This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0551
Judgment of the Court (First Chamber) of 21 March 2018.#J. Klein Schiphorst v Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen.#Request for a preliminary ruling from the Centrale Raad van Beroep.#Reference for a preliminary ruling — Social security — Agreement between the European Community and the Swiss Confederation — Coordination of social security systems — Regulation (EC) No 883/2004 — Articles 7, 63 and 64 — Unemployment benefits — Unemployed person going to another Member State — Retention of entitlement to benefits — Duration.#Case C-551/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Marzu 2018.
J. Klein Schiphorst vs Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 7, 63 u 64 – Benefiċċji tal-qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Tul taż-żmien.
Kawża C-551/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Marzu 2018.
J. Klein Schiphorst vs Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 7, 63 u 64 – Benefiċċji tal-qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Tul taż-żmien.
Kawża C-551/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:200
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Marzu 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 7, 63 u 64 – Benefiċċji tal-qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Tul taż-żmien”
Fil-Kawża C-551/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), b’deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura
J. Klein Schiphorst
vs
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn J. Hut, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn L. Noort u K. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff kif ukoll minn C. Thorning u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u H. Shev kif ukoll minn L. Swedenborg u F. Bergius, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moen u D. Lund, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Klein Schiphorst u r-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Istitut tal-Immaniġġar tal-Assigurazzjonijiet għal Ħaddiema Impjegati, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar iċ-ċaħda tat-talba tiegħu għall-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċju tal-qgħad tiegħu lil hinn minn tliet xhur. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
Il-Ftehim KE-Svizzera
3 |
L-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”), jipprovdi: “B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li: […]
[…]
[…]” |
4 |
L-Artikolu 1 tal-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, tal-31 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 103, p. 51), jipprevedi: “1. Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti. 2. It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.” |
5 |
It-Sezzjoni A tal-imsemmi anness tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 883/2004. |
Ir-Regolament Nru 883/2004
6 |
Il-premessi 3, 4, 32, u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:
[…]
|
7 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi: “Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.” |
8 |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: […]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rinunzja [tneħħija] ta’ regoli dwar ir-residenza”, jipprovdi: “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.” |
10 |
L-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali għat-tneħħija tar-regoli [tal-klawżoli] dwar ir-residenza”, jipprovdi: “Għall-fini ta’ dan il-Kapitolu, l-Artikolu 7 għandu japplika biss f’każijiet previsti mill-Artikoli 64, 65 u 65a u fil-limiti preskritti fihom.” |
11 |
L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni li mhumiex impjegati li jmorru fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi: “1. Jekk persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti biex tkun intitolata għal benefiċċji, tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg hemmhekk, din il-persuna għandha tibqa’ intitolata għal benefiċċji li jingħataw fi flus meta persuna ma tkunx impjegata, iżda dan bil-kondizzjonijiet u fil-limiti li ġejjin: […]
[…] 2. Jekk il-persuna konċernata tmur lura lejn l-Istat Membru fil-jum jew qabel il-jum li jispiċċa l-perjodu li matulu kienet intitolata għal benefiċċji taħt il-paragrafu 1(c), hija għandha tibqa’ intitolata għal benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Din il-persuna iżda ma tibqax intitolata għal benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jekk ma tmurx lura lejn dak l-Istat fil-jum jew qabel il-jum li fih jispiċċa l-perjodu msemmi, sakemm id-disposizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni ma jkunux aktar favorevoli. F’każijiet eċċezzjonali, is-servizzi jew l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jagħtu permess lill-persuna konċernata biex tmur lura f’data wara li jispiċċa l-perjodu msemmi u xorta tibqa’ intitolata għal benefiċċji. […]” |
