Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0833

    Kawża T-833/16: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2016 – Karp vs Il-Parlament

    ĠU C 46, 13.2.2017, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 46/19


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2016 – Karp vs Il-Parlament

    (Kawża T-833/16)

    (2017/C 046/22)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Kevin Karp (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: N. Lambers u R. Ben Ammar, avukati)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità mogħtija s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għall-grupp EFDD fi ħdan il-Parlament Ewropew li kklassifikat lir-rikorrenti fil-grupp ta’ funzjonijiet I bħala assistent parlamentari akkreditat (APA) skont kuntratt iffirmat fil-25 ta’ Frar 2015 u fil-grupp ta’ funzjonijiet II fil-kuntest tal-kuntratt ta’ impjieg iffirmat fit-12 ta’ Mejju 2016;

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni materjali u morali subiti mir-rikorrent li ġew stmati provviżorjament li jammontaw għal EUR 40 888,68 u EUR 63 323,20 EUR rispettivament;

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ħlas tal-ispejjeż tiegħu u ta’ dawk tar-rikorrent.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka żewġ motivi;

    1.

    L-ewwel motiv jallega ksur tal-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea

    Ir-rikorrent ingħata skala salarjali korrispondenti għall-grupp ta’ funzjonijiet I għall-ewwel kuntratt tiegħu u sussegwentment il-grad għall-grupp ta’ funzjonijiet II għat-tieni kuntratt ta’ impjieg li ġie propost lilu. Il-grupp ta’ funzjonijiet II jikkorrispondi għal “Kompiti klerikali u segretarjali, kompiti ta’ amministrazzjoni ta’ uffiċċju u kompiti ekwivalenti oħra, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju”, filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-kompiti fdati lir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni kuntratt ta’ impjieg tiegħu kienu kompiti amministrattivi u konsultattivi, kif intwera fl-annessi tar-rikors.

    2.

    It-tieni motiv, jallega ksur tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea

    L-Artikolu 82 tar-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jiġi impjegat fil-grupp ta’ funzjonijiet IV jekk huwa jkun jista’ jagħti prova ta’ livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studi universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet snin iċċertifikat b’diploma jew taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti. Ir-rikorrent lesta studji universitarji ta’ ħames snin iċċertifikati b’żewġ diplomi u, barra minn hekk, inkonnessjoni mat-tieni kuntratt li ġie propst lilu, huwa għandu esperjenza professjonali preċedenti miksub fil-Parlament Ewropew li tikkorrispondi ma’ kompiti ekwivalenti għal dawk li huwa kien qiegħed jeżegwixxi.


    Top