltà ta’ “mergħa permanenti” tiġi qabel il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna għal dik is-superfiċji tistax titnaqqas b’perċentwal billi tiġi applikata s-sistema pro rata minħabba l-preżenza ta’ pjanti għudin. |
|
77. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-fatt li l-użu konkret u effettiv ta’ superfiċji għal attività agrikola kien jikkostitwixxi kundizzjoni fundamentali għall-iskopijiet tal-eliġibbiltà ta’ tali superfiċji fis-sens tar-Regolament Nru 1782/2003 ( 66 ). Essenzjalment, madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża, u b’hekk tat importanza eċċessiva lill-indizju tal-preżenza ta’ veġetazzjoni ta’ pjanti erbaċej bħala rekwiżit determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ superfiċji bħala “mergħa permanenti” ( 67 ). Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata. |
b) It-tieni parti tal-ewwel aggravju
|
78. |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li skontha s-superfiċji kontenzjużi kienu jkunu ineliġibbli, indipendentement mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”. Il-Qorti Ġenerali jingħad li ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed – wara kollox, l-istess bħall-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża – tal-fatt li parti żgħira biss mis-superfiċji ddikjarati kienet użata għall-attivazzjoni tad-drittijiet għall-għajnuna fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku ( 68 ). |
|
79. |
Permezz ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Ellenika tagħmel riferiment għall-imsejjaħ “effett mitiganti”. Dan hu dovut għall-fatt li ħafna bdiewa jippossjedu iktar art minn drittijiet għall-għajnuna, b’dan li parti biss mill-“mergħat permanenti” li kienu ddikjarati tista’ tifforma l-bażi għal pagament uniku. Dan inaqqas ir-riskju ta’ danni għall-fondi agrikoli jekk iż-żoni li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti jintużaw biex jattivaw drittijiet għall-għajnuna. Fil-fatt, wieħed jippreżumi li jeżistu superfiċji li għadhom ma humiex iddikjarati, li kienu jissodisfaw tali kriterji. Għaldaqstant, l-effett mitiganti huwa fattur importanti fil-kalkolu tar-rata ta’ korrezzjoni, stabbilita abbażi tas-serjetà tan-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll u tar-riskju konsegwenti ta’ danni għall-fondi agrikoli. |
|
80. |
Madankollu, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kalkolu tar-rata ta’ korrezzjoni, imma tillimita ruħha biex tippreċiża li s-superfiċji kontenzjużi jkunu ineliġibbli indipendentement mill-kunċett ta’ “mergħa permanenti”. Kif indikat fil-punt 40 u kkonfermat mill-Kummissjoni fis-seduta, is-superfiċji kontenzjużi ma kinux purament mergħat, u lanqas superfiċji mħallta jew koperti esklużivament minn pjantu għudin, iżda – fil-limiti li setgħu jiġu llokalizzati – żoni mal-kosta bir-ramel, foresti jew żoni simili. |
|
81. |
Isegwi li l-ilment għandu jiġi miċħud. |
c) It-tielet parti tal-ewwel aggravju
|
82. |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika teċċepixxi n-nuqqas ta’ motivazzjoni: l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 20 sa 22 tas-sentenza appellata ma jindikawx b’mod adegwat il-kriterju għall-eżami tal-ewwel motiv. Dawn ma għamlux riferiment għall-problema legali ċentrali esposta hemmhekk, jiġifieri għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. |
|
83. |
Dan l-ilment huwa bbażat fuq qari superfiċjali tal-punti 20 sa 22 tas-sentenza appellata. L-affermazzjonijiet li hemm fihom bl-ebda mod ma huma intiżi li jindikaw il-kriterju legali għall-eżami tal-ewwel motiv. B’kuntrast, dawn jippreċedu l-evalwazzjoni legali tal-motivi kollha tar-rikors u jistabbilixxu l-prinċipji tal-ġurisprudenza rilevanti għas-sentenza fit-totalità tagħha fir-rigward tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, inkwantu din teskludi l-ispiża li tirrigwarda l-fondi agrikoli minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” huma esposti, min-naħa l-oħra, fil-punti 27 sa 32 tas-sentenza appellata. Ma jista’ jiġi identifikat ebda żball ta’ liġi. |
|
84. |
Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija infondata. |
2. Fuq it-tieni aggravju
|
85. |
Permezz tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ellenika tinvoka, minn naħa, il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, li skontu l-atti legali tal-Unjoni għandhom ikunu mmotivati, inkwantu l-Qorti Ġenerali jingħad li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv li jirrigwarda l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża (ara, f’dan ir-rigward, il-parti a). Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika tinvoka n-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-istess sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali jingħad li ma mmotivatx tali sentenza suffiċjentement, kif mitlub mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 36 u 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan ir-rigward il-parti b). |
a) L-ewwel parti tat-tieni aggravju
|
86. |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ellenika tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 296 TFUE fil-punti 68 sa 76 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali jingħad li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument li skontu mhux il-motivi kollha tar-Repubblika Ellenika dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża. |
|
87. |
Kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza rilevanti ( 69 ), il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tqiegħed akkarigu tal-fondi agrikoli l-infiq għandha titqies bħala suffiċjenti meta fil-proċedura tal-likwidazzjoni tal-kontijiet, il-korrispondenza u r-rapport ta’ sinteżi juru li l-Istat Membru kkonċernat kien assoċjat mill-qrib mal-proċedura u għaldaqstant kien jaf ir-raġunijiet prinċipali tad-deċiżjoni. Dan hu ġġustifikat mill-partikolarità tal-imsemmija proċedura, li tipprevedi parteċipazzjoni wiesgħa tal-Istati Membri. Skont dak li aċċertat il-Qorti Ġenerali fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika Ellenika ma kkontestatx, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” ġiet diskussa f’dan il-każ fil-kuntest tal-proċedura tal-clearance tal-kontijiet. Konsegwentement, ma jistax jiġi kkonstatat żball ta’ liġi fil-fatt li ġie miċħud motiv inerenti għan-nuqqas ta’ motivazzjoni invokat mir-Repubblika Ellenika fil-konfront tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