Id-dritt Olandiż
12 |
L-Artikolu 3:4 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Kodiċi Amministrattiv) jipprovdi: “1. Il-korp amministrattiv għandu jsib bilanċ bejn l-interessi direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġi u min-natura tal-kompetenza li għandha tiġi eżerċitata. 2. L-effetti negattivi ta’ deċiżjoni għal persuna kkonċernata waħda jew għal diversi persuni kkonċernati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni.” |
13 |
Skont l-Artikolu 19(1)(e) tal-Werkloosheidswet (il-Liġi dwar il-qgħad, iktar ’il quddiem il-“WW”), il-ħaddiem li jirrisjedi jew joqgħod barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, għal raġunijiet oħra minbarra l-vaganzi, ma għandux dritt għall-benefiċċji. |
14 |
Skont l-Artikolu 19(9) u (10) tal-WW: “9. B’deroga għall paragrafu (1)(e), id-dritt għall-benefiċċji jinżamm fir-rigward tal-ħaddiem li jirrisjedi jew joqgħod barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, għal raġunijiet oħra minbarra l-vaganzi, jekk matul dan is-soġġorn huwa jipparteċipa f’attivitajiet li jaffavorixxu l-integrazzjoni professjonali tiegħu fis-sens tal-Kapitoli VI u XA, sakemm:
10. Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, il-frażi ‘dikjarazzjoni ta’ intenzjoni’ tfisser: dikjarazzjoni ffirmata li fiha l-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni tindika li hija għandha l-intenzjoni li timpjega ħaddiem li jipparteċipa f’attivitajiet li jiffavorixxu l-integrazzjoni professjonali tiegħu, imsemmija fil-Kapitoli VI u XA, fit-tmiem ta’ dawn l-attivitajiet.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Filwaqt li kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn huwa kien jibbenefika, mit-2 ta’ Mejju 2011, minn benefiċċji tal-qgħad skont il-WW, fid-19 ta’ Lulju 2012, J. Klein Schiphorst, ċittadin Olandiż, informa lill-Istitut tal-Immaniġġar tal-Assigurazzjonijiet għal Ħaddiema Impjegati (iktar ’il quddiem il-“Uwv”) li huwa kellu l-intenzjoni li jmur l-Isvizzera sabiex ifittex impjieg u talab għal dan il-għan iż-żamma tad-drittijiet tiegħu għall-benefiċċji tal-qgħad. |
16 |
B’deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2012, l-Uwv laqa’ t-talba ta’ J. Klein Schiphorst għall-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u t-30 ta’ Novembru 2012. |
17 |
Permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Novembru 2012, J. Klein Schiphorst talab lill-Uwv, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 883/2004, l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad tiegħu lil hinn minn tliet xhur. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Novembru 2012 u tas-16 ta’ Jannar 2013, l-Uwv ċaħad l-imsemmija talba kif ukoll l-ilment ippreżentat kontra din iċ-ċaħda. F’din l-aħħar deċiżjoni, l-Uwv spjega li ma kienx juża l-fakultà mogħtija lid-dipartimenti jew lill-istituzzjonijiet kompetenti mill-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 għall-estensjoni sa massimu ta’ sitt xhur tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad. |
19 |
B’sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn J. Klein Schiphorst kontra d-deċiżjoni tal-Uwv tas-16 ta’ Jannar 2013, minħabba li dan tal-aħħar ma mmotivax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għaliex huwa ma kienx jeżerċita tali fakultà. |
20 |
B’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2013, l-Uwv iddikjara mill-ġdid infondat l-ilment ta’ J. Klein Schiphorst kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2012. Peress li kien jikkunsidra l-possibbiltajiet li jinsab impjieg kienu ġeneralment ikbar fil-Pajjiżi l-Baxxi milli f’pajjiżi oħra, l-Uwv irrileva li bħala prinċipju huwa ma kienx jestendi l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad wara l-perijodu ta’ tliet xhur, skont l-istruzzjonijiet tal-Minister van Sociale zaken en Werkgelegenheid (il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u għall-Impjieg, il-Pajjiżi l-Baxxi). F’dan il-kuntest, l-Uwv qies li l-inizjattivi ta’ J. Klein Schiphorst sabiex isib impjieg fl-Isvizzera u ċ-ċirkustanzi invokati minnu ma kinux ta’ natura li jiġi kkunsidrat li ma kienx raġonevoli, f’dan il-każ, li jimxi ma’ tali prinċipju. |
21 |
B’sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn J. Klein Schiphorst kontra d-deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2013. Din il-qorti kkunsidrat li, fid-dawl tan-natura diskrezzjonali tal-fakultà msemmija fl-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Uwv kellu jimplementa din il-fakultà skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali. |
22 |
J. Klein Schiphorst appella minn din l-aħħar sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
