Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0215

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Lulju 2017.
    Mykola Yanovych Azarov vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għall-proprjetà – Dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
    Kawża T-215/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:479

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    7 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

    “Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina — Iffriżar ta’ fondi — Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi — Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għall-proprjetà — Dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika — Proporzjonalità — Użu ħażin ta’ poter — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

    Fil-Kawża T-215/15,

    Mykola Yanovych Azarov, residenti fi Kiev (l-Ukraina), irrappreżentat minn G. Lansky u A. Egger, avukati,

    rikorrent,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix u F. Naert, bħala aġenti,

    konvenut,

    Li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 25), u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 1), sa fejn dawn l-atti jżommu isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn G. Berardis (Relatur), President tal-Awla, D. Spielmann u Z. Csehi, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrent, Mykola Yanovych Azarov, kien Prim Ministru tal-Ukraina bejn il-11 ta’ Marzu 2010 u t-28 ta’ Jannar 2014.

    2

    Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-kawżi dwar miżuri restrittivi adottati fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina wara r-repressjoni tal-manifestazzjonijiet tal-Pjazza tal-Indipendenza fi Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

    3

    Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2014”).

    4

    L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi:

    “1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

    5

    Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti tal-istess artikolu.

    6

    Konformement mad-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet għal dan l-iffriżar f’termini li huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

    7

    L-ismijiet tal-persuni kkonċernati mill-l-atti ta’ Marzu 2014 jidhru fil-lista, identika, li tinsab fl-anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-anness I tar-Regolament Nru°208/2014 (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni tal-iskrizzjoni tagħhom.

    8

    L-isem tar-rikorrent ġie iskritt fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Prim Ministru tal-Ukraina sa Jannar 2014” u l-motivazzjoni li ġejja:

    “Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

    9

    Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, C 66, p. 1). Skont dan l-avviż, il-“persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija iktar ’il fuq terġa’ tiġi kkunsidrata […]”.

    10

    Fit-12 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors li kellu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119, kif ukoll tar-Regolament Nru°208/2014. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-Numru T‑331/14.

    11

    Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Jannar 2015”).

    12

    Id-Deċiżjoni 2015/143 ippreċiżat, mill-31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

    “1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

    a)

    għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

    b)

    għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

    13

    Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

    14

    Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u kkomunikalu ittra [kunfidenzjali] ( 1 ) tal-10 ta’ Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014”), fejn informah dwar il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet.

    15

    Fil-5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/364, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/357 li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”).

    16

    Id-Deċiżjoni 2015/364 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrenti, sas-6 ta’ Marzu 2016. Konsegwentement, il-lista ġiet issostitwita skont l-atti kkontestati.

    17

    Wara dawn l-emendi, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “Prim Ministru tal-Ukrajna sa Jannar 2014” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

    “Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

    18

    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar iż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

    Fatti li seħħew qabel il-preżentata tar-rikors

    19

    Permezz tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il-Kunsill (T‑331/14, EU:T:2016:49), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

    20

    Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/318, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2016/311, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1). Dawn l-atti jestendu l-miżuri restrittivi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2017.

    21

    Id-Deċiżjoni 2016/318 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni 2016/311 huma s-suġġett ta’ rikors ġdid, ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2016 (Kawża T-190/16, Azarov vs Il-Kunsill).

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    22

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Ir-rikorrent ippreżenta wkoll talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikoli 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

    23

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

    24

    Fis-7 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill ippreżenta r-risposta. Fit-8 ta’ Lulju 2015, huwa ppreżenta wkoll talba motivata, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex il-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mar-risposta ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku. Ir-rikorrent ikkomunika l-oġġezzjonijiet tiegħu għat-talba ta’ trattament kunfidenzjali.

    25

    Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati mir-rikorrent, fis-27 ta’ Awwissu 2015, u, mill-Kunsill, fit-12 ta’ Ottubru 2015, rispettivament.

    26

    Fl-14 ta’ Ottubru 2015, Il-Kunsill ippreżenta talba motivata skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura intiża sabiex il-kontenut ta’ anness tar-rikors u ta’ anness tal-kontroreplika ma jissemmewx fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

    27

    Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

    28

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

    29

    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016.