88. |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata. |
b) It-tieni parti tat-tieni aggravju
|
89. |
Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment li tressaq fit-tieni parti tat-tieni aggravju, li skontu l-istess sentenza appellata ma ttrattatx b’mod suffiċjenti l-argumenti tar-Repubblika Ellenika dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”. |
|
90. |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod eżawrjenti l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”, u ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, xi motivi mressqa mir-Repubblika Ellenika ( 70 ). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll, b’mod partikolari, l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, li huwa inerenti għall-importanza għall-pajjiżi Mediterranji tal-eliġibbiltà tal-mergħat permanenti, kif ukoll għas-sistema l-ġdida introdotta mir-Regolament Nru 1307/2013. |
3. It-tielet aggravju
|
91. |
Permezz tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punti 88 sa 103 tas-sentenza appellata, li skonthom – indipendentement mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” – ir-rata tal-korrezzjoni ta’ 10 % li tirrigwarda l-għajnuna mħallsa lill-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss hija proporzjonata. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika ssostni essenzjalment li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod illeġittimu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża, ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza appellata anki minn dan l-aspett (ara, f’dan ir-rigward, il-parti a) iktar ’il quddiem) u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan ir-rigward, il-parti b) iktar ’il quddiem). |
a) L-ewwel parti tat-tielet aggravju
|
92. |
Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-punt 88 sa 103 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji minn tliet aspetti: fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod illeġittimu d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża meta kkunsidrat li l-irregolaritajiet tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll kienu suffiċjenti waħidhom biex jiġġustifikaw ir-rata tal-korrezzjoni ta’ 10 % għall-bdiewa li kienu ddikkjaraw mergħat biss. Fil-fatt, tali deċiżjoni hija bbażata esklużivament fuq l-ineliġibbiltà tas-superfiċji ddikjarati bħala “mergħa permanenti” u, għaldaqstant, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” imsemmi fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tanalizza ż-żieda mhux iġġustifikata tar-rata tal-korrezzjoni għal 10 % minn 5 % tas-sena preċedenti jew il-miljoramenti li ġew ikkonstatati fil-kontrolli klassiċi li jsiru fuq il-post. Fit-tielet lok, fis-sentenza ma ttiħdux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-imsejjaħ “effett mitiganti” ( 71 ) u l-effett tiegħu fuq ir-rata tal-korrezzjoni. |
|
93. |
Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li sostniet ir-Repubblika Ellenika, ir-rapport ta’ sinteżi, li jirriproduċi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża, jgħid li, għal dak li jirrigwarda l-għajnuniet lill-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss, il-Kummissjoni ma bbażatx ir-rata ta’ korrezzjoni tal‑10 % essenzjalment fuq l-ineliġibbiltà tal-imsemmija superfiċji, iżda fuq in-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll. L-ineliġibbiltà tittieħed biss bħala indizju tan-nuqqas tal-kontrolli fuq il-post. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, inkwantu, fis-sentenza appellata, iġġustifikat ir-rata ta’ korrezzjoni man-nuqqasijiet singoli tas-sistema ta’ kontroll ( 72 ). |
|
94. |
Il-Qorti Ġenerali ttrattat ukoll espressament l-importanza tat-titjib ikkonstatat fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post ( 73 ), tar-rata ta’ korrezzjoni għas-sena preċedenti ( 74 ) u tal-effett mitiganti ( 75 ). |
|
95. |
Fid-dawl tas-suespost, ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni, jiġifieri li n-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll jiġġustifikaw ir-rata ta’ korrezzjoni indipendentement mill-kwistjoni tad-definizzjoni ta’ “mergħa permanenti”, la huwa żieda inammissibbli għall-motivazzjoni tal-Kummissjoni u lanqas ma huwa lakuna. Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata. |
b) It-tieni parti tat-tielet aggravju
|
96. |
Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-konferma tar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % fir-rigward tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss, fil-punti 88 sa 103 tas-sentenza appellata, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rata ta’ korrezzjoni kellha tkun ta’ 5 %. Din kienet tasal sa 10 % inkwantu n-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll ġew evalwati fir-rigward tas-superfiċji ddikjarati kollha – mingħajr ma ttieħed kont suffiċjenti tal-effett mitiganti ( 76 ). |
|
97. |
Skont il-kriterji applikati mill-Qorti Ġenerali u żviluppati mill-ġurisprudenza ( 77 ) l-ammont tar-rata fissa tal-korrezzjoni jiġi stabbilit skont in-natura tan-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll u skont ir-riskju sussegwenti ta’ danni għall-fondi agrikoli minħabba spejjeż mhux koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jittieħed dejjem inkunsiderazzjoni meta tiġi stabbilita r-rata ta’ korrezzjoni. |
|
98. |
Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-Kummissjoni, iddeċidiet li l-irregolaritajiet aċċertati fis-SIPA-SIG u fil-kontrolli fuq il-post għandhom jitqiesu bħala tħaddim serjament insuffiċjenti tas-sistema ta’ kontroll b’riskju ta’ danni għall-fondi li huwa tipikament għoli. Skont il-Qorti Ġenerali, dan kien jiġġustifika, bħala prinċipju, skont il-Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija ( 78 ) rata ta’ korrezzjoni ta’ 25 % ( 79 ). Fis-seduta fil-proċedura ta’ appell, il-Kummissjoni osservat saħansitra li ħadet inkunsiderazzjoni rata ta’ korrezzjoni sa 50 %. Matul ir-reviżjoni sussegwenti tas-superfiċji kontenzjużi fil-Greċja, ibbażata fuq definizzjoni iktar wiesgħa, kien hemm tnaqqis ta’ ċirka 50 % mis-superfiċji ammissibbli, li juri l-portata tal-problema inizjali fit-tħaddim tas-sistema ta’ kontroll. Is-sentenza appellata diġà rreferiet għal dan l-aspett ( 80 ). Ir-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 %, li hija ħafna inqas mill‑25 % jew 50 %, hija dovuta għaldaqstant għall-fatt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-effett mitiganti ( 81 ). |
