Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0061

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017.
    European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) vs IGiant (China) Co. Ltd.
    Appell – Dumping – Regolament (UE) Nru 502/2013 – Importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 18(1) – Kooperazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni neċessarja’ – Artikolu 9(5) – Talba għal trattament individwali – Riskju ta’ evitar.
    Kawża C-61/16 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:615

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

    Kawża C‑61/16 P

    European Bicycle Manufacturers Association (EBMA)

    vs

    Giant (China) Co. Ltd

    “Appell – Dumping – Regolament (UE) Nru 502/2013 – Importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 18(1) – Kooperazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni neċessarja’ – Talba għal trattament individwali – Riskju ta’ evażjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din il-kawża tirrigwarda appell ippreżentat mill-European Bicycle Manufacturers Association (EBMA), assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-produtturi ta’ roti Ewropej. Fl-appell tagħha, EBMA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2015, Giant (China) vs Il-Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha annullat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn din kienet tirrigwarda lill-produttur ta’ roti Ċiniż Giant (China) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Giant”).

    2.

    EBMA, sostnuta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill‑Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, flimkien, l‑“istituzzjonijiet”), tikkontesta, essenzjalment, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li ebda wieħed mill-elementi invokati mill-Kunsill ma kien jippermettilha, fir-regolament ikkontestat, tirrifjuta li tapplika dazju antidumping individwali għal Giant.

    3.

    Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti kjarifiki dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), dispożizzjoni li tirregola n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-investigazzjonijiet antidumping, u b’mod iktar speċifiku, dwar il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” kif prevista fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    4.

    Skont l-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni:

    “8.   Il-prezz ta’ l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità.

    9.   F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l‑importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwalunkwe bażi raġjonevoli.”

    5.

    Skont l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku:

    “1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

    […]

    3.   Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in‑nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l‑parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

    […]”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat

    A. Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat

    6.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu esposti fil-punti 1 sa 25 tas‑sentenza appellata li għalihom qiegħed nagħmel riferiment. Għall‑bżonnijiet ta’ din il-proċedura, jiena ser infakkar biss li fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ ex officio ta’ eżami mill-ġdid intermedju tal-miżuri antidumping li hija kienet imponiet (u eżaminati mill-ġdid diversi drabi) fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina ( 5 ).

    7.

    Fost il-gruppi ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li ddikjaraw li kienu wettqu esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (inkluż bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2011), kien hemm il-grupp li Giant tifforma parti minnu (iktar ’il quddiem il-“grupp Giant”).

    8.

    Waħda mill-kumpanniji li tifforma parti mill-grupp Giant kienet il-kumpannija Shanghai Giant & Phoenix Bicycle Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GP”), impriża konġunta (joint venture) fformata bejn il-grupp Giant u Jinshan Development and Construction (iktar ’il quddiem “Jinshan”) ( 6 ). Peress li GP kienet waqqfet l-attività tagħha kollha f’Settembru 2011 u kienet tinsab fi stralċ, il-grupp Giant talab lill-Kummissjoni li tkun eskluża mill-investigazzjoni.

    9.

    Fil-15 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lil Giant il‑formula tat-talba għal status ta’ trattament tal-ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“[i]status ta’ TES”), skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku. Hija informatha wkoll li jekk xtaqet tikseb l-istatus ta’ TES, kull waħda mill-kumpanniji relatati magħha li jinsabu fiċ-Ċina kellha timla’ formula ta’ talba għal status ta’ TES, inkluż GP, peress li din il‑kumpannija kienet tipproduċi roti u kienet l-ikbar esportatur tal-grupp Giant lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    10.

    Fil-kuntest ta’ diversi skambji ta’ korrispondenza li saru matul l‑investigazzjoni, il-Kummissjoni, essenzjalment, informat lil Giant li hija kienet tikkunsidra li, bl-intervent ta’ GP, il-grupp Giant kien relatat mal‑grupp li kienet tifforma parti minnu Jinshan (iktar ’il quddiem il-“grupp Jinshan”), li l-investimenti prinċipali tiegħu kienu jirrigwardaw il-manifattura u l-bejgħ ta’ roti. B’hekk, skont il-Kummissjoni, Giant kellha wkoll tirritorna l‑formula ta’ talba għal status ta’ TES u r-risposti għall-kwestjonarju antidumping għall-entitajiet li jifformaw parti mill-grupp Jinshan. Barra minn hekk il-Kummissjoni informat lil Giant li fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dawn il-formuli u kwestjonarji, hija kienet ser tapplika l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku u tirrifjuta t-talba għal status ta’ TES imressqa mill-grupp Giant ( 7 ).

    11.

    Matul l-investigazzjoni, Giant issottomettiet il-formuli ta’ talba għall-istatus ta’ TES għal sitt kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp tagħha, fosthom GP, u imbagħad bagħtet ir-risposti għall-kwestjonarju antidumping għal ħdax-il kumpannija tal-grupp tagħha, fosthom GP, li jipparteċipaw fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat kif ukoll għal sitt sussidjarji ta’ bejgħ stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, hija indikat, diversi drabi, li minħabba l-fatt li hija kienet biss indirettament relatata ma’ Jinshan bl-intervent ta’ GP, hija ma kinitx marbuta, u lanqas ma kellha l-possibbiltà, li tippreżenta talba għall-istatus ta’ TES u timla’ l-kwestjonarju antidumping għal Jinshan u s-sussidjarji tagħha ( 8 ).

    12.

    Fit-23 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni informat lil Giant li, peress li ma rċevietx talba għal status ta’ TES għall-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan, hija kienet f’impossibbiltà li teżamina l-mertu tat-talba tagħha għal status ta’ TES. Konsegwentement, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u li ma tikkunsidra xejn mill-informazzjoni ppreżentata minn Giant dwar it-talba tagħha għal status ta’ TES.

    13.

    Fil-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni informat lil Giant li hija kellha l-intenzjoni li tapplika l-imsemmi Artikolu 18(1) u li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha abbażi tad-data disponibbli anki għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz tal‑esportazzjoni, peress li fin-nuqqas ta’ informazzjoni kompluta dwar il-partijiet kollha relatati ma’ GP, hija kienet f’impossibbiltà li twettaq kalkoli adegwati u affidabbli dwar il-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk li tiddetermina marġni individwali ta’ dumping għal GP, u għalhekk għall-grupp GP kollu.

    B. Ir-regolament ikkontestat

    14.

    Fil-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat. Skont il-premessi 63 u 64 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill ċaħad it-talba għal status ta’ TES imressqa mill-grupp Giant minħabba n-natura ferm insuffiċjenti tar-risposta mibgħuta minn dan il-grupp għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kunsill indika li r-rifjut ta’ Giant li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-istruttura tal-grupp tagħha kien wassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u għaċ-ċaħda tal-imsemmija talba.

    15.

    Imbagħad, fil-premessi 131 sa 141 tar-regolament ikkontestat, il‑Kunsill indika wkoll li l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku kien ġie applikat għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant.

    16.