23 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni tal-Uwv li permezz tagħha huwa rrifjuta li juża għall-benefiċċju ta’ J. Klein Schiphorst il-fakultà mogħtija lid-dipartimenti u lill-istituzzjonijiet kompetenti mit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 li t-tul tal-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad jiġi estiż lil hinn minn tliet xhur. |
24 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar il-punt jekk l-Istati Membri humiex awtorizzati li ma jużawx din il-fakultà fl-ebda ċirkustanza. Fil-każ ta’ risposta negattiva, din il-qorti tikkunsidra li jkun għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-iskop u tal-għan tar-Regolament Nru 883/2004, minkejja l-projbizzjoni ta’ klawżola ta’ residenza jew tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħux, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżerċitaw l-imsemmija fakultà u sempliċement jagħmlu użu minnha b’mod konkret f’ċirkustanzi partikolari biss. Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ risposta negattiva oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’liema mod l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn din l-istess fakultà. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
26 |
Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 64 tiegħu, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom persuna kompletament qiegħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji u li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg iżżomm id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad inkwistjoni. |
27 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda ż-żamma ta’ dritt għall-benefiċċji tal-qgħad ta’ ċittadin Olandiż li ma marx fi Stat Membru ieħor, iżda fi Stat terz, jiġifieri fil-Konfederazzjoni Svizzera, sabiex fih ifittex impjieg. |
28 |
Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera, il-partijiet kontraenti jirregolaw, skont l-Anness II tal-imsemmi ftehim, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li jiggarantixxu, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-partijiet kontraenti. Issa, il-punt 1, tas-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera jipprevedi l-applikazzjoni, bejn il-partijiet kontraenti, tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, u peress li, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi anness, “[i]t-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea”, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikopru wkoll il-Konfederazzjoni Svizzera. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ Stat Membru suġġett għal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-benefiċċji tal-qgħad u li jmur l-Isvizzera sabiex ifittex impjieg, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. |
Fuq l-ewwel domanda
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba għal estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għan tiegħu huwa li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Dan ir-regolament wettaq modernizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li jżomm l-istess għan ta’ dan tal-aħħar. |
32 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 883/2004, il-persuna kompletament qiegħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji u li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg iżżomm id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad inkwistjoni taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti elenkati f’din id-dispożizzjoni. |
33 |
B’mod partikolari, l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jipprevedi li d-dritt għall-benefiċċji għandu “[j]ibqa’” matul perijodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-persuna qiegħda ma baqgħetx disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru minn fejn telqet, u dan bil-kundizzjoni li l-perijodu totali li matulu jingħataw benefiċċji ma jaqbiżx it-tul totali tal-perijodu li matulu din il-persuna hija intitolata għal benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. It-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jgħid, għall-kuntrarju, li d-dipartimenti jew l-istituzzjonijiet kompetenti “jistgħu” jestendu dan il-perijodu ta’ tliet xhur sa massimu ta’ sitt xhur. |
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C-554/14, EU:C:2016:835, punt 31). |
35 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta b’mod ċar minnha li d-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad huwa żgurat għal perijodu ta’ tliet xhur lil persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1408/71, li hija d-dispożizzjoni preċedenti għall-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 883/2004, li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet tagħti lill-ħaddiem qiegħed il-fakultà għal perijodu determinat li jeżenta ruħu mill-obbligu, impost minn diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru kompetenti, mingħajr ma jitlef id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad fil-konfront ta’ dan l-Istat (sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1980, Testa et, 41/79, 121/79 u 796/79, EU:C:1980:163, punt 4, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2002, Rydergård, C-215/00, EU:C:2002:111, punt 17). |