    30

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawh;

    Tordna ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    31

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    sussidjarjament, tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2015/364 għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/357;

    tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    32

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, it-tielet wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, l-ħames wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    33

    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni tal-Kunsill li jżomm l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista ma hijiex motivata. B’mod partikolari, l-indikazzjonijiet relatati mad-“[d]ikjarazzjoni tar-raġunijiet” la jispjegaw ir-raġunijiet konkreti u speċifiċi u lanqas il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li wasslu għall-adozzjoni tal-atti kkontestati u ma jissodisfawx, għaldaqstant, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza fil-qasam ta’ motivazzjoni u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill ma kkomunikax l-imsemmija raġunijiet la fl-istess ħin tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi u lanqas mill-iktar kmieni possibbli wara l-adozzjoni tagħhom jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    34

    Ir-rikorrent isostni wkoll li r-raġunijiet tal-atti kkontestati, fejn jiġi indikat li huwa “[p]ersuna soġġetta għal proċeduri kriminali”, ma humiex korretti, peress li l-proċedura kriminali kontrih tinsab biss fl-istadju inizjali. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent qed jiġi akkużat li huwa l-awtur ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi ma huwiex fondat. Fil-fatt, mid-dokument li allegatament ibbaża ruħu fuqu l-Kunsill ma jirriżultax li l-fatti esposti fih jikkostitwixxu misapproprjazzjoni ta’ fondi.

    35

    Fir-replika, ir-rikorrent, barra minn hekk, jikkritika lill-Kunsill talli kkuntenta ruħu li jirriproduċi dak li jingħad fid-dokument li joriġina mill-awtoritajiet Ukraini, mingħajr ma għamel evalwazzjoni awtonoma.

    36

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    37

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”.

    38

    Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, mogħti l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati mill-Artikolu 6(1) TUE, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha”.

    39

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adatta għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-parti kkonċernata ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam inkwistjoni. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tingħata (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi, bħala prinċipju, ma tistax tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata. Ħlief għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, tali miżura għandha, bil-kontra ta’ dan, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tar-raġunijiet, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn ir-raġunijiet huma vvizzjati bi żbalji, dawn jaffettwaw il-legalità sostantiva tal-imsemmija deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun qed tesponi raġunijiet żbaljati (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 6061).

    43

    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li r-raġuni għall-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, kif emendata fil-kuntest taż-żamma ta’ din l-iskrizzjoni fl-atti kkontestati (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), hija speċifika u konkreta u tipprovdi l-elementi li jikkostitwixxu l-bażi għal din iż-żamma, jiġifieri ċ-ċirkustanza li r-rikorrent huwa persuna suġġetta għal proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Ukraini għal misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

    44

    Barra minn hekk, iż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent seħħet f’kuntest magħruf minnu, li kien ġie mgħarraf, matul id-diskussjonijiet mal-Kunsill, bl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014, li fuqha dan tal-aħħar ibbaża ż-żamma tal-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 5354 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 88). F’din l-ittra hemm indikati [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, l-imsemmi kuntest jinkludi wkoll id-diskussjonijiet bejn ir-rikorrent u l-Kunsill fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il-Kunsill (T‑331/14, EU:T:2016:49).

    45

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-atti kkontestati jipprovdu, suffiċjentement skont il-liġi, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jikkostitwixxu, skont l-awturi tagħhom, il-bażi tagħhom.

    46

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti tar-rikorrent.

    47

    L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura allegatament sterjotipata tar-raġuni għall-iskrizzjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet esposti f’din ir-raġuni huma l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom il-persuni fiżiċi l-oħra msemmija fil-lista ġew suġġetti għal miżuri restrittivi, madankollu dawn huma intiżi li jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrent, li, l-istess bħal persuni oħra, kienu, skont il-Kunsill, is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji marbutin ma investigazzjonijiet dwar misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 115).

    48

    It-tieni nett, fir-rigward tad-differenza bejn il-motivazzjoni esposta fl-atti kkontestati u dik esposta fl-atti ta’ Marzu 2014, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, kif jenfasizza l-Kunsill, li peress li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija suffiċjenti, iċ-ċirkustanza li atti oħra fihom motivazzjoni li hija kemxejn differenti ma tistax tikkostitwixxi raġuni ta’ illegalità tal-atti kkontestati.