    Il-Kunsill espona li Giant kienet irrifjutat li tipprovdi lis-servizzi tal-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja dwar l-istruttura tal-grupp u informazzjoni essenzjali dwar il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u l‑prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat imwettqa mill-grupp Jinshan matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. L‑investigazzjoni kienet ikkonfermat li waħda mis-sussidjarji tal-grupp Giant – jiġifieri GP – kienet relatata, permezz ta’ azzjonisti komuni u rabtiet stretti strutturali u ta’ direzzjoni, mal-grupp Jinshan u li dan tal-aħħar kien jipparteċipa fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fiċ‑Ċina. Minħabba n-nuqqas ta’ ritorn tal-formula ta’ talba għal status ta’ TES u ta’ risposta għall-kwestjonarju antidumping għall-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan, il-Kunsill ma setax jiddetermina sa fejn il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat ta’ dan il-grupp setgħu kellhom effett fuq id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għal dak li jirrigwarda lil GP, u konsegwentement, għal Giant bħala grupp. Għalhekk, skont l-Kunsill, kien impossibbli li jsiru l-kalkoli kompluti u affidabbli fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk li jiġi ddeterminat marġni individwali għal GP, u, għaldaqstant, għall-grupp Giant kollu ( 9 ).

    17.

    B’risposta għall-argument ta’ Giant li fi kwalunkwe każ ma kien hemm l-ebda riskju ta’ evażjoni ta’ eventwali miżuri antidumping, peress li GP, li kienet tikkostitwixxi l-unika rabta bejn iż-żewġ gruppi, kienet waqqfet l-attività tagħha kollha f’Settembru 2011, il-Kunsill irrileva li, fl-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni GP kienet għadha teżisti bħala entità u li, għaldaqstant, l-attività ta’ produzzjoni setgħet terġa’ tibda fi kwalunkwe mument fil‑futur ( 10 ).

    18.

    Għalhekk ir-regolament ikkontestat żamm għal Giant ir-rata ta’ dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % applikabbli għall-produtturi-esportaturi kollha Ċiniżi li ma rċevewx trattament individwali.

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    19.

    Permezz ta’ rikors ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Awwissu 2013, Giant ressqet azzjoni għall-annullament tar‑regolament ikkontestat. Insostenn tar-rikors tagħha, Giant invokat tmien motivi. Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss tliet motivi ( 11 ).

    20.

    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill kien irrifjuta l-għoti ta’ trattament individwali lil Giant abbażi ta’ żewġ elementi: minn naħa, in-nuqqas ta’ informazzjoni kompluta dwar il‑partijiet kollha relatati ma’ GP – b’mod speċifiku l-kumpanniji tal-grupp Jinshan – li, fl-opinjoni tiegħu, jirrendi impossibbli d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni tal‑grupp Giant u, għaldaqstant, ta’ marġni antidumping individwali għal dan il-grupp; min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ riskju inerenti ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tanalizza qabel xejn il-motivi li jirrigwardaw dawn iż-żewġ aspetti.

    21.

    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Giant, il-Kunsill kellu l‑informazzjoni neċessarja sabiex jikkalkola prezz tal-esportazzjoni affidabbli għall-grupp Giant u għalhekk sabiex jistabbilixxi marġni ta’ dumping u dazju antidumping individwali għal dan il-grupp. Skont il‑Qorti Ġenerali, il-Kunsill għalhekk wettaq żball meta applika l‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għal Giant u bbaża l‑konklużjonijiet tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal‑esportazzjoni tal-grupp Giant abbażi tad-data disponibbli ( 12 ). Il-Qorti Ġenerali mbagħad ċaħdet l-argumenti magħmula mill-Kunsill sabiex isostni li waqt il-proċedura Giant kienet ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa ( 13 ).

    22.

    Għal dak li jirrigwarda t-tieni aspett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kunsill ma setax jinvoka riskju ta’ evażjoni sabiex jiġġustifika r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ dazju antidumping individwali għal Giant ( 14 ).

    23.

    Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li ebda wieħed mill‑elementi invokati mill-Kunsill ma jippermettilha tirrifjuta l‑benefiċċju ta’ trattament individwali lil Giant u, konsegwentement, annullat ir-regolament ikkontestat għal dak li jirrigwarda lil dan il‑produttur-esportatur, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra mqajma minnu.

    V. It-talbiet tal-partijiet

    24.

    Permezz tal-appell tagħha, EBMA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tagħti deċiżjoni fuq il-mertu u tiċħad ir‑rikors għal annullament jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament. EBMA titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Giant għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal‑appell u fil-kuntest tal-intervent tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

    25.

    Giant titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell manifestament inammissibbli u/jew manifestament infondat, u konsegwentement, tiċħdu kollu permezz ta’ digriet motivat, u f’kull każ, tiċħad l-appell bħala inammissibbli u/jew infondat u tikkundanna lil EBMA għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

    26.

    Fir-risposti tagħhom, ippreżentati skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tagħti deċiżjoni fuq il-mertu u tiċħad ir‑rikors għal annullament jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament. Fl-aħħar nett huma jitolbu li Giant tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill‑imsemmija żewġ istituzzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

    VI. Analiżi

    27.

    Insostenn tal-appell tagħha, EBMA tqajjem tliet aggravji, li magħhom jingħaqdu l-Kunsill u l-Kummissjoni.

    28.

    L-ewwel żewġ aggravji, li għandhom jiġu analizzati flimkien, huma bbażati fuq diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. F’dan il-kuntest, EBMA tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Permezz tat-tielet aggravju, EBMA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha dwar in-nuqqas ta’ riskju ta’ evażjoni.

    A. Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji

    1.   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

    29.

    Permezz tal-ewwel żewġ aggravji tagħha, EBMA, sostnuta mill‑istituzzjonijiet, tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punti 56 sa 78 tas-sentenza appellata. Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ aggravji, EBMA tressaq essenzjalment erba’ ilmenti li l-ewwel tlieta minnhom huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18(1) tar‑regolament bażiku u r-raba’ ( 15 ) huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

    30.

    Fl-ewwel lok, EBMA tallega li l-Qorti Ġenerali applikat analiżi ġuridika żbaljata fl-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku magħmula mill-Kunsill fir‑regolament ikkontestat.

    31.

    Skont EBMA, l-istituzzjonijiet jistgħu jirrikorru għall-“fatti disponibbli” skont l-Artikolu 18(1) u (3) tar-regolament bażiku bi tliet modi: “globalment”, fir-rigward tal-informazzjoni jew data kollha pprovduta minn parti; fir-rigward ta’ ġabra kompluta ta’ informazzjoni jew ta’ data, bħal talba għal status ta’ TES jew talba għal trattament individwali; jew fir-rigward ta’ ċerti aspetti biss ta’ ġabra ta’ informazzjoni jew ta’ data.

    32.

    Issa fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali titlaq mill-premessa żbaljata li l-Kunsill applika l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għall-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant (sitwazzjoni li tikkorrispondi għat-tieni mit-tliet eżempji deskritti fil-punt preċedenti). Mill-banda l-oħra, il‑Kunsill applika “globalment” l-Artikolu 18 għall-grupp Giant minħabba r-rifjut li tipprovdi informazzjoni kompluta fir-rigward tal‑istruttura tagħha, u fir-rigward, b’mod partikolari, tar-relazzjonijiet kollha eżistenti, bl-intervent ta’ GP, bejn il-kumpanniji tal-grupp Giant u dawk tal-grupp Jinshan. Dan ir-rifjut ipprekluda lill-istituzzjonijiet milli jiksbu stampa preċiża tal-identità tal-parti li tikkoopera.

    33.

    Il-Kummissjoni tingħaqad f’dan l-ilment u ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-regolament ikkontestat billi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku kien jirrigwarda mhux id-determinazzjoni tal-perimetru tal-esportatur effettiv, iżda l-kwistjoni ulterjuri tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

    34.

