This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0473
Judgment of the Court (Third Chamber) of 25 January 2018.#F v Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal.#Request for a preliminary ruling from the Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.#Reference for a preliminary ruling — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 7 — Respect for private and family life — Directive 2011/95/EU — Standards for granting refugee status or subsidiary protection status — Fear of persecution on grounds of sexual orientation — Article 4 — Assessment of facts and circumstances — Recourse to an expert’s report — Psychological tests.#Case C-473/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Jannar 2018.
F vs Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Direttiva 2011/95/UE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Rikors għal perizja – Testijiet psikoloġiċi.
Kawża C-473/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Jannar 2018.
F vs Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Direttiva 2011/95/UE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Rikors għal perizja – Testijiet psikoloġiċi.
Kawża C-473/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:36
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Jannar 2018 ( *1 ) ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Direttiva 2011/95/UE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Rikors għal perizja – Testijiet psikoloġiċi”
Fil-Kawża C-473/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura
F
vs
Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal F, minn T. Fazekas u Z. B. Barcza-Szabó, ügyvédek, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoët, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Gijzen u M. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Tokár, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F, ċittadin Niġerjan, u l-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tan-Nazzjonalità, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad l-applikazzjoni għal magħmula mressqa minn F u li tikkonstata li xejn ma kien jostakola ir-refoulement ta’ dan tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.
3 |
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprovdi fl-Artikolu 8(1) tagħha: “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.” |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2005/85/KE
4 |
L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168) huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
5 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva […]” |
6 |
L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat.[…]” |
7 |
L-Artikolu 13(3) tal-istess direttiva jippreċiża: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kondizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom
|
8 |
L-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2005/85 huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta’ żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.” |
Id-Direttiva 2011/95
9 |
Il-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 hija fformulata kif ġej: “Hu ugwalment meħtieġ li jiġi introdott kunċett komuni tal-bażi ta’ persekuzzjoni ‘sħubija fi grupp soċjali partikolari’. Minħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, jew abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża’ ġustifikata tal-applikant minn persekuzzjoni.” |
10 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ikun, imbagħad, id-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni f’kooperazzjoni mal-applikant. 2. L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond [il-passat], inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…] 5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
11 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jistmaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
2. Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.” |
12 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39(1) tal-istess direttiva jippreċiża: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, u 35 sa 21 ta’ Diċembru 2013. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.” |
13 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej: “Id-Direttiva 2004/83/KE hi mħassra għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva bis-seħħ minn 21 ta’ Diċembru 2013 […]” |
Id-Direttiva 2013/32/UE
14 |
Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60), tipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tagħha: “L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.” |
15 |
L-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li: […]
|
16 |
L-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kondizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom
[…]” |
17 |
L-Artikolu 46(1) u (4) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. […] […]” |
18 |
L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.” |
19 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva 2005/85/KE.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
F, matul April 2015, applika għal ażil quddiem l-awtoritajiet Ungeriżi. |
21 |
Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa saħaq, sa mill-ewwel intervista mwettqa mill-Uffiċċju, li kien jibża’, bir-raġun, li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġni tiegħu minħabba l-omosesswalità tiegħu. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju ċaħad l-imsemmija applikazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidra li d-dikjarazzjonijiet ta’ F ma kinux jinkludu kuntradizzjonijiet fundamentali. Madankollu, huwa kkonkluda li dan ma kienx kredibbli abbażi ta’ perizja mwettqa minn psikologu. Din il-perizja kienet tinkludi riċerka, eżami tal-personalità u diversi testijiet, jiġifieri test imwettaq billi l-persuna tintalab tpinġi persuna fix-xita kif ukoll it-testijiet ta’ Rorschach u ta’ Szondi, kienet tikkonkludi li ma kienx possibbli li l-affermazzjoni ta’ F dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu tiġi kkonfermata. |
23 |
F ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna b’mod partikolari li t-testijiet psikoloġiċi li għadda minnhom kienu jiksru d-drittijiet fundamentali tiegħu u ma kinux jippermettu li tiġi evalwata l-verità dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tirreleva li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jindika konkretament kif dawn it-testijiet kienu jiksru d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Hija tippreċiża wkoll li huwa ddikjara li ma ġie suġġett għal ebda eżami fiżiku u lanqas ma kien obbligat jara stampi jew videos ta’ natura pornografika. |
25 |
Wara li ġiet ordnata miżura ta’ investigazzjoni mill-qorti tar-rinviju, l-Igazságügyi Szakértői és Kutató Intézet (l-Istitut ta’ Esperti u Investigaturi Forensiċi, l-Ungerija) wettaq perizja minn fejn jirriżulta li l-metodi użati matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal ażil ma tmurx kontra d-dinjità tal-bniedem u jistgħu, flimkien ma’ “riċerka adegwata”, jagħtu stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jqiegħdu f’dubju l-fondatezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ persuna dwar dan is-suġġett. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija tqis ruħha marbuta b’dawn il-konklużjonijiet ta’ din il-perizja. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
27 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew il-qrati aditi, skont il-każ, b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità, jordnaw perizja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi dwar l-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant. |
28 |
Għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jikkostitwixxu biss, fid-dawl tal-kuntest partikolari li jaqgħu fih l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-punt ta’ tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 49). |
29 |
Minn dan isegwi li, għalkemm huwa l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li għandu jidentifika din l-orjentazzjoni, li tikkostitwixxi element rilevanti tal-isfera personali tiegħu, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mmotivati minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba din l-orjentazzjoni, l-istess bħall-applikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oħra ta’ persekuzzjoni, jistgħu jkunu s-suġġett tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 52). |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi karatteristika li tista’ tistabbilixxi l-appartenenza ta’ applikant għal ċertu grupp soċjali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, meta l-grupp tal-persuni li l-membri tiegħu għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li huwa differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punti 46 kif ukoll 47), kif jikkonferma fil-fatt l-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva. |
31 |
Madankollu mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, meta l-Istati Membri jevalwaw jekk applikant għandux biża’, bir-raġun, li jiġi ppersegwitat, huwa irrelevanti jekk għandux effettivament il-karatteristika marbuta mal-appartenenza għal ċertu grupp soċjali li tagħti lok għall-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tiġi attribwita lilu mill-attur tal-persekuzzjoni. |
32 |
Għaldaqstant, ma huwiex dejjem neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mmotivata minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, li tiġi evalwata l-kredibbiltà tal-orjentazzjoni sesswali tal-applikant fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. |
33 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jelenka l-elementi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jippreċiża l-kundizzjonijiet fejn Stat Membru li japplika l-prinċipju li huwa l-applikant li għandu jsostni l-applikazzjoni tiegħu għandu jikkunsidra li ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jeħtiġux konferma. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu nstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jkunux imorru kontra informazzjoni speċifika u ġenerali u rilevanti għall-każ tal-applikant, u li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jillimitawx il-mezzi li jistgħu jużaw dawn l-awtoritajiet u, b’mod partikolari, ma jeskludux ir-rikors għal perizji fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi sabiex jiġi ddeterminat b’iktar preċiżjoni l-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali reali tal-applikant. |
35 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-modalitajiet ta’ eventwali rikors, f’dan il-kuntest, għal perizja għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dritt tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta, u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 53). |
36 |
Anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 huma applikabbli fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, indipendentement mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tagħhom tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali jew oħrajn skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-ażil, u dan fl-osservanza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 54). |
37 |
Ma jistax jiġi eskluż li, f’dan il-kuntest partikolari tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, ċerti forom ta’ perizja huma utli għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u jistgħu jitwettqu mingħajr ma jinkisru d-drittijiet fundamentali ta’ dan l-applikant. |
38 |
Għalhekk, kif jenfasizzaw il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, ir-rikors għal espert jista’, b’mod partikolari, jippermetti li tinġabar informazzjoni iktar kompleta dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li jaqsmu ċerta orjentazzjoni sesswali fil-pajjiżi terzi minn fejn huwa oriġinarju l-applikant. |
39 |
L-Artikolu 10(3)(d) tad-Direttiva 2013/32, li kellu, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din, jiġi traspost l-iktar tard fl-20 ta’ Lulju 2015, jipprovdi fil-fatt speċifikament li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari relatati mas-sess, li jkopru b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95, il-kwistjonijiet dwar l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali. |
