This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CC0080
Opinion of Advocate General Wahl delivered on 9 March 2017.#ArcelorMittal Atlantique et Lorraine SASU v Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de lʼÉnergie.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal administratif de Montreuil.#Reference for a preliminary ruling — Environment — Directive 2003/87/EC — Article 10a(1) — EU greenhouse gas emission allowance trading scheme — Free allocation of allowances — Decision 2011/278/EU — Validity — Principle of sound administration — Determination of the product benchmark for hot metal — Use of data in the ‘BREF’ for iron and steel production and guidelines for establishing benchmarks for hot metal — Meaning of ‘similar products’ — Reference installations — Obligation to state reasons.#Case C-80/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2017.
ArcelorMittal Atlantique et Lorraine vs Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de lʼÉnergie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Montreuil.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a(1) – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Validità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun – Rikors għad-data li tirriżulta mill-‘BREF’ ħadid u azzar u mil-linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji tal-metall sħun – Kunċett ta’ ‘prodotti simili’ – Installazzjonijiet ta’ riferiment – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-80/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2017.
ArcelorMittal Atlantique et Lorraine vs Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de lʼÉnergie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Montreuil.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a(1) – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Validità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun – Rikors għad-data li tirriżulta mill-‘BREF’ ħadid u azzar u mil-linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji tal-metall sħun – Kunċett ta’ ‘prodotti simili’ – Installazzjonijiet ta’ riferiment – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-80/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:192
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2017 ( 1 )
Kawża C-80/16
ArcelorMittal Atlantique et Lorraine
vs
Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie
[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva, Montreuil, Franza)]
“Ambjent — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Direttiva 2003/87/KE — Regoli tranżitorji — Deċiżjoni 2011/278/UE — Validità — Metodu għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas — Settur tal-azzar — Parametri referenzjarji għal metall sħun u minerali sinterizzati — Produzzjoni ta’ elettriku minn gassijiet ta’ skart — Użu ta’ data l-iktar preċiża u aġġornata — Installazzjonijiet l-iktar effiċjenti — Obbligu ta’ motivazzjoni”
|
1. |
Din il-kawża tirrigwarda l-iskema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ emissjonijiet li daħlet fis-seħħ bid-Direttiva 2003/87/KE ( 2 ). B’mod partikolari, minħabba l-interessi finanzjarji involuti, kwantità kbira ta’ aspetti ta’ dik l-iskema spiċċaw is-suġġett ta’ kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 3 ). Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278/UE ( 4 ) li kienet ġiet adottata b’applikazzjoni ta’ dik id-direttiva. Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw il-kwistjoni kumplessa tal-metodu xieraq li għandu jiġi użat mill-Kummissjoni fl-iffissar ta’ parametri referenzjarji mal-Unjoni kollha għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas fis-settur tal-azzar matul il-perijodu 2013 sa 2020. |
|
2. |
B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkjarifika jekk, meta jiġu stabbiliti l-parametri referenzjarji, il-Kummissjoni tistax (1) tiddeċiedi li ma tinkludix it-totalità tal-emissjonijiet relatati mal-użu ta’ gassijiet ta’ skart irriċiklat fil-produzzjoni tal-elettriku fil-parametru referenzjarju għall-metall sħun; (2) tibbaża d-determinazzjoni tagħha tal-parametru referenzjarju għall-metall sħun fuq il-“BREF” ( 5 ) għall-produzzjoni tal-ħadid u l-azzar u d-Deċiżjoni 2007/589/KE ( 6 ); (3) tinkludi fabbrika li tipproduċi kemm minerali sinterizzati kif ukoll pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzat; u fl-aħħar nett (4) tipproċedi b’dak il-mod mingħajr ma jingħadu speċifikament ir-raġunijiet għal dan. |
|
3. |
Mad-daqqa ta’ għajn, id-domandi magħmula huma tekniċi ħafna fin-natura. Madankollu, dan ma għandux inaqqas mis-sinjifikat ta’ dawk id-domandi. Minn naħa, fil-klima li qiegħda tinbidel tal-lum, l-iskema tal-iskambju ta’ emissjonijiet li stabbilixxiet id-Direttiva 2003/87 tikkostitwixxi mingħajr dubju l-fundament tal‑politika ambjentali tal-Unjoni ( 7 ). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-iktar sena sħuna li qatt ġiet irreġistrata, fejn ix-xjenzjati rrapportaw, b’mod partikolari, livelli l-iktar baxxi ta’ kull żmien fil-livelli tas-silġ tal-baħar tal-Artiku, l-importanza tad-domandi magħmula ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed. |
|
4. |
F’dan li se jsegwi, se nispjega għaliex il-Kummissjoni ddeterminat il-parametri referenzjarji msemmija fid-Deċiżjoni 2011/278 f’konformità mad-Direttiva 2003/87. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva 2003/87
|
5. |
L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-perijodu tranżitorju 2013 sa 2020. Il-paragrafi 1 sa 3, 6 u 12 tiegħu jipprovdu: “1. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3). Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart. Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi u subsetturi individwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati. Mal-approvazzjoni mill-Komunità ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jwassal għal tnaqqis mandatorju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra paragunabbli ma’ dawk tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dawk il-miżuri li jipprovdu li l-allokazzjoni gratis isseħħ biss meta din tkun ġustifkata kompletament fid-dawl ta’ dak il-ftehim. 2. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati. Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante. 3. Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2. […] 6. L-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw miżuri finanzjarji favur is-setturi jew is-subsetturi determinati li jkunu esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-ispejjeż relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra li jidhru fil-prezzijiet tal-elettriku, sabiex ikun hemm kumpens għal dawk l-ispejjeż u kull fejn dawn il-miżuri finanzjarji jkunu konformi mar-regoli tal-għajnuna statali applikabbli u li jiġu adottati f’dan il-qasam. […] […] 12. […] fl-2013 u f’kull sena sussegwentement sal-2020, istallazzjonijiet f’setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jiġu allokati, konformement mal-paragrafu 1, kwoti gratis sa 100 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.” |
B. Id-Deċiżjoni 2011/278
|
6. |
Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-parametri referenzjarji tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 fid-Deċiżjoni 2011/278. Sabiex jinftiehem il-metodu applikat għad-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji kkontestati għall-minerali sinterizzati u l-metall sħun, il-premessi li ġejjin huma ta’ rilevanza partikolari. Dawn jgħidu (noti ta’ qiegħ il-paġna esklużi):
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
7. |
Il-parametri referenzjarji għal minerali sinterizzati u metall sħun huma stabbiliti fl-Anness I tad-deċiżjoni. Il-valuri huma stabbiliti bħala 0.171 u 1.328 kwoti/tunnellati rispettivi. |
II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
|
8. |
Fil-proċeduri prinċipali quddiem it-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva, Montreuil), ArcelorMittal Atlantique et Lorraine (iktar ’il quddiem “ArcelorMittal”) titlob l-annullament tad-Digriet tal-Ministru għall-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija tal-24 ta’ Jannar 2014 li jistabbilixxi lista tal-operaturi li ġewlhom allokati kwoti ta’ emissjonijiet tal-gass serra u l-ammont ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għall-perijodu 2013 sa 2020 ( 8 ). Barra minn hekk, talbet lill-qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Ministru tal-11 ta’ Ġunju 2014 li tiċħad ir-rikors tagħha sabiex dak id-digriet jiġi rtirat. |
|
9. |
Id-digiret inkwistjoni ġie adottat skont id-Deċiżjoni 2011/278. ArcelorMittal issostni, essenzjalment, li d-digriet u d-deċiżjoni tal-Ministru huma illegali billi huma bbażati fuq id-Deċiżjoni 2011/278, li min-naħa tagħha ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2003/87. Skont din, dan huwa allegatament hekk għar-raġuni li minn naħa, il-Kummissjoni ma qisitx l-emissjonijiet ta’ gass relatat ma’ skart użat għall-produzzjoni tal-elettriku fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju għall-metall sħun u li, min-naħa l-oħra, l-aħjar data disponibbli ma ntużatx fid-determinazzjoni ta’ dak il-parametru referenzjarju. Barra minn hekk, ArcelorMittal tikkunsidra li l-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati ma huwiex korrett għaliex l-emissjonijiet ta’ installazzjoni li tipproduċi pritkuni wkoll kienu inklużi fil-kalkolu ta’ dak il-parametru referenzjarju. |
|
10. |
Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fid-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas. Minkejja dan, hija għandha dubji dwar jekk il-parametri referenzjarji għall-metall sħun u minerali sinterizzati humiex kumpatibbli mad-direttiva. Dan huwa għaliex hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
|
11. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn ArcelorMittal Atlantique et Lorraine, mill-Gvernijiet ta’ Franza u tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni. Saru s-sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017 minn ArcelorMittal, il-Gvernijiet ta’ Franza u tal-Isvezja u l-Kummissjoni. |
III. Evalwazzjoni
A. Introduzzjoni
|
12. |
Sabiex jinftiehem il-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ikun utli illi wieħed jibda billi jindika l-prinċipji bażiċi tal-iskema tal-iskambju ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. |
|
13. |
Mingħajr preċedent f’termini ta’ ambizzjoni u ta’ portata, l-iskema għall-iskambju ta’ emissjonijiet tal-Unjoni saret operattiva f’Jannar 2005. Hija ddisinjata biex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod li huwa effettiv f’termini ta’ nfiq u ekonomikament effiċjenti. Mill-bidu nett, l-għan iddikjarat kien li jiġi żgurat li l-impenji konġunti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto jitwettqu ( 9 ). Dawk l-impenji evolvew maż-żmien. Hekk għamlet ukoll l-iskema tal-iskambju ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. |
|
14. |
Matul l-ewwel żewġ fażijiet (l-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007 u l-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2012) tal-iskema tal-iskambju ta’ emissjonijiet, l-Istati Membri kienu responsabbli għall-ħruġ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont il-pjanijiet ta’ allokazzjoni nazzjonali. Matul dak il-perijodu, il-maġġoranza tal-kwoti tal-emissjonijiet ġew allokati mingħajr ħlas. |
|
15. |
Bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 għaddiet minn tibdil konsiderevoli. Dak it-tibdil jirrigwarda it-tielet fażi (mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020) tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ( 10 ). L-estensjoni tal-iskema għall-oqsma ġodda tal-ekonomija u emendi sostanzjali oħra ġew introdotti sabiex dik l-iskema tiġi adattata għall-impenji internazzjonali bbażati fuq riċerka kontemporanja fuq it-tibdil fil-klima u l-evoluzzjoni ta’ miri ta’ tnaqqis li jirriflettu din ir-riċerka ( 11 ). |
|
16. |
Kuntrarjament għal dak li ġara fl-ewwel żewġ fażijiet, il-proċess għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet issa huwa armonizzat fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-ammont totali ta’ kwoti disponibbli fl-Unjoni. Dak l-ammont jonqos b’1.74 % kull sena mill-2010 ’il quddiem. Għalkemm l-irkantar sħiħ għandu jseħħ matul medda ta’ żmien twil, tpoġġiet fis-seħħ sistema tranżitorja għal setturi li ma humiex tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Taħt dik is-sistema, l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-industrija tal-manifattura għandha tonqos gradwalment minn 80 % fl-2013 għal 30 % fl-2020. L-għan iddikjarat huwa li ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas fl-2027. |
|
17. |
Fir-rigward tas-setturi li jitqiesu li jsofru minn riskju għoli ta’ rilaxx ta’ karbonju ( 12 ), dawk is-setturi jirċievu kwoti b’xejn f’100 % tal-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas. Din il-kwantità hija ddeterminata, bħala regola, fuq il-bażi tal-kwantità tal-produzzjoni tal-installazzjoni (imkejla f’tunnellati tal-prodott) immultiplikata bil-valur tal-parametru referenzjarju tal-prodott rilevanti. |
|
18. |
Taħt is-sistema tranżitorja, il-Kummissjoni tassumi rwol ewlieni. |
|
19. |
Fil-bidu tat-tielet fażi, il-Kummissjoni vverifikat li l-listi pprovduti minn kull Stat Membru tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 u tan-numru ta’ kwoti mingħajr ħlas li jiġu allokati lil dawk l-installazzjonijiet kienu kompleti u li dawk il-listi kienu jikkonformaw mal-kuntest ġuridiku rilevanti ( 13 ). Fuq dik il‑bażi, l-Istati Membri ħadu d-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni finali għall-perijodu mill-2013 sal-2020. Peress li l-allokazzjoni mitluba għall-installazzjonijiet kollha fl-Unjoni jaqbżu l-ammont totali disponibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas, l-allokazzjoni għal kull installazzjoni tnaqqset mill-Kummissjoni. Dak huwa magħruf bħala l-“fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi”, li kien ukoll is-suġġett ta’ kawżi reċenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ). |
|
20. |
Sabiex jitlaħqu l-għanijiet tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, ir-regoli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas huma ta’ sinjifikat partikolari. Fil-fatt, huwa ta’ importanza fundamentali li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ma taqbiżx dak li huwa meħtieġ. Il-Kummissjoni stabbilixxiet dawk ir-regoli, li huma applikabbli fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fid-Deċiżjoni 2011/278. |
