Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0027

    Kawża C-27/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Jannar 2016 – Angel Marinkov vs Predsedatel na Darzhavna agentsia za balgarite v chuzhbina

    ĠU C 111, 29.3.2016, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 111/12


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Jannar 2016 – Angel Marinkov vs Predsedatel na Darzhavna agentsia za balgarite v chuzhbina

    (Kawża C-27/16)

    (2016/C 111/15)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Administrativen sad Sofia-grad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Angel Marinkov

    Konvenut: Predsedatel na Darzhavna agentsia za balgarite v chuzhbina.

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu [14](1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) u l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (2), tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet huma preċiżi u ċari biżżejjed u, għalhekk, huma direttament applikabbli fis-sitwazzjoni legali ta’ persuna mkeċċija, impjegata fis-settur pubbliku b’relazzjoni ta’ impjieg irregolat minn statut, meta

    a)

    it-tkeċċija tkun ġiet deċiża minħabba tnaqqis fin-numru ta’ pożizzjonijiet (funzjonijiet) identiċi, okkupati mill-persuna mkeċċija u minn ħaddiema oħra, kemm irġiel u kemm nisa;

    b)

    it-tkeċċija tkun ibbażata fuq dispożizzjoni newtrali tad-dritt nazzjonali;

    c)

    fil-każ imsemmi ta’ tkeċċija, id-dispożizzjoni nazzjonali la tipprevedi kriterji u lanqas obbligu għall-finijiet ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-persuni kollha li jistgħu jkunu kkonċernati mit-tkeċċija, u lanqas ma tipprevedi obbligu li jingħataw raġunijiet għaliex tkeċċiet persuna speċifika?

    2)

    Mill-Artikolu [14](1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 u mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, interpretati separatament u flimkien mal-Artikoli 30, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw miżura nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħal dik prevista fl-Artikolu 21 tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 106(1) tal-Liġi dwar is-servizz pubbliku, meta, fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda tat-tkeċċija ta’ persuna impjegata fis-settur pubbliku b’relazzjoni ta’ impjieg irregolat minn statut (minħabba terminazzjoni dovuta għal tnaqqis fin-numru ta’ pożizzjonijiet identiċi okkupati kemm minn irġiel u kemm minn nisa), dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedu espliċitament, bħala parti mid-dritt għat-tkeċċija, ebda obbligu sabiex titwettaq selezzjoni u ebda kriterji, li skont il-prassi amministrattiva u skont il-ġurisprudenza huma awtorizzati biss jekk l-awtorità kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tivvalida, skont l-evalwazzjoni tagħha, il-proċedura u l-kriterji, u dan meta, għall-kuntrarju, f’każ identiku ta’ tkeċċija ta’ persuna impjegata fis-settur pubbliku b’relazzjoni ta’ impjieg irregolat minn kuntratt, tali obbligu ta’ selezzjoni u ta’ kriterji sabiex titwettaq din is-selezzjoni huma ddeterminati minn regolament bħala parti mid-dritt għat-tkeċċija mill-istess awtorità?

    3)

    L-Artikolu [14](1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 u l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikoli 30, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tkeċċija ta’ persuna impjegata fis-settur pubbliku b’relazzjoni ta’ impjieg irregolat minn statut ma hijiex ġustifikata u għalhekk tmur kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija għas-sempliċi raġuni li l-awtorità amministrattiva ma wettqitx selezzjoni, ma applikatx kriterji oġġettivi jew inkella ma pprovdietx raġunijiet għall-għażla tagħha li tkeċċi lil persuna speċifika, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna kienet tokkupa pożizzjoni identika għall-pożizzjonijiet okkupati minn persuni oħra, irġiel u nisa, u fejn it-tkeċċija ġiet deċiża fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni newtrali?

    4)

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 25 tal-istess direttiva u mal-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità hija osservata u li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens għal tkeċċija abbużiva, li tapplika wkoll fil-każijiet ta’ ksur tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol u li tiffissa perijodu massimu ta’ kumpens ta’ sitt xhur u ammont iddeterminat – is-salarju bażiku marbut mal-pożizzjoni okkupata –, iżda sa fejn il-persuna kkonċernata tkun baqgħet ma sabitx impjieg jew tkun irċeviet remunerazzjoni iżgħar u sa fejn id-dritt tal-persuna li terġa’ tiġi integrata fil-funzjoni tagħha huwa distint u ma jagħmilx parti mid-dritt għal kumpens tagħha skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat?


    (1)  ĠU L 204, p. 23.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


    Top