Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0515

    Kawża T-515/15: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2015 – Almaz-Antey vs Il-Kunsill

    ĠU C 371, 9.11.2015, p. 33–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 371/33


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2015 – Almaz-Antey vs Il-Kunsill

    (Kawża T-515/15)

    (2015/C 371/34)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: OAO Concern PVO Almaz-Antey (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: C. Stumpf u A. Haak, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/971, tat-22 ta’ Ġunju 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2015 L 157, p. 50), sa fejn din id-deċiżjoni tapplika għar-rikorrenti,

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, jiġifieri d-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma pprovdiex raġunijiet xierqa jew suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-persuni, entitajiet jew korpi li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma stabbilixxiex il-prova li r-rikorrenti hija involuta fid-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna jew li hija għandha xi influwenza fuq is-suċċess tal-implementazzjoni tal-ftehimiet ta’ Minsk.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li wieħed mill-kriterji għall-inklużjoni fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżura kkontestata kien issodisfatt f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li, b’konsegwenza tal-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/971, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, ma għandux bażi ġuridika suffiċjenti, u dan ifisser li l-inklużjoni tar-rikorrenti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, abbażi tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 826/2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, hija ineffettiva.


    Top