40 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li kemm mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-awtorità determinanti għandha twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet u wara għandha tagħti deċiżjoni dwarhom. Għaldaqstant, huma biss tali awtoritajiet li għandhom, taħt stħarriġ ġudizzjarju, jwettqu l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C-472/13, EU:C:2015:117, punt 40). |
41 |
Minn naħa, mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tinkludi evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata fil-mument li jiġi deċiż dwar l-applikazzjoni, informazzjoni u dokumenti rilevanti ppreżentati minn dan kif ukoll tal-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali ta’ dan tal-aħħar. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra wkoll l-ispjegazzjonijiet fornuti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C-472/13, EU:C:2015:117, punt 26, u tad-9 ta’ Frar 2017, M, C-560/14, EU:C:2017:101, punt 36). |
42 |
Minn dan isegwi li l-awtorità determinanti ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha sempliċement fuq il-konklużjonijiet ta’ perizja u li din l-awtorità ma tistax, a fortiori, tkun marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. |
43 |
Fir-rigward tal-possibbiltà, għal qorti adita b’rikors intiż kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tordna perizja, għandu jingħad ukoll li kemm l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li l-applikant għandu dritt ta’ rikors effettiv quddiem qorti kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma huma speċifikati l-miżuri ta’ investigazzjoni li din il-qorti tista’ tordna. |
44 |
L-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32 jippreċiżaw, barra minn hekk, li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli neċessarji għall-eżerċizzju mill-applikant tad-dritt tiegħu għal rikors effettiv. |
45 |
Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux għalhekk li qorti tordna perizja sabiex isir stħarriġ effettiv tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol speċifiku mogħti lill-qrati mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u, min-naħa l-oħra, tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 li jinsabu fil-punti 41 ta’ din is-sentenza, il-qorti adita ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq il-konklużjonijiet ta’ perizja u ma tistax, a fortiori, tkun marbuta mill-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu li jinsabu f’dawn il-konklużjonijiet. |
46 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew il-qrati aditi, skont il-każ, b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità, milli jordnaw perizja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi dwar l-orjentazzjoni sesswali allegata minn applikant, sa fejn il-modalitajiet ta’ tali perizja huma konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, sa fejn l-imsemmija awtorità u dawn il-qrati ma jibbażawx id-deċiżjoni tagħhom biss fuq il-konklużjonijiet tal-perizja u sa fejn ma humiex marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. |
Fuq l-ewwel domanda
47 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-twettiq u l-użu, sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan, abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità, li tipprovdi stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant. |
48 |
Mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda u mill-kunsiderazzjonijiet fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 ma jipprekludix lill-awtorità determinanti jew lill-qrati aditi b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità milli jordnaw, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, perizja, il-modalitajiet ta’ rikors għal tali perizja għandhom ikunu konformi, b’mod partikolari, għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. |
49 |
Fost id-drittijiet fundamentali li għandhom relevanza speċifika fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu hemm b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 64). |
50 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandu, konsegwentement, jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C-558/14, EU:C:2016:285, punt 28). |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ordnata mill-awtorità determinanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula mill-persuna kkonċernata. |
52 |
Minn dan isegwi li din il-perizja hija mwettqa f’kuntest fejn il-persuna msejħa tissuġġetta ruħha għal testijiet projettivi tal-personalità tinsab f’sitwazzjoni fejn il-futur tagħha jiddependi strettament mir-risposta li din l-awtorità tirriżerva għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha u fejn eventwali rifjut li tissuġġetta ruħha għal dawn it-testijiet jista’ jikkostitwixxi element importanti li din l-awtorità tibbaża ruħha fuqu sabiex tiddetermina jekk din il-persuna sostnietx biżżejjed l-applikazzjoni tagħha. |
53 |
Għaldaqstant, anki fil-każ fejn it-twettiq ta’ testijiet psikoloġiċi li fuqhom tkun ibbażata perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa formalment suġġett għall-espressjoni tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-kunsens ma huwiex neċessarjament ħieles, peress li huwa de facto impost taħt il-pressjoni taċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 66). |
54 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-twettiq u l-użu ta’ perizja psikoloġika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu ndħil fid-dritt ta’ din il-persuna għar-rispett tal-ħajja privata tagħha. |
55 |
Issa skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
56 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti adottati ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-oġġettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fis-sens li l-inkonvenjenzi kkaġunati minn din ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C-96/03 u C-97/03, EU:C:2005:145, punt 47; tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C-83/14, EU:C:2015:480, punt 123, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54). |
57 |