    Fit-tieni lok, EBMA tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Giant, fis-sens tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li Giant ma kinitx ikkooperat fl-investigazzjoni peress li ma kinitx ipprovdiet livell minimu ta’ informazzjoni li tippermetti lill‑istituzzjonijiet ikollhom stampa kompluta u preċiża tal-attivitajiet tal‑kumpanniji kollha relatati mal-grupp tagħha li kienu involuti fil‑produzzjoni jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, ir-rilevanza tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-grupp Giant, GP u l-grupp Jinshan ma kinitx limitata għat‑tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-bejgħ dirett. Mingħajr informazzjoni minima bażika, l-istituzzjonijiet ma kinux f’pożizzjoni li jevalwaw ir-rilevanza tal-implikazzjoni tal-grupp Jinshan u, b’mod partikolari, il-modi possibbli li bihom dan il-grupp seta’ jinfluwenza l‑attivitajiet ta’ GP u, b’dan il-mod, tal-grupp Giant. Bħala eżempju, EBMA tikkwota l-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ ftehim ta’ tqassim tas-suq jew ta’ politika komuni ta’ prezz bejn il-grupp Giant u l-grupp Jinshan li ma jirriżultawx mit-tabelli relatati mal-bejgħ jew mill-istati kkonsolidati prodotti minn Giant matul l-investigazzjoni, iżda li huwa possibbli li jinstabu b’paragun tad-data kollha tal-kumpanniji kollha. Il-Kunsill jingħaqad f’dan l-ilment.

    35.

    Fit-tielet lok, EBMA targumenta li s-sentenza appellata timponi b’mod żbaljat fuq il-Kummissjoni l-oneru eċċessiv li turi n‑natura neċessarja tal-informazzjoni minima bażika meħtieġa fir‑rigward tal-kumpanniji relatati li huma involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, l-eżistenza ta’ rabta u tali implikazzjoni jkunu suffiċjenti sabiex tirrendi r-risposta għall‑kwestjonarju antidumping informazzjoni “neċessarja” fis-sens tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Il-Kummissjoni tingħaqad f’dan l‑ilment u ssostni li l-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali taqleb l‑oneru tal-prova skont l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku u toffri “premju” lill-impriżi li jiddeċiedu li ma jissodisfawx kompletament it‑talbiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet antidumping.

    36.

    Fir-raba’ lok, EBMA, sostnuta mill-istituzzjonijiet, tallega essenzjalment li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ruħha għalihom billi għamlet konklużjonijiet abbażi ta’ provi parzjali ppreżentati u kisret għalhekk is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-imsemmija istituzzjonijiet.

    37.

    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva li l-evalwazzjoni tan‑neċessità tal-informazzjoni u l-evalwazzjoni tagħha huma operazzjonijiet kumplessi u li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jagħżlu l-informazzjoni li huma jqisu rilevanti f’investigazzjoni antidumping. Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat in-natura manifesta ta’ żball ta’ evalwazzjoni possibbli u, b’mod iktar partikolari, ma applikatx it-test ta’ plawżibbiltà żviluppat mill-ġurisprudenza. B’mod partikolari hija ma vverifikatx jekk il-provi pprovduti mill-grupp Giant kinux suffiċjenti sabiex tikkonkludi li l-istituzzjonijiet kienu pproċedew għal evalwazzjoni nieqsa minn plawżibbiltà matul l-investigazzjoni. Il‑Kummissjoni tirrileva li hija hi li tiddetermina liema hija l-informazzjoni “neċessarja” u liema huma l-konsegwenzi tal-ommissjoni li tiġi pprovduta tali informazzjoni. Ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq l-investigazzjoni għat-tieni darba jew li tissostitwixxi l‑evalwazzjonijiet tagħha għal dawk tal-istituzzjonijiet.

    38.

    Qabel xejn Giant issostni li l-ewwel u t-tieni aggravji huma inammissibbli għaliex jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest tal-appell. Sussidjarjament, hija ssostni li l-aggravji ta’ EBMA għandhom ikunu miċħuda fil-mertu.

    2.   Evalwazzjoni

    a)   Fuq l-ammissibbiltà

    39.

    Qabel xejn għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ewwel żewġ aggravji, li hija kkontestata minn Giant.

    40.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l‑fatti u, bħala regola, li teżamina l-provi li hija tikkonstata insostenn ta’ dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, għalhekk, kwistjoni ta’ dritt li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal‑Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati. Madankollu, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti ( 16 ).

    41.

    F’dan il-każ, fil-kuntest tal-ewwel żewġ aggravji tagħha, EBMA tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Fl-ewwel lok, hija applikat analiżi ġuridika żbaljata fl-evalwazzjoni tagħha bbażata fuq din id‑dispożizzjoni; fit-tieni lok, hija evalwat b’mod żbaljat il-kooperazzjoni ta’ Giant fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, u, fit-tielet lok, hija imponiet oneru eċċessiv fuq il-Kummissjoni. Fir-raba’ lok, EBMA tallega li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħa ta’ stħarriġ tagħha billi kisret is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ilmenti kollha jqajmu mingħajr dubju kwistjonijiet ta’ dritt li huma suġġetti, bħala tali, għall-istħarriġ tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

    42.

    B’hekk sa fejn l-ilmenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel żewġ aggravji ma jirrigwardawx il-konstatazzjoni tal-fatti magħmula mill‑Qorti Ġenerali, iżda jirrigwardaw ksur ta’ liġi, dawn l-ilmenti għandhom ikunu kkunsidrati bħala ammissibbli. Madankollu, meta l‑ilmenti mressqa minn EBMA jew mill-istituzzjonijiet fil‑kuntest tal-ewwel żewġ aggravji jinkludu argumenti li jirrigwardaw l‑evalwazzjonijiet tal-elementi fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, dawn l-argumenti għandhom ikunu kkunsidrati bħala inammissibbli.

    b)   Fuq il-mertu

    1) Fuq l-ewwel tliet ilmenti bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku

    i) Fuq l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u fuq il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja”

    43.

    L-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, intitolat “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, jawtorizza lill-istituzzjonijiet jirrikorru għad-data disponibbli meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja jew ma tipprovdihiex fit-termini previsti minn dan ir‑regolament jew meta din tostakola l-investigazzjoni b’mod sinjifikattiv. L-użu tad-data disponibbli huwa wkoll awtorizzat jekk parti kkonċernata tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa. Mill‑formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma alternattivi, tant li, meta waħda biss minnhom tkun issodisfatta, l-istituzzjonijiet jistgħu jirrikorru għad-data disponibbli sabiex jibbażaw il-konklużjonijiet preliminari jew finali tagħhom ( 17 ).

    44.

    Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, din id-dispożizzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala t-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal‑Artikolu 6.8 tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 ( 18 ), li fid-dawl tiegħu għaldaqstant għandha tiġi interpretata sa fejn huwa possibbli ( 19 ).

    45.

    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża tirrigwarda l-ewwel waħda mill-erba’ kundizzjonijiet fuq imsemmija li, skont l-Artikolu 18(1) tar‑regolament bażiku, jippermettu lill-istituzzjonijiet jużaw id-data disponibbli. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 14 sa 16 u 21 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, fir-regolament ikkontestat il-Kunsill applika l‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku minħabba n-nuqqas ta’ Giant li tipprovdi informazzjoni li l-Kunsill ikkunsidra bħala neċessarja u l-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament ikkontestat minħabba applikazzjoni żbaljata tal-imsemmija dispożizzjoni dwar dan il-punt.

    46.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament bażiku (jew, barra minn hekk, xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal‑Unjoni) ma jagħtix tifsira tal-kunċett ta’ informazzjoni neċessarja. Il‑Qorti tal-Ġustizzja stess għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar dan il-kunċett. Madankollu, il-prattika deċiżjonali tal-korpi tad‑WTO, riprodotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, tipprovdi indikazzjonijiet utli sabiex jiġu identifikati l-aspetti essenzjali ta’ dan il‑kunċett.

