This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0664
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 21 November 2018.#Lucreţiu Hadrian Vădan v Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor and Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov - Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Alba.#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Alba Iulia.#Reference for a preliminary ruling — Common system of value added tax — Directive 2006/112/EC — Articles 167, 168, 178 and 273 — Scope of the right of deduction — Absence of invoices — Recourse to a court-commissioned expert report — Burden of proof of the right of deduction — Principles of fiscal neutrality and proportionality.#Case C-664/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
Lucreţiu Hadrian Vădan vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor u Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov - Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Alba.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 167, 168, 178 u 273 – Portata tad-dritt għal tnaqqis – Assenza ta’ fatturi – Użu ta’ perizja legali – Oneru tal-prova tad-dritt għal tnaqqis – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità.
Kawża C-664/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
Lucreţiu Hadrian Vădan vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor u Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov - Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Alba.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 167, 168, 178 u 273 – Portata tad-dritt għal tnaqqis – Assenza ta’ fatturi – Użu ta’ perizja legali – Oneru tal-prova tad-dritt għal tnaqqis – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità.
Kawża C-664/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:933
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
21 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 167, 168, 178 u 273 – Portata tad-dritt għal tnaqqis – Assenza ta’ fatturi – Użu ta’ perizja legali – Oneru tal-prova tad-dritt għal tnaqqis – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑664/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura
Lucreţiu Hadrian Vădan
vs
Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor,
Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Alba,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal L. H. Vădan, minn M. Bejenaru-Dragoş, C. D. Cubleşan, C. A. Păun, T. V. Căpuşan, D. Feldrihan u D. F. Pascu, avocați, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr, O‑C. Ichim, E. Gane u C. Florescu, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal, G.‑D. Balan u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifka fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), b’mod partikolari l-Artikoli 167, 168, 178 u 273 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u ta’ proporzjonalità. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lucrețiu Hadrian Vădan u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali – Direttorat Ġenerali għar-Riżoluzzjoni ta’ Lmenti, ir-Rumanija) u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Alba (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Brașov – Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tad-Dipartiment ta’ Alba, ir-Rumanija) dwar ir-rifjut li l-appellant fil-kawża prinċipali jeżerċita d-dritt tiegħu għat-tnaqqis tal-VAT għall-oġġetti u għas-servizzi li huwa uża għat-tranżazzjonijiet tiegħu stess, peress li ma setax jipproduċi l-fatturi relatati ma’ dawn l-oġġetti u ma’ dawn is-servizzi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
It-Titolu X tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Tnaqqis”, fih il-Kapitolu 1 intitolat “Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqas”, li jinkludi l-Artikoli 167 sa 172 tagħha. L-imsemmi Artikolu 167 jistabbilixxi li: “Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.” |
4 |
Skont l-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva: “Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
[…]” |
5 |
Il-Kapitolu 4 ta’ dan it-Titolu X, intitolat “Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis”, huwa kompost mill-Artikoli 178 sa 183 tad-Direttiva dwar il-VAT. L-imsemmi Artikolu 178 jipprevedi li: “Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 179 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li: “Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178. Madanakollu, l-Istati Membi jistgħu jeħtieġu li persuni taxxabbli li jwettqu transazzjonijiet okkażjonali, kif definiti fl-Artikolu 12, jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ tnaqqis fil-ħin tal-provvista biss.” |
