Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CA0427

    Kawżi Magħquda C-427/16 u C-428/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad – il-Bulgarija) – “CHEZ Elektro Bulgaria” AD vs Yordan Kotsev (C-427/16), u “FrontEx International” EAD vs Emil Yanakiev (C-428/16) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Iffissar minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati tal-ammonti minimi ta’ onorarji — Projbizzjoni għal qorti li tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dawn l-ammonti minimi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bħala parti mill-prezz ta’ servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ professjoni liberali)

    ĠU C 22, 22.1.2018, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 22/13


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad – il-Bulgarija) – “CHEZ Elektro Bulgaria” AD vs Yordan Kotsev (C-427/16), u “FrontEx International” EAD vs Emil Yanakiev (C-428/16)

    (Kawżi Magħquda C-427/16 u C-428/16) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kompetizzjoni - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Iffissar minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati tal-ammonti minimi ta’ onorarji - Projbizzjoni għal qorti li tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dawn l-ammonti minimi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bħala parti mill-prezz ta’ servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ professjoni liberali))

    (2018/C 022/17)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Sofiyski rayonen sad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti:“CHEZ Elektro Bulgaria” AD (C-427/16), “FrontEx International” EAD (C-428/16)

    Konvenuti: Yordan Kotsev (C-427/16), Emil Yanakiev (C-428/16)

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, ma tippermettix lill-avukat u lil klijent tiegħu milli jilħqu ftehim dwar remunerazzjoni ta’ ammont inqas mill-ammont minimu ffissat minn regolament adottat minn organizzazzjoni professjonali ta’ avukati, bħall-Vissh advokatski savet (kunsill suprem tal-avukatura, il-Bulgarija), taħt piena għal dan l-avukat ta’ proċeduri dixxiplinari, u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax lill-qorti sabiex tordna r-rimbors ta’ ammont ta’ onorarji inqas minn dan l-ammont minimu, tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-metodi konkreti ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament għanijiet leġittimi u jekk ir-restrizzjonijiet imposti b’dan il-mod humiex limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet leġittimi.

    2)

    L-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha persuni ġuridiċi u n-negozjanti indipendenti jibbenefikaw minn rimbors tar-remunerazzjoni tal-avukat, ordnat mill-qorti nazzjonali, jekk ikunu ġew difiżi minn konsultent legali.

    3)

    Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-taxxa fuq il-valur miżjud tiġi kkunsidrata bħala parti mill-onorarji tal-avukati li huma rreġistrati, jekk din għandha bħala effett intaxxar doppju tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-onorarji.


    (1)  ĠU C 371, 10.10.2016.


    Top