|
21. |
F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeterminat il-parametri referenzjarji li jiffunzjonaw bħala l-bażi għall-allokazzjoni mingħajr ħlas għal kull installazzjoni. B’mod ġenerali, parametru referenzjarju ta’ prodott huwa bbażat fuq l-emissjonijiet medji ta’ gass serra tal-10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti li jipproduċu l-prodott fl-Unjoni. Il-ħsieb wara dan hu li l-installazzjonijiet li ma jissodisfawx dawk il-parametri referenzjarji jirċievu inqas kwoti mingħajr ħlas milli fil-fatt għandhom bżonn. |
|
22. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tindirizza minn numru ta’perspettivi l-legalità tal-metodu applikat mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-prodott rilevanti. Issa ser nikkunsidra d-domandi magħmula f’iktar dettall. |
B. Il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278
|
23. |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fid-determinazzjoni ta’ parametri referenzjarji fil-kuntest tal-iskema tal-iskambju ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. Mill-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 isegwi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra firxa kbira ta’ parametri meta tiffissa l-parametri referenzjarji tal-prodott li jifformaw il-bażi għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas. Dak l-istess paragrafu jispeċifika li dawk il-parametri għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “safejn ikun fattibbli”. Għaldaqstant, minħabba n-natura teknika tal-applikazzjoni tal-parametri referenzjarji, l-istħarriġ ġudizzjarju li għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja jkun limitat għall-verifika li l-miżura ma hijiex manifestament mhux xierqa ( 15 ). |
|
24. |
Huwa f’dak id-dawl li d-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu evalwati. |
1. Il-parametru referenzjarju għal metall sħun: produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart
|
25. |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-metodu użat mill-Kummissjoni biex tiffissa l-parametru referenzjarju għal metall sħun skont id-Deċiżjoni 2011/278 huwiex kompatibbli mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. |
|
26. |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(a)(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-irkupru effiċjenti tal-enerġija minn gassijiet ta’ skart għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu applikati l-parametri referenzjarji. Dan sabiex jiġi żgurat li l-allokazzjoni ssir b’mod li tipprovdi inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għal tekniki ta’ enerġija effiċjenti. Dik l-istess dispożizzjoni tgħid ukoll li ma għandha ssir l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-elettriku prodott minn gassijiet ta’ skart. |
|
27. |
Fid-dawl ta’ dik id-dispożizzjoni ArcelorMittal tilmenta li fl-iffissar tal-parametri referenzjarji għall-metall sħun, l-emissjonijiet kollha li jappartjenu għall-użu ta’ gassijiet ta’ skart għall-produzzjoni ta’ elettriku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. |
|
28. |
Minħabba dak l-ilment il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-Deċiżjoni 2011/278 mad-Direttiva 2003/87. Hija tistaqsi jekk il-metodu applikat mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju għal metall sħun jistax jiġi rrikonċiljat mal-għan tal-irkupru tal-enerġija effiċjenti ta’ gassijiet ta’ skart, fuq naħa, u mal-eċċezzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-elettriku prodott minn gassijiet ta’ skart, min-naħa l-oħra. |
|
29. |
L-ewwel nett, il-partijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet jaqblu li, bħala regola, il-kwoti ma għandhomx jiġu allokati mingħajr ħlas għall-produzzjoni tal-elettriku. Dan jirriżulta b’ċarezza mill-Artikolu 10a(1) u (3) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, minħabba l-eċċezzjoni dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas għall-elettriku prodott minn gassijiet ta’ skart stabbilita fl-Artikolu 10a(1) tad-direttiva, jibqa’ n-nuqqas ta’ qbil dwar kif l-elettriku prodott minn gassijiet ta’ skart għandu jiġi ttrattat u jekk l-għażla li għamlet il-Kummissjoni tikkontribwixxix għall-irkupru effiċjenti ta’ dawk il-gassijiet. |
|
30. |
Qabel ma ngħaddi biex nikkunsidra dik il-kwistjoni, jista’ jkun utli li jiġi nnotat li l-gassijiet ta’ skart jikkostitwixxu prodott sekondarju inevitabbli tal-manifattura tal-kokk u tal-azzar. Dawk il-gassijiet huma rkuprati u użati l-iktar għall-produzzjoni tal-elettriku, iżda anki fuq livell minuri għall-fran fil-kalkari ta’ funderija, għat-tqabbid ta’ impjanti tal-fran tal-kokk, ignixin ta’ stands tas-sinter u t-tisħin mill-ġdid ta’ fran. L-elettriku huwa prodott jew ġewwa l-installazzjoni nnifisha jew barra mill-installazzjoni minn terz. Kemm ekonomikament kif ukoll ambjentalment, l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ gassijiet ta’ skart bħala fjuwil jagħmel ferm iktar sens milli r-rilaxx ta’ dawk il-gassijiet jew il-ħruq tagħhom għall-ebda użu utli ( 16 ). |
a) Irkupru effiċjenti tal-gassijiet ta’ skart
|
31. |
L-użu ta’ gassijiet ta’ skart bħala fjuwil jista’ jispjega għaliex l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jinkludi l-promozzjoni tal-użu ta’ gassijiet ta’ skart fost l-inċentivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass serra u jintużaw tekniki effiċjenti ta’ enerġija. Jispjega wkoll għaliex dik id-dispożizzjoni toħloq eċċezzjoni bl-esklużjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għal elettriku prodott minn gassijiet ta’ skart ( 17 ). |
|
32. |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni ArcelorMittal, ma nsib l-ebda appoġġ fid-direttiva għall-fehma li l-emissjonijiet ta’ gass serra kollha li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ gassijiet ta’ skart għandhom awtomatikament jagħtu lok għal allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-parametri referenzjarji. |
|
33. |
B’mod iktar speċifiku, ma hemm xejn fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 li jindika sa fejn il-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-parametri referenzjarji. Ċertament, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, moqri kumplessivament, jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-produzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart. Madankollu tagħmel hekk biss sa fejn huwa fattibbli fid-dawl tal-bżonn li jiġi promoss l-irkupru effiċjenti ta’ gassijiet ta’ skart u l-għan kumplessiv ta’ dik id-direttiva biex jitnaqqsu l-emssissjonijiet serra ( 18 ). |
|
34. |
Dan iwassalni għall-kwistjoni tal-irkupru effiċjenti ta’ gassijiet ta’ skart u l-għan kumplessiv tad-direttiva. |
|
35. |
Il-permessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 tispjega li, meta fformulat il-parametru referenzjarju għal metall sħun, il-Kummissjoni fil-fatt qieset l-irkupru effiċjenti ta’ gassijiet ta’ skart. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li gassijiet ta’ skart jinħarqu għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (jew tas-sħana) fis-settur tal-azzar. Għal dik ir-raġuni, il-parametru referenzjarju għal, b’mod partikolari, metall sħun, ġie aġġustat ’il fuq biex jinkludi mhux biss l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni ta’ metall sħun, iżda wkoll dawk relatati mal-użu ta’ gassijiet ta’ skart. |