|
99. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet jattestaw li l-Qorti Ġenerali għamlet analiżi adegwata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-aspetti rilevanti għalih, li fiha ma jista’ jinstab ebda żball ta’ liġi. Barra minn hekk, għandu jitfakkar dejjem li din hija korrezzjoni b’rata fissa. Ir-Repubblika Ellenika jidher li dan l-aspett tinterpretah ħażin meta trid li l-iżbalji tas-sistema ta’ kontroll jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn ġew ivverifikati fir-rigward tas-superfiċji użati għall-attivazzjoni tad-drittijiet għall-għajnuna. |
|
100. |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità joħroġ mill-fatt li l-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 103 tas-sentenza appellata jmorru kontra dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Planes Bresco ( 82 ). Madankollu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tar-rata ta’ korrezzjoni, ma jidhirx li huwa rilevanti l-bran iċċitat mill-imsemmija sentenza, li fih issir differenza kunċettwali bejn is-superfiċji eliġibbli ta’ mergħa permanenti, fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, mis-superfiċji għall-foraġġ li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni inizjalment għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pagament spettanti lil azjenda fis-sens tal-Arikolu 43(2) tal-istess regolament. |
|
101. |
Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
4. Konklużjoni intermedja
|
102. |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li hija biss l-ewwel parti tal-ewwel aggravju li tista’ tiġi milqugħa. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat is-sentenza appellata fuq interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” imsemmi fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. |
|
103. |
Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi ma jinvolvix, f’dan il-każ, l-annullament tas-sentenza appellata ( 83 ). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddikjarat espressament li n-nuqqasijiet tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u kontroll jiġġustifikaw ir-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % stabbilita għall-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss, indipendentement mill-kwistjoni tad-definizzjoni tal-“mergħa permanenti” ( 84 ). Għaldaqstant, l-istess Qorti Ġenerali esponiet il-motivi insostenn tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, indipendentement mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti”. Tali konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma ġietx ikkontestata b’suċċess mir-Repubblika Ellenika. Għaldaqstant, il-fatt li tiġi milqugħa l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ma jistax jimplika l-annullament tas-sentenza appellata. |
|
104. |
Barra minn hekk, tali konklużjoni ma tiġix ikkontestata bil-fatt li, f’dan il-każ, mhux biss l-għajnuniet favur il-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss, imma l-għajnuniet kollha suġġetti għal tnaqqis ordnati mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża kienu jirrappreżentaw l-għajnuniet marbutin mas-superfiċji agrikoli ddikjarati ( 85 ). |
|
105. |
Minn naħa, fil-fatt, l-għajnuniet addizzjonali konnessi mas-superfiċji ma humiex marbutin mal-eżistenza ta’ mergħa permanenti bħala superfiċji eliġibbli, imma ma’ artijiet użati għall-koltivazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli ( 86 ). Min-naħa l-oħra, fl-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika kkontestat l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tnaqqis tal-għajnuna skont il-miżuri ta’ żvilupp rurali bbażat fuq is-superfiċji, mhux fid-dawl tal-eliġibbiltà tas-superfiċji użati jew tal-proporzjonalità tat-tnaqqis, imma biss fid-dawl tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 li tikkonċerna s-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010 ( 87 ). |
|
106. |
Konsegwentement, l-aċċertament tal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħa permanenti” ma jista’ jkollu ebda sinjifikat fil-kuntest ta’ dan l-appell għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-tnaqqis dwar l-għajnuniet addizzjonali konnessi mas-superfiċji u mal-miżuri ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji. |
C. Aggravji kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % dwar l-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji
|
107. |
Permezz tar-raba’ u l-ħames aggravju, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni b’rata fissa tal‑5 % li tirrigwarda l-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji ( 88 ). |
1. Ir-raba’ aggravju
|
108. |
Permezz tar-raba’ aggravju, ir-Repubblika Ellenika tinvoka n-natura żbaljata jew il-motivazzjoni insuffiċjenti tal-interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 ( 89 ), flimkien mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 ( 90 ). Dawn kienu jipprovdu li l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, ikollha tiddiskuti mal-Istat Membru kkonċernat, f’laqgħa bilaterali, ir-riżultati kollha tal-kontrolli li fuqhom tkun ser tkun ibbażata, finalment, il-korrezzjoni finanzjarja. |
|
109. |
Il-Qorti Ġenerali ma tatx din l-importanza lil-laqgħa bilaterali. Skont il-Qorti Ġenerali, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-proċedura kontradittorja li twassal għad-deċiżjoni fir-rigward tal-clearance tal-kontijiet li tinbeda bl-ewwel komunikazzjoni bil-miktub għandha, diġà, tagħti lill-Istat Membru għarfien perfett tar-riżultati tal-kontrolli, bil-għan li tiġi ggarantita l-possibbiltà li huwa jesponi r-raġunijiet tiegħu ( 91 ). Fejn il-Kummissjoni tkun osservat dan l-obbligu ta’ informazzjoni, l-Istat Membru ma jkunx jista’ jinvoka l-fatt li r-riżultati ma jkunux ġew diskussi anki fil-laqgħa bilaterali prevista mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 ( 92 ). |
|
110. |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi. |
|
111. |
La l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, u lanqas l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2005 ma jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-kontenut tal-laqgħa bilaterali. L-ewwel wieħed jipprovdi biss li l-Istat Membru għandhom jintbagħtulu bil-miktub ir-riżultati tal-verifika, mentri t-tieni wieħed jippreċiża li dan għandu jseħħ diġà mal-ewwel komunikazzjoni bil-miktub. |
