Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0201

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati l-20 ta’ Lulju 2017.
    Majid Shiri.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru°604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu sabiex isir it-trasferiment – Assenza ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment fit-terminu stabbilit – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli – Trasferiment ta’ responsabbiltà – Rekwiżit ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru responsabbli.
    Kawża C-201/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:579

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

    Kawża C‑201/16

    Majid (magħruf ukoll bħala Madzhdi) Shiri

    partijiet magħquda:

    Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti suprema amministrattiva) (l-Awstrija)]

    “Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 — Artikolu 27(1) dritt għal rimedju effettiv — Artikolu 29 arranġamenti u termini għat-trasferiment ta’ individwu mill-Istat Membru rikjedent lill-Istat Membru rikjest — Punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu msemmi fl-Artikolu 29(1)”

    1.

    F’din il-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab għal darba oħra tagħti gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv ipprovdut fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ( 2 ). Il-Verwaltungsgerichtshof (qorti suprema amministrattiva, l-Awstrija) trid taċċerta jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ Stat Membru “A” (l-Istat rikjedent) biex jimplementa d-deċiżjoni tiegħu li jittrasferih lill-Istat Membru “B” (l-Istat rikjest) fil-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III billi jinvoka d-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 27(1) tar-regolament imsemmi. Jekk it-trasferiment ma jsirx fil-perijodu speċifikat, kif japplikaw ir-regoli fl-Artikolu 29(2) li jirregolaw il-pożizzjoni bejn l-Istat rikjedent u l-Istat rikjest?

    Ir-Regolament Dublin III

    2.

    Il-premessa 5 tgħid, inter alia, li għandu jkun possibbli li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli, sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u biex ma jiġix kompromess l-għan ta’ pproċessar rapidu ta’ tali applikazzjonijiet. Il-premessa 19 tispjega li “[s]abiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta ( 3 )]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

    3.

    Il-premessa 32 tfakkar li fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, “Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”. Il-premessa 39 tgħid li r-Regolament Dublin III jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji protetti mill-Karta.

    4.

    Skont l-Artikolu 1, ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 4 ).

    5.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1), il-prinċipju ġenerali stabbilit fir-Regolament Dublin III huwa li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tapplika fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Kwalunkwe applikazzjoni bħal din għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li jkun dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III jindikaw li huwa responsabbli ( 5 ).

    6.

    L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ngħataw ċerti drittijiet matul il-proċess tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 4(1) jipprovdi lill-applikanti bid-dritt għal informazzjoni inklużi dettalji dwar il-possibbiltà li jikkontestaw deċiżjoni ta’ trasferiment u, meta jkun applikabbli, li japplikaw sabiex it-trasferiment jiġi sospiż. Skont l-Artikolu 5(1), l-applikanti għandhom ukoll id-dritt għal intervista personali.

    7.

    Il-Kapitolu III huwa intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”. L-Artikolu 7(1) jgħid li l-kriterji għandhom jiġu applikati skont il-ġerarkija stabbilita f’dak il-kapitolu. L-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni li teżisti meta l-applikant ippreżenta l-ewwel darba l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali [Artikolu 7(2)]. L-ewwel post fil-ġerarkija jingħata lill-kriterji li jikkonċernaw minorenni (Artikolu 8) u membri tal-familja (Artikoli 9, 10 u 11). Il-kriterju li huwa applikat l-iktar spiss hu dak fl-Artikolu 13(1) li għandu x’jaqsam ma’ applikanti li jkunu qasmu b’mod irregolari l-fruntiera fi Stat Membru minn pajjiż terz. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

    8.

    L-obbligi tal-Istat Membru responsabbli huma stabbiliti fil-Kapitolu V. Dawn jinkludu obbligu li jittieħed lura applikant li l-applikazzjoni tiegħu qed tiġi eżaminata u li jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor [Artikolu 18(1)(b)] ( 6 ).

    9.

    Il-proċeduri biex isiru talbiet għat-teħid lura huma stabiliti fit-Taqsima III tal-Kapitolu VI. L-Artikolu 23(1) jipprovdi li meta Stat Membru fejn persuna ppreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli, dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura l-persuna kkonċernata. L-Artikolu 25(1) jipprovdi li l-Istat Membru rikjest għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe talba bħal dik kemm jista’ jkun malajr ( 7 ). In-nuqqas ta’ azzjoni fit-terminu stabbilit jitqies bħala aċċettazzjoni tat-talba ta’ teħid lura [Artikolu 25(2)].

    10.

    It-Taqsima IV tal-Kapitolu VI tistabbilixxi ċerti salvagwardji proċedurali għall-applikanti. L-Artikolu 26(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment lill-applikanti. Dik in-notifika għandu jkollha fiha informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt għall-applikazzjoni tal-effett sospensiv u t-termini applikabbli għat-tfittxija ta’ rimedji bħal dawn u għat-twettiq tat-trasferiment [Artikolu 26(2)].

    11.

    L-Artikolu 27(1) jgħid li applikant “għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal”. Bis-saħħa tal-Artikolu 27(3), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-finijiet ta’ appelli minn jew reviżjonijiet ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferimenti għall-protezzjoni tal-pożizzjoni ta’ applikant fil-pendenza tal-eżitu ta’ kontestazzjoni għal deċiżjoni ta’ trasferiment billi l-persuna kkonċernata titħalla tibqa’ fl-Istat Membru fil-pendenza tal-eżitu ta’ dawk il-proċeduri [opzjoni (a)]; awtomatikament jiġi sospiż it-trasferiment [opzjoni (b)]; jew jiġi żgurat li l-applikant għandu opportunità jitlob qorti jew tribunal li jissospendu l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-appell jew ir-reviżjoni ma jkunux iddeterminati [opzjoni (ċ)].

    12.

    It-Taqsima VI hija intitolata “Trasferimenti”. L-Artikolu 29 jgħid:

    “1.   It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

    […]

    2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

    3.   Jekk persuna ġiet ittrasferita bi żball jew deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet mibdula fl-appell jew fir-reviżjoni wara li twettaq it-trasferiment, l-Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta dik il-persuna lura minnufih.