7 |
It-Titolu XI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”, fih il-Kapitolu 2, intitolat “Identifikazzjoni”, li jinkludi l-Artikoli 213 sa 216 tagħha. L-imsemmi Artikolu 213(1) jistabbilixxi li: “Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. […]” |
8 |
Il-Kapitolu 3 tat-Titolu XI, dwar il-fatturazzjoni, huwa kompost mill-Artikoli 217 sa 240 tad-Direttiva dwar il-VAT. L-Artikolu 220 tagħha jipprevedi li: “Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dak li ġej, tinħareġ fattura, jew hi nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:
[…]” |
9 |
Skont l-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva: “Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221[:]
[…]” |
10 |
Il-Kapitolu 4 tal-imsemmi Titolu XI, intitolat “Kontabilità”, jinkludi l-Artikoli 241 sa 249 tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 242 tagħha jistabbilixxi li: “Kull persuna taxxabbli trid iżżomm kontijiet dettaljati biżżejjed biex il-VAT tkun tista’ tkun applikata u biex l-applikazzjoni tagħha tkun ivverifikata mill-awtoritajiet tat-taxxa.” |
11 |
Skont l-Artikolu 244 tad-Direttiva dwar il-VAT: “Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li kopji tal-fatturi maħruġa minnha, jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza, u l-fatturi kollha li hija rċeviet, ikunu maħżuna.” |
12 |
L-Artikolu 250 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 5 ta’ l-istess Titolu XI, dwar id-denunzji, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.” |
13 |
Fil-Kapitolu 7 tat-Titolu XI tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 273 tagħha jistabbilixxi li: “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri. L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.” |
Id-dritt Rumen
14 |
L-Artikolu 127 tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927, tat‑23 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprevedi li: “(1) ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li twettaq, b’mod indipendenti u irrispettivament mill-post, attività ekonomika li taqa’ taħt il-paragrafu 2, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultat ta’ dik l-attività. (2) Fis-sens ta’ dan it-titolu, l-attivitajiet ekonomiċi għandhom jinkludu l-attivitajiet ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u dawk tal-professjonijiet liberali jew tal-professjonijiet assimilati magħhom. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu b’mod partikolari jitqies bħala attività ekonomika. […]” |
15 |
L-Artikolu 145 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li: “1) Id-dritt għal tnaqqis jitnissel fil-mument meta t-taxxa ssir eżiġibbli. 2) Kull persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas it-taxxa relatata ma’ xiri jekk dan tal-aħħar jintuża għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet segwenti:
[…]” |
16 |
Skont l-Artikolu 146 tal-imsemmi kodiċi: “1) Sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
17 |
Il-punt 46(1) tal-Hotărârea Guvernului nr. 44/2004 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a Legii 571/2003 privind Codul fiscal (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004 li Tapprova r-Regoli Dettaljati għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 112, tas-6 ta’ Frar 2004) kien jipprevedi, fl‑1 ta’ Jannar 2007, fit-Titolu VI tagħha, li:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
L. H. Vădan, ċittadin Rumen, wettaq proġett ta’ kostruzzjoni ta’ kumpless residenzjali ta’ 16‑il propjetà immobbli intiżi bħala abitazzjonijiet għal familja waħda u soċjali, magħmul minn 90 appartament, li ġie konkluż bejn is-6 ta’ Ġunju 2006 u t‑8 ta’ Settembru 2008. Huwa kellu, barra minn hekk, f’dak iż-żmien, diversi artijiet li kienu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva sabiex fuqhom jinbnew abitazzjonijiet għal familja waħda. |
19 |
L. H. Vădan wettaq 29 tranżazzjoni immobiljari matul l‑2006 u 70 tranżazzjoni immobiljari matul l‑2007 sal‑2009. Huwa biegħ ukoll artijiet għall-bini bejn l‑2008 u l‑2009. L-ammont totali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ammonta għas-somma ta’ 19234596 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 4104163). |