|
112. |
L-istess laqgħa bilaterali lanqas ma hija intiża, b’mod partikolari, li tipprovdi informazzjoni lill-Istat Membru, iżda hija intiża li trendi possibbli, diġà fl-imsemmija fażi bikrija tal-proċedura, abbażi tal-iskambju ta’ informazzjoni li tkun seħħet b’mod preliminari, il-ftehim meħtieġ mill-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005 fir-rigward tal-evalwazzjoni legali tal-ksur u fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. |
|
113. |
Il-Qorti Ġenerali applikat, imbagħad, għall-fatti li fuqhom hija bbażata l-proċedura, b’mod loġiku u li jinftiehem, il-pożizzjoni tagħha stess dwar il-kontenut tal-garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 ( 93 ). |
|
114. |
Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma suffiċjentement dettaljati u li jinftiehmu. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment tar-Repubblika Ellenika, li skontu l-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-imsemmija garanziji proċedurali hija nieqsa u kontradittorja. |
|
115. |
Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju huwa infondat kollu kemm hu. |
2. Fuq il-ħames aggravju
|
116. |
Permezz tal-ħames aggravju, ir-Repubblika Ellenika tilmenta dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % stabbilita fir-rigward tal-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji, kif ukoll l-illeġittimità tal-konferma tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża permezz tal-punti 126 sa 128, 132 u 133 tas-sentenza appellata. |
|
117. |
B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan il-ħames aggravju ma għandux jiġi miċħud bħala inammissibbli. Il-motivazzjoni tiegħu, għalkemm vaga – kif inhuma wkoll brani oħra tal-att tal-appell – hija esposta madankollu, essenzjalment, b’mod suffiċjentement speċifiku, anki grazzi għar-riferiment għal ċerti brani tas-sentenza, b’mod li tippermetti l-eżami fil-mertu. |
|
118. |
Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li sostniet ir-Repubblika Ellenika, l-elementi determinanti għall-finijiet tal-iffissar tar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % li tirrigwarda l-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji joħorġu b’mod ċar mis-sentenza appellata ( 94 ). Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, l-imsemmija irregolaritajiet tas-sistema ta’ kontroll, li, kif diġà ġie osservat, jirriżultaw anki mir-rapport ta’ sinteżi ( 95 ), kif ukoll l-effett mitiganti ( 96 ), li ma huwiex rilevanti fil-każ ta’ għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji, u miegħu l-fatt li r-rata ta’ tnaqqis ta’ 5 % li tirrigwarda l-għajnuniet addizzjonali marbutin mas-superfiċji kienet ogħla mir-rata ta’ tnaqqis ta’ 2 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-bdiewa li ma ddikjarawx mergħat ( 97 ). Matul l-eżami relattiv, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni debitament l-argumenti rilevanti mressqa mir-Repubblika Ellenika. |
|
119. |
Għaldaqstant, anki l-ħames aggravju jirriżulta infondat. |
D. Fuq l-aggravju kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tirrigwarda l-miżuri ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji (is-sitt aggravju)
|
120. |
Is-sitt aggravju jirrigwarda l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fis-settur tal-iżvilupp rurali sa fejn din ma ġietx annullata mill-Qorti Ġenerali ( 98 ). |
|
121. |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx in toto l-motiv imressaq fl-ewwel istanza, u dan jindika nuqqas ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha biex tittratta biss l-ilment dwar it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-korrezzjoni li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali li kienet ġiet imposta bid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 għas-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009, imma mhux għas-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010. |
|
122. |
Fir-rikors tagħha li hija ressqet fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ellenika, fil-motiv li jirrigwarda l-korrezzjoni tal‑5 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali, kienet ilmentat qabel xejn dwar nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u għaldaqstant ikkontestat in toto l-korrezzjoni inkwistjoni (jiġifieri l‑5 % tal-infiq rilevanti, li jikkorrispondi mal-ammont ta’ EUR 10 504 391.90 ( 99 )). Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika kienet sostniet li l-Kummissjoni, meta mill-ammont ta’ EUR 10 504 391.90 naqqset biss EUR 2 588 231.20, ma ħaditx id-debita kunsiderazzjoni tal-korrezzjoni preċedenti imposta bid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 u bbażata fuq l-istess motivi, korrispondenti għall-ammont ta’ EUR 6 175 094.49 ( 100 ). B’dan l-argument, ir-Repubblika Ellenika ma kellhiex it-tir li tikseb l-annullament tal-ammont bażiku tal-korrezzjoni li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali (5 % tal-ispejjeż rilevanti, EUR 10 504 391.90), iżda fil-fatt l-annullament tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża fil-parti fejn din ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod adegwat id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 fil-kalkolu tas-somma li għandha titnaqqas minn tali ammont bażiku. |
|
123. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, minn naħa, l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni u – għalkemm impliċitament – l-ilment dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 101 ). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika kienet ikkritikat lill-Kummissjoni li ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-kontrolli fuq il-post, minkejja li tali żieda wasslet għal tnaqqis sinjifikattiv tar-riskju li jirrigwarda l-iżbalji aċċertati. Il-Qorti Ġenerali eżaminat dan il-motiv fil-mertu, u ċaħditu, minkejja li naqset milli ssemmi mill-ġdid b’mod espliċitu l-motivi legali tal-evalwazzjoni tal-fatti żbaljata u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 102 ). Minn dik iċ-ċaħda jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet in toto t-talba tar-Repubblika Ellenika intiża għall-annullament tal-korrezzjoni ta’ 5 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali. |
|
124. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni parti tal-istess motiv, li kien jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-korrezzjoni li kienet imposta mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 preċedenti, li għalih jirreferi dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-Repubblika Ellenika parzjalment. Għaldaqstant, minkejja li għamlet hija stess riċerki u kalkoli, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li ma kienx ċar il-mod li bih ġew ikkalkolati l-ammonti li l-Kummissjoni kienet naqqset mill-korrezzjoni ta’ 5 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali. Il-Qorti Ġenerali ppreżumiet għaldaqstant li d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-korrezzjoni preċedenti li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali ordnata mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 ( 103 ). |
|
125. |
Madankollu, mingħajr ebda raġuni apparenti, il-Qorti Ġenerali llimitat il-konstatazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, kemm fil-motivazzjoni kif ukoll fid-dispożittiv tas-sentenza appellata, għall-korrezzjoni biss ordnata mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża u li tirrigwarda s-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009, kif ukoll għall-ammont imnaqqas rispettiv (korrezzjoni ta’ EUR 5 007 867.36, tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75 u l-ammont finali ta’ EUR 2 689 811.61 ( 104 )). Madankollu, fir-rikors fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ellenika kienet irreferiet espressament għat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża, tal-korrezzjonijiet kollha li jirrigwardaw l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali ordnati mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214, li kienu jikkonċernaw kemm is-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009, kif ukoll is-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010. Fil-fatt, mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 u mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża, kif ukoll mir-rapporti ta’ sinteżi rispettivi, jirriżulta li ż-żewġ deċiżjonijiet ordnaw korrezzjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali b’riferiment għas-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009 u għas-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010 ( 105 ). |
|
126. |
Għaldaqstant, peress li llimitat l-eżami tagħha għall-korezzjoni li tirrigwarda s-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx in toto l-argumenti tar-Repubblika Ellenika. Dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ( 106 ). |
|
127. |
Għaldaqstant, is-sitt aggravju huwa fondat. |
|
128. |
Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet imsemmija fil-punti 122 u 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li, b’kuntrast ma’ dak li sostniet il-Kummissjoni, dan l-aggravju ma jikkostitwixxix estensjoni tal-motivi invokati fl-ewwel grad. Anki dan l-aggravju jirrigwarda l-motivazzjoni tas-sentenza appellata u l-kwistjoni dwar jekk l-argumenti tar-Repubblika Ellenika ġewx eżaminati suffiċjentement mill-Qorti Ġenerali u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, fuq punt ta’ fatt, li ma jistax jiġi ssindakat fi stadju ta’ appell. |
|
129. |
Madankollu, irrid naqbel mat-teżi tal-Kummissjoni fejn din tgħid li fid-dawl tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti Ġenerali annullat il-korrezzjoni tal‑5 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali għas-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009 mhux b’referenza għall-ammont bażiku tagħha, imma biss fir-rigward tal-ammont (insuffiċjenti) imnaqqas mill-Kummissjoni minn dak l-ammont bażiku biex tieħu inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni li kienet imposta mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 ( 107 ). Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza appellata fil-parti li fiha, għal dak li jikkonċerna l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni li qabel kienet ordnata mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 u bbażata fuq l-istess motivi li jirrigwardaw is-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010. |
VI. Annullament tas-sentenza appellata u deċiżjoni finali fuq il-kwistjoni
|
130. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
131. |
L-ewwel parti tal-ewwel aggravju u s-sitt aggravju jistgħu jintlaqgħu. Madankollu, diġà ġie kkonstatat li l-ilqugħ tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata ( 108 ). Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata biss fil-parti tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonċerna l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % li tirrigwarda l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali li jirreferi għaliha s-sitt aggravju. |
|
132. |
F’dan ir-rigward, l-istat tal-atti jippermetti li din il-kawża tiġi deċiża. Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilment li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni doppja fir-rigward biss tas-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009. Madankollu, l-osservazzjonijiet magħmula hemmhekk, li skonthom il-Kummissjoni ma setgħatx tipprovdi spjegazzjoni mmotivata dwar sa fejn il-korrezzjoni imposta bid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 influwenzat il-portata tal-korrezzjoni ordnata mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża, jistgħu jiġu trasposti anki għall-korrezzjoni li tirrigwarda s-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għaldaqstant tiddeċiedi fuq dan il-punt hi b’mod finali. |
VII. Spejjeż
|
133. |
Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
134. |
Fil-każ ineżami, ir-Repubblika Ellenika tilfet fuq waħda jew iktar mit-talbiet kemm fl-appell kif ukoll fil-proċedura fl-ewwel istanza. |
|
135. |
Għaldaqstant, jidher iġġustifikat li jiġi deċiż li r-Repubblika Ellenika tbati terz mill-ispejjeż tagħha u terz mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u din tal-aħħar żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-Repubblika Ellenika, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. |
VIII. Konklużjoni
|
136. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) T‑112/15, EU:T:2017:239, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
( 3 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2014, L 369, p. 71), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża”.
