Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0106

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija – Trasferiment tas-sede statutorja mingħajr trasferiment tas-sede reali – Rifjut ta’ tħassir mir-reġistru kummerċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tħassir mir-reġistru kummerċjali għax-xoljiment tal-kumpannija wara proċedura ta’ stralċ – Kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi.
    Kawża C-106/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:804

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    25 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija – Trasferiment tas-sede statutorja mingħajr trasferiment tas-sede reali – Rifjut ta’ tħassir mir-reġistru kummerċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tħassir mir-reġistru kummerċjali għax-xoljiment tal-kumpannija wara proċedura ta’ stralċ – Kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi”

    Fil-Kawża C-106/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2016, fil-proċedura mibdija minn

    Polbud – Wykonawstwo sp. z o.o., fi stralċ,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, D. Šváby, M. Berger, K. Jürimäe (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Polbud – Wykonawstwo sp. z o.o., minn A. Gorzka‑Augustynowicz, radca prawny,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u B. Trefil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn F. de Figueiroa Quelhas, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u L. Malferrari kif ukoll minn J. Hottiaux, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Polbuld – Wykonawstwo sp. z o.o., fi stralċ, (iktar ’il quddiem “Polbud”) kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għat-tħassir mir-reġistru kummerċjali Pollakk li hija kienet ippreżentat wara t-trasferiment tas-sede tal-kumpannija fil-Lussemburgu.

    Id-dritt Pollakk

    Il-Kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali

    3

    L-Artikolu 270 tal-Kodeks spółek handlowych (kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali), tal-15 ta’ Settembru 2000, kif emendat (Dz. U. tal-2013, Nru 1030, iktar ’il quddiem il-“kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali”), jipprovdi:

    “Kumpannija tiġi xolta:

    […]

    2)

    bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-azzjonisti dwar ix-xoljiment ta’ kumpannija jew dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpannija barra l-pajjiż, ikkonfermata permezz ta’ att notarili;

    […]”

    4

    L-Artikolu 272 tal-kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali jipprovdi:

    “Ix-xoljiment ta’ kumpannija jseħħ wara li jkun sar l-istralċ permezz tat-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru.”

    5

    L-Artikolu 288 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

    “1.   Wara l-approvazzjoni mill-assemblea tal-azzjonisti tal-kontijiet annwali fil-jum ta’ qabel id-distribuzzjoni tal-attivi residwi, wara s-sodisfazzjon tal-kredituri jew il-provvista ta’ garanziji favurihom (rapport ta’ stralċ) u wara t-tmiem tal-proċeduri ta’ stralċ, l-istralċjarji għandhom jippreżentaw ir-rapport fis-sede tal-kumpannija u jissottomettuh fil-qorti tar-reġistru flimkien ma’ talba għat-tħassir tal-kumpannija.

    […]

    3.   Il-kotba u d-dokumenti tal-kumpannija xolta għandhom jiġu fdati, għall-finijiet tal-konservazzjoni tagħhom, lill-persuna msemmija fl-istatuti tal-kumpannija jew fir-riżoluzzjoni tal-azzjonisti. Fin-nuqqas ta’ tali referenza, il-qorti tar-reġistru taħtar id-depożitarju.

    […]”

    6

    L-Artikoli 551 sa 568 tal-kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali jikkonċernaw il-konverżjoni tal-kumpannija. Skont l-Artikolu 562(1) ta’ dan il-kodiċi:

    “Il-konverżjoni tal-kumpannija hija suġġetta għal riżoluzzjoni adottata mill-azzjonisti, fil-każ ta’ sħubija, jew mill-assemblea tal-azzjonisti jew mill-assemblea ġenerali, fil-każ ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju. […]”

    Il-liġi dwar id-dritt privat internazzjonali

    7

    Artikolu 19(1) tal-Ustawa – Prawo prywatne mięzynarodowe (liġi dwar id-dritt privat internazzjonali), tal-4 ta’ Frar 2011 (Dz. U. Nru 80, pożizzjoni 432) jipprovdi:

    “Mat-trasferiment tas-sede tagħha fi Stat ieħor, persuna ġuridika ssir suġġetta għad-dritt ta’ dan l-Istat. Il-personalità ġuridika skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat tas-sede preċedenti tinżamm jekk dan ikun previst mid-dritt tal-Istati kkonċernati. It-trasferiment ta’ sede kummerċjali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea ma jimplikax it-telf tal-personalità ġuridika.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Polbud hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita f’Łącko (il‑Polonja). Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-30 ta’ Settembru 2011, l-assemblea ġenerali straordinarja tal-azzjonisti ta’ din il-kumpannija ddeċidiet, skont il-punt 2 tal-Artikolu 270 tal-kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali, li tittrasferixxi s-“sede” tal-imsemmija kumpannija fil-Lussemburgu. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, din ir-riżoluzzjoni ma semmiet la trasferiment tal-post tal-istabbiliment prinċipali tagħha ta’ Polbud u lanqas tal-post tal-eżerċizzju effettiv tal-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija.

    9

    Fuq il-bażi ta’ din ir-riżoluzzjoni, fid-19 ta’ Ottubru 2011, Polbud ippreżentat talba għar-reġistrazzjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ quddiem il-qorti responsabbli għaż-żamma tar-reġistru kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-reġistru”). Fis-26 ta’ Ottubru 2011, il-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ ġie indikat f’dan ir-reġistru u nħatar l-istralċjarju.

    10

    Fit-28 ta’ Mejju 2013, l-assemblea tal-azzjonisti ta’ Consoil Geotechnik Sàrl, li s-sede tagħha hija stabbilita fil-Lussemburgu, adottat riżoluzzjoni sabiex timplementa, b’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tat-30 ta’ Settembru 2011 u tiġi ttrasferita s-sede ta’ Polbud fil-Lussemburgu sabiex din tkun irregolata mid-dritt Lussemburgiż, mingħajr telf tal-personalità ġuridika. Skont ir-riżoluzzjoni tat-28 ta’ Mejju 2013, it-trasferiment sar effettiv f’din id-data. Għalhekk, fit-28 ta’ Mejju 2013, is-sede ta’ Polbuld ġiet ittrasferita fil-Lussemburgu u din il-kumpannija ma baqgħetx tissejjaħ “Polbud” sabiex issir “Consoil Geotechnik”.

    11

    Fl-24 ta’ Ġunju 2013, Polbud ressqet talba għat-tħassir mir-reġistru kummerċjali Pollakk quddiem il-qorti tar-reġistru. Din it-talba kienet motivata mit-trasferiment tas-sede tal-kumpannija fil-Lussemburgu. Għall-finijiet tal-proċedura ta’ tħassir, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2013, din il-kumpannija ntalbet tipproduċi, l-ewwel nett, ir-riżoluzzjoni tal-assemblea tal-azzjonisti bl-indikazzjoni tal-isem tad-depożitarju tal-kotba u tad-dokumenti tal-impriża xolta, it-tieni nett, il-kontijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-perijodu mill-1 ta’ Jannar sad-29 ta’ Settembru 2011, mit-30 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2011, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012, u mill-1 ta’ Jannar sat-28 ta’ Mejju 2013, iffirmati mill-istralċjarju u mill-persuna responsabbli għaż-żamma tal-kontijiet, kif ukoll, it-tielet nett, ir-riżoluzzjoni tal-assemblea tal-azzjonisti li tapprova r-rapport dwar l-operazzjonijiet ta’ stralċ.

    12

    Polbud indikat li ma kkunsidratx li l-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti kienet neċessarja peress li hija ma kinitx is-suġġett ta’ xoljiment, ma saritx distribuzzjoni tal-attivi tagħha bejn l-azzjonisti, u t-talba għat-tħassir mir-reġistru kienet tressqet minħabba t-trasferiment tas-sede tal-kumpannija fil-Lussemburgu, fejn hija kompliet teżisti bħala kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bid-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2013, il-qorti tar-reġistru ċaħdet din it-talba għat-tħassir minħabba nuqqas ta’ produzzjoni tal-imsemmija dokumenti.