36 |
Fir-rigward tat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, din tipprovdi li d-dipartimenti jew l-istituzzjonijiet kompetenti “jistgħu” jestendu dan il-perijodu ta’ tliet xhur sa massimu ta’ sitt xhur. |
37 |
F’dan ir-rigward, kif irrilevat mill-Gvern Olandiż, minn dak Daniż, minn dak Svediż u minn dak Norveġiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mill-użu tal-kelma “jistgħu” jirriżulta li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-istituzzjonijiet kompetenti li jestendu sa massimu ta’ sitt xhur il-perijodu li matulu l-benefiċċji tal-qgħad miġbura minn persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg jinżammu. |
38 |
Barra minn hekk, kif il-partijiet intervenjenti kollha speċifikaw matul is-seduta, ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni juru, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni intiża sabiex jagħmel obbligatorju perijodu ta’ esportazzjoni ta’ tul ta’ sitt xhur ikun vinkolanti ma ġietx aċċettata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Istati Membri, sussegwentement, fl-aħħar laħqu ftehim fuq il-formulazzjoni li tikkostitwixxi t-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ), tar-Regolament Nru 883/2004. |
39 |
Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-benefiċċji tal-qgħad jingħataw mill-istituzzjoni kompetenti skont il-leġiżlazzjoni applikata minnha, skont l-Artikolu 64(1)(d) ta’ dan ir-regolament. |
40 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 64(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, jekk il-persuna kkonċernata ma tirritornax fl-Istat Membru kompetenti fl-iskadenza jew qabel it-tmiem tal-perijodu li matulu hija intitolata għall-benefiċċji skont l-Artikolu 64(1)(ċ) tal-istess regolament, jiġifieri, tliet xhur jew, jekk ikun il-każ, jekk dan il-perijodu jiġi estiż mill-istituzzjonijiet kompetenti, sa massimu ta’ sitt xhur, hija titlef kull dritt għal benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, għalkemm l-imsemmija istituzzjonijiet jistgħu madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, jawtorizzaw lill-persuna kkonċernata tirritorna f’data ulterjuri mingħajr telf tad-dritt tagħha. |
41 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tippermetti b’mod partikolari lill-istituzzjonijiet kompetenti li jestendu, f’“każijiet eċċezzjonali”, il-perijodu ta’ tliet xhur li matulu l-persuna kkonċernata hija intitolata għall-benefiċċji sabiex jiġi evitat li t-telf ta’ kull dritt għal benefiċċji fil-każ ta’ ritorn wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu jwassal għal riżultati sproporzjonati. Tali possibbiltà tikkonferma li l-perijodu ta’ skadenza tal-benefiċċji tal-qgħad jista’ jiġi limitat għal tliet xhur, peress li l-istituzzjonijiet kompetenti ma humiex obbligati mit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 li jagħtu estensjoni tiegħu sa massimu ta’ sitt xhur. |
42 |
Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg tista’ tibbenefika mill-estensjoni tal-imsemmi perijodu lil hinn minn tliet xhur. |
43 |
Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 883/2004, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jikkoordina s-sistema ta’ sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu. |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-regolament ma jistabbilixxix sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti u għandu bħala uniku għan tiegħu li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. L-imsemmi regolament iħalli għalhekk ikomplu jeżistu sistemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom persuna għandha drittijiet diretti jew biss skont id-dritt intern, jew skont id-dritt intern flimkien, jekk meħtieġ, mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C-140/12, EU:C:2013:565, punt 43, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-308/14, EU:C:2016:436, punt 67). |
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt għaż-żamma tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1980, Testa et, 41/79, 121/79 u 796/79, EU:C:1980:163, punt 14). Issa, tali konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, sa fejn dan, minbarra li jiżgura l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur, jippermetti wkoll l-estensjoni ta’ dan il-perijodu sa massimu ta’ sitt xhur. |
46 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 jiżgura l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur biss, filwaqt li jippermetti, madankollu, skont id-dritt nazzjonali, l-estensjoni tal-imsemmi perijodu sa massimu ta’ sitt xhur. |
47 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza li għalih tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004. |