( 4 ) Fil-frattemp, din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata ulterjorment; ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni (T‑272/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:651, punti minn 33 sa 66).
( 5 ) Kawża C‑252/18 P, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni.
( 6 ) Kawża T‑459/16, Spanja vs Il-Kummissjoni.
( 7 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269). Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ġie emendat diversi drabi. Minn dak li jirriżulta, la d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża u lanqas is-sentenza appellata ma jindikaw espliċitament il-verżjoni emendata li fuqha bbażaw ruħhom il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali fil-każ ineżami. Fost id-dispożizzjonijiet hawnhekk rilevanti tar-Regolament Nru 1782/2003, l-emendi suċċessivi jirrigwardaw prima facie l-Artikolu 44(2) biss; f’dan ir-rigward, mill-punt 28 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri fuq il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni li kien hemm qabel ma ġiet emendata bl-Artikolu 123(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad‑29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1), li skont l-Artikolu 129(2)(c) tal-istess regolament, kien japplika wkoll biss b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2009. Anki dawn il-konklużjonijiet huma bbażati għaldaqstant fuq il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal‑21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226). Anki r-Regolament (KE) Nru 795/2004 ġie emendat diversi drabi. Ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita eżattament liema verżjoni ta’ dan ir-regolament kif emendat l-aħħar kienet applikabbli matul il-perijodu rilevanti fil-każ ineżami; għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li almenu l-Artikolu 2(a) (iċċitat fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet) kien applikabbli fil-verżjoni oriġinali tiegħu, inkwantu dan ġie mħassar biss mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 370/2009, tas-6 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-ħlas waħdieni li hemm provvediment dwarha fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 114, p. 3), fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.
( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 44, p. 243). Anki r-Regolament (KE) Nru 796/2004 ġie emendat diversi drabi. Lanqas għal dan tal-aħħar ma huwa meħtieġ pero’ li jiġi stabbilit eżattament liema verżjoni ta’ dan ir-regolament, kif l-aħħar emendat, kien applikabbli fil-perijodu rilevanti tal-każ ineżami; għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’kull każ, kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet rilevanti hawnhekk, fil-verżjoni emendata mir-Regolamenti (KE) Nru 239/2005 (ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 61) u Nru 972/2007 (ĠU 2007, L 216, p. 3), u mhux, min-naħa l-oħra, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 380/2009, tat-8 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 116, p. 9) (ara l-punti 12 sa 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16).
( 11 ) Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
( 12 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 hawn fuq.
( 13 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 hawn fuq.
( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 hawn fuq.
( 15 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 hawn fuq.
( 16 ) It-tnejn imsejħa iktar ’il quddiem “fondi agrikoli”.
( 17 ) Iktar ’il quddiem “SIPA-SIG”.
( 18 ) Iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ sinteżi”.
( 19 ) Ara b’mod partikolari l-punti 40 sa 43, 66, 77 u minn 84 sa 97 tas-sentenza appellata.
( 20 ) Ara b’mod partikolari l-punti 40 u 41, kif ukoll minn 89 sa 94 tas-sentenza appellata.
( 21 ) Ara b’mod partikolari l-punti 66, 88 u 95 tas-sentenza appellata.
( 22 ) Ara l-punti 24 sa 67, b’mod partikolari minn 33 sa 36 tas-sentenza appellata.
( 23 ) Punti 107 sa 137 tas-sentenza appellata.
( 24 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE tat‑2 ta’ Mejju 2013 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2013, L 123, p. 11).
( 25 ) Punti 152 sa 168 tas-sentenza appellata.
( 26 ) Punti 23 sa 106 tas-sentenza appellata.
( 27 ) Punt 35 tas-sentenza appellata.
( 28 ) Punti 24 sa 67 tas-sentenza appellata.
( 29 ) Punt 29 tas-sentenza appellata.
( 30 ) Punt 34 tas-sentenza appellata.
( 31 ) Punt 36 tas-sentenza appellata.
( 32 ) Punti 35 u 51 tas-sentenza appellata.
( 33 ) Iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjonijiet WikiCAP”.
( 34 ) Aċċessibbli fis-sit internet: http://ies-webarchive-ext.jrc.it/mars/mars/Bulletins-Publications/Art-30-guidelines-version-of-22-05-2008-for-the-2008-campaign.html.
( 35 ) Punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata.
( 36 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 61), tal‑14 ta’ Jannar 2016, Vodafone (C‑395/14, EU:C:2016:9, punt 40) u tal‑25 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑314/16, EU:C:2018:42, punt 47).
( 37 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Ma jista’ jiġi dedott xejn differenti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Novembru 2014, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni (T‑632/11, EU:T:2014:934, punti 90 sa 99), iċċitata mir-Repubblika Ellenika. Fil-fatt, anki f’dak il-każ, l-interpretazzjoni rilevanti hija bbażata biss fuq is-sistema leġiżlattiva applikabbli ratione temporis, mentri r-riferiment għal-leġiżlazzjoni suċċessiva huwa ta’ natura purament informattiva.