    13

    Polbud ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Rejonowy w Bydgoszczy (qorti distrettwali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja), li ċaħdet dan ir-rikors. Din il-kumpannija appellat minn din iċ-ċaħda quddiem is-Sąd Rejonowy w Bydgoszczy (qorti reġjonali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja), li wkoll ċaħdet l-appell b’digriet tal-4 ta’ Ġunju 2014. L-imsemmija kumpannija għalhekk ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    14

    Quddiem din il-qorti, Polbud tallega li, fid-data tat-trasferiment tas-sede tagħha fil-Lussemburgu, hija kienet tilfet l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk u saret kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż. Għaldaqstant, skont Polbud, il-proċedura ta’ stralċ kellha tingħalaq u l-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru tal-kummerċ fil-Polonja kellha titħassar. Hija, barra minn hekk, tosserva li l-osservanza tar-rekwiziti tal-proċedura ta’ stralċ previsti taħt id-dritt Pollakk ma kien la neċessarju u lanqas possibbli, sa fejn hija ma kinitx tilfet il-personalità ġuridika tagħha.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li l-proċedura ta’ stralċ hija intiża sabiex tintemm l-eżistenza legali tal-kumpannija u timplika ċerti obbligi f’dan ir-rigward. Issa, f’dan il-każ, il-kumpannija tkompli l-eżistenza legali tagħha bħala suġġett tad-dritt ta’ Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Polonja. Hija tistaqsi għalhekk jekk l-impożizzjoni fuq din il-kumpannija ta’ obbligi analogi għal dawk meħtieġa sabiex tintemm l-eżistenza legali tagħha, bħala kumpannija, tillimitax eċċessivament il-libertà ta’ stabbiliment tagħha. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-konstatazzjoni tal-kostituzzjoni mill-ġdid tal-kumpannija, ibbażata biss fuq id-deċiżjoni tal-azzjonisti dwar il-kontinwazzjoni tal-personalità ġuridika miksuba fl-Istat Membru ta’ oriġini, u l-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru kummerċjali tal-Istat Membru ospitanti mwettqa bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, humiex infurzabbli kontra l-Istat Membru ta’ oriġini, minkejja l-proċedura ta’ stralċ pendenti f’dan l-aħħar Stat.

    16

    It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm bħala prinċipju Stat Membru huwa pprojbit milli jirrifjuta li jirrikonoxxi personalità ġuridika miksuba fi Stat Membru ieħor u jevalwa r-regolarità tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, it-tħassir mir-reġistru kummerċjali l-antik huwa suġġett għad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini, li għandu jiżgura l-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati fil-kuntest tal-proċedura ta’ stralċ. Din il-qorti tqis, għaldaqstant, li l-qorti tar-reġistru ma għandhiex tirrinunzja għat-tkomplija ta’ din il-proċedura.

    17

    It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju huwa legali li jiġi vverifikat jekk l-impriża għandhiex l-intenzjoni tistabbilixxi rabta ekonomika fit-tul mal-Istat Membru ospitanti u, għal dan il-għan, tittrasferixxi s-sede tagħha, mifhum fis-sens ta’ post ta’ ġestjoni effettiva u ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha. L-inċertezza tirrigwarda, madankollu, min, fost l-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru ta’ oriġini, għandu jwettaq din il-verifika.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprekludu lil Stat Membru, li fih kienet ġiet inizjalment ikkostitwita kumpannija kummerċjali (kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata), milli japplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrendu t-tħassir mir-reġistru kummerċjali dipendenti fuq ix-xoljiment tal-kumpannija wara li jkun sar l-istralċ tagħha, f’każ li l-kumpannija tkun ġiet ikkostitwita mill-ġdid fi Stat Membru ieħor skont deċiżjoni tal-azzjonisti favur il-kontinwazzjoni tal-personalità ġuridika miksuba fl-Istat Membru ta’ kostituzzjoni inizjali?

    F’każ li r-risposta għal dik id-domanda tkun waħda negattiva:

    2)

    L-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit fid-dritt nazzjonali li l-proċeduri għall-istralċ tal-kumpannija għandhom isiru — inklużi t-terminazzjoni ta’ kull negozju pendenti, l-irkupru ta’ djun, l-eżekuzzjoni tal-obbligi u l-bejgħ tal-attiv tal-kumpannija, is-sodisfazzjon tal-kredituri jew il-provvista ta’ garanziji favurihom, is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-istat attwali ta’ dawn l-atti, u l-indikazzjoni tal-persuna li ser tiġi fdata bil-kotba u d-dokumenti — qabel ix-xoljiment tal-kumpannija, liema xoljiment iseħħ fil-mument tat-tħassir tagħha mir-reġistru kummerċjali, huwa miżura li hija adegwata, neċessarja u proporzjonata għal interess pubbliku li jimmerita protezzjoni fil-forma ta’ salvagwardja tal-kredituri, tal-azzjonisti f’minoranza u tal-impjegati tal-kumpannija migranti?