48 |
Fil-fatt, jirriżulta minn dan l-artikolu, b’mod partikolari mill-kliem “[s]akemm dan ir-[Regolament Nru 883/2004] ma jgħidx mod ieħor”, li dan ir-regolament jinkludi dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mill-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “[d]ispożizzjonijiet speċjali għat-tneħħija tar-regoli [tal-klawżoli] dwar ir-residenza”, li jipprevedi, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuna kompletament qiegħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji u li tmur fi Stat Membru ieħor, li t-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza tapplika biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 64 tal-istess regolament u fil-limiti stabbiliti fih. |
49 |
Kif ġie sostnut mill-Gvern Daniż, minn dak Svediż u minn dak Norveġiż waqt is-seduta, mill-qari flimkien tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 63, kif ukoll tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li l-esportabbiltà tal-benefiċċji tal-qgħad tal-persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg hija żgurata, minn naħa, matul il-perijodu ta’ tliet xhur skont l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ), ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, matul il-perijodu ulterjuri sa massimu ta’ sitt xhur fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ibbenefikat minn estensjoni tal-perijodu ta’ tliet xhur skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. |
50 |
Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenzi eżistenti bejn is-sistemi u l-miżuri tal-Istati Membri li jkunu implementaw il-fakultà prevista msemmija fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal moviment liberu tal-ħaddiema, ladarba l-Artikolu 48 TFUE jipprevedi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, peress li d-differenzi sostantivi u proċedurali bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni affiljati għal dawn is-sistemi ma humiex effettwati minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C-208/07, EU:C:2009:455, punt 84, kif ukoll tal-11 ta’ April 2013, Jeltes et, C-443/11, EU:C:2013:224, punt 43). |
51 |
Fir-rigward tal-kriterji li abbażi tagħhom l-istituzzjoni kompetenti tista’ testendi l-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad sa massimu ta’ sitt xhur, għandu jiġi enfasizzat li, meta, bħal f’din il-kawża, l-Istat Membru kkonċernat ikun eżerċita l-fakultà msemmija fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa għandu, fl-assenza ta’ kriterji stabbilti minn dan ir-regolament, jadotta, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, miżuri nazzjonali li jistabbilixxu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, b’mod partikolari billi jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li fihom l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur u sa massimu ta’ sitt xhur għandha jew ma għandiex tingħata lil persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg. |
52 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-ispeċifikazzjonijiet imwettqa mill-Gvern Olandiż waqt is-seduta jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, għall-ewwel, irrinunzja milli jeżerċita l-fakultà pprovduta mit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjieg ta’ Jannar 2011. Madankollu, sussegwentement, wara li, permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013 mogħtija fil-kawża prinċipali, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam) ikkunsidrat li ċ-ċaħda ta’ talba għal estensjoni lil hinn minn tliet xhur tal-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad għandha tkun immotivata, l-Uwv iddeċieda, filwaqt li jinżamm il-prinċipju li talba ta’ din in-natura ma tistax tintlaqa’, li ċirkustanzi partikolari għall-każ ikkonċernat, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ prospettivi konkreti u perċettibbli ta’ impjieg, jistgħu jiġġustifikaw li tali talba tintlaqa’. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Uwv jikkunsidra li tali ċirkustanzi jeżistu meta l-persuna kkonċernata tkun fi proċess li jista’ jwassal f’impjieg u li jeżiġi l-estensjoni tas-soġġorn fl-Istat Membru ospitanti, jew li l-persuna kkonċernata tipprovdi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni minn persuna li timpjega li toffrilha prospettiva reali ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru. |
53 |
F’tali ċirkustanzi, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, Stat Membru jibqa’ fil-limiti awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni jekk huwa jadotta miżuri li abbażi tagħhom l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad sa massimu ta’ sitt xhur tista’ tingħata biss meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli. |
Fuq it-tieni domanda
55 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.