( 39 ) Ara l-punt 5 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, kif ukoll il-punt 12 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) Peress li l-punti 2 u 2a tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 isemmu espressament il-preżenza ta’ “ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew”, wieħed jaċċetta li jeżisti l-imsemmi “rekwiżit ta’ ħxejjex erbaċej”, anki jekk il-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw, għall-finijiet tal-indikazzjoni tas-superfiċji inkwistjoni, kunċetti li minnhom infushom ma jagħmlux riferiment għall-veġetazzjoni, li jistgħu pjuttost jiġu tradotti b’“mergħa/t permanenti”. Ara, min-naħa, il-verżjoni Ġermaniża (“Dauergrünland”), Olandiża (“blijvend grasland”), Daniża (“permanente græsarealer”) u Pollakka (“trwałe użytki zielone”) u, min-naħa l-oħra, il-verżjoni Franċiża (“pâturages permanents”), Ingliża (“permanent pasture”), Taljana (“pascolo permanente”), Spanjola (“pastos permanentes”), Portugiża (“pastagens permanentes”), Estonjana (“püsikarjamaa”), Finlandiża (“pysyvä laidun”), Griega (”μόνιμος βοσκότοπος”), Ungeriża (“állandó legelő”) jew Bulgara (“постоянни пасбища”). Ara, f’dan ir-rigward, anki l-punt 60 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 42 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1971, Deutsche Tradax (38/70, EU:C:1971:24, punt 10), tad‑19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek (C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 33).
( 45 ) Ara mill-ġdid il-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Ara, pereżempju l-verżjoni Ġermaniża (“Dauergrünland”), Olandiża (“blijvend grasland”) jew Daniża (“permanente græsarealer”).
( 47 ) Ara, pereżempju, il-verżjoni Franċiża (“pâturages permanents”), Ingliża (“permanent pasture”), Taljana (“pascolo permanente”), Spanjola (“pastos permanentes”), Portugiża (“pastagens permanentes”), Estonjana (“püsikarjamaa”), Finlandiża (“pysyvän laitumen”), Pollakka (“trwałe pastwiska”), Griega (“μόνιμους βοσκοτόπους”), Ungeriża (“állandó legelőből”) jew Bulgara (“постоянни пасища”).
( 48 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 50 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) COM (2003) 23 finali., p. 4.
( 52 ) Ara f’dan is-sens anki s-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 37), tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Grund (C‑47/13, EU:C:2014:2248, punt 35), tat‑2 ta’ Lulju 2015, Wree (C‑422/13, EU:C:2015:438, punt 36) u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Planes Bresco (C‑333/15 u C‑334/15, EU:C:2016:426, punt 35).
( 53 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 54 ) Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Reviżjoni intermedja tal-politika agrikola komuni tal‑10 ta’ Lulju 2002, COM (2002) 394 finali, p. 8, 12 u 13.
( 57 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Horvath (C‑428/07, EU:C:2009:458, punt 29).
( 58 ) Ara COM (2002) 394 finali, p. 9, 13, 21; COM (2003) 23 finali., p. 10; sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 39, li jirreferi għall-premessa 3, 21 u 24 tar-Regolament Nru 1782/2003).
( 59 ) Ara l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 60 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod espliċitu, ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-WikiCAP 2008 (http://ies-webarchive-ext.jrc.it/mars/mars/Bulletins-Publications/Art-30-guidelines-version-of-22-05-2008-for-the-2008-campaign.html) kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-WikiCAP 2009 (http://ies-webarchive-ext.jrc.it/mars/mars/Bulletins-Publications/Art30-guidelines-for-the-2009-campaign.html)
( 61 ) Ara l-punti 7 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) Ara l-punti 17 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 63 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 64 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 58, 61 u 64 tas-sentenza appellata.
( 65 ) B’risposta għal domanda li saret fis-seduta, il-Kummissjoni affermat li l-pjan ta’ azzjoni żviluppat fi tmiem l‑2012 kellu l-għan li jtejjeb progressivament il-problemi li kienu rriżultaw fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll. Madankollu, il-pjan ta’ azzjoni kien ikun applikabbli biss b’mod parallel mar-riforma tal-PAK permezz tar-Regolament Nru 1307/2013.
( 66 ) Ara l-punt 29 tas-sentenza appellata.
( 67 ) Ara l-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 68 ) Fuq il-pagament uniku, ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 69 ) Ara l-punt 71 tas-sentenza appellata.
( 70 ) Ara l-punti 24 sa 65, b’mod partikolari minn 43 sa 65, tas-sentenza appellata.
( 71 ) Fuq l-effett mitiganti, ara l-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-punti 84 sa 96 tas-sentenza appellata.
( 73 ) Punti 98 sa 100 tas-sentenza appellata.
( 74 ) Punt 101 tas-sentenza appellata.
( 75 ) Punti 95, 102 u 103 tas-sentenza appellata.
( 76 ) Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 77 ) Punti 78 sa 83 tas-sentenza appellata.
( 78 ) Dokument VI/5330/97 tat‑23 ta’ Diċembru 1997.
( 79 ) Punti 82, 95 u 105 tas-sentenza appellata.