    49

    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent li l-motivazzjoni esposta fl-atti kkontestati titbiegħed mill-elementi esposti fl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra tagħmel riferiment għal [kunfidenzjali]. Il-fatt li din l-ittra tagħmel ukoll riferiment għal [kunfidenzjali] huwa irrilevanti fid-dawl ta’ allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    50

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent dwar il-kredibbiltà tal-motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw il-fondatezza tal-motivazzjoni, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq, ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-ħames motiv iktar ’il quddiem.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

    52

    Dan il-motiv huwa magħmul minn erba’ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, fuq ksur tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, fuq in-natura sproporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    53

    Jaqbel li l-ewwel tiġi eżaminata r-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, u, warajha, dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, fuq ksur tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u fuq in-natura sproporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

    Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    54

    Ir-rikorrent essenzjalment jikkritika lill-Kunsill talli kiser id-dritt għal smigħ tiegħu, sa fejn ikkomunikalu informazzjoni li ma kinitx suffiċjentement preċiża sabiex tippermettilu jesponi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar l-elementi mressqa kontrih. B’mod iktar partikolari, l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 fiha kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali u ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, il-Kunsill ma qiesx uħud mill-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrent intiżi li juru li huwa ma setax iwettaq il-ksur allegat kontrih. Barra minn hekk, il-Kunsill lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni diversi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), imwettqa mill-awtoritajiet Ukraini.

    55

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    56

    Għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-dritt fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva huwa sanċit espliċitament fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 66).

    57

    Fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi li permezz tagħha isem persuna jew entità li jkun diġà jinsab fil-lista tal-persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati jinżamm f’din il-lista, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-elementi mressqa kontra din il-persuna jew entità kif ukoll mill-opportunita għal smiegħ mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).

    58

    Dan id-dritt għal smigħ minn qabel għandu jiġi rrispettat meta l-Kunsill juża elementi ġodda kontra l-persuna kkonċernata mill-miżura restrittiva u li isimha huwa s-suġġett ta’ żamma fil-lista inkwistjoni (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 26, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 43).

    59

    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2014/119 u l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament Nru°208/2014, jipprevedu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-organu kkonċernat, inklużi r-raġunijiet għall-iskrizzjoni tagħha fil-lista, jew direttament, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, fejn din għandha tingħata l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew jekk jiġu prodotti provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp ikkonċernat. Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni, l-istess deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru°208/2014, il-lista għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid f’intervalli regolari u għall-inqas kull tnax-il xahar. L-atti kkontestati huma bbażati fuq dawn l-atti inizjali li huma l-atti ta’ Marzu 2014 u għandhom l-effett li jestendu l-iffriżar ta’ fondi wara l-imsemmija kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-lista mill-Kunsill.

    60

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fid-dawl tal-prinċipju ġurisprudenzjali espost fil-punt 58 iktar ’il fuq, li l-Kunsill, meta żamm isem ir-rikorrent fil-lista, uża provi ġodda, li ma kinux diġà ġew ikkomunikati lir-rikorrenti wara l-iskrizzjoni inizjali ta’ ismu.

    61

    Fil-fatt, minn naħa, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma taqbilx ma dik tal-ewwel iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent (ara l-punti 8 u 17 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq provi ġodda, jiġifieri l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014.

    62

    Għalhekk, il-Kunsill kellu l-obbligu li jisma lir-rikorrent qabel ma jadotta l-imsemmija atti.

    63

    Mill-proċess tal-kawża jirriżulta li, permezz tal-ittra tiegħu tat-2 ta’ Frar 2015, il-Kunsill, wara li ġibed l-attenzjoni tar-rikorrent dwar il-fatt li l-kriterju ta’ klassifikazzjoni kien ġie emendat permezz tal-atti ta’ Jannar 2015 (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq), mibgħuta flimkien ma din l-ittra, u wara li eżamina l-argumenti tar-rikorrent mressqa quddiemu, informa lil dan tal-aħħar li kien beħsiebu jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Għal dan il-għan, huwa għamel riferiment għall-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014, mibgħuta flimkien mal-ittra tat-2 ta’ Frar 2015, bħala prova li tiġġustifika l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista u finalment tah l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent effettivament kiteb lill-Kunsill, fejn ipproduċa quddiemu provi addizzjonali insostenn tat-talba għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-iskrizzjoni ta’ ismu.

