Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0490

    Kawża C-490/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fl-14 ta’ Settembru 2016 – A.S. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

    ĠU C 419, 14.11.2016, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 419/34


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fl-14 ta’ Settembru 2016 – A.S. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

    (Kawża C-490/16)

    (2016/C 419/44)

    Lingwa tal-kawża: is-Sloven

    Qorti tar-rinviju

    Vrhovno sodišče Republike Slovenije

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: A.S.

    Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

    Domandi preliminari

    1)

    Il-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013, tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kriterju skont l-Artikolu 13(1), fir-rigward ta’ deċiżjoni li Stat Membru mhux ser jeżamina t-talba għal protezzjoni internazzjonali, li Stat Membru ieħor diġà assuma r-responsabbiltà sabiex jeżamina t-talba tar-rikorrent fuq l-istess bażi u meta r-rikorrent jikkontesta dan?

    2)

    Il-kundizzjoni ta’ qsim b’mod irregolari skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u indipendenti jew flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 dwar ir-ritorn u l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jiddefinixxu l-qsim b’mod irregolari tal-fruntiera u din l-interpretazzjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013?

    3)

    Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, il-kunċett ta’ qsim b’mod irregolari skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx qsim b’mod irregolari tal-fruntiera meta l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jorganizzaw il-qsim tal-fruntiera bil-għan ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor tal-UE?

    4)

    Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu konsegwentement jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn l-Istat fejn huwa daħal inizjalment fit-territorju tal-UE?

    5)

    L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 29(2) ma jiddekorrux meta r-rikorrent jeżerċita d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja, a fortiori meta dan jirrigwarda wkoll domanda preliminari jew meta l-qorti nazzjonali tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal tali domanda magħmula f’kawża oħra? Sussidjarjament, it-termini jiddekorru f’tali każ, bl-Istat Membru responsabbli madankollu ma jkollux id-dritt li jiċħad l-akkoljenza?


    Top