20 |
Sa fejn id-dħul tal-appellant fil-kawża prinċipali kien qabeż, mix-xahar ta’ Ġunju 2006, il-limitu massimu legali ta’ eżenzjoni mill-VAT, l-awtoritajiet tat-taxxa qiesu li huwa kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT u li kien obbligat, konsegwentement, jidentifika ruħu bħala tali mill‑1 ta’ Awwissu 2006. |
21 |
Fl-assenza ta’ kull reġistrazzjoni għall-finijiet tal-VAT u ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa lill-awtoritajiet tat-taxxa, id-Direcția Generală a Finanțelor Publice Alba (id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Alba, ir-Rumanija) talab lil L. H. Vădan, permezz tal-Avviż ta’ Taxxa Nru 59/28.01.2011, iħallas l-ammont ta’ RON 3071069 (madwar EUR 655286) bħala VAT dovuta għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu 2006 u l‑31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll l-ammont ta’ RON 2476864 (madwar EUR 528498) bħala interessi moratorji u ta’ RON 460660 (EUR 98292) bħala penali għal ħlas tardiv. L-ammont totali mitlub jammonta għal RON 6008593 (madwar EUR 1282077). |
22 |
L. H. Vădan ikkontesta l-ammont ta’ din il-valutazzjoni quddiem l-awtoritajiet amministrattivi, li, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2011, laqgħu parzjalment it-talbiet tiegħu, billi naqqsu l-ammont totali tal-valutazzjoni għas-somma ta’ RON 5735741 (EUR 1223858), jiġifieri RON 2909546 (EUR 620821) bħala VAT, RON 2389763 (EUR 509913) bħala interessi moratorji u RON 436432 (EUR 93123) bħala penali għal ħlas tardiv. |
23 |
L. H. Vădan ippreżenta appell quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) intiż għall-annullament tal-imsemmi avviż u tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2011. |
24 |
F’dan ir-rigward, huwa sostna li huwa ma kienx obbligat jidentifika ruħu bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT u lanqas li jżomm xi rekords kontabilistiċi, sa fejn huwa kien ħallas din it-taxxa meta kien għamel l-akkwisti u qatt ma kien ġabar il-VAT mingħand ix-xerrejja tiegħu. |
25 |
Il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) ċaħdet it-talbiet kollha tal-appellant fil-kawża prinċipali permezz tas-sentenza Nru 42/2013. |
26 |
Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014 u għar-raġuni li l-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) kienet, b’mod żbaljat, irrifjutat li tapplika d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-persuna taxxabbli, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) annullat is-sentenza mogħtija minn din il-qorti u bagħtet lura l-kawża għal eżami mill-ġdid. |
27 |
Għal dan il-għan, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) qieset li l-qorti tal-appell, wara li rrilevat li L. H. Vădan kien ibbenefika minn dritt għal tnaqqis minħabba l-identifikazzjoni ex officio tiegħu għall-finijiet tal-VAT, qieset, b’mod żbaljat, li huwa ma setax jinvoka ċerti dokumenti, jiġifieri l-konklużjonijiet ta’ żewġ perizji, peress li huwa ma kienx ipproduċa l-kopji oriġinali tad-dokumenti dwar l-akkwisti tal-oġġetti u tas-servizzi relatati mal-kostruzzjonijiet mibjugħa, minkejja li huwa kien ippreċiża fir-rikors tiegħu quddiem din il-qorti li ma setax jipproduċi dawn id-dokumenti. |
28 |
Hija kkritikat ukoll lill-qorti tal-appell talli naqset milli tevalwa jekk l-ammont tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT setax jiġi stabbilit permezz ta’ dokumenti oħra għajr l-oriġinali ta’ fattura, u dan “sabiex jingħata effett lill-prinċipju tar-realtà tat-tranżazzjoni ekonomika u jiġi evitat formaliżmu eċċessiv”. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li d-dokumenti relatati mas-servizzi pprovduti u max-xogħlijiet imwettqa mill-bennej jew bennejja tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni huma wkoll rilevanti. |
29 |
Il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) tirrileva li, wara s-sentenza mogħtija fl-appell, L. H. Vădan pproduċa quddiem il-qorti ittra tal‑15 ta’ Frar 2008 indirizzata lill-Camera Notarilor Publici București (il-Kamra tan-Nutara Pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li permezz tagħha l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Fiskali interpretat id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxa bħala applikabbli għal persuni fiżiċi mhux identifikati għall-finijiet tal-VAT li, mill‑1 ta’ Jannar 2008, ikunu biegħu kostruzzjonijiet ġodda, partijiet minnhom jew artijiet għall-bini. F’dan ir-rigward, L. H. Vădan jallega li, bejn l‑2006 u l‑2008, l-ebda persuna fiżika ma setgħet tidentifika ruħha għall-finijiet tal-VAT u li, barra minn hekk, ma kien jeżisti ebda obbligu li jinħarġu fatturi, peress li l-assenza ta’ fatturi kienet tiġi riżolta bil-produzzjoni ta’ rċevuti, li llum ma jistgħux jinqraw minħabba l-linka użata. |