F’dan il-kuntest, għalkemm indħil fil-ħajja privata ta’ applikant jista’ jkun iġġustifikat mir-riċerka ta’ elementi li jippermettu li jiġu evalwati l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali, hija l-awtorità determinanti li għandha tevalwa, taħt l-istħarriġ ta’ qorti, in-natura xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan il-għan ta’ perizja psikoloġika li hija jkollha l-intenzjoni li tordna jew li hija tixtieq tieħu inkunsiderazzjoni. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-natura xierqa ta’ perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija bbażata fuq metodi u prinċipji affidabbli biżżejjed fid-dawl tar-regoli aċċettati mill-komunità xjentifika internazzjonali. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt, li jaqa’, bħala evalwazzjoni tal-fatti, taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, l-affidabbiltà ta’ tali perizja ġiet ikkontestata bis-sħiħ mill-Gvern Franċiż u dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni. |
59 |
Fi kwalunkwe każ, l-effett ta’ perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-ħajja privata tal-applikant jidher sproporzjonat meta mqabbel mal-għan intiż, peress li l-gravità tal-indħil fid-dritt tar-rispett għall-ħajja privata li hija tikkostitwixxi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija proporzjonata għall-utilità li din jista’ possibbilment ikollha għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95. |
60 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-indħil fil-ħajja privata tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkostitwit mit-twettiq u mill-użu ta’ perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippreżenta, fid-dawl tan-natura u tal-għan tagħha, gravità partikolari. |
61 |
Fil-fatt, tali perizja hija bbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li l-persuna kkonċernata tissuġġetta ruħha għal serje ta’ testijiet psikoloġiċi intiżi sabiex jiġi stabbilit element essenzjali tal-identità ta’ din il-persuna li jagħmel parti mill-isfera personali tagħha peress li hija relatata ma’ aspetti intimi tal-ħajja tal-imsemmija persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punt 46, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punti 52 u 69). |
62 |
Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-indħil permezz tat-twettiq u tal-użu ta’ perizja psikoloġika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-prinċipju 18 tal-prinċipji ta’ Yogyakarta dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-orjentazzjoni sesswali u tal-identità sesswali, li jirreferu għalihom il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, li jippreċiża b’mod partikolari li ħadd ma jista’ jiġi sfurzat li jissubixxi kwalunkwe forma ta’ test psikoloġiku minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità sesswali tiegħu. |
63 |
Mill-kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi jirriżulta li l-gravità tal-indħil fil-ħajja privata kkostitwit mit-twettiq u l-użu ta’ perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur lil hinn minn dak li jimplikaw l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali relatati ma’ biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew ir-rikors għal perizja psikoloġika li għandha għan differenti minn dak li tiġi stabbilita l-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant. |
64 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95. |
65 |
F’dan il-kuntest, tali perizja ma tistax tiġi kkunsidrata bħala indispensabbli sabiex tikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba din l-orjentazzjoni. |
66 |
Fil-fatt, minn naħa, it-twettiq ta’ intervista personali mill-persunal ta’ awtorità determinanti huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, sa fejn kemm l-Artikolu 13(3)(a) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll l-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna responsabbli li twettaq l-intervista tkun kompetenti sabiex tieħu kont tas-sitwazzjoni personali li tkun taqa’ fiha l-applikazzjoni, fejn din is-sitwazzjoni tkopri b’mod partikolari l-orjentazzjoni sesswali tal-applikant. |
67 |
B’mod iktar ġenerali, mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti jkollha l-mezzi xierqa, inkluż persunal kompetenti f’numru suffiċjenti, sabiex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha. Minn dan isegwi li l-persunal ta’ din l-awtorità għandu b’mod partikolari jkollu kompetenzi adegwati sabiex jevalwa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li huma mmotivati minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali. |
68 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li meta l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li huwa l-applikant li għandu jsostni l-applikazzjoni tiegħu, id-dikjarazzjonijiet tal-applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu li ma humiex sostnuti minn provi dokumentati jew ta’ natura oħra ma jeħtiġux konferma peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, fejn dawn il-kundizzjonijiet jirreferu b’mod partikolari għall-koerenza u għall-plawsibbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u ma jirreferu bl-ebda mod għat-twettiq jew għall-użu ta’ perizja. |
69 |
Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li perizja bbażata fuq testijiet projettivi tal-personalità, bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi ddeterminata b’ċerta affidabbiltà l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna kkonċernata, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-konklużjonijiet ta’ tali perizja jistgħu biss jagħtu stampa ta’ din l-orjentazzjoni sesswali. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet huma, fi kwalunkwe każ, ta’ natura approssimattiva u għandhom biss interess limitat għall-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari meta, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jinkludux kontradizzjonijiet. |
70 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 jiġi interpretat ukoll fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta. |
71 |
Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-twettiq u l-użu, sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan, abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità, li tipprovdi stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant. |
Fuq l-ispejjeż
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
( 1 ) Fil-kliem gwida, fil-punti 40 u 46, u fl-ewwel punt tad-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.