( 80 ) Punt 102 tas-sentenza appellata; ir-riferiment li hemm hemmhekk għall-“applikazzjoni, sa mill-2012, tad-definizzjoni iktar estiża tal-‘mergħat permanenti’, li tinkludi l-veġetazzjoni għudija” ma huwiex kuntradittorju mal-punt 64 tas-sentenza appellata, li skontu ma jeżistux elementi favur il-fatt li l-pjan ta’ azzjoni msemmi qabel kien applikabbli qabel l-2012. Il-punt 102 jirreferi, fil-fatt, esklużivament għar-reviżjoni tas-superfiċji għall-finijiet tal-aġġornament tas-SIPA-SIG, li nbeda, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta, immedjatament wara li ġie żviluppat il-pjan ta’ azzjoni, biex jipprepara l-attwazzjoni tiegħu b’effett mill‑2014/2015.
( 81 ) Punti 95, 102 u 103 tas-sentenza appellata.
( 82 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016 (Kawżi magħqudaC‑333/15 u C‑334/15, EU:C:2016:426, punt 39).
( 83 ) Il-fatt li aggravju ma jkunx rilevanti, inkwantu d-dispożittiv jidher li huwa bbażat fuq motivi ta’ dritt oħra espliċitati mill-istess Qorti Ġenerali, jista’ jiġi aċċertat mill-Qorti tal-Ġustizzja anki wara eżami sostantiv tal-aggravju inkwistjoni (ara sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni (C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punt 52).
( 84 ) Punti 66, 88 u 95 tas-sentenza appellata.
( 85 ) Ara l-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 86 ) Ara l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, kif ukoll l-Artikoli 72 et seq. tar-Regolament Nru 1782/2003.
( 87 ) Ara l-punti 120 u 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 88 ) Punti 107 sa 137 tas-sentenza appellata.
( 89 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).
( 90 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 162).
( 91 ) Punti 113 sa 116 tas-sentenza appellata.
( 92 ) Punt 120 tas-sentenza appellata.
( 93 ) Punti 115 sa 119 tas-sentenza appellata.
( 94 ) Punti 126 sa 136 tas-sentenza appellata.
( 95 ) Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 96 ) Fuq l-effett mitiganti, ara l-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kif tafferma l-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, l-effett mitiganti ma jistax japplika għall-għajnuniet imħallsa għal superfiċji addizzjonali. Fil-fatt, għal dan it-tip ta’ għajnuniet, li huma konnessi mal-produzzjoni, ma jintużawx id-“drittijiet għall-għajnuna”, li jiġu attivati għal superfiċji eliġibbli li n-numru tagħhom jista’ jkun inqas mis-superfiċji totali ddikjarati minn bidwi. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-għajnuniet għal superfiċji addizzjonali, hija biss is-superfiċji li tiġi ddikjarata li hija effettivament maħduma li tiġġustifika l-għajnuna korrispondenti.
( 97 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 98 ) Punti 138 sa 168 tas-sentenza appellata.
( 99 ) Ara l-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 100 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 101 ) Punti 140 sa 151 tas-sentenza appellata.
( 102 ) Punti 141 sa 145, 150 u 151 tas-sentenza appellata.
( 103 ) Punti 152 sa 168, kif ukoll id-dispożittiv tas-sentenza appellata.
( 104 ) Il-korrezzjonijiet kollha li jirrigwardaw l-għajnuniet għall-iżvilupp rurali imposti mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża jistgħu jiġu sintetizzati kif ġej: korrezzjoni globali fl-ammont ta’ EUR 10 504 391.90, li minnhom EUR 5 007 867.36 għas-sena finanzjarja 2009 u EUR 5 496 524.54 għas-sena finanzjarja 2010; tnaqqis globali fl-ammont ta’ EUR 2 588 231.20 li minnhom EUR 2 318 055.75 għas-sena finanzjarja 2009 u EUR 270 175.45 għas-sena finanzjarja 2010; ammont finali globali ta’ EUR 7 916 160.70, li minnhom EUR 2 689 811.61 għas-sena finanzjarja 2009 u EUR 5 226 349.09 għas-sena finanzjarja 2010.
( 105 ) Il-konfużjoni tista’ forsi toħroġ mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 kienet timponi korrezzjoni mhux biss għas-sena ta’ applikazzjoni 2008, imma wkoll għas-sena ta’ applikazzjoni 2009. Madankollu, mir-rapport ta’ sinteżi li jirrigwarda din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jirriżulta li l-korrezzjonijiet imposti għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 kienu għas-snin finanzjarji 2009 u 2010. Għaldaqstant, kemm id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża kienu jirrigwardaw kemm is-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2009, kif ukoll is-sena ta’ applikazzjoni 2008/sena finanzjarja 2010. Barra minn hekk, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll fis-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda taħdem fuq kalkolu ġdid tal-ammont skont is-sentenza appellata, li jrid jitnaqqas mill-korrezzjoni li tirrigwarda l-għajnuna għall-iżvilupp rurali imposta mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kontenzjuża biex tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2013/214, u li tali tnaqqis ikun jirrigwarda kemm il-korrezzjoni ta’ EUR 5 007 867.36 għas-sena finanzjarja 2009, kif ukoll il-korrezzjoni ta’ EUR 5 496 524.54 għas-sena finanzjarja 2010.
( 106 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il-Kummissjoni (C‑57/02 P, EU:C:2005:453, punt 36), tal‑11 ta’ April 2013, Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 41) u tat‑30 ta’ Mejju 2018, L’Oréal vs EUIPO (C‑519/17 P u C‑522/17 P sa C‑525/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:348, punti 81 et seq.).
( 107 ) Ara l-punti 122 sa 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 108 ) Ara l-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.