    47.

    Għalhekk, il-grupp speċjali stabbilit fil-kuntest tad-WTO indika li d-deċiżjoni li informazzjoni mogħtija tiġi kklassifikata jew le bħala neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping, għandha tittieħed fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull investigazzjoni, u mhux fl-astratt ( 20 ). Element ta’ informazzjoni partikolari li jista’ jkollu rwol deċiżiv f’investigazzjoni partikolari jista’ għalhekk ma jkollux l‑istess rilevanza f’investigazzjoni oħra. Għalhekk in-natura neċessarja ta’ informazzjoni għandha tkun evalwata każ b’każ u b’mod konkret.

    48.

    L-imsemmi grupp speċjali indika wkoll li għandha tkun ikkunsidrata bħala neċessarja, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, informazzjoni partikolari miżmuma minn parti kkonċernata u meħtieġa mill-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni antidumping sabiex tistabbilixxi d-determinazzjonijiet tagħha ( 21 ).

    49.

    Kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn l‑indikazzjonijiet huma rilevanti wkoll għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” skont l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Id-delineazzjoni ta’ tali kunċett ma tistax, madankollu, ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑konfigurazzjoni tal-proċedura antidumping kif prevista mir-regolament bażiku.

    50.

    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li minkejja li fil‑kuntest tar-regolament bażiku hija l-Kummissjoni li għandha, bħala awtorità investigatriċi, tiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-prodott previst mill-proċedura antidumping huwiex l-oġġett ta’ dumping u jekk, għalhekk, din l-istituzzjoni ma tistax, f’dan il-kuntest, tittrasferixxi parti mill-oneru tal-prova li hija għandha f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li r-regolament bażiku ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa ta’ investigazzjoni li tippermettilha ġġiegħel kumpanniji jipparteċipaw fl‑investigazzjoni jew jagħtu xi informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-proċeduri antidumping, l-istituzzjonijiet jiddependu mill‑kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom l‑informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti. Il-kooperazzjoni tal‑partijiet u, b’mod partikolari, ir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku huma għalhekk essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċeduri antidumping ( 22 ).

    51.

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(6) tar-regolament bażiku jirriżulta li, jekk xi parti kkonċernata ma tikkooperax, jew tikkoopera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni rilevanti, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

    52.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fl-applikazzjoni tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u b’mod partikolari, fl‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” skont din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti differenti.

    53.

    Minn naħa, għandu jkun żgurat li l-partijiet ikkonċernati jikkooperaw b’mod effettiv u bis-sħiħ fl-investigazzjoni billi jaġixxu bl‑aħjar mod possibbli ( 23 ) u mingħajr ma jostakolaw l-investigazzjoni. F’din il-perspettiva, huma għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li għandhom u li l-istituzzjonijiet iqisu neċessarja sabiex jistabbilixxu d-determinazzjonijiet tagħhom. Il-konsegwenzi negattivi li tista’ ġġarrab parti kkonċernata fil-każ ta’ kooperazzjoni difettuża jew parzjali – fis-sens li din tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni anqas favorevoli minn dik li kienet tkun fiha kieku kienet ikkooperat bis-sħiħ fl-investigazzjoni – għandhom jiffunzjonaw bħala inkoraġġiment għal kooperazzjoni sħiħa u mingħajr riżervi fl‑investigazzjoni.

    54.

    Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet ma jistgħux, madankollu, jirrikjedu minn parti kkonċernata li din tipprovdi informazzjoni li hija manifestament mhux neċessarja sabiex jistabbilixxu d-determinazzjonijiet tagħhom jew li hija impossibbli li tipprovdi, filwaqt li jinftiehem li r-rekwiżit li jaġixxu bl-aħjar mod possibbli jimponi fuq il-partijiet ikkonċernati obbligu ta’ sforz kbir ( 24 ).

    55.

    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li għandu jiġi evalwat jekk, hekk kif issostni EBMA, sostnuta mill‑istituzzjonijiet, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fis-sentenza appellata hijiex ivvizzjata minn ksur tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku.

    ii) Evalwazzjoni tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali

    56.

    Mill-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li d‑determinazzjoni tan-natura neċessarja ta’ informazzjoni u, konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu evalwati fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ kull investigazzjoni. Sabiex tiġi evalwata l‑analiżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, huwa għalhekk neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża.

    57.

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-gruppi Giant u Jinshan, matul il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni, kellhom ikunu kkunsidrati bħala relatati bl-intervent tal-impriża konġunta tagħhom GP ( 25 ). Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, matul dan il-perijodu, GP kienet tikkostitwixxi l-unika rabta eżistenti bejn dawn iż-żewġ gruppi ( 26 ). Barra minn hekk, din ir-rabta kienet qed tispiċċa – u fil-fatt spiċċat qabel l‑adozzjoni tar-regolament ikkontestat – u l-parteċipazzjoni ta’ Giant f’GP kienet fil-proċess li tiġi ttrasferita ( 27 ). Apparti din ir-rabta, li tista’ tkun ikklassifikata bħala orizzontali peress li l-grupp Jinshan kien ukoll attiv fil‑produzzjoni tar-roti, iż-żewġ gruppi, matul il-perijodu rilevanti, kienu jikkostitwixxu żewġ entitajiet distinti.

    58.

    Il-klassifikazzjoni taż-żewġ gruppi bħala partijiet relatati wasslet lill-Kummissjoni, skont il-prattika tagħha, sabiex titlob lill-grupp Giant jimla l-formula ta’ talba għal status ta’ TES u, sussegwentement, il‑kwestjonarju antidumping għal Jinshan u għall-kumpanniji kollha li jifformaw parti mill-grupp tiegħu ( 28 ).

    59.

    Madankollu, matul il-proċedura Giant argumentat li, minħabba n‑natura indiretta tar-rabta tagħha mal-grupp Jinshan, limitata għall‑parteċipazzjoni fl-impriża konġunta GP, ma kienx neċessarju li hija tipprovdi din l-informazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, kien impossibbli għaliha li timla t-talba għal status ta’ TES għaliha u, sussegwentement, il-kwestjonarji antidumping għall-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan.

    60.

    Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 29 ), Giant ipprovdiet informazzjoni kompleta fir-rigward tal‑kumpanniji kollha li jifformaw parti mill-grupp tagħha, inkluż GP, u pprovdiet ukoll informazzjoni fir-rigward tal-grupp Jinshan. B’mod iktar speċifiku, hija pprovdiet id-dikjarazzjonijiet ikkonsolidati tal-grupp Jinshan. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, dawn id-dokumenti kienu jippermettu li jiġu identifikati l-kumpanniji kollha li jifformaw parti minn dan il-grupp u li jiġi dedott, moqrija flimkien mal-informazzjoni l-oħra pprovduta, li fost il-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan, kienet biss l-impriża konġunta GP li wettqet tranżazzjonijiet mal-grupp Giant matul il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni.

    61.

    Barra minn hekk, Giant ipproduċiet dikjarazzjoni tal-kunsill amministrattiv ta’ Jinshan li jikkonferma li l-unika relazzjoni bejnha u din il-kumpannija kienet tikkonsisti fl-impriża konġunta GP u li la Jinshan u lanqas ebda waħda mis-sussidjarji tagħha ma kellhom ebda relazzjoni oħra ma’ Giant ( 30 ).