    […]”.

    13.

    Arranġamenti speċifiċi għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implementazzjoni ( 8 ). L-Artikolu 9(2) jgħid “Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il-limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it-tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-[Regolament Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament.”

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    14.

    Majid (magħruf ukoll bħala Madzhdi) Shiri huwa ċittadin Iranjan. Ma hemmx dettalji dwar eżattament meta telaq mill-Iran iżda jidher li kien madwar l-aħħar tal-2014. Huwa vjaġġa lejn l-Unjoni Ewropea permezz tat-Turkija. M. Shiri wasal fil-Bulgarija u applika għal protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru fid-19 ta’ Frar 2015. Huwa sussegwentement mar l-Awstrija u fis-7 ta’ Marzu 2015 applika għal protezzjoni internazzjonali hemmhekk.

    15.

    Fid-9 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Awstrijaċi talbu lill-kontropartijiet Bulgari tagħhom biex jieħdu lura lil M. Shiri skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III. Fit-23 ta’ Marzu 2015 il-Bulgarija tat il-kunsens espliċitu tagħha għal dik it-talba ta’ teħid lura.

    16.

    Fit-2 ta’ Lulju 2015 il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-uffiċċju federali Awstrijak għall-immigrazzjoni u l-ażil, iktar ’il quddiem il-“BFA”) ċaħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ M. Shiri minħabba li kienet inammissibbli. Il-BFA ordna wkoll id-deportazzjoni ta’ M. Shiri u kkonferma li seta’ jiġi ttrasferit lejn il-Bulgarija (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni tal-BFA”). M. Shiri appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva, l-Awstrija) u talab li d-deċiżjoni tat-trasferiment tiġi sospiża. B’ordni tal-20 ta’ Lulju 2015, dik il-qorti laqgħet l-appell ta’ M. Shiri, annullat l-ewwel deċiżjoni tal-BFA u rrinvjat il-kwistjoni lill-BFA għal deċiżjoni ġdida. Ma ddeċidietx dwar tiġix sospiża l-applikazzjoni għad-deċiżjoni tat-trasferiment. Meta rrinvjaw il-każ ta’ M. Shiri lill-awtoritajiet kompetenti, il-qrati nazzjonali talbu lill-BFA biex jikkunsidra b’mod partikolari jekk M. Shiri kienx vulnerabbli minħabba li tqajjem tħassib rigward is-saħħa tiegħu. Il-qrati nazzjonali xtaqu jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni marbuta mat-trasferiment tiegħu tkun konformi mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ( 9 ).

    17.

    Permezz ta’ deċiżjoni ulterjuri tat-3 ta’ Settembru 2015, il-BFA għal darba oħra rrifjuta l-applikazzjoni ta’ M. Shiri għal protezzjoni internazzjonali minħabba li kienet inammissibbli (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni tal-BFA”). Huwa kien tal-fehma li l-Bulgarija kienet l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni ta’ M. Shiri għall-protezzjoni internazzjonali u reġa’ ordna d-deportazzjoni u t-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija

    18.

    Fis-17 ta’ Settembru 2015, M. Shiri appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva), li ma tatx deċiżjoni dwar it-talba għal effett sospensiv imressqa ma’ dak l-appell. Fuq il-bażi tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA, M. Shiri ssottometta li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali kienet ġiet ittrasferita lill-Awstrija, minħabba li l-perijodu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament ta’ Dublin III kien skada mingħajr ma ġie implementat it-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija. Huwa sostna li l-perijodu għall-implementazzjoni tat-trasferiment beda fit-23 ta’ Marzu 2015 (id-data meta l-Bulgarija qablet fuq it-talba tat-teħid lura mill-Awstrija) u li t-terminu ta’ sitt xhur skada fit-23 ta’ Settembru 2015, peress li l-qorti nazzjonali ma kinitx iddeċidiet li l-appell tiegħu mill-ewwel deċiżjoni tat-trasferiment tal-BFA kellu effett sospensiv.

    19.

    Fit-30 ta’ Settembru 2015, l-appell ta’ M. Shiri ġie miċħud. Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) ikkunsidrat li l-effetti legali tal-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA u r-rinviju tal-każ ta’ M. Shiri għat-tieni deċiżjoni tal-BFA kienu li ma setax jintbagħat lura lejn il-Bulgarija qabel ma l-BFA jkun ikkunsidra mill-ġdid il-każ tiegħu. Għalhekk, id-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2015 kienet tammonta għal sospensjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment għall-finijiet tal-Artikolu 27(3) moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

    20.

    Permezz ta’ applikazzjoni ddatata l-4 ta’ Ottubru 2015, M. Shiri kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ( 10 ). Huwa jsostni li d-deċiżjoni tat-trasferiment ma hijiex awtomatikament sospiża taħt id-dritt Awstrijak, minħabba li l-Awstrija għażlet li timplementa l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III billi ppermettiet lill-applikanti l-opportunità li jitolbu sospensjoni tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment skont l-Artikolu 27(3)(ċ) ( 11 ).

    21.

    Il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk, bħala prinċipju, applikant għal protezzjoni internazzjonali għandux dritt għal rimedju effettiv fil-forma ta’ appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għar-raġuni li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedent minħabba li jkun skada l-perijodu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur skont l-Artikolu 29(2) moqri flimkien mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.

    22.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi segwenti:

    “(1)

    Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, previsti fir-[Regolament Dublin III] li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandhom, fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament, jiġu interpretati fis-sens li applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur għat-twettiq tat-trasferiment (dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 29(2) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 604/2013)?

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

    (2)

    Id-dekorrenza ta’ terminu ta’ trasferiment li ma ġiex implementat hija suffiċjenti sabiex timplika t-trasferiment tar-responsabbiltà previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], jew tali trasferiment tar-responsabbiltà minħabba l-iskadenza tat-terminu jippreżupponi wkoll li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jinkariga ruħu minn jew li jieħu lura l-persuna kkonċernata?”

    23.

    Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn M. Shiri, mill-Awstrija, mir-Repubblika Ċeka, mill-Isvizzera, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tal-14 ta’ Marzu 2017, apparti mir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera, dawk il-partijiet għamlu osservazzjonijiet orali.

    Evalwazzjoni

    Osservazzjonijiet preliminari

    24.

    Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni importanti ta’ prinċipju mqajjem fil-każ ta’ M. Shiri huwa jekk in-nuqqas ta’ Stat Membru li jikkonforma mat-termini għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni stabbilita fir-Regolament Dublin III biex jiġi ttrasferit applikant li qed ifittex protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru “A” għal Stat Membru “B” għandux ikun suġġett għal skrutinju ġudizzjarju ( 12 ).

    25.

    M. Shiri jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-determinazzjoni ta’ din il-kwistjoni ta’ prinċipju, biex teżamina wkoll kwistjonijiet usa’, bħal jekk ir-Regolament Dublin III huwiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. Din hija kwistjoni li tmur fil-qalba tal-validità tar-regolament innifsu. Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma qajmitx dik il-kwistjoni partikolari, hija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Lanqas ma huwa meħtieġ li tiġi ddeterminata dik il-kwistjoni sabiex tingħata risposta għad-domandi effettivament magħmulin.

    L-ewwel domanda

    26.

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III li jipprovdu dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, b’mod partikolari l-Artikolu 27(1), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li applikant huwa intitolat jallega li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedent (hawnhekk, l-Awstrija) għar-raġuni li skada l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment stipulat fl-Artikolu 29(1).

    27.

    M. Shiri, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera kollha jsostnu li appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq tali raġuni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27(1). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni adottat ukoll dik il-fehma. Madankollu, matul is-seduta l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha u issa tappoġġja l-pożizzjoni tar-Renju Unit, li tmur kontra dik tal-partijiet l-oħra f’dawn il-proċeduri.

    28.

    Naċċetta li r-Regolament Dublin III ma jiddelinjax espressament id-dritt għal rimedju effettiv fl-Artikolu 27(1). Iżda jidhirli li l-iskop, l-iskema u l-kuntest tar-regolament jappoġġjaw il-fehma li dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tkopri n-nuqqas ta’ Stat Membru milli josserva t-termini stabbiliti, b’mod partikolari l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment speċifikat fl-Artikolu 29(1) ( 13 ).

    29.

    Fil-fehma tiegħi, bħala riżultat tal-bidliet introdotti mir-Regolament Dublin III (it-tielet iterazzjoni tar-regoli li jistabbilixxu l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant f’wieħed mill-Istati Membri) ( 14 ), id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Abdullahi ( 15 ) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin II ( 16 ) ġiet issostitwita. Din il-fehma ġiet ikkonfermata fis-sentenzi sussegwenti tal-Awla Manja fis-sentenzi Ghezelbash ( 17 ) u Karim ( 18 ).

    30.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Abdullahi li ftehim bejn l-Istati Membri dwar rikjesta biex jittieħed l-inkarigu fuq il-bażi li l-Istat Membru tal-ewwel dħul fl-Unjoni Ewropea jassumi r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni inter-nazzjonali tal-persuna kkonċernata jista’ jiġi kkontestat biss jekk ir-rikorrent jinvoka nuqqasijiet sistemiċi fil-kundizzjonijiet għall-akkoljenza ta’ applikanti f’dak l-Istat Membru, li jipprovdu raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li huwa se jiffaċċja riskju reali li jiġi suġġett għal trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta jekk jintbagħat lejn dak l-Istat Membru ( 19 ).

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrevediet is-sentenza Abdullahi ( 20 ) fid-dawl tal-bidliet fir-regoli fir-Regolament Dublin II introdotti mir-Regolament Dublin III meta interpretat l-Artikolu 27(1) ta’ dan l-aħħar regolament fis-sentenza Ghezelbash. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li: (i) ir-rimedju legali previst fl-Artikolu 27(1) għandu jkun effettiv u li dak ir-rimedju jkopri kwistjonijiet kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt; (ii) ma hemm l-ebda limitazzjoni dwar l-argumenti li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jressaq taħt dik id-dispożizzjoni; (iii) ma hemmx rabta speċifika bejn id-dritt għal appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III; u (iv) jidher ċar fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III li d-dritt għal rimedju effettiv għandu jkopri kemm l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament kif ukoll is-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li fih se tiġi ttrasferita l-persuna li qed titlob l-ażil ( 21 ).

    32.

    Dawk il-prinċipji ġenerali japplikaw hawnhekk ukoll.

    33.

    Il-kwistjoni fis-sentenza Ghezelbash kienet jekk il-kriterji rilevanti tal-Kapitolu III għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli kinux ġew applikati b’mod korrett ( 22 ). Ir-raġunament fis-sentenza Ghezelbash ġie applikat fis-sentenza Karim, li kienet tirrigwarda jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali setax jinvoka nuqqas ta’ applikazzjoni korretta tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin III biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemm iddikjarat li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-qafas li fih għandha ssir l-evalwazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III li għandhom jiġu applikati ( 24 ).

    34.

    Huwa veru li kemm is-sentenza Ghezelbash kif ukoll Karim ikkonċernaw elementi tal-proċess taħt ir-Regolament Dublin III li japplikaw qabel ma l-awtoritajiet ta’ Stat Membru joħorġu deċiżjoni ta’ trasferiment. Il-każ ta’ M. Shiri huwa differenti, billi jikkonċerna l-proċess wara li tkun inħarġet tali deċiżjoni ( 25 ). Madankollu, dan ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li d-dritt għal rimedju effettiv ma jibqax japplika.

    35.

    Dik id-differenza ma tbiddilx il-punt ta’ prinċipju, jiġifieri li d-dritt għal rimedju effettiv jinkludi d-dritt li wieħed jikkontesta n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III kif suppost. Din il-fehma hija totalment konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ).

    36.

    Saru numru ta’ bidliet mir-Regolament Dublin III għar-reġim preċedenti rregolat mir-Regolament Dublin II. Il-premessa 19 tenfasizza waħda mill-modifiki notevoli li ġew introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex tagħti protezzjoni mtejba lill-applikanti individwali ( 27 ). Għalhekk, ir-Regolament Dublin III huwa differenti b’mod sinjifikanti mir-Regolament Dublin II.