    3)

    L-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment jinkludu sitwazzjoni li fiha — għall-finijet tal-konverżjoni f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor — kumpannija tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn l-Istat Membru l-ieħor mingħajr ma tibdel il-post tal-istabbiliment prinċipali tagħha, li jibqa’ fl-Istat ta’ kostituzzjoni inizjali?”

    Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    19

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2017, Polbud talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    20

    Insostenn tat-talba tagħha, Polbud issostni, essenzjalment, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-intenzjoni tagħha kienet li tittrasferixxi fil-Lussemburgu kemm is-sede statutorja tagħha kif ukoll is-sede reali tagħha, kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni tat-28 ta’ Mejju 2013. Min-naħa l-oħra, Polbud tosserva li l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali, għalkemm jindikaw riżervi espressi minn Polbud waqt is-seduta, huma bbażati madankollu fuq il-konstatazzjoni fattwali żbaljata inkluża f’din it-talba. Konsegwentement, Polbud tqis neċessarju li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura sabiex hija tkun tista’ tiċċara ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali.

    21

    Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    22

    Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, Polbud esponiet, waqt is-seduta, l-evalwazzjoni tagħha tal-kuntest fattwali tal-kawża. Hija b’mod partikolari kellha l-opportunità tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-preżentazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali kif indikati fit-talba għal deċiżjoni preliminari u li tispeċifika li l-intenzjoni tagħha kienet li tittrasferixxi fil-Lussemburgu kemm is-sede statutorja tagħha kif ukoll is-sede reali tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni.

    23

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kritika magħmula lill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu x’ikunu d-domandi li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    26

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari huma bbażati fuq il-premessa, ikkontestata minn Polbud, li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tittrasferixxi s-sede reali tagħha fil-Lussemburgu.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 15).

    28

    Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula fuq il-bażi ta’ din il-premessa, li l-fondatezza tagħhom għandha, madankollu, tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tielet domanda

    29

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment tapplika għat-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru ieħor, mingħajr trasferiment tas-sede reali tal-imsemmija kumpannija.

    30

    Il-Gvernijiet Pollakk u Awstrijak isostnu li l-Artikoli 49 u 54 TFUE ma humiex applikabbli għal trasferiment ta’ kumpannija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont il-Gvern Awstrijak, il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi invokata meta t-trasferiment tas-sede ma tkunx motivata mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva permezz ta’ installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ospitanti. Il-Gvern Pollakk jinvoka, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, EU:C:2008:723), sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu, li tgħid li trasferiment ta’ kumpannija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE.

    31

    Tali argument ma jistax jintlaqa’.

    32

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jagħti l-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment lill-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede statutorja, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, kumpannija bħal Polbud, li ġiet ikkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, f’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, tista’, bħala prinċipju, tieħu vantaġġ minn din il-libertà.

    33

    Bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji msemmija f’dan l-aħħar artikolu tinvolvi, b’mod partikolari, il-kostituzzjoni u t-tmexxija ta’ dawn il-kumpanniji taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kumpanniji lokali mil-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn ikunu stabbiliti. Din tinkludi wkoll id-dritt għal kumpannija kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, punt 17), sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor u, b’mod partikolari, il-kriterju adottat minn dan tal-aħħar għall-finijiet tar-rabta ta’ kumpannija mal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ uniformità fid-dritt tal-Unjoni, id-definizzjoni tar-rabta li tiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija taqa’, skont l-Artikolu 54 TFUE, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, peress li l-imsemmi artikolu qiegħed fuq l-istess livell is-sede statutorja, it-tmexxija ċentrali u l-istabbiliment prinċipali ta’ kumpannija bħala kriterju ta’ rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, punti 19 sa 21).

    35

    Jirriżulta, f’dan il-każ, li l-libertà ta’ stabbiliment tagħti lil Polbud, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, id-dritt li tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ kostituzzjoni stabbilti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u, b’mod partikolari, il-kriterju adottat mil-Lussemburgu għall-finijiet tar-rabta ta’ kumpannija mal-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha.

    36

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mill-Gvernijiet Pollakk u Awstrijak.