    62.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li billi rrikorra għad-data disponibbli għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant, il-Kunsill kien kiser l-Artikolu 18(1) tar‑regolament bażiku.

    63.

    EBMA ssostni li din il-konklużjoni hija żbaljata.

    64.

    Fl-ewwel lok, hija tallega li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l‑Kunsill applika l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku għall-grupp Giant “globalment” għaliex dan irrifjuta li jipprovdi informazzjoni minima bażika fir-rigward tal-istruttura tiegħu.

    65.

    Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku proposta minn EBMA – miġbura fil-qosor fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet – li tipprovdi li l-istituzzjonijiet jistgħu japplikaw din id-dispożizzjoni bi tliet modi differenti ma ssib ebda bażi fit-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni, lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tar-regolament bażiku, u lanqas fil‑ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Hija lanqas ma ssib sostenn fil‑prattika deċiżjonali tal-korpi tad-WTO fir-rigward tal-Artikolu 6.8 tal‑Ftehim antidumping.

    66.

    Mill-banda l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn EBMA, diversi elementi jindikaw li, f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet użaw id-data disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku speċifikament sabiex jiddeterminaw il-prezz tal-esportazzjoni tal-grupp Giant.

    67.

    Għalhekk, minn naħa, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Marzu 2013, imsemmija fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni informat lill-Giant bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 18(1) tar‑regolament bażiku u li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha abbażi tad-data disponibbli speċifikament għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, mill‑premessa 131 tar-regolament ikkontestat jirriżulta b’mod espliċitu li “l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kien applikat fir-rigward tal‑prezz tal-esportazzjoni”.

    68.

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 47 u 48 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, in-natura neċessarja ta’ informazzjoni għandha tkun evalwata mhux fl-astratt jew “globalment”, iżda fir-rigward ta’ determinazzjoni li għandha tiġi stabbilita mill-awtorità responsabbli mill‑investigazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

    69.

    Ċertament huwa neċessarju li sa mill-bidu tal-investigazzjoni, l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jiksbu ċertu numru ta’ informazzjoni ġenerali fir-rigward tal-kumpanniji relatati mal-produtturi-esportaturi sabiex jiġi stabbilit il-“perimetru” reali ta’ dawn il-produtturi‑esportaturi, u dan mingħajr ma jkollhom jiġġustifikaw li din l-informazzjoni tkun neċessarja sabiex tittieħed deċiżjoni b’applikazzjoni tar-regolament bażiku.

    70.

    Madankollu, kif irrilevajt fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’dan il-każ il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, minbarra l-informazzjoni kompleta fir-rigward tas-sussidjarji li jifformaw parti mill-grupp tagħha, Giant kienet ipprovdiet informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal‑kumpanniji kollha tal-grupp Jinshan, kif ukoll it-tranżazzjonijiet kollha li seħħew bejn dan il-grupp u l-grupp Giant matul il-perijodu rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, EBMA ma tistax effettivament issostni li Giant ma kinitx ipprovdiet informazzjoni minima bażika fir-rigward ta’ Jinshan ( 31 ).

    71.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment imressaq minn EBMA bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-Kunsill kien applika “globalment” l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għal grupp Giant għandu, fil-fehma tiegħi, ikun miċħud.

    72.

    Fit-tieni lok, EBMA tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill‑Qorti Ġenerali tal-kooperazzjoni ta’ Giant fl-investigazzjoni. Essenzjalment, EBMA ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l‑applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għal Giant kienet iġġustifikata minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħha.

    73.

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif irrilevajt fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, apparti r-rabta eżistenti bejn il-grupp Giant u l‑grupp Jinshan bl-intervent ta’ GP, iż-żewġ gruppi jikkostitwixxu żewġ entitajiet differenti, u saħansitra żewġ gruppi f’kompetizzjoni. Huwa minħabba din is-sitwazzjoni li matul l-investigazzjoni, meta l-Kummissjoni talbitha tippreżenta l-formula ta’ talba għal status ta’ TES u l-formula antidumping għal Jinshan u għall-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp tagħha, Giant argumentat li kien impossibbli għaliha li tipprovdi din l‑informazzjoni.

    74.

    Mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx verament inkunsiderazzjoni s-sottomissjoni ta’ Giant dwar l-impossibbiltà tagħha li tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Mill-banda l-oħra, hija nsistiet fuq il‑bżonn li Giant timla l-imsemmija formuli għal Jinshan u għall-kumpanniji tagħha, u fil-każ ta’ nuqqas ta’ risposta hija ppjanat l-applikazzjoni tal‑Artikolu 18(1) tar‑regolament bażiku.

    75.

    Ma hemmx dubju li l-imsemmija formuli jinkludu mistoqsijiet preċiżi ħafna. Sabiex jimtlew tali formuli b’mod xieraq huwa neċessarju li jkun hemm aċċess għal data kummerċjali ddettaljata ħafna, li ħafna drabi tkun ta’ natura kunfidenzjali. Normalment impriża ma jkollhiex (u skont ir-regoli tal-kompetizzjoni, lanqas suppost ikollha) aċċess għal din l-informazzjoni kollha dwar grupp f’kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk ma huwiex eskluż li Giant setgħet tikseb xi informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ Jinshan u l-grupp tagħha, hija ma kellhiex ikollha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex timla l-formuli għal Jinshan u l-grupp tagħha.

    76.

    Kif irrilevajt iktar ’il fuq ( 32 ), f’investigazzjoni antidumping il‑partijiet ikkonċernati għandhom jikkooperaw realment u bis-sħiħ, billi jaġixxu bl-aħjar mod possibbli. Huma għandhom b’mod partikolari jipprovdu l-informazzjoni kollha li għandhom li l-istituzzjonijiet iqisu neċessarja sabiex jistabbilixxu d-determinazzjonijiet tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għandha tkun evalwata każ b’każ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi tal-każ.

    77.

    Issa f’dan il-każ għandna sitwazzjoni pjuttost partikolari fejn: 1) ir-relazzjoni bejn il-partijiet relatati kienet ta’ natura orizzontali; 2) l-impriża konġunta li kienet tikkostitwixxi l-unika rabta eżistenti bejn l-imsemmija partijiet kienet fil-proċess li tiġi ttrasferita, b’tali mod li din ir-rabta kienet fil-proċess li tispiċċa; 3) il-parti kkonċernata inkwistjoni kkooperat b’mod sħiħ fl-investigazzjoni għal dak li jirrigwardaha u pprovdiet ukoll informazzjoni fir-rigward tal-parti relatata magħha; 4) hija argumentat l-impossibbiltà għaliha li tipprovdi l-informazzjoni ddettaljata ħafna mitluba mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-parti relatata magħha.

    78.

    F’sitwazzjoni bħal din, jiena nikkunsidra li l-istituzzjonijiet kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-invokazzjoni ta’ Giant dwar l-impossibbiltà tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mitluba u kellhom, eventwalment, jikkjarifikaw liema informazzjoni partikolari kellhom bżonn neċessarjament sabiex jistabbilixxu d-determinazzjonijiet tagħhom. Imbagħad huma kellhom jivverifikaw b’liema mod Giant setgħet, billi taġixxi bl-aħjar mod possibbli, tipprovdi din l‑informazzjoni.

    79.

    F’dan ir-rigward, minn naħa, jiena nirrileva li, b’mod ġenerali, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jindikaw lill-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni l-informazzjoni li għandhom jipprovdu ( 33 ).

    80.