|
36. |
Madankollu, il-parametru referenzjarju għal metall sħun ma jqisx l-emissjonijiet relatati mal-użu ta’ gassijiet ta’ skart għall-produzzjoni tal-elettriku sħiħa (iżda pjuttost, għal livell bejn wieħed u ieħor ta’ 75 sa 80 %) ( 19 ). |
|
37. |
Ir-raġuni għal dan ssir iktar evidenti fl-eżami tal-proċess. Fil-fatt, l-użu ta’ gassijiet ta’ skart għall-produzzjoni tal-elettriku ifisser li dawk il-gassijiet jintużaw bħala sostitut għal fjuwil ieħor. Globalment, dan jiffranka emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għaliex minflok l-użu ta’ faħam sabiex issir l-azzar u fjuwil differenti (jiġifieri, il-gass naturali) għall-produzzjoni tal-elettriku, il-faħam biss huwa meħtieġ biex jiġu prodotti kemm l-elettriku kif ukoll l-azzar. |
|
38. |
Sabiex jiġi ddeterminat sa fejn il-parametru referenzjarju tal-prodott għal metall sħun għandu jqis il-kontenut tal-karbonju tal-gassijiet ta’ skart fil-produzzjoni tal-elettriku, il-Kummissjoni użat gass naturali bħala fjuwil ta’ riferiment. Ir-riċiklaġġ ta’ gassijiet ta’ skart u l-użu tagħhom bħala fjuwil għall-produzzjoni tal-elettriku, minflok ma wieħed jirrikorri għall-gass naturali, ifisser li mill-installazzjoni inkwistjoni joħorġu iktar gassijiet serra. Kif spjegaw il-partijiet li għamlu osservazzjonijiet, ir-riċiklaġġ ta’ gassijiet ta’ skart jirriżulta f’madwar 75 % iktar gassijiet serra, ipparagunat ma’ sitwazzjoni fejn il-gass naturali jintuża bħala fjuwil għall-produzzjoni tal-elettriku. Għall-promozzjoni tal-irkupru u l-użu ta’ gassijiet ta’ skart, l-allokazzjoni mingħajr ħlas għandha tqis dik iż-żieda sabiex ma jiġix ippenalizzat l-użu mill-ġdid ta’ dawk il-gassijiet. Billi l-kwoti ta’ emissjoni huma allokati lill-produttur abbażi tad-differenza fl-intensità tal-emissjoni bejn il-gass ta’ skart u l-gass naturali, il-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart la hija vantaġġata u lanqas svantaġġata meta mqabbla ma’ installazzjoni li tipproduċi l-elettriku mill-gass naturali. |
|
39. |
L-allokazzjoni ta’ kwoti fuq il-bażi ta’ parametru referenzjarju li jqis dik iż-żieda fl-emissjonijiet li tirriżulta mill-użu ta’ gassijiet ta’ skart għall-produzzjoni tal-elettriku tidher li tinkoraġġixxi l-irkupru effiċjenti ta’ dawn il-gassijiet. |
|
40. |
Fis-sentenza Borealis Polyolefine et ( 20 ), li kienet tirrigwarda l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, il-Qorti tal-Ġustizzja dan irrikonoxxietu. F’dik il‑ kawża, hija osservat li l-approċċ tal-Kummissjoni fil-fatt ħa inkunsiderazzjoni l-irkupru effiċjenti ta’ gassijiet ta’ skart. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li meta tieħu inkunsiderazzjoni l-użu ta’ gassijiet ta’ skart fil-parti l-kbira fil-formulazzjoni tal-parametru referenzjarju għal, b’mod partikolari, metall sħun, il-Kummissjoni riedet tinkoraġġixxi impriżi biex jużaw mill-ġdid jew ibigħu gassijiet ta’ skart iġġenerati matul proċess ta’ manifattura ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet dik il-pożizzjoni f’kawża sussegwenti ( 22 ). |
b) Dikotomija bejn il-produzzjoni ta’ sħana u elettriku u l-kwisjtoni tar-rilaxx tal-karbonju
|
41. |
Huwa veru li teżisti assimetrija fil-metodoloġija magħżula mill-Kummissjoni: kwoti addizzjonali mingħajr ħlas jistgħu jiġu allokati għall-użu ta’ gassijiet ta’ skart meta dawk il-gassijiet jiġu esportati u maħruqa għall-produzzjoni ta’ sħana. F’dak il-każ, jiġu allokati kwoti addizzjonali fuq il-bażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil lill-konsumatur tas-sħana. Ma humiex disponibbli kwoti addizzjonali għal elettriku prodott minn gassijiet ta’ skart. |
|
42. |
Il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien xieraq li tiġi estiża l-allokazjoni ta’ kwoti addizzjonali mingħajr ħlas għall-produzzjoni tal-elettriku minn ġeneratur tal-elettriku jirrifletti r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87. Kif osservajt iktar ’il fuq, dik id-dispożizzjoni tipprovdi li l-ġenerazzjoni tal-elettriku ma għandhiex tirċievi kwoti mingħajr ħlas. F’dak ir-rigward, fil-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni tispjega li tali regola hija meħtieġa wkoll sabiex jiġu evitati distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni fis-swieq għall-elettriku pprovdut lill-installazzjonijiet industrijali u sabiex jittieħed inkusiderazzjoni l-prezz tal-karbonju inerenti fl-elettriku. |
|
43. |
Fuq dak il-punt, ikolli nistqarr li għandi ċerta simpatija mal-argument ta’ ArcelorMittal. Fil-fatt, ma iniex konvint li t-trattament assimmetriku tal-ġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku hija meħtieġa sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku. Il-bżonn għal dan it-trattament assimetriku jidher dubjuż sa fejn is-settur tal-azzar huwa konsumatur nett tal-elettriku u l-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart tidher li tirrappreżenta mhux iżjed minn 1 % tal-produzzjoni totali tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, l-għażla tal-Kummissjoni tidher li hija għalkollox skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva u għalhekk ma tistax taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278. |
|
44. |
Hawnhekk hemm bżonn li jiġi indirizzat ukoll l-argument ta’ ArcelorMittal dwar ir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju fis-settur tal-azzar. Hija targumenta, essenzjalment, li l-mod kif il-Kummissjoni stabbilixxiet il-parametru referenzjarju għall-metall sħun iżid ir-riskju ta’ rilaxx fl-industrija tal-azzar li tuża ħafna enerġija kuntrarjament għall-għan tad-Direttiva 2003/87. |
|
45. |
Jista’ jagħti l-kas li metodoloġija oħra għall-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju setgħet indirizzat dik il-kwistjoni ( 23 ) b’mod iktar xieraq, kif issuġġerit minn ArcelorMittal. Madankollu, ma għandux jintesa li d-Direttiva 2003/87 tindirizza r-riskju tar-rilaxx permezz ta’ mekkaniżmu kumpensatorju stabbilit fl-Artikolu 10a(6) tagħha. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri finanzjarji favur setturi jew subsetturi kkonċernati. L-għajnuna tista’ tingħata skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni fejn, minħabba spejjeż relatati mal-emissjonijiet ta’ gass serra mgħoddija fil-prezzijiet tal-elettriku, hemm riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx tal-karbonju. Fi kliem ieħor, flimkien ma’ li jirċievi kwoti mingħajr ħlas, is-settur tal-azzar jista’ jkun eliġibbli għal għajnuna taħt dik ir-regola. |
|
46. |
Iktar importanti minn hekk, ma huwiex faċilment osservabbli mis-sottomissjonijiet ta’ ArcelorMittal (jew, mit-talba għal deċiżjoni preliminari) b’liema mod il-metodu applikat mill-Kummissjoni suppost jista’ jżid ir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju. |
|
47. |