    37.

    Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jingħata effett lill-għanijiet tar-Regolament Dublin III billi jiġi żgurat li dan jiġi applikat b’mod li jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu b’mod konsistenti mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali ( 28 ). Ir-Regolament iservi wkoll biex jiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati ( 29 ). Id-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv (Artikoli 41 u 47 tal-Karta) jipprovdu standards li huma partikolarment rilevanti għall-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ( 30 ).

    38.

    Ir-Renju Unit iressaq numru ta’ argumenti biex isostni l-interpretazzjoni kuntrarja. L-ewwel nett, jenfasizza li għandu jiġi applikat approċċ teleoloġiku fl-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III. L-għan ewlieni huwa li Stat Membru wieħed għandu jkun responsabbli biex jeżamina kwalunkwe applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) ( 31 ). Naqbel ma’ dik is-sottomissjoni; imma ma nikkunsidrax li l-iskrutinju ġudizzjarju ta’ nuqqas ta’ Stat Membru milli josserva t-termini stabbiliti fir-Regolament Dublin III jikkontradixxi dak il-prinċipju fundamentali tas-sistema ta’ Dublin.

    39.

    It-tieni nett, ir-Renju Unit jesprimi t-tħassib li jekk l-applikanti jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għar-raġuni li l-perijodu għall-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ikun skada, dan ikun inkompatibbli mal-għan iddikjarat tar-Regolament Dublin III li jiġi prekluż il-“forum shopping”. Madankollu, sa fejn dik l-espressjoni tfisser applikazzjonijiet multipli għal protezzjoni internazzjonali magħmula f’għadd ta’ Stati Membri mill-istess applikant ( 32 ), ir-Regolament Dublin III innifsu jipprovdi speċifikament dwar dik il-kwistjoni ( 33 ).

    40.

    L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li jekk Stat Membru rikjedent jonqos milli josserva l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni ta’ trasferiment, il-konsegwenza hija li huwa stess ikun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, il-persuna kkonċernata tibqa’ fl-Istat Membru rikjedent. Dik il-konsegwenza tirriżulta mill-operazzjoni tar-regoli fir-Regolament Dublin III nnifsu. L-iskop tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III huwa li jipprovdi inċentiv għall-Istat Membru rikjedent li jħares l-għan komuni li jiġu osservati t-termini preskritti sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati malajr u biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ sitwazzjoni fejn applikant għall-protezzjoni internazzjonali jitħalla “fl-orbita” mingħajr ma ebda Stat Membru jkun indikat bħala responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ( 34 ). Jekk applikant fil-pożizzjoni ta’ M. Shiri japplika għal protezzjoni internazzjonali f’iktar minn Stat Membru wieħed, il-leġiżlatur tal-Unjoni deliberatament għażel li jipprovdi inċentiv għall-Istat Membru rikjedent biex jimplementa t-trasferiment malajr. Jekk l-Istat Membru rikjedent jonqos milli jilħaq dak l-għan ewlieni, il-konsegwenza hija li l-applikant jibqa’ fl-Istat Membru rikjedent. Dan huwa preċiżament kif il-leġiżlazzjoni hija mfassla biex taħdem. Dan la huwa l-istess u lanqas ekwivalenti għal “forum shopping”.

    41.

    It-tielet nett, għalkemm id-distinzjoni li r-Renju Unit irid jagħmel bejn kwistjonijiet sostantivi u proċedurali hija mal-ewwel daqqa ta’ għajn attraenti, skrutinju aktar mill-qrib juri l-kuntrarju. Dik id-distinzjoni ma ssolvix il-kwistjoni ineżami. It-termini stabbiliti fir-Regolament Dublin III ċertament ikopru kwistjonijiet proċedurali, imma għandhom ukoll implikazzjonijiet sostantivi kemm għall-applikanti kif ukoll għall-Istati Membri kkonċernati. Għall-applikanti, it-termini jipprovdu grad ta’ ċertezza u għandhom ukoll implikazzjonijiet sostantivi dwar liema Stat Membru jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. L-aspetti sostantivi u proċedurali tat-termini stabbiliti huma bl-istess mod marbutin ma’ xulxin fir-rigward tal-Istati Membri.

    42.

    Fir-raba’ lok, jidhirli li t-tħassib tar-Renju Unit dwar l-awtonomija proċedurali nazzjonali huwa barra minn loku. Il-kwistjoni ta’ prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi ma tikkonċernax l-operazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali bħala tali.

    43.

    Fl-aħħar nett, ma jirriżultax mid-dritt ta’ applikant li jappella minn jew li jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment għar-raġuni li l-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni skada li l-applikazzjonijiet kollha bħal dawn inevitabbilment jirnexxu. Minflok, jidhirli li l-qrati nazzjonali jistgħu u għandhom jevalwaw il-merti ta’ kwalunkwe appell jew reviżjoni bħal dawn. Meta jsir dan, huwa meħtieġ li jitqies l-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Il-perijodu ta’ sitt xhur għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment kien oriġinarjament iffissat sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu d-dettalji prattiċi biex iwettqu t-trasferiment ( 35 ). Kif għidt diġà, għan kemm tat-terminu kif ukoll tal-inċentiv li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex josservawh huwa biex jiġi żgurat li l-applikanti ma jitħallewx f’sitwazzjoni fejn l-ebda Stat Membru ma jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali. Fid-determinazzjoni ta’ jekk l-Artikolu 29(2) għandux japplika f’xi każ partikolari jkun meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit jekk il-persuna kkonċernata kinitx, jew x’aktarx tkun, f’riskju f’dak ir-rigward ( 36 ).

    44.

    Jien għalhekk tal-fehma li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment għar-raġuni li l-Istat Membru rikjedent naqas milli jimplementa t-trasferiment fil-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) ta’ dak ir-regolament.

    It-tieni domanda

    45.

    Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob li tingħata gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ( 37 ). F’ċirkustanzi fejn l-Istat Membru rikjedent jonqos milli jimplementa deċiżjoni ta’ trasferiment fi żmien il-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1), l-Istat Membru rikjest huwa meħlus mir-responsabbiltà tiegħu li jikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata minħabba li skada dak il-perijodu biss? Jew hemm kundizzjoni addizzjonali li tapplika qabel ma titqiegħed fuq l-Istat Membru rikjedent ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jiġifieri, l-Istat Membru rikjest għandu jinnotifika lill-Istat Membru rikjedent li issa qed jirrifjuta li jieħu lura l-applikant għal protezzjoni internazzjonali?

    46.

    Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri, minbarra r-Renju Unit, jaqblu li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma għandux jinftiehem li jimponi kundizzjoni addizzjonali bħal din. Ir-Renju Unit isostni, għall-kuntrarju, li l-iskadenza ta’ terminu ma hijiex biżżejjed minnha nfisha biex tagħmel lill-Istat Membru rikjedent responsabbli u li l-Istat Membru rikjest iżomm diskrezzjoni biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata

    47.

    Jiena ma hiniex tal-istess fehma bħar-Renju Unit.

    48.

    It-test tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III (“[f]ejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti […]”) ma fih l-ebda kliem li jindika li l-leġiżlatur introduċa kundizzjoni addizzjonali fil-proċess bejn l-Istat Membru rikjedent u l-Istat Membru rikjest. Ir-Renju Unit jistrieħ fuq il-kliem ir-“responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti” bħala li juri li l-Istat Membru rikjest għandu jieħu azzjoni pożittiva qabel ma jinħeles mill-obbligi tiegħu. Madankollu, naqra dak il-kliem bħala li jfisser sempliċement li r-responsabbiltà titqiegħed mal-Istat Membru rikjedent wara li jkun skada l-perijodu ta’ sitt xhur. It-test ma jindikax li hemm pass sussegwenti (mhux speċifikat) fil-proċess flimkien mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) li għandu jitwettaq sabiex ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedent. Dak it-trasferiment tar-responsabbiltà jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 29(2) innifsu ( 38 ).

    49.

    Dik il-fehma hija totalment konsistenti mal-għan tad-dispożizzjoni ( 39 ). L-introduzzjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali fil-proċess bejn l-Istati Membri rikjedenti u dawk rikjesti hija inkompatibbli mal-għan li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli. Ikun ukoll inkonsistenti ma’ għan ewlieni tas-sistema ta’ Dublin jiġifieri li jiġi żgurat li applikant ma jitħalliex f’pożizzjoni fejn l-ebda Stat ma jaċċetta r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali.

    50.

    Ninnota wkoll li l-iskema leġiżlattiva tar-Regolament Dublin III tipprovdi li r-responsabbiltà terġa’ lura fuq l-Istat Membru rikjedent meta dak l-Istat jonqos milli jikkonforma mat-termini stabbiliti għal talbiet għat-teħid tal-inkarigu [Artikolu 22(7)] u ta’ teħid lura [Artikolu 25(2)]. Ma hemm l-ebda kundizzjoni addizzjonali fl-ebda waħda minn dawk il-każijiet. Ikun inkonsistenti ma’ dik l-iskema li tiġi introdotta kundizzjoni bħal dik fejn l-Istat Membru rikjedent jonqos milli josserva t-terminu għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment [Artikolu 29(1) u (2)]. Finalment, kif jindikaw l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera, l-iskema iktar wiesgħa tas-sistema ta’ Dublin turi li ma hemm l-ebda kundizzjoni addizzjonali bħal din għall-proċess ta’ bejn l-Istati. Xejn ta’ dan it-tip ma jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin ( 40 ).

    51.

    Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-arranġamenti bejn l-Istat Membru rikjedent u l-Istat Membru rikjest relatati mat-trasferiment, l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) hija biżżejjed minnha nnifsha biex l-Istat rikjedent isir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.

    Il-każ ta’ M. Shiri

    52.

    Il-każ ta’ M. Shiri jqajjem il-mistoqsija diffiċli dwar kif ir-regoli dwar id-dritt ta’ applikant għal rimedju effettiv fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati flimkien mal-Artikolu 29 li jirrigwarda l-arranġamenti u t-termini għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment.

    53.

    M. Shiri jissottometti li t-terminu għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment fil-każ tiegħu beda jiddekorri fit-23 ta’ Marzu 2015, meta l-awtoritajiet Bulgari aċċettaw it-talba għat-teħid lura magħmula mill-kontropartijiet Awstrijaċi tagħhom. Huwa jikkunsidra li dak il-perijodu skada sitt xhur wara fit-23 ta’ Settembru 2015. Isegwi skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III li huwa ma jistax jiġi ttrasferit lejn il-Bulgarija għaliex dak l-Istat Membru ġie meħlus mill-obbligi tiegħu li jieħdu lura, peress li t-trasferiment ma ġiex implementat matul il-perijodu preskritt ta’ sitt xhur. Fil-qosor, M. Shiri jargumenta li issa huwa tard wisq biex tiġi implementata d-deċiżjoni tat-trasferiment. Huwa jżid jgħid li l-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva) ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni tiegħu biex tiġi sospiża d-deċiżjoni tat-trasferiment.

    54.

    Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni ma hijiex daqstant ċara daqs kemm qed jagħmilha M. Shiri

    55.

    Fl-eżami taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ tiegħu l-ewwel jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-regoli fl-Artikolu 27(3), li jirregolaw is-sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment, u d-dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti u t-termini għall-implementazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, qabel ma jiġi eżaminat kif dawk ir-regoli jistgħu jinqraw flimkien.

    56.