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u lanqas waqt is-seduta, li jippreċiża liema informazzjoni addizzjonali minbarra dik ipprovduta minn Giant matul l-investigazzjoni dwar il-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan setgħet tkun neċessarja sabiex ikun ikkalkolat il-prezz tal-esportazzjoni tal-grupp Giant. Huwa wkoll abbażi ta’ din il‑konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma jistax jiġi allegat li Giant ma pprovdietx xi informazzjoni li kienet meqjusa neċessarja abbażi ta’ allegazzjonijiet vagi, u dan iktar u iktar peress li n-nuqqas ta’ relazzjoni bejn Giant u l-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan iddgħajjef b’mod ċar l-allegazzjonijiet dwar in-natura neċessarja tar-risposti għall‑kwestjonarju antidumping għal dawn il-kumpanniji tal-aħħar. F’dan ir-rigward, jiena nirrileva wkoll li meta l-istess mistoqsija saret lill‑Kunsill, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas dan ma kien f’pożizzjoni li jirrispondi b’mod sodisfaċenti.

    81.

    Minn qari tal-premessa 131 tar-regolament ikkontestat jidher li l‑istituzzjonijiet kienu jikkunsidraw li Giant kellha tipprovdi informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, imwettqa matul il-perijodu rilevanti mill‑kumpanniji tal-grupp Jinshan. Fl-appell tagħha EBMA, min-naħa tagħha, issemmi bħala eżempju informazzjoni li kellha tkun ivverifikata, il-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ ftehim ta’ tqassim tas-swieq jew ta’ politiki komuni tal-prezz bejn il-grupp Giant u l-grupp Jinshan. Madankollu, kieku din kienet l-informazzjoni meħtieġa mill-istituzzjonijiet, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ kif esposti fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn kellhom jitolbuha speċifikament u jivverifikaw li Giant, billi taġixxi bl-aħjar mod possibbli, setgħet b’mod raġonevoli tipprovdi iktar informazzjoni minn dik li kienet diġà pprovdiet. Mill‑banda l-oħra, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet ma setgħux jinjoraw, f’daqqa, l-informazzjoni kollha ddettaljata li kienet ipprovduta minn Giant.

    82.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li l-partijiet fi proċedura antidumping, bħala regola, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku, għandhom jagħtu risposta għall-kwestjonarju tal‑Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikolu 18(3) ta’ dan l-istess regolament jirriżulta li l-informazzjoni ppreżentata taħt forma oħra jew fil-kuntest ta’ dokument ieħor m’għandhiex tiġi injorata sakemm l-erba’ kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu ikunu ssodisfatti ( 34 ).

    83.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod żbaljat il-kooperazzjoni ta’ Giant u ma wettqitx ksur tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku f’dan ir-rigward.

    84.

    Fit-tielet lok, EBMA tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku billi imponiet b’mod żbaljat fuq l-istituzzjonijiet l-oneru eċċessiv li għandhom juru n-natura neċessarja tal-informazzjoni minima bażika meħtieġa fir-rigward tal‑kumpanniji relatati li huma involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal‑prodott ikkonċernat.

    85.

    Madankollu mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, kif diġà rrilevajt diversi drabi, ma hemmx dubju li huma l-istituzzjonijiet illi għandhom jevalwaw in-natura neċessarja ta’ informazzjoni sabiex jadottaw id-determinazzjonijiet tagħhom.

    86.

    Madankollu, f’dan il-każ il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Giant kienet ipprovdiet informazzjoni bażika fir-rigward tal-parti relatata magħha li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni partikolari bħal dik f’dan il-każ, kienet suffiċjenti sabiex tistabbilixxi d-determinazzjoni tal-istituzzjonijiet fir‑rigward tal-prezz tal-esportazzjoni.

    87.

    Fl-aħħar nett, għandha tingħata risposta wkoll lil żewġ argumenti magħmula mill-Kunsill fir-risposta tiegħu. L-ewwel nett, fir-rigward tal‑argument li l-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li l-informazzjoni mitluba ma kinitx neċessarja, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli għaliex jikkontesta evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-istituzzjonijiet kienu applikaw l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku għaliex il-grupp Giant kien għaddielhom informazzjoni falza u qarrieqa, għandu jiġi kkonstatat li dan jitlaq minn qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li din is-sentenza ma tinkludix tali kunsiderazzjonijiet ( 35 ).

    88.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nikkunsidra li l-aggravji ta’ EBMA bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku mill-Qorti Ġenerali għandhom jiġu miċħuda.

    2) Fuq li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju

    89.

    EBMA targumenta li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet lill‑istituzzjonijiet billi waslet għal konklużjonijiet abbażi ta’ provi parzjali ppreżentati u għalhekk kisret is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huma għandhom u marret lil hinn mis-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    90.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil‑qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l‑kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom l-obbligu li jeżaminaw. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali diskrezzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter ( 36 ).

    91.

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li minkejja li l-istituzzjonijiet għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li jkopri wkoll l-identifikazzjoni tal-informazzjoni li huma jkollhom bżonn sabiex jaslu għad-determinazzjonijiet tagħhom, dan madankollu ma jfissirx li, kif jirriżulta mill‑punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma jistgħu jirrikjedu minn parti kkonċernata kwalunkwe informazzjoni jew li l-possibbiltà li jużaw id-data disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku ma tkunx suġġetta għal limiti.

    92.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-provi prodotti fil‑proċess u tal-konstatazzjonijiet li setgħet tagħmel matul il-proċedura li saret quddiemha, ikkonkludiet li fis-sitwazzjoni partikolari ta’ dan il-każ, il‑Kunsill kien kiser l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, il‑Kunsill ma setax juża d-data disponibbli sabiex jistabbilixxi l-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, l‑informazzjoni pprovduta minnha kienet tippermetti li jiġi kkalkolat tali prezz, u min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi liema informazzjoni addizzjonali kienet tkun neċessarja għal dan il-għan.

    93.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali kisret is‑setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet u li marret lil hinn mis-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    94.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel żewġ aggravji magħmula minn EBMA għandhom jiġu miċħuda.

    B. Fuq it-tielet aggravju

    95.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, EBMA tikkontesta l-punti 79 sa 91 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l‑Kunsill ma jistax jinvoka r-riskju ta’ evażjoni sabiex jiġġustifika r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ dazju antidumping individwali għal Giant. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq tliet motivi.

    96.

    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill kien ikkonferma li l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tas‑sitwazzjoni ta’ Giant u li din l-istituzzjoni ma kinitx ipprevalixxiet ruħha minn xi dispożizzjoni oħra tar-regolament bażiku li tipprovdi li l‑eżistenza ta’ riskju ta’ evażjoni tista’ tiġġustifika r-rifjut li jingħata dazju antidumping individwali lil produttur-esportatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li tali riskju ma setax jiġi invokat mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni għar-rikorrenti tar-rata ta’ dazju applikabbli fuq il-livell nazzjonali ( 37 ).

    97.

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu biss fuq riskju ipotetiku ta’ evażjoni li jkun inerenti għall-kunċett ta’ “kumpanniji relatati” sabiex jirrifjuta dazju antidumping individwali. Insostenn tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-prattika deċiżjonali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO, li tipprovdi li r-riskju li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping individwali tkun ineffettiva sabiex tiġġieled kontra d-dumping ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazju applikabbli fuq il-livell nazzjonali għal produtturi-esportaturi ( 38 ).

    98.