L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 hawnhekk ma jipprovdi ebda assistenza lil ArcelorMittal. L-Artikolu 10a(12) sempliċiment jgħid li installazzjonijiet fis-settur jew subsetturi li huma esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx ta’ karbonju għandhom jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas fi 100 % tal-kwantità ddeterminata skont il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Huwa ċar li d-direttiva ma tgħidx li setturi kkunsidrati li huma f’riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx ta’ karbonju għandhom, fiċ-ċirkustanzi kollha, jirċievu kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas li jikkorrespondu mal-emissjonijiet ta’ gass serra li joħorġu minnhom. |
|
48. |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nikkonkludi li l-kunsiderazzjoni tal-ewwel domanda preliminari ma żvelat xejn li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni li tistabbilixxi parametru referenzjarju għal metall sħun. |
2. Il-parametru referenzjarju għal metall sħun: l-użu ta’ data l-iktar preċiża u aġġornata
|
49. |
It-tieni domanda preliminari tikkonċerna l-kwalità tad-data użata mill-Kummissjoni fl-iffissar ta’ parametru referenzjarju għal metall sħun bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2011/278. B’mod iktar speċifiku, din id-domanda tistaqsi jekk il-Kummissjoni għandhiex tuża data bbażata fuq il-BREF għall-produzzjoni ta’ ħadid u azzar u d-Deċiżjoni 2007/589 fil-kalkolu ta’ dak il-parametru referenzjarju mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 10(a)(2) tad-Direttiva 2003/87 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
50. |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tuża din id-data ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, tiġi kkritikata. |
|
51. |
Huwa veru, kif issostni ArcelorMittal, li taħt l-Artikolu 10(a)(2) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-industrija kkonċernata sabiex jiġu ddefiniti l-prinċipji għall-iffissar tal-parametri referenzjarji f’setturi jew subsetturi individwali. Huwa daqstant ieħor veru li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/87 jeħtieġ li l-Kummissjoni tuża “l-evidenza xjentifika l-iktar preċiża u aġġornata disponibbli, b’mod partikolari mill-[International Panel on Climate Change (IPCC)]” fl-adozzjoni ta’ regolament għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet. |
|
52. |
Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dawk id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni hija wkoll taħt l-obbligu li tuża d-data provduta mill-industrija kkonċernata. Ma jeżisti l-ebda obbligu bħal dak fid-Direttiva 2003/87. |
|
53. |
Kif osservat iktar ’il fuq, il-proċess tal-iffissar ta’ valuri ta’ parametri referenzjarji huwa wieħed kumpless u tekniku. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċiment iddefinixxa l-għanijiet ewlenin għall-iffissar tal-parametri referenzjarji u ħalla lill-Kummissjoni diskrezzjoni wiesgħa kif tilħaq dawk l-għanijiet. B’estensjoni, il-Kummissjoni għandha tgawdi minn grad ta’ diskrezzjoni wkoll fl-għażla ta’ data użata fid-definizzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji sakemm dik id-data ma tkunx manifestament mhux xierqa sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2003/87 (tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u l-użu ta’ tekniki effiċjenti ta’ enerġija) jintlaħqu. |
|
54. |
Għall-kuntrarju, id-data ma tistax tingħażel b’mod arbitrarju. Dan huwa bla dubju għaliex, fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rapportar, id-Direttiva 2003/87 teħtieġ l-użu ta’ evidenza xjentifika l-iktar preċiża u aġġornata disponibbli. |
|
55. |
Il-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2011/278 tispjega għaliex, meta stabbilixxiet il-parametru referenzjarju għal metall sħun, il-Kummissjoni użat informazzjoni bbażata fuq il-BREF u d-Deċiżjoni 2007/589, pjuttost milli d-data pprovduta mill-industrija kkonċernata. Id-dokumenti kkonċernati ntużaw sabiex jinġiebu valuri ta’ parametri referenzjarji fejn l-ebda data, jew l-ebda data miġbura skont il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-parametri referenzjarji, ma kienet disponibbli. Din il-premessa tispjega wkoll il-problemi speċifiċi li nstabu fl‑iffissar tal-parametru referenzjarju għal metall sħun: minħabba n-nuqqas ta’ data dwar it-trattament ta’ gassijiet ta’ skart, l-esportazzjonijiet ta’ sħana u l-produzzjoni ta’ elettriku, il-valur tal-parametru referenzjarju għal metall sħun kien derivat mill-kalkoli ta’ emissjonijiet diretti u indiretti bbażati fuq informazzjoni dwar flussi ta’ enerġija rilevanti pprovduti mid-dokumenti BREF u fatturi ta’ emissjonijiet predefiniti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/589. |
|
56. |
Il-Kummissjoni spjegat ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li d-data pprovduta mill-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija tal-azzar Ewropea [L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (Eurofer)] ma kinitx tinkludi data relatata, sa fejn huwa kkonċernat il-metall sħun, it-trattament tal-gassijiet ta’ skart, l-esportazzjonijiet ta’ sħana jew il-produzzjoni tal-elettriku. Minkejja li d-data pprovduta mill-industrija setgħet kienet iktar komprensiva fir-rigward tan-numru ta’ installazzjonijiet ikkunsidrati, dik id-data ma setgħetx tintuża skont il-metodoloġija tal-Kummissjoni. |
|
57. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, jidher li huwa ġġustifikat li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrikorri għal data minn sorsi oħrajn. |
|
58. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenzi Borealis et u Yara Suomi et li, meta straħet fuq is-sorsi inkwistjoni hawnhekk sabiex tiddetermina l-parametri referenzjarji skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2007/83, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha ( 24 ). |
|
59. |
Fil-fatt, l-għażla magħmula mill-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-BREF għall-produzzjoni tal-ħadid u l-azzar u d-Deċiżjoni 2007/589 ma tidhirx li hija manifestament barra minn lokha għall-finijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-promozzjoni tal-użu ta’ tekniki effiċjenti. Iż-żewġ dokumenti jikkostitwixxu sorsi ta’ informazzjoni fuq emissjonijiet u konsum, u fuq it-tekniki l-iktar effiċjenti fil-qasam. |
|
60. |
Minn naħa, skont (dak li hu issa) l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75 ( 25 ), id-dokumenti BREF huma abbozzati u ppubblikati għal kull settur fuq il-bażi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u organizzazzjonijiet ambjentali. Kif jissuġġerixxi isimhom, huma jikkostitwixxu dokumenti ta’ riferiment għall-aħjar tekniki disponibbli f’settur partikolari. Ir-rapport BREF dwar il-ħadid u l-azzar għas-sena 2001 li użat il-Kummissjoni kien l-iktar dokument aġġornat disponibbli fil-qasam ( 26 ). |
|
61. |
Min-naħa l-oħra, il-fatturi ta’ emissjoni predefiniti msemmija fid-Deċiżjoni 2007/589 huma bbażati, fil-biċċa l-kbira, fuq Linji gwida IPCC. Dawk il-fatturi jintużaw sabiex jiġu stabbiliti inventarji nazzjonali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. |
|
62. |
Fuq dik il-bażi, jiena nikkonkludi li l-kunsiderazzjoni tat-tieni domanda preliminari ma żvelatx xejn li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 dwar id-data użata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-parametru referenzjarju għal metall sħun. |