30 |
Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) tindika li l-kwistjoni li għandha quddiemha tirrigwarda l-punt dwar jekk kuntrattur, li, mingħajr ma jkun ħa passi minn qabel quddiem l-awtorità tat-taxxa kompetenti, ma jkunx identifika ruħu bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT, minkejja li kien obbligat jagħmel dan, u ma jkunx żamm rekords kontabilistiċi, jistax jibbenefika mit-tnaqqis tal-VAT, li jikkorrispondi għall-fondi investiti fil-kostruzzjoni tal-binjiet mibjugħa, f’ċirkustanzi fejn, fin-nuqqas li jiġu prodotti fatturi fiskali, id-dokumenti l-oħra prodotti ma jistgħux jinqraw u, għaldaqstant, huma insuffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ dritt għal tnaqqis. |
31 |
Billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean (C‑183/14, EU:C:2015:454), hija tistaqsi jekk l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT hijiex ta’ natura li tippermetti l-eżerċizzju ta’ dritt għal tnaqqis meta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li fihom, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ fatturi intiżi għall-persuni fiżiċi ma kienx, dak iż-żmien, obbligatorju, il-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tipproduċi fatturi u jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix miżura li jkollha l-effett li tirrestrinġi d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT f’dawn iċ-ċirkustanzi. |
32 |
Jekk dawn il-prinċipji għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-persuna taxxabbli tibbenefika mit-tnaqqis tal-VAT, mingħajr ma dik il-persuna taxxabbli tkun tista’ tipproduċi fatturi għal dan il-għan, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) tistaqsi jekk huwiex possibbli li jingħata tali dritt permezz ta’ stima indiretta, f’dan il-każ billi tordna perizja legali, fejn l-espert jingħata l-kompitu li jivvaluta l-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas, fuq il-bażi tal-kwantità ta’ xogħlijiet imwettqa jew tal-ħaddiema impjegati mill-imsemmija persuna taxxabbli meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-binjiet li hija biegħet. |
33 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
34 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (digriet tal‑11 ta’ Mejju 2017, Exmitiani, C‑286/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:368, punt 12). |
35 |
Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju biss sa fejn dawn jirrigwardaw tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT imwettqa mill‑1 ta’ Jannar 2007, id-data ta’ adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. |
36 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari l-Artikoli 167 u 168 tagħha, l-Artikolu 178(a) tagħha u l-Artikolu 179 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli li ma tkunx tista’ tipproduċi l-prova tal-ammont tal-VAT tal-input imħallsa, permezz tal-produzzjoni ta’ fatturi jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor, tkun tista’ tibbenefika minn dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi biss ta’ stima li tirriżulta minn perizja ordnata minn qorti nazzjonali. |
37 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, li, bħala prinċipju, ma jistax jiġi limitat, u jiġi eżerċitat immedjatament għat-totalità tat-taxxi li jkunu imposti fuq l-operazzjonijiet tal-input imwettqa mill-persuna taxxabbli (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Din is-sistema hija intiża li tneħħi kompletament, fil-konfront tal-kummerċjant, il-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa matul l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dritt għal tnaqqis jitnissel fil-mument meta t-taxxa li tista’ titnaqqas issir eżiġibbli. Il-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa sabiex jitnissel dan id-dritt huma elenkati fl-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, sabiex tibbenefika mill-imsemmi dritt, hemm bżonn, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun persuna taxxabbli fis-sens tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi tad-dritt għal tnaqqis jintużaw fir-rigward tal-outputs mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u li, bħala inputs, dawn l-oġġetti jew servizzi jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet formali tad-dritt għal tnaqqis, mill-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għall-pussess ta’ fattura stabbilita konformement mal-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis ta’ din it-taxxa tal-input jingħata jekk il-kundizzjonijiet sostantivi jkunu ssodisfatti, minkejja l-fatt li l-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet formali. Konsegwentement, l-awtorità tat-taxxa ma tistax tirrifjuta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li fattura ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-punti 6 u 7 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva dwar il-VAT, jekk hija jkollha l-informazzjoni kollha sabiex tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi għal dan id-dritt huma ssodisfatti (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos, C‑516/14, EU:C:2016:690, punti 42 u 43). |
42 |
Għalhekk, l-applikazzjoni stretta tar-rekwiżit formali li jiġu ppreżentati fatturi tmur kontra l-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità, sa fejn ikollha l-effett li tipprekludi b’mod sproporzjonat lill-persuna taxxabbli milli tibbenefika min-newtralità fiskali relatata mat-tranżazzjonijiet tagħha. |
43 |
Madankollu, hija l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT li għandha tistabbilixxi li hija tissodisfa r-rekwiżiti previsti sabiex tibbenefika minn tali tnaqqis (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Għaldaqstant, il-persuna taxxabbli għandha tipproduċi provi oġġettivi li l-oġġetti u s-servizzi kienu, fil-fatt, ġew ipprovduti bħala inputs minn persuni taxxabbli, għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet tagħha stess li huma suġġetti għall-VAT, u li fir-rigward tagħhom effettivament tħallset il-VAT. |
45 |
Dawn il-provi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li jkunu fil-pussess ta’ fornituri li minnhom il-persuna taxxabbli tkun akkwistat oġġetti jew servizzi li għalihom tkun ħallset il-VAT. Stima li tirriżulta minn perizja ordnata minn qorti nazzjonali tista’, jekk ikun il-każ, tikkompleta l-imsemmija provi jew issaħħaħ il-kredibbiltà tagħhom, iżda ma tistax tissostitwixxihom. |
46 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li ma setax jipproduċi fatturi, L. H. Vădan ipproduċa dokumenti oħra li madankollu ma jistgħux jinqraw u li, skont il-qorti tar-rinviju, huma insuffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ dritt għal tnaqqis. |
47 |
Għal dak li jirrigwarda l-prova permezz ta’ perizja legali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti tippreċiża li l-espert ikollu l-kompitu li jevalwa l-ammont tal-VAT li tista’ titnaqqas fuq il-bażi tal-kwantità ta’ xogħlijiet imwettqa jew ta’ ħaddiema impjegati mill-imsemmija persuna taxxabbli neċessarji għall-kostruzzjoni tal-binjiet li biegħet. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li tali perizja ma tkunx tista’ tistabbilixxi li L. H. Vădan effettivament ħallas din it-taxxa għat-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ dawn il-binjiet. |
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li d-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari l-Artikoli 167 u 168 tagħha, l-Artikolu 178(a) tagħha u l-Artikolu 179 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli li ma tkunx tista’ tipproduċi l-prova tal-ammont tal-VAT tal-input imħallsa, permezz tal-produzzjoni ta’ fatturi jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor, ma tkunx tista’ tibbenefika minn dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi biss ta’ stima li tirriżulta minn perizja ordnata minn qorti nazzjonali. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, b’mod partikolari l-Artikoli 167 u 168 tagħha, l-Artikolu 178(a) tagħha u l-Artikolu 179 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli li ma tkunx tista’ tipproduċi l-prova tal-ammont tal-VAT tal-input imħallsa, permezz tal-produzzjoni ta’ fatturi jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor, ma tkunx tista’ tibbenefika minn dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi biss ta’ stima li tirriżulta minn perizja ordnata minn qorti nazzjonali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.