    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, abbażi tal-informazzjoni li kellhom l-istituzzjonijiet waqt l-adozzjoni tar‑regolament ikkontestat, dawn kellhom jikkonkludu li ma kienx hemm riskju ta’ evażjoni bejn il-grupp Giant u l-grupp Jinshan. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-irtirar ta’ Giant minn GP kienet ta’ natura li telimina l-unika rabta eżistenti bejn il-grupp Giant u l‑grupp Jinshan u għalhekk li telimina l-eżistenza ta’ riskju ta’ evażjoni li jirriżulta mill-eżistenza tal-imsemmija rabta bejn dawn iż-żewġ gruppi ( 39 ).

    1.   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

    99.

    L-ewwel nett EBMA tikkunsidra li huwa abbażi tal-premessa żbaljata li din il-kawża tirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz tal‑esportazzjoni ( 40 ) li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-istituzzjonijiet ma setgħux jinvokaw ir-riskju ta’ evażjoni f’dan il-każ.

    100.

    It-tieni nett, skont EBMA, fil-każ fejn kumpanniji huma relatati, bħal f’dan il-każ il-gruppi Giant u Jinshan, dejjem jeżisti riskju ta’ evażjoni jekk entità relatata tikseb dazju antidumping iżgħar minn entità oħra tal-istess grupp. Minn dan isegwi li l-argument li jinsab fis-sentenza appellata rigward ir-riskju ipotetiku ta’ evażjoni bejn impriżi mhux relatati huwa fundamentalment ivvizzjat u żbaljat fil-liġi. Il-ħsibijiet tal‑istituzzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-evażjoni minn kumpanniji relatati f’din il-kawża huma għalhekk iġġustifikati. Barra minn hekk, ir‑riferimenti għad-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad‑WTO magħmula mill-Qorti Ġenerali ma humiex rilevanti.

    101.

    It-tielet u l-aħħar nett, l-EBMA targumenta li ma jistax jiġi eskluż li l-gruppi Giant u Jinshan kienu relatati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni b’mod li jmur lil hinn minn dak li jirriżulta mir‑risposti għall-kwestjonarji dwar il-kumpanniji tal-grupp Giant u mid‑dikjarazzjonijiet ikkonsolidati ta’ Jinshan.

    102.

    Qabel xejn, il-Kunsill jaqbel ma’ dan l-aggravju. Imbagħad, huwa jżid li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, jirrileva li l-Artikolu 9(5)(e) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li r-riskju ta’ evażjoni jista’ jeżisti fil-każ ta’ esportazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, bħaċ-Ċina. Din l‑eventwalità tkun prevista mir-regolament bażiku fil-każ ta’ intervent mill-Istat. Dan huwa preċiżament il-każ għal dak li jirrigwarda l-grupp Giant, peress li, matul il-perijodu rilevanti, il-Gvern Ċiniż kellu 33.13 % mill-grupp Jinshan, informazzjoni li, barra minn hekk, ma kinitx ikkomunikata mill-grupp Giant matul l-investigazzjoni. Ir-riskju ta’ evażjoni, kif previst fl-Artikolu 9(5)(e) tal-imsemmi regolament kien barra minn hekk imsemmi fil-premessa 114 tar-regolament ikkontestat.

    103.

    Qabel xejn Giant targumenta li t-tielet aggravju huwa inammissibbli, għaliex, bħall-ewwel u t-tieni aggravji jirrigwarda, fil‑fehma tagħha, l-evalwazzjoni tal-fatti, li ma taqax fil-kompetenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Sussidjarjament, Giant issostni li t-tielet aggravju ma huwiex fondat.

    2.   Evalwazzjoni

    104.

    Qabel xejn għandha tiġi eżaminata, fid-dawl tal-ġurisprudenza li fakkart fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eċċezzjoni tal‑inammissibbiltà mressqa minn Giant fir-rigward tat-tielet aggravju ta’ EBMA.

    105.

    F’dan ir-rigward, jiena nikkunsidra li ma hemmx dubju li l-ewwel żewġ ilmenti, miġbura fil-punti 99 u 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet iqajmu kwistjonijiet ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi dwarhom waqt appell. Fil-fatt, dawn iż-żewġ ilmenti jikkontestaw żewġ premessi legali tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. It-tieni ilment huwa intiż ukoll sabiex jikkontesta r-rilevanza tar-riferimenti, magħmula fis‑sentenza appellata, għall-prattika deċiżjonali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO.

    106.

    Mill-banda l-oħra, it-tielet ilment, miġbur fil-qosor fil-punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkontesta l-konstatazzjoni ta’ fatt, li tinsab fil‑punt 89 tas-sentenza appellata, li l-impriża konġunta GP kienet tikkostitwixxi l‑unika rabta bejn il-grupp Giant u l-grupp Jinshan. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    107.

    Dwar il-mertu, nirrileva qabel xejn, li l-ewwel aggravju li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l‑kawża kienet tirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jiena esponejt fil‑punti 64 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżulta li din il-premessa ma hijiex żbaljata.

    108.

    Mill-bqija, nikkonstata li bl-argument tagħha EBMA ma tikkontestax effettivament il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 85 tas‑sentenza appellata, abbażi tal-elementi indikati fil-punti 86 sa 88 sussegwenti, li jipprovdu li fi kwalunkwe każ l-informazzjoni li kellhom l-istituzzjonijiet waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kienet suffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi li ma kienx hemm riskju ta’ evażjoni bejn il‑grupp Giant u l-grupp Jinshan. EBMA ma tikkontestax speċifikament, fil-liġi, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas‑sentenza appellata li tipprovdi li l-irtirar ta’ Giant minn GP kienet ta’ natura li telimina l-eżistenza ta’ tali riskju ta’ evażjoni.

    109.

    Issa din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti waħedha bħala bażi għall‑konklużjoni li tinsab fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li f’dan il-każ, il-Kunsill ma setax jinvoka riskju ta’ evażjoni sabiex jiġġustifika r-rifjut li japplika dazju antidumping individwali għal Giant.

    110.

    Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 82 sa 84 tas-sentenza appellata kienu żbaljati, il-konklużjoni magħmula fil-punt 90 tas-sentenza appellata tibqa’ valida. F’dawn iċ‑ċirkustanzi l-argumenti li jirrigwardaw dawn il-punti għandhom, fil‑fehma tiegħi, jiġu ddikjarati ineffettivi.

    111.

    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill, miġbur fil-qosor fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jitfakkar li mill-Artikoli 172, 174 u 178(1) u t-tieni sentenza tal‑Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien, kif ukoll mir‑risposta ppreżentata skont l-Artikolu 172 ta’ dawn ir-regoli ma jistax ikun intiż għall-annullament tas-sentenza appellata għal aggravji distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitressqu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali ( 41 ).

    112.

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, EBMA fl-ebda moment ma invokat ksur tal-Artikolu 9(5) tar‑regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nikkunsidra li l‑aggravju mressaq mill-Kunsill fir-risposta tiegħu jikkostitwixxi aggravju distint u awtonomu ta’ annullament tas-sentenza appellata li għandu jkun iddikjarat inammissibbli.

    113.

    Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju huwa wkoll infondat. Fil-fatt, il-Kunsill ma jistax jargumenta b’mod validu l-ksur ta’ dispożizzjoni – l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku – li, kif ammetta hu stess quddiem il-Qorti Ġenerali ( 42 ), ma kinitx applikata f’dan il-każ fir‑rigward ta’ Giant. Barra minn hekk, l-invokazzjoni tal-premessa 114 tar-regolament ikkontestat hija manifestament barra mill-kuntest, peress li kulma tagħmel din il-premessa huwa biss li ssemmi d-dispożizzjonijiet rilevanti tar‑regolament bażiku.