    37

    Fl-ewwel lok, l-argument tal-Gvern Awstrijak dwar l-assenza ta’ attività ekonomika effettiva ta’ Polbud fl-Istat Membru ospitanti ma jistax jintlaqa’.

    38

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment sitwazzjoni fejn kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih hija jkollha s-sede statutorja tagħha tkun tixtieq toħloq sussidjarja fi Stat Membru ieħor, minkejja li din il-kumpannija tkun ġiet ikkostitwita, fl-ewwel Stat Membru, bil-għan biss li tistabbilixxi ruħha fit-tieni Stat Membru fejn hija kienet teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi essenzjali, jekk mhux kollha, tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, EU:C:1999:126, punt 17). Bl-istess mod, sitwazzjoni li fiha kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tixtieq tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, fl-osservanza tal-kriterju adottat mit-tieni Stat Membru għall-finijiet tar-rabta ta’ kumpannija mal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, għalkemm din il-kumpannija kienet teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi essenzjali, jekk mhux kollha, tagħha fl-ewwel Stat Membru.

    39

    Għandu jitfakkar ukoll li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikoli 49 u 54 TFUE hija distinta mill-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jadotta miżuri, billi jirrikorri għall-possibbiltajiet offruti mit-Trattat, sabiex jipprekludi li xi wħud miċ-ċittadini tiegħu jippruvaw jevitaw abbużivament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, fid-dawl tal-fatt li skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru għandu l-possibbiltà li jadotta tali miżuri (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, EU:C:1999:126, punt 18 u 24, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, EU:C:2003:512, punt 98).

    40

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li s-sede, statutorja jew reali, ta’ kumpannija tiġi stabbilita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bil-għan li tibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar vantaġġuża, ma huwiex fih innifsu biżżejjed biex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, EU:C:1999:126, punt 27, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, EU:C:2003:512, punt 96).

    41

    Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, il-fatt li ġie deċiż li jiġi ttrasferit lejn il-Lussemburgu l-unika sede statutorja ta’ Polbud, mingħajr it-trasferiment tas-sede reali ta’ din il-kumpannija, ma jistax, fih innifsu, ikollu bħala konsegwenza l-esklużjoni ta’ tali trasferiment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE.

    42

    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723), ma jirriżultax, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Pollakk, li t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija għandu neċessarjament jitwettaq flimkien mat-trasferiment tas-sede reali tagħha sabiex dan ikun kopert mil-libertà ta’ stabbiliment.

    43

    Jirriżulta, għall-kuntrarju, minn dawn is-sentenzi, kif ukoll mis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE, (C-378/10, EU:C:2012:440), li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu l-possibbiltà jiddefinixxi r-rabta meħtieġa minn kumpannija sabiex hija tkun tista’ titqies li ġiet kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Fil-każ li kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor billi tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex din tkun tista’ teżisti fl-ordinament ġuridiku tiegħu, l-imsemmija possibbiltà mhux talli ma timplikax l-immunità tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-qasam ta’ kostituzzjoni jew ta’ xoljiment ta’ kumpanniji fir-rigward tar-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment, iżda ma tistax tiġġustifika li dan l-Istat Membru, b’mod partikolari, billi jimponi, għal tali konverżjoni transkonfinali, kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li jirregolaw il-konverżjoni ta’ kumpannija fl-imsemmi Stat Membru, jostakola lill-kumpannija kkonċernata milli twettaq din il-konverżjoni transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, punti 19 sa 21; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, punti 109 sa 112, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE, C-378/10, EU:C:2012:440, punt 32).

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment tapplika għat-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor, f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan tal-aħħar, mingħajr trasferiment tas-sede reali tal-imsemmija kumpannija.

    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    45

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tiegħu, għal-likwidazzjoni tal-ewwel kumpannija.

    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

    46

    L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk fi ħdan Stat Membru minbarra r-Repubblika tal-Polonja ma jwassalx, skont l-Artikolu 19(1) tal-liġi dwar id-dritt privat internazzjonali, għat-telf tal-personalità ġuridika. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt Pollakk jirrikonoxxi b’dan il-mod, f’dan il-każ, li l-personalità ġuridika ta’ Polbud tista’, bħala prinċipju, titkompla permezz ta’ Consoil Geotechnik.