3. Il-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati: id-determinazzjoni tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti
|
63. |
It-tielet domanda preliminari tittratta l-ġbir tad-data. Din tirrigwarda d-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-għażla ta’ installazzjonijiet għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-parametru referenzjarju rilevanti. Iktar speċifikament, il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni installazzjoni li tipproduċi kemm minerali sinterizzati kif ukoll pritkuni bħala waħda mill-10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87. |
|
64. |
L-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87 jgħid li fl-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju, il-punt ta’ tluq għandu jkun il-prestazzjoni medja tal-10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’settur jew subsettur fl-Unjoni fis-snin 2007 u 2008. L-istess idea hija mtennija fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/278. Min-naħa l-oħra, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/278 tistabbilixxi l-prinċipju li fejn prodott huwa sostitut dirett ta’ prodott ieħor, it-tnejn għandhom ikunu koperti bl-istess parametru referenzjarju tal-prodott u d-definizzjoni tal-prodott relatata. |
|
65. |
Mill-proċess u l-argumenti mressqa waqt is-seduta jirriżulta li l-pritkuni u l-minerali sinterizzati ma humiex sostituti diretti u, għaldaqstant, ma humiex koperti mill-istess parametru referenzjarju. Dak huwa essenzjalment għaliex il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott tal-pritkuni huma differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk tal-minerali sinterizzati. |
|
66. |
L-ilment li għamlet ArcelorMittal, u li rripetiet il-qorti tar-rinviju, huwa bbażat fuq l-assunzjoni li l-Kummissjoni, meta fformulat il-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati, ħadet inkunsiderazzjoni installazzjoni li tipproduċi kemm pritkuni kif ukoll minerali sinterizzati, kuntrarjament għall-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/278. Għaldaqstant, il-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati huwa, skont ArcelorMittal, żbaljat minħabba l-użu ta’ data li tappartjeni għall-produzzjoni ta’ pritkuni. |
|
67. |
Waqt is-seduta, saru kjarifikazzjonijiet importanti f’dak ir-rigward. Fil-fatt, anki għalkemm l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma huma mudell taċ-ċarezza fuq dak il-punt, l-argument orali mressaq minn dik l-istituzzjoni ssodisfani li l-għażla ta’ installazzjonijiet ma tistax taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 fir-rigward tal-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati. |
|
68. |
Il-Kummissjoni spjegat li l-installazzjoni inkwistjoni hija unika fl-Unjoni Ewropea. Din tipproduċi taħlita ta’ pritkuni u minerali sinterizzati, li, fir-rigward tal-proprjetajiet u l-użu tagħha, tiġi utilizzata bħala sostitut dirett għal minerali sinterizzati fi fran fil-kalkari ta’ funderija fl-impjant tal-azzar integrat. Minkejja li l-impjant tal-azzar integrat inkwisjtoni jinkludi unità tal-pritkuni u unità għall-produzzjoni tas-sinter, dawk l-unitajiet huma konnessi u jaħdmu simultanjament biex jipproduċu taħlita li tintema’ direttament ġewwa l-fran fil-kalkara ta’ funderija. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-impjant tal-pritkuni huwa konness direttament ma’ dak tal-unità tas-sinter skont id-definizzjoni ta’ minerali sinterizzati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 ( 27 ). Skont il-fehma tal-parteċipanti u l-esperti rilevanti kkonsultati mill-Kummissjoni, il-proċess ta’ produzzjoni ta’ dik it-taħlita jista’ jitqies bħala simili għal dak ta’ minerali sinterizzati. Fi kliem ieħor, il-prodott finali għandu proprjetajiet simili għall-minerali sinterizzati u jintuża bħala sostitut dirett għalih fil-forn fil-kalkara ta’ funderija ( 28 ). |
|
69. |
Minkejja dawk il-kjarifiki, ArcelorMittal żammet il-pożizzjoni tagħha waqt is-seduta. Hija nnotat, b’mod partikolari, li d-dokumenti uffiċjali kollha jsemmu li l-installazzjoni inkwistjoni għandha unitajiet ta’ produzzjoni separati għall-pritkuni u l-minerali sinterizzati. Hija osservat ukoll li bl-ebda mod ma huwa insolitu li jitħalltu l-pritkuni mal-minerali sinterizzati fil-forn fil-kalkara ta’ funderija. |
|
70. |
Hemm żewġ punti xi jsiru hawnhekk. L-ewwel nett, l-atti tal-Unjoni huma preżunti legali ( 29 ). It-tieni nett, kif ġie osservat iktar ’il fuq, qegħdin nittrattaw evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa. |
|
71. |
Mill-informazzjoni disponibbli, ma huwiex ovvju li meta ħadet inkunsiderazzjoni l-installazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, setgħet, skont il-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi minnu, tiddeċiedi li l-installazzjoni inkwistjoni tista’ titqies bħala waħda mill-installazzjonijiet ta’ riferiment għall-finijiet tal-iffissar tal-parametru referenzjarju għall-minerali sinterizzati. Fil-fatt, jidher li, minkejja l-karatteristiċi speċjali tal-installazzjoni (b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ unità ta’ pritkuni fil-post għall-finijiet tal-produzzjoni tat-taħlita ta’ minerali sinterizzati u pritkuni deskritti iktar ’il fuq), il-prodott li b’hekk jaslu għalih jikkostitwixxi sostitut dirett għal minerali sinterizzati. |
|
72. |
Huwa ċar li d-determinazzjoni ta’ jekk il-karatteristiċi speċjali ta’ installazzjoni partikolari, jew pjuttost, l-uniċità ta’ dawk il-karatteristiċi fl-Unjoni, għandhomx rilevanza fuq l-inklużjoni tagħha bħala installazzjoni ta’ riferiment taqa’ fl-isfera ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni ferm aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq tali evalwazzjoni. |
|
73. |
Globalment, l-approċċ tal-Kummissjoni jidhirli li huwa ġġustifikat. Kieku l-installazzjoni inkwisjtoni ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni bħala waħda mill-installazzjonijiet ta’ riferiment, minħabba l-karatteristiċi speċjali tagħha, dan kien jillimita artifiċjalment il-ġbir tad-data u għalhekk jeskludi waħda mill-iktar installazzjonijiet effiċjenti fis-settur. Bħala riżultat, il-parametru referenzjarju li jintlaħaq ikun konsiderevolment ogħla ( 30 ). B’mod ċar dan ma jirriflettix l-għan kumplessiv tad-Direttiva 2003/87 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod ekonomikament effiċjenti. Fil-fatt, jidher li preċiżament minħabba dawk il-karatterisitiċi, dik l-installazzjoni tista’ tottimizza l-emissjonijiet tagħha. |
|
74. |
Kif indikat il-Kummissjoni, il-kunsiderazzjoni ta’ installazzjoni li tipproduċi sostitut għal minerali sinterizzati tikkonforma mal-għan tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li huwa li jiġi inkoraġġut l-użu ta’ proċeduri ġġenerati bl-inqas emissjonijiet. L-applikazzjoni ta’ parametri referenzjarji għandha tkun ibbażata fuq l-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti fis-settur u ma għandhiex tqis it-teknoloġija użata, it-taħlita tal-fjuwil użat, u fatturi oħrajn bħall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi jew il-materja prima użata. Jekk le, l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra jiddgħajjef konsiderevolment. |