    64

    Barra minn hekk, immedjatament wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill irrisponda għall-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrent fl-ittra tat-18 ta’ Frar 2015, billi ċaħadhom. Barra minn hekk, il-Kunsill bagħatlu l-atti kkontestati u tah l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet ulterjuti. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill laqa’ wkoll it-talba tar-rikorrent, li tinsab fl-email tad-9 ta’ Marzu 2015, sabiex jingħata aċċess għal ċerti dokumenti tal-Kunsill.

    65

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Kunsill osserva l-obbligi tiegħu fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. Fil-fatt, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li r-rikorrent kellu aċċess għall-informationi u għal provi li mmotivaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u li dan seta’ jagħmel, fi żmien xieraq, osservazzjonijiet u jippreżenta dan ir-rikors billi jinvoka elementi rilevanti tal-fajl insostenn tad-difiża tiegħu.

    66

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent.

    67

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, hekk kif osserva l-Kunsill, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar in-natura vaga jew mhux preċiża biżżejjed tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilu huma pjuttost iktar relatati ma allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, hemm għalhekk lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv iktar ’il fuq.

    68

    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu mill-awtoritajiet Ukraini, għandu jiġi osservat, hekk kif jgħamel il-Kunsill, li r-rikorrent ma jistax jinvoka allegat ksur tal-imsemmija drittijiet, jew kwalsiasi irregolarità oħra, fil-kuntest ta’ proċeduri pendenti fl-Ukraina, sabiex jallega ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura li wasslet sabiex il-Kunsill jestendi l-miżuri restrittivi inkwistjoni, peress li ksur tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi invokat biss fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-allegata illegalità tar-rifjut ta’ aċċess għall-fajl li ġie stabbilit b’deċiżjoni tal-qorti tad-distrett ta’ Pechersky fi Kiev tal-5 ta’ Marzu 2015, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ġudizzjarja ngħatat fl-istess jum tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u li, għalhekk, ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-legalità tagħhom.

    69

    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ikkuntenta ruħu bl-informazzjoni rċevuta [kunfidenzjali], mingħajr ma talab informazzjoni addizzjonali, fid-dawl tal-elementi li kienu ġew prodotti quddiemu mir-rikorrent, għandu bilfors jiġi osservat li tali argument ma jimplikax li r-rikorrent ma kellux l-opportunità li jesponi l-opinjoni tiegħu u għalhekk ma jammontax għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

    70

    Barra minn hekk, sa fejn dan l-argument għandu jiġi interpretat bħala li jinvoka, essenzjalment, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, fid-dawl tal-provi li huwa kellu, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ħames motiv iktar ’il quddiem.

    71

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

    72

    Ir-rikorrent iqis li l-atti kkontestati jippreġudikaw id-dritt tiegħu għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fl-opinjoni tiegħu, l-iffriżar tal-assi li ġie impost fuqu huwa ekwivalenti għal esproprjazzjoni de facto, u dan jirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-restrizzjonijiet imposti mill-atti kkontestati, peress li huma msejsa fuq sempliċi dikjarazzjonijiet, ġew adottati mingħajr l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni. Skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma pproduċiex il-prova li, meta adotta l-atti kkontestati, huwa kien diġà is-suġġett ta’ azzjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tal-fatti indikati fir-raġunijiet ta’ iskrizzjoni. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent hija “prevista mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Barra minn hekk, il-Kunsill ma pprovax l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-ġustifikazzjoni ta’ preġudizzji għad-drittijiet fundamentali.

    73

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    74

    Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta:

    “Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

    75

    Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, minn naħa, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet u, min-naħa l-oħra, li bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    76

    Skont il-ġurisprudenza, ma hemmx dubju li miżura ta’ ffriżar ta’ fondi tinvolvi restrizzjoni fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 358).

    77

    F’din il-kawża, għalkemm huwa minnu li d-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent huwa limitat, peress li huwa ma jistax, b’mod partikolari, jiddisponi mill-fondi tiegħu li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, ħlief abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi, u sa fejn ebda fond jew riżorsa ekonomika ma tista’ titqiegħed, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni tiegħu. Peress li l-effett tal-atti kkontestati kien l-estenzjoni tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent sas-6 ta’ Marzu 2016, dawn neċessarjament illimitaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent sa dik id-data.