    114.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, it-tielet aggravju ta’ EBMA għandu wkoll jiġi miċħud u li, konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    VII. Konklużjoni

    115.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    (1)

    L-appell huwa miċħud.

    (2)

    European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Giant (China) Co. Ltd.

    (3)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) T‑425/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:896.

    ( 3 ) Regolament li jemenda r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2013, L 153, p. 17).

    ( 4 ) ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22. Fiż-żmien tal-investigazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu f’dan ir-regolament.

    ( 5 ) Ara, għal iktar dettall, il-punti 2 sa 8 tas-sentenza appellata.

    ( 6 ) Ara l-punt 14 tas-sentenza appellata li jispeċifika l-istruttura ta’ kontroll ta’ GP.

    ( 7 ) Ara l-punti 15 u 17 tas-sentenza appellata.

    ( 8 ) Ara l-punti 16, 18 sa 20, 22 u 24 tas-sentenza appellata.

    ( 9 ) Ara l-premessi 131 sa 135 tar-regolament ikkontestat.

    ( 10 ) Ara l-premessa 137 tar-regolament ikkontestat.

    ( 11 ) Dawn huma, minn naħa, l-ewwel parti tat-tielet motiv u l-ħames motiv, u min‑naħa l-oħra, is-seba’ motiv imressqa minn Giant quddiem il-Qorti Ġenerali. Ara għal iktar dettall, il-punti 46 sa 51 tas-sentenza appellata.

    ( 12 ) Punti 56 sa 70 u 77 tas-sentenza appellata.

    ( 13 ) Punti 71 sa 76 tas-sentenza appellata.

    ( 14 ) Punti 79 sa 90 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Dan l-ilment jikkostitwixxi fir-realtà aggravju distint.

    ( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 44 tas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill (T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271). Din il‑formula hija riprodotta f’diversi sentenzi tal-Qorti Ġenerali inkluż is-sentenza appellata(ara l-punt 61).

    ( 18 ) ĠU 1994, L 336, p. 103 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”). Dan il-ftehim jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). It-test tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping huwa dan li ġej:

    “Fil-każijiet meta kwalunkwe partijiet interessati jiċħdu l-aċċess, jew inkella ma jipprovdux, informazzjoni meħtieġa fi żmien raġonevoli jew ma jippermettux sostanzjalment, determinazzjonijet ta’ natura preliminari u finali, affermativa jew negattiva, dawn jistgħu jsiru fuq bażi tal-fatti disponibbli.”

    ( 19 ) F’dan ir-rigward, ara, iktar fid-dettall il-punti 34 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata tal-konklużjonijiet tiegħi fil‑Kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928). Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward, b’mod speċifiku, tar‑relazzjonijiet bejn l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6.8 tal‑Ftehim antidumping, ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il-Kunsill (T‑409/06, EU:T:2010:69, punt 103) u tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill (T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 40).

    ( 20 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali stabbilit fil-kuntest tad-WTO intitolat, “Korea – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu karti li joriġinaw mill-Indoneżja” (WT/DS 312/R), adottat fit-28 ta’ Ottubru 2005, paragrafu 7.43. F’dan ir-rigward, ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill (T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 46).

    ( 21 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali stabbilit fil-kuntest tad-WTO, intitolat “Komunitajiet Ewropej – Miżura antidumping intiża għal salamun tal-farms li joriġina min-Norveġja” (WT/DS 337/R), adottat fil-15 ta’ Jannar 2008, paragrafu 7.343. F’dan ir‑rigward, ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill (T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 46).

    ( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 87). Għal dak li jirrigwarda l‑proċedura ta’ evażjoni, ara b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 32).

    ( 23 ) Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li l-partijiet ikkonċernati jaġixxu bl-aħjar mod possibbli sabiex jipprovdu lill-istituzzjonijiet bl-informazzjoni neċessarja, ara t-test tal-aħħar parti tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-paragrafu 5 tal-Anness II tal-Ftehim antidumping.

    ( 24 ) F’dan ir-rigward, ara, fir-rigward tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping il‑kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 7.244 u 7.245 tar-Rapport tal-grupp speċjali stabbilit fil-kuntest tad-WTO intitolat – “Eġittu – Miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjoni ta’ ħadid tal-armatura li joriġina mit-Turkija” (WT/DS 211/R), adottat fl-1 ta’ Ottubru 2002.

    ( 25 ) F’dan ir-rigward, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jirreferi, għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, għad‑definizzjoni tal-partijiet relatati li tinsab fl-Artikolu 143 tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d‑dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3). Din id-definizzjoni hija rilevanti wkoll sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “assoċjazzjoni” għall-finijiet tal-istabbiliment tal-prezz tal‑esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku. Il-formula ta’ talba għal status ta’ TES u l-kwestjonarju antidumping jirriproduċu din id‑definizzjoni ta’ partijiet relatati.

    ( 26 ) Ara l-punt 89 tas-sentenza appellata.

    ( 27 ) Ibidem.

    ( 28 ) Ara l-aħħar parti tan-nota preċedenti. Ara wkoll il-punti 10 u 11 ta’ dawn il‑konklużjonijiet u l-punti 14 sa 17 tas-sentenza appellata.

    ( 29 ) Ara l-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata.

    ( 30 ) Ara l-punt 67 tas-sentenza appellata.

    ( 31 ) Din il-kawża hija differenti wkoll mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill (T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l‑istituzzjonijiet ma kinux wettqu żball billi użaw id-data disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, minħabba n-nuqqas min-naħa tal-parti kkonċernata li tikkomunika l-isem ta’ żewġ sussidjarji kkonċernati tal-grupp ikkonċernat, u dan kien jammonta għal nuqqas li tipprovdi informazzjoni kompleta u affidabbli lil hinn minn kull inċertezza għal dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni preċiża tal-grupp ta’ kumpanniji kollu (ara l-punt 49 ta’ din is-sentenza).

    ( 32 ) Ara l-punti 47, 48, 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-paragrafu 1 tal-Anness II tal-Ftehim antidumping, li jipprovdi b’mod partikolari li l-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni għandhom jindikaw lill-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni l-“informazzjoni [li dawn għandhom jipprovdu]”.

    ( 34 ) Ara l-punt 150 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li, fis‑sentenza tagħha tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62, punti 9091), kienet iddeċidiet li, skont l‑Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku, meta parti tonqos milli tippreżenta risposta għall-kwestjonarju, iżda tkun issottomettiet informazzjoni fil-kuntest ta’ dokument ieħor, ma tistax tiġi akkużata b’nuqqas ta’ kooperazzjoni jekk, 1) l‑eventwali nuqqasijiet ma jikkawżawx diffikultà eċċessiva sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet raġonevolment korretti, 2) l-informazzjoni tiġi pprovduta fil-ħin, 3) tista’ tiġi vverifikata u, 4) il-parti tkun aġixxiet bl‑aħjar mod li tista’.

    ( 35 ) Għall-kuntrarju, fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali analizzat l-elementi mressqa mill-Kunsill u kkonkludiet, fil-punt 76 tal-istess sentenza li dawn, meħuda individwalment jew konġuntivament, ma kinux jippermettu, f’dan il-każ, li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta minn Giant fir-rigward tal-prezz tal‑esportazzjoni kienet falza jew qarrieqa.

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Punti 81 u 82 tas-sentenza appellata.

    ( 38 ) Punti 83 u 84 tas-sentenza appellata u r-rapporti tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO hemm iċċitati.

    ( 39 ) Punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata.

    ( 40 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 97 sa 102) u tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 20 sa 22).

    ( 42 ) Ara l-punt 82 tas-sentenza appellata.

    Top