|
75. |
Fuq dik il-bażi, jiena nikkonkludi li l-kunsiderazzjoni tat-tielet domanda preliminari ma żvelat xejn li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 dwar l-għażla ta’ installazzjonijiet ta’ riferiment għall-finijiet tal-iffissar tal-parametru referenzjarju għall-minerali sinterizzati. |
4. Il-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati: l-obbligu ta’ motivazzjoni
|
76. |
Ir-raba’ domanda preliminari tistaqsi jekk, fid-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni kkonformatx mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-iffissar tal-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dak l-obbligu ġiex issodisfatt fir-rigward tal-għażla ta’ installazzjonijiet ta’ riferiment għall-finijiet tal-iffissar ta’ parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati. |
|
77. |
Fuq nota ġenerali, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li tippermetti li l-persuna kkonċernata tkun tista’ taċċerta x’inhuma r-raġunijiet għall-miżuri adottati u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tkun adottat il-miżura kkontestata ma hijiex meħtieġa li teżamina kull punt rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi ( 31 ). |
|
78. |
L-obbligu li jiġu indikati r-raġunijiet għandu jiġi evalwat skont il-kuntest tiegħu: il-kwisjtoni jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata b’riferiment mhux biss għall-kliem tal-miżura iżda wkoll għall-kuntest tagħha u l-korp sħiħ ta’ regoli legali li jirregolaw il-kwistjoni partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk il-miżura kkontestata tiżvela b’mod ċar, l-għan essenzjali segwit mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li wieħed jeħtieġ motivazzjoni speċifika għal kull għażla teknika li tkun għamlet l-istituzzjoni ( 32 ). B’mod partikolari, kuntrarjament għal miżuri individwali, fil-każ ta’ miżura intiża li jkollha applikazzjoni ġenerali, bħalma huwa l-każ tad-Deċiżjoni 2011/278, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata biex tindika, l-ewwel nett, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u, it-tieni nett, l-għanijiet ġenerali li riedet tilħaq ( 33 ). |
|
79. |
Kif tagħmilha ċara dik il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega r-raġunijiet speċifiċi għad-diversi għażliet tekniċi li tkun għamlet. Billi l-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa u dik id-diskrezzjoni hija miftuħa għall-istħarriġ ġudizzjarju f’limiti ristretti biss, il‑motivazzjoni għandha bżonn biss tal-elementi neċessarji biex tappoġġa stħarriġ limitat bħal dak ( 34 ). |
|
80. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha, u fin-nuqqas, il-motivazzjoni ma tistax tkun ikkunsidrata suffiċjenti. |
|
81. |
Fil-każ ineżami, hija l-fehma tiegħi li l-motivazzjoni fir-rigward tal-għażla ta’ installazzjonijiet ta’ riferiment tirriżulta b’ċarezza suffiċjenti mid-Deċiżjoni 2011/278. Ir-raġunijiet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/278 u l-għan tagħha joħorġu mill-premessi tad-deċiżjoni. Barra minn dan, numru ta’ dettalji tekniċi huma inklużi fil-premessi, li jikkjarifikaw ulterjorment il-metodu użat mill-Kummissjoni li tistabbilixxi parametri referenzjarji, inkluża l-għażla ta’ installazzjonijiet. |
|
82. |
Huwa veru li l-Kummissjoni ma spjegatx fid-dettall ir-raġunijet tekniċi li wassluha tikkunsidra, pereżempju, li installazzjoni li tipproduċi kemm pritkuni kif ukoll minerali sinterizzati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati. Madankollu, jekk tkun meħtieġa li tagħmel hekk, essenzjalment dan jestendi l-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni biex jiġi inkluż, fil-preambolu, rendikont tal-għażliet tekniċi kumplessi li kellha tagħmel. |
|
83. |
Inkunsiderazzjoni tat-tip ta’ miżura li qegħdin nittrattaw u l-ispjegazzjonijiet offruti fil-preambolu dwar kunsiderazzjonijiet kemm fattwali kif ukoll legali dwar l-iffissar ta’ parametri referenzjarji, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tipprovdi dan ir-rendikont. B’mod partikolari, mill-premessi jidher li d-Deċiżjoni 2011/278 ġiet adottata bis-saħħa tad-Direttiva 2003/87 sabiex jiġu stabbiliti regoli mal-Unjoni kollha għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni matul perijodu tranżitorju. Huwa ċar li l-Kummissjoni kellha l-iskop li tifformula dawk ir-regoli b’mod li jiġi żgurat li l-emissjonijiet ta’ gass jitnaqqsu. |
|
84. |
Iktar importanti minn hekk, fil-premessa 2, il-Kummissjoni tispjega li l-punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ parametru referenzjarju hija l-prestazzjoni medja ta’ 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’settur jew subsettur. Barra minn hekk, il-premessa 4 tispjega li fejn prodott huwa sostitut dirett ta’ prodott ieħor, it-tnejn għandhom jiġu koperti bl-istess parametru referenzjarju tal-prodott u d-definizzjoni tal-prodott relatat. Il-premessi 6 sa 8 jispjegaw x’tip ta’ informazzjoni ġiet ikkunsidrata fil-kalkolu tal-valuri tal-parametru referenzjarju. Il-premessa 11 turi wkoll l-approċċ tal-Kummissjoni f’każijiet fejn ma kienet disponibbli l-ebda data jew kien hemm data insuffiċjenti, u l-premessa 12 tispjega kif il-Kummissjoni aġixxiet fejn ma kienx possibbli li jiġi ffissat parametru referenzjarju. |
|
85. |
Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha, l-informazzjoni li hemm fil-preambolu hija suffiċjenti. Mhux l-inqas għal raġunijiet prattiċi, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa tispjega l-karatterisitiċi ta’ kull installazzjoni ta’ riferiment u tagħmel espliċiti r-raġunijiet tekniċi għaliex ċerti installazzjonijiet kienu kkunsidrati xierqa għall-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju u mhux oħrajn. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-parametru referenzjarju tal-prodott rilevanti huwiex ivvizzjat bi żball ta’ evalwazzjoni manifest, huwa biżżejjed li jinftiehem l-għan tal-miżura inkwistjoni u l-metodu ġenerali użat mill-Kummissjoni biex tiffissa dawk il-parametri referenzjarji (inkluża r-regola ġenerali applikabbli għall għażla ta’ installazzjonijiet ta’ riferiment u t-trattament ta’ sostituti). Dawk il-kunsiderazzjonijiet jirriżultaw b’ċarezza mill-premessi tad-Deċiżjoni 2011/278. |
|
86. |
Fuq dik il-bażi, jiena nikkonkludi li l-kunsiderazzjoni tar-raba’ domanda preliminari ma żvelat xejn li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/278 dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti motivazzjoni meta tiffissa l-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati. |
IV. Konklużjoni
|
87. |
Fid-dawl tal-argumenti li ressaqt, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi premininari tat-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva, Montreuil, Franza) kif ġej: Il-kunsiderazzjoni tad-domandi preliminari ma żvelat xejn li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-iffissar tal-parametru referenzjarju għal metall sħun u minerali sinterizzati. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631). Dan il-każ jittratta d-direttiva riveduta, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009 L 140, p. 63).