    48

    Madankollu, bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 270 tal-kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali kif ukoll skont l-Artikolu 272 ta’ dan il-kodiċi, ir-riżoluzzjoni tal-azzjonisti dwar it-trasferiment tas-sede fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Polonja, adottata skont l-Artikolu 562(1) tal-imsemmi kodiċi, twassal għax-xoljiment tal-kumpannija wara l-proċedura ta’ stralċ. Barra minn hekk, mill-Artikolu 288(1) tal-istess kodiċi jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ stralċ, kumpannija li tkun tixtieq tittrasferixxi s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Polonja ma tistax titħassar mir-reġistru kummerċjali.

    49

    Għalhekk, għalkemm tista’ bħala prinċipju tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Polonja mingħajr telf tal-personalità ġuridika tagħha, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, bħalma hija Polbud, li tixtieq twettaq tali trasferiment, tista’ titħassar mir-reġistru kummerċjali Pollakk biss jekk ikun twettaq l-istralċ tagħha.

    50

    Għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-operazzjonijiet ta’ stralċ jinkludu l-konklużjoni ta’ kull negozju pendenti u l-irkupru tad-djun tal-kumpannija, l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha u l-bejgħ tal-attiv tagħha, is-sodisfazzjon tal-kredituri tagħha jew il-provvista ta’ garanziji favurihom, il-preżentazzjoni tal-kontijiet finanzjarji tagħha li jirriżultaw minn dawn l-operazzjonijiet kif ukoll l-isem ta’ depożitarju tal-kotba u tad-dokumenti tal-kumpannija fi stralċ.

    51

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, billi teżiġi l-istralċ tal-kumpannija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tostakola, saħansitra tipprekludi, il-konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija. Hija tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 112 u 113).

    Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

    52

    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija ġġustifikata, f’dan il-każ, mill-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati tal-kumpannija ttrasferita.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems, C-411/03, EU:C:2005:762, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għall-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C-201/15, EU:C:2016:972, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Għalhekk, l-Artikoli 49 u 54 TFUE ma jipprekludux, bħala prinċipju, miżuri ta’ Stat Membru intiżi li l-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji kif ukoll dawk tal-ħaddiema ta’ kumpannija, li tkun ġiet ikkostitwita skont id-dritt tiegħu u tkompli teżerċita l-attivitajiet tagħha fit-territorju nazzjonali, ma jkunux eċċessivament affettwati mit-trasferiment tas-sede statutorja ta’ din il-kumpannija u mill-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

    56

    Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati, u ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq.

    57

    F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Pollakka timponi obbligu ta’ stralċ tal-kumpannija li tkun tixtieq tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Polonja.

    58

    Għandu jiġi rrilevat li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, b’mod ġenerali, obbligu ta’ stralċ, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju reali ta’ preġudizzju għall-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-ħaddiema u mingħajr ma huwa possibbli li jintgħażlu miżuri inqas restrittivi li jistgħu jipproteġu lil dawn l-interessi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interessi tal-kredituri, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, il-kostituzzjoni ta’ garanziji bankarji jew ta’ garanziji ekwivalenti oħra tista’ toffri protezzjoni xierqa tal-imsemmija interessi.

    59

    Konsegwentement, l-obbligu ta’ stralċ impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teċċedi dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

    60

    Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk jinvoka l-għan tal-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    61

    F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw kwalunkwe miżura xierqa sabiex tiġi evitata jew tiġi ssanzjonata l-frodi (sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, EU:C:1999:126, punt 38).

    62

    Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li s-sede, statutorja jew reali, ta’ kumpannija tiġi stabbilita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bil-għan li tibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar vantaġġuża, ma huwiex waħdu suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ abbuż.

    63

    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li kumpannija tittrasferixxi s-sede tagħha minn Stat Membru għal ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u jiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 84).

    64

    Sakemm l-obbligu ġenerali li tiġi implementata proċedura ta’ stralċ jimplika preżunzjoni ġenerali ta’ eżistenza ta’ abbuż, għandu jitqies li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi tali obbligu, hija sproporzjonata.

    65

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-istralċ tal-ewwel kumpannija.

    Fuq l-ispejjeż

    66

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment tapplika għat-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor, f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan tal-aħħar, mingħajr trasferiment tas-sede reali tal-imsemmija kumpannija.

     

    2)

    L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-istralċ tal-ewwel kumpannija.

     

    Firem.


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top