    78

    Madankollu, id-dritt għall-proprjetà, kif protett mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, ma huwiex prerogattiva assoluta u jista, konsegwentement, ikun suġġett għal limitazzjonijiet, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    79

    Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandha, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, tosserva tliet kundizzjonijiet.

    80

    L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”. Fi kliem ieħor il-miżura għandu jkollha bażi legali. It-tieni nett, din għandu jkollha objettivi ta’ interess ġenerali, rikonoxxuti bħala tali mill-Unjoni. Fost dawn l-objettivi hemm dawk imfittxija fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u previsti fl-Artikolu 21(2) TUE. It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, din għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni, ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punti 197 sa 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    81

    F’din il-kawża, kull waħda minn dawn it-tliet kundizzjoni hija ssodisfatta.

    82

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-limitazzjoni hija “prevista mil-liġi”, peress li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista hija konformi mal-kriterju ta’ iskrizzjoni previst, oriġinalment, fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, li ma ġiex emendat bl-atti kkontestati, u li jsemmi l-eżistenza ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra l-persuna kkonċernata minħabba fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

    83

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati huma konformi mal-għan, previst fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119, li tipprevedi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi għall-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt fl-Ukraina. B’dan il-mod, dawn l-atti jaqgħu taħt il-kuntest ta’ politika ta’ sostenn għall-awtoritajiet Ukraini, intiża li tiffavorixxi l-istabbiltà kemm politika kif ukoll dik ekonomika tal-Ukraina, u iktar speċifikament, sabiex tgħin lill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż fil-ġlied tagħhom kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

    84

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent, hemm lok li jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel l-inqas waħda oneruża, u l-inkonvenjenti li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C-220/14 P, EU:C:2015:147, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-inkonvenjenti maħluqa mill-miżuri restrittivi ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li dawn il-miżuri huma, min-natura tagħhom stess, ta’ natura temporanja u reversibbli u għalhekk ma jippreġudikawx l-“essenza” tad-dritt għall-proprjetà, u, min-naħa l-oħra, li jista’ jkun hemm deroga minnhom sabiex ikunu koperti l-bżonnijiet fundamentali, l-ispejjeż legali jew ukoll l-ispejjeż straordinarji tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    Barra minn hekk, minn naħa, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkontribwixxu b’mod effikaċi sabiex tkun iffaċilitata l-konstatazzjoni ta’ misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi fl-Ukraina, minbarra l-fatt li jiffaċilitaw ir-radd lura tagħhom, u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jinvoka ebda argument li jista’ juri li l-imsemmija miżuri ma humiex xierqa jew li jeżistu miżuri oħra inqas onerużi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

    87

    Għalhekk, anki l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika

    88

    Skont ir-rikorrent, l-atti kkontestati jiksru l-Artikolu 16 tal-Karta, li jiġbor taħtu l-libertà għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera. Sa fejn dawn l-atti ma jipprevedux biss l-iffriżar ta’ fondi, iżda wkoll tar-riżorsi ekonomiċi kollha, dawn jagħmlu l-eżerċizzju ta’ attività ta’ imprenditur pratikament impossibbli. Dawn il-miżuri huma wkoll sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, peress li, meta dawn l-atti ġew adottati, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina ma kinux għadhom mhedda, b’mod partikolari, mir-rikorrent, li ma kienx għadu jeżerċità iktar funzjonijiet politiċi u kien jinsab barra mill-pajjiż.

    89

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    90

    Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, “[il]-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

    91

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk miżura restrittiva x’aktarx ikollha konsegwenzi negattivi kunsiderevoli u effett importanti fuq il-ħajja professjonali tal-persuna kkonċernata, din għandha tiffriża biss l-assi tiegħu, u dan biss b’mod kawtelatorju. B’dan il-mod, l-għan immedjat tagħha ma huwiex li tipprekludi lill-persuna kkonċernata milli jwettaq attività industrijali jew kummerċjali għal finijiet ta’ lukru fi ħdan l-Unjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 253 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-kumplament, ir-rikorrent ma pproduċa l-ebda element konkret sabiex jistabbilixxi li huwa jeżerċità, jew li beħsiebu jeżerċità, attività ekonomika fl-Unjoni jew li l-iffriżar tal-fondi tiegħu huwa ta’ ħsara għal attivitajiet ekonomiċi eżistenti.

    92

    F’kull każ, f’dak li jirrigwarda l-libertà għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, din tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesa’ ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    93

    