    L-Artikolu 27(3) jgħid li l-Istati Membri għandhom jaħsbu għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment li għandhom jiġu sospiżi. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li: (i) jikkonferixxu fuq il-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fil-pajjiż ikkonċernat fil-pendenza tal-eżitu tal-appell tiegħu jew tal-applikazzjoni għar-reviżjoni ( 41 ); (ii) jipprovdu li d-deċiżjoni tat-trasferiment tiġi awtomatikament sospiża ( 42 ); jew (iii) jiżguraw li l-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob lill-qorti jew lit-tribunal biex tissospendi l-implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment waqt li l-proċeduri ta’ appell jew ta’ reviżjoni jibqgħu pendenti ( 43 ). L-għan tal-leġiżlatur wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu jekk jissospendux l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment kien li jissaħħu s-salvagwardji legali mogħtija lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u tippermettilhom jiddefendu aħjar id-drittijiet tagħhom ( 44 ).

    57.

    Il-kliem tal-Artikolu 27(1) u (3) u l-għanijiet ġenerali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ma jestendux biex jirregolaw l-operazzjoni tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. Madankollu, fejn tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment (bħal fil-każ ta’ M. Shiri) huwa meħtieġ li jinqraw iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet b’mod li huwa konsistenti u koerenti mal-iskema leġiżlattiva. B’mod ġenerali, fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jirrispetta l-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III nifhem li r-regoli ta’ operazzjoni huma kif ġej. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li din il-kontestazzjoni qed titressaq wara li d-deċiżjoni li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli tkun saret skont il-kriterji tal-Kapitolu III. L-Istat Membru responsabbli (fil-każ ta’ M. Shiri, il-Bulgarija) huwa obbligat jieħu lura l-applikant ( 45 ).

    58.

    Jista’ jkun li fl-Awstrija d-deċiżjonijiet dwar it-trasferiment isiru eżegwibbli hekk kif jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti: jekk hux hekk hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali.

    59.

    L-Artikolu 29(1) jiddikjara li t-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikjedent (hawnhekk l-Awstrija) lill-Istat Membru responsabbli (hawnhekk, il-Bulgarija) għandu jitwettaq skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent kemm jista’ jkun prattikament malajr, u mhux iktar tard minn sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu jew biex jieħu lura l-persuna kkonċernata (iktar ’il quddiem l-“ewwel kundizzjoni”) jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew reviżjoni fejn hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3) (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”). L-ewwel kundizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li jkunu għadhom iridu jiġu ddeterminati biss id-dettalji prattiċi tal-implementazzjoni, inkluż l-iffissar tad-data tagħha ( 46 ). It-tieni kundizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-Istat Membru kkonċernat jimplementa l-proċedura għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III.

    60.

    Inżid ngħid li l-Artikolu 29(3) jipprovdi li fejn persuna tiġi ttrasferita bi żball jew jekk deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi annullata fl-appell jew wara reviżjoni wara li tkun ġiet eżegwita, l-Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta lura lil dik il-persuna minnufih. Meta tkun sospiża deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ikun hemm l-eżitu tal-proċeduri legali, l-użu tal-Artikolu 29(3) ikun naturalment evitat ( 47 ). Minkejja li d-deċiżjoni tat-trasferiment ma ġietx sospiża fir-rigward ta’ M. Shiri, huwa fil-fatt baqa’ fl-Awstrija. Għalhekk, l-Artikolu 29(3) ma huwiex rilevanti.

    61.

    Il-każ ta’ M. Shiri ma jidħolx eżatt la fl-ewwel u lanqas fit-tieni kundizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29(1). Madankollu, il-qorti tar-rinviju se jkollha tħabbat wiċċha mal-kwistjoni kumplessa ta’ kif ir-regoli fir-Regolament Dublin III u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinteraġixxu u japplikaw sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ M. Shiri li jikkontesta d-deċiżjoni tat-trasferiment tal-BFA. Jiena noffri l-kummenti li ġejjin.

    62.

    Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA, filwaqt li l-Awstrija implementat l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III sa fejn jipprovdi li l-applikanti jistgħu jitolbu li qorti jew tribunal jissospendu l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, hemm qbil li ma kienx hemm deċiżjoni bħal din fil-każ ta’ M. Shiri. Madankollu, il-pożizzjoni de facto kienet li tħalla joqgħod fl-Awstrija. It-terminu għall-implementazzjoni tat-trasferiment skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III beda jiddekorri fit-23 ta’ Marzu 2015. Dak il-perijodu waqaf meta l-ewwel deċiżjoni tal-BFA ġiet annullata fl-20 ta’ Lulju 2015. Minn dak il-punt ’il quddiem, ma kienx hemm deċiżjoni tat-trasferiment biex tiġi infurzata: il-qorti nazzjonali bagħtet il-każ ta’ M. Shiri lill-BFA għal deċiżjoni ġdida ( 48 ). Jekk l-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-BFA huwiex deċiżjoni ex nunc (invalida mill-20 ta’ Lulju 2015 – id-data tad-deċiżjoni) jew ex tunc (ittrattata bħallikieku l-ewwel deċiżjoni tal-BFA tat-2 ta’ Lulju 2015 ma kinitx ingħatat) ma huwiex irregolat mir-Regolament Dublin III. Din hija purament kwistjoni tad-dritt Awstrijak.

    63.

    Għalhekk, peress li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni ta’ trasferiment (mill-inqas) b’effett mill-20 ta’ Lulju 2015, la l-ewwel u lanqas it-tieni kundizzjoni fl-Artikolu 29(1) ma ġew issodisfatti f’dak il-punt. Għaldaqstant, ma jsegwix bl-operazzjoni tal-Artikolu 29(2) li l-Bulgarija nħelset mill-obbligi tagħha li tieħdu lura.

    64.

    Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni tal-BFA li ngħatat qabel it-23 ta’ Settembru 2015 (it-tmiem tal-perijodu ta’ sitt xhur), il-qorti tar-rinviju tgħid li ma kien hemm ebda komunikazzjoni oħra mill-awtoritajiet Bulgari. Dan mhux sorprendenti għax ma hemm xejn fir-regolament li jeħtieġ li l-Bulgarija tikkonferma l-aċċettazzjoni tagħha.

    65.