( 3 ) Mad-daqqa ta’ għajn, il-qrati tal-Unjoni sa issa ttrattaw tal-inqas 76 każ dwar aspetti differenti tal-iskema tal-Unjoni tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.
( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).
( 5 ) Dokumenti ta’ Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREF) stabbiliti skont id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008, L 24, p. 8).
( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Lulju 2007, li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2007 L 229, p. 1).
( 7 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:292, punt 2.
( 8 ) L’arrêté du ministre de l’écologie, du développement durable et de l’énergie du 24 janvier 2014 fixant la liste des exploitants auxquels sont affectés les quotas d’émissions de gaz à effet de serre et le montant des quotas affectés à titre gratuit pour la période 2013-2020 (JORF Nru 0038 tal-14 ta’ Frar 2014, p. 2551, Nru 19).
( 9 ) Mira tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ 8% ipparagunat mal-livell tal-1990.
( 10 ) Hemm ippjanata reviżjoni ulterjuri għall-perijodu wara l-2020. Fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għar-reviżjoni tas-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-perijodu wara l-2020: Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE, biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv [effettiv f’termini ta’ nfiq] tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, Brussell, 15 ta’ Lulju 2015 COM(2015) 337 finali. Dik il-proposta għandha tikkontribwixxi sabiex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass serra b’tal-inqas 40 % sal-2030 bħala parti mill-kontribut tal-Unjoni għall-Ftehim ta’ Pariġi.
( 11 ) Il-mira ta’ 20 % taħt il-livelli tal-1990 ġiet iffissata sabiex tintlaħaq sal-2020, u dik ta’ 50 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2050.
( 12 ) Ir-rilaxx tal-karbonju juri sitwazzjoni fejn, minħabba r-restrizzjonijiet tal-karbonju fl-Unjoni, l-impriżi jmexxu l-produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi b’miżuri dwar il-klima inqas ambizzjużi. Ara, għall-aħħar lista, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE, tas-27 ta’ Ottubru 2014, li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perijodu mill-2015 sal-2019 (ĠU 2014, L 308, p. 114).
( 13 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 240, p. 27).
( 14 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311; tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647; u tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799.
( 15 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 45, u tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C‑506/14, EU:C:2016:799, punt 37.
( 16 ) Dan jidher li huwa hekk minkejja l-fatt li, kif spjegat ArcelorMittal, hemm spejjeż konsiderevoli involuti fit-trasformazzjoni ta’ gassijiet ta’ skart fi fjuwil.
( 17 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Borealis Polyolefine, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, punti 68 u 69.
( 18 ) In-natura fakultattiva tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart hija kkonfermata wkoll mill-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29. Din tgħid: “Dawk ir-regoli armonizzati jistgħu wkoll iqisu l-emissjonijiet relatati mal-użu tal-gassijiet minn skart kombustibbli meta l-produzzjoni ta’ dawn il-gassijiet tal-iskart ma tkunx tista’ tiġi evitata fil-proċess industrijali. F’dan ir-rigward, ir-regoli jistgħu jipprovdu għal kwoti li jiġu allokati gratis lill-operaturi konċernati ta’ istallazzjonijiet li jaħarqu gassijiet tal-iskart jew lill-operaturi ta’ istallazzjonijiet fejn joriġinaw dawn il-gassijiet.” (enfasi miżjuda).
( 19 ) Il-partijiet irriferew għal perċentwali diverġenti. Filwaqt li l-Gvern Franċiż isemmi 75%, il-Gvern Ġermaniż jirriferi għal 80%. Il-Kummissjoni u ArcelorMittal ma indikawx perċentwali eżatta.
( 20 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2016, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311.
( 21 ) Punt 73.
( 22 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 48.
( 23 ) Ninnota li, b’mod interessanti, teżisti l-inċertezza dwar l-eżistenza ta’ riskju konkret ta’ rilaxx tal-karbonju. Studju riċenti kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali dwar l-Azzjoni dwar il-Klima tal-Kummissjoni ma sab l-ebda evidenza ta’ rilaxx ta’ karbonju. Ir-raġunijiet għal dan jinkludu allokazzjoni mingħajr ħlas (li tirriżulta f’eċċess ta’ kwoti fi, fost l-oħrajn, is-settur tal-azzar), prezzijiet orħos ta’ kwoti milli mistenni u l-isforzi minn pajjiżi oħrajn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet skont impenji internazzjonali. Ara għal ħarsa ġenerali: https://www.ceps.eu/sites/default/files/u213/Bergman_leakage_presentation_OWS.pdf
( 24 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis and Others, C‑180/15, EU:C:2016:647, punti 47 u 49, u tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi and Others, C‑506/14, EU:C:2016:799, punti 39 u 41.
( 25 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17). Dik id-Direttiva ħadet post id-Direttiva 2008/1 fuq l-istess suġġett.
( 26 ) Il-BREF l-iktar riċenti ġie stabbiliti fl-2012. Ovvjament, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ dak id-dokument fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/278. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 27 ) Skont l-Anness I, proċessi relatati direttament jew indiretttament mal-fibra f’forma ta’ trab tal-unità tal-proċess, l-ignixin, l-unitajiet tat-tħejjija tal-alimentazzjoni, l-unità tal-iskrining sħun, l-unità tat-tkessiħ tas-sinter, l-unità tal-iskrining kiesaħ u l-unità tal-ġenerazzjoni tal-istim għandhom jiġu inklużi fil-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati.
( 28 ) Jirriżulta wkoll mill-proċess li Eurofer ikkunsidrat, wara konsultazzjoni, li l-installazzjoni inkwistjoni hawnhekk għandha karatteristiċi simili għal unità ta’ sinter waħda, minkejja d-domanda iktar baxxa għall-enerġija tal-unità ta’ pritkuni parallela.
( 29 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 48.
( 30 ) Il-parametru referenzjarju għal minerali sinterizzati huwa stabbilit f’0.171 CO2/tunnellata ta’ minerali sinterizzat. Kieku l-installazzjoni inkwistjoni ġiet eskluża mill-kalkolu, il-parametru referenzjarju kien ikun minflok 0.191 CO2/tunnellata.
( 31 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 32 ) Ara, fost ħafna, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kunsill, C‑284/94, EU:C:1998:548, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 134.
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 34 ) Għal fehma kemxejn differenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, punt 134 et seq. F’dik il-kawża, il-kwistjoni kienet il-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni. L-Avukat Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fl-obbligu, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ta’ applikazzjoni ġenerali, li tinkludi d-data kollha neċessarja sabiex ikun possibbli li ssir reviżjoni ddettaljata tal-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni fid-deċiżjoni li kienet inkwistjoni hemmhekk. Filwaqt li aċċettat, madankollu, li motivazzjonijiet daqstant estensivi ma kinux previsti għal raġunijiet prattiċi, l-Avukat Ġenerali kkunsidrat li kien biżżejjed li jingħata aċċess, lil dawk ikkonċernati, għad-data mhux analizzata u li jiġi inkluż riferiment f’dak is-sens fil-motivazzjoni.