    Madankollu, il-każ ta’ M. Shiri għadu mhux konsistenti mal-premessa wara l-ewwel jew it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III. Din il-proviżjoni ma tindikax meta t-terminu għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment jibda jiddekorri f’tali ċirkustanzi. Isegwi mill-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni li l-bażi tal-ewwel kundizzjoni hija li tapplika f’ċirkustanzi fejn ma hemmx appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1). B’hekk, sakemm jiġu stabbiliti d-dettalji prattiċi, id-deċiżjoni tat-trasferiment hija effettivament ċerta ( 49 ). Dik ovvjament ma hijiex il-pożizzjoni fil-każ ta’ M. Shiri fejn kien hemm settijiet sekwenzjali ta’ proċeduri legali u t-tieni deċiżjoni tal-BFA bħalissa hija suġġetta għal kontestazzjoni. Il-merti fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni għadhom iridu jiġu ddeterminati. Għalhekk il-każ ta’ M. Shiri ma jaqax taħt dik il-kundizzjoni.

    66.

    M. Shiri appella mit-tieni deċiżjoni tal-BFA. Ma hemm l-ebda effett ta’ sospensjoni de jure peress li l-qrati nazzjonali naqsu milli jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni li għamel taħt ir-regoli nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk, ir-rekwiżiti tat-tieni kundizzjoni fl-Artikolu 29(1) ukoll ma humiex issodisfatti fil-każ ta’ M. Shiri ( 50 ). Dan jista’ jkun minħabba li s-sempliċi fatt li jsir appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment huwa biżżejjed biex jiżgura li l-persuna kkonċernata ma tiġix ittrasferita lejn Stat Membru ieħor taħt ir-regoli tad-dritt Awstrijak; jew jista’ jkun hemm prattika ġenerali fl-Awstrija li ma titteħidx deċiżjoni fuq applikazzjonijiet għal effett sospensiv (kif jallega M. Shiri) ( 51 ). Il-każ ta’ M. Shiri juri li jista’ jkun hemm lakuna fil-leġiżlazzjoni hekk kif inhi applikata fl-Awstrija.

    67.

    Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 29(1) jipprevedi li l-perijodu għat-twettiq tat-trasferiment jibda jiddekorri ladarba l-implementazzjoni futura tat-trasferiment tkun, bħala prinċipju miftiehma u ċerta u jibqgħu biex jiġu ddeterminati biss id-dettalji prattiċi ( 52 ). Din hija a fortiori l-pożizzjoni fejn il-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ l-appell mid-deċiżjoni tat-trasferiment tkun għadha ma ddeċidietx dwar il-mertu u l-proċeduri jiġu sospiżi minħabba li jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Kwalunkwe implementazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment ma tistax tkun ċerta sakemm dawk il-proċeduri jiġu riżolti.

    68.

    Għaldaqstant nikkonkludi li fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ta’ M. Shiri, il-perijodu għat-twettiq tat-trasferiment jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li l-implementazzjoni futura tat-trasferiment hija, bħala prinċipju, miftiehma u ċerta u jibqgħu biex jiġu ddeterminati biss id-dettalji prattiċi. Dak huwa l-kompitu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent. Kwalunkwe trasferiment bħal dan ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjedent lill-Istat Membru rikjest għandu jiġi implementat kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li ssir ċerta d-deċiżjoni dwar il-mertu ta’ appell, jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

    Konklużjoni

    69.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda magħmula mill-Verwaltungsgerichthof (qorti amministrattiva suprema, l-Awstrija) kif ġej:

    Bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida applikant għall-protezzjoni internazzjonali, bħala prinċipju, jista’ jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi li l-Istat Membru rikjedent naqas milli jimplementa tali deċiżjoni fi żmien il-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29 (1) ta’ dak ir-regolament.

    Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013, l-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt xhur stipulat fl-Artikolu 29(1) tiegħu hija biżżejjed minnha nnifisha biex l-Istat Membru rikjedent isir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180, p. 31; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). Ara l-punt 29 iktar ’il quddiem għal kawżi preċedenti u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il quddiem għal tliet kawżi pendenti li jikkonċernaw dan ir-regolament.

    ( 3 ) Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”)].

    ( 4 ) Ir-Regolament Dublin III japplika għall-Isvizzera bis-saħħa tal-Ftehim u l-Protokoll mal-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 53, p. 5). Dan kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/147/KE, tat-28 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008 L 53, p. 3) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/487/KE, tal-24 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2009 L 161, p. 6). L-Islanda u n-Norveġja japplikaw ukoll is-sistema ta’ Dublin permezz ta’ ftehimiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea li ġew approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE, tal‑15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76). Ara wkoll il-punt 23 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S. u Jafari, C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443.

    ( 5 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) jipprovdi għal eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1) fejn huwa impossibbli li applikant jiġi ttrasferit lill-Istat Membru primarjament indikat bħala responsabbli minħabba li hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżulta f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta.

    ( 6 ) L-obbligi fl-Artikolu 18(1) jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Unjoni għal mill-inqas tliet xhur [Artikolu 19(2)].

    ( 7 ) Meta talba għal teħid lura tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac dak it-terminu jitnaqqas għal ġimagħtejn.

    ( 8 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ĠU 2014 L 39, p. 1; iż-żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni flimkien huma indikati iktar ’il quddiem bħala r-“Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin”).

    ( 9 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

    ( 10 ) Minn riċerka tiegħi stess tal-proċess nazzjonali nista’ nikkonferma li l-appell kien iffirmat mill-konsulenti legali ta’ Shiri f’dik id-data, għalkemm jidher li ġie ppreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2015.

    ( 11 ) Id-digriet tar-rinviju ma huwiex ċar dwar jekk l-Awstrija għażlitx li timplementa r-rekwiżit biex tipprovdi li l-pożizzjoni ta’ applikant tkun protetta sakemm ikun hemm l-eżitu ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment billi jiġu introdotti miżuri skont l-Artikolu 27(3)(b) jew (ċ) tar-Regolament Dublin III. Il-qorti tar-rinviju tindika fil-punt 9 tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-Awstrija implementat l-Artikolu 27(3)(b) (li jipprovdi li trasferiment huwa awtomatikament sospiż). Madankollu, hija tkompli tgħid li appell “... minn deċiżjoni ta’ trasferiment ma għandux awtomatikament effett sospensiv: minflok, il-Bundesverwaltungsgericht għandha tiddeċiedi, wara skrutinju strett u rigoruż, jekk għandux jingħata effett sospensiv”. Dik id-deskrizzjoni taqbel mal-kliem tal-Artikolu 27(3)(ċ) u tissuġġerixxi li l-Awstrija għamlet dik l-għażla. Ara wkoll il-punti 52 sa 68 iktar ’il quddiem.

    ( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi A.S. u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443); u Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480), is-sentenzi għadhom pendenti, u ara wkoll Hasan, C‑360/16, għadha pendenti.

    ( 13 ) Ara l-punti 244 sa 247 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S. u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443); u l-punti 77 sa 110 fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480).

    ( 14 ) Għal deskrizzjoni iktar iddettaljata, ara l-konklużjonijiet riċenti tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480, fil-punt 79).

    ( 15 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813).

    ( 16 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II” — dak ir-regolament kien imbagħad ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III). Il-kawża Abdullahi kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II li kien jipprovdi dritt ta’ appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq l-aċċettazzjoni mill-Istat Membru rikjest li għandu jieħu l-inkarigu ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali taħt dak ir-regolament.

    ( 17 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑63/15, EU:C:2016:409).

    ( 18 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑155/15, EU:C:2016:410).

    ( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 62).

    ( 20 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813).

    ( 21 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑63/15, EU:C:2016:409, ara rispettivament il-punti 363738).

    ( 22 ) Dawk il-kriterji li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ viżi huma stabbiliti fl-Artikolu 12(1) u (4) tar-Regolament Dublin III.

    ( 23 ) L-Artikolu 19 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi r-regoli li japplikaw fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lil applikant u jsir l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali [Artikolu 19(1)]. Dik ir-responsabbiltà tieqaf jekk l-Istat Membru hekk indikat jista’ jistabbilixxi li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju tal-Istati Membri għal mill-inqas tliet xhur sakemm il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli [Artikolu 19(2)].

    ( 24 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 23).

    ( 25 ) Ara l-punt 57 iktar ’il quddiem.

    ( 26 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 40 sa 44).

    ( 27 ) Sentenza tas-7 ta Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 45 sa 52). Ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, iddatata 3 ta’ Diċembru 2008 (COM(2008) 820 finali) fil-paġni 6 u 7.

    ( 28 ) Premessa 32.

    ( 29 ) Premessa 39.

    ( 30 ) Ara l-punt 104 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 97 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480).

    ( 31 ) Fil-każ ta’ M. Shiri, ir-regoli li jindikaw l-Istat Membru responsabbli huma dawk fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. L-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III ma hijiex inkwistjoni: ara l-punt 34 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Nifhem li l-kunċett ta’ “forum shopping” jirreferi għall-abbuż tal- proċeduri ta’ ażil fil-forma ta’ applikazzjonijiet multipli għall-ażil ippreżentati mill-istess persuna f’diversi Stati Membri bl-għan waħdieni li jestendi l-waqfa tiegħu fl-Istati Membri: ara COM (2008) 820 finali datata 3 ta’ Diċembru 2008, p. 4. It-terminu jintuża wkoll f’sens usa’ biex ikopri ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari. Madankollu, jiena ma nużax “forum shopping” f’dan is-sens f’dawn il-konklużjonijiet. Kif indikajt fil-punt 69 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480), l-aħħar użu tal-espressjoni “forum shopping” ġie kkritikat bħala li jista’ jiżgwida u mhux xieraq: ara l-istudju “The reform of the Dublin III Regulation” (Ir-riforma tar-Regolament Dublin III) għall-Kumitat LIBE kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew, p. 21.

    ( 33 ) Artikoli 23 sa 25 tar-Regolament Dublin III.

    ( 34 ) Premessa 5 tar-Regolament Dublin III.

    ( 35 ) Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 4041).

    ( 36 ) Ara wkoll il-punti 96 sa 98 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:480).

    ( 37 ) Ara wkoll il-punti 248 sa 257 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S. u Jafari (C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443).

    ( 38 ) Filwaqt li t-test tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) jissuġġerixxi li ż-żmien jista’ jiġi estiż sakemm l-Istat Membru rikjedent jinforma kif xieraq lill-Istat Membru rikjest li ma jistax iwettaq it-trasferiment fi żmien sitt xhur, dik il-possibbiltà hija espressament limitata għaċ-ċirkustanzi partikolari msemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. Jekk ma jagħmilx dan, l-Istat Membru rikjedent isir responsabbli taħt ir-regola normali ta’ sitt xhur sabiex jeżamina l-applikazzjoni sostantiva.

    ( 39 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.

    ( 40 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.

    ( 41 ) Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III.

    ( 42 ) Artikolu 27(3)(b) tar-Regolament Dublin III.

    ( 43 ) Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III; ara ukoll il-punt 20 u n-nota’ ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.

    ( 44 ) COM(2008) 820 finali, 3 ta’ Diċembru 2008, p. 7.

    ( 45 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 18(1)(b), il-Bulgarija (l-Istat Membru rikjest) hija obbligata tieħu lura lil M. Shiri taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29 tar-Regolament Dublin III.

    ( 46 ) Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, EU:C:2009:41).

    ( 47 ) Filwaqt li bla dubju huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jirranġaw l-iżbalji, jiena nikkunsidra li l-Artikolu 29(3) għandu jintuża bħala l-eċċezzjoni iktar milli r-regola, billi ma huwiex konsistenti mal-għan li t-trasferimenti għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-bniedem (ara l-premessa 24 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III) għall-applikanti li jintbagħtu b’mod regolari minn u lejn l-Istati Membri.

    ( 48 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

    ( 49 ) Ara l-punt 59 iktar ’il fuq.

    ( 50 ) Minkejja n-nuqqas ta’ deċiżjoni legali għall-finijiet tal-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III, M. Shiri fil-fatt tħalla jibqa’ fl-Awstrija.

    ( 51 ) Hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk hemmx prattika li hija, sa ċertu punt, ta’ natura konsistenti u ġenerali u jekk għandhiex tagħmel kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE: ara b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 28); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2004:546, punt 48).

    ( 52 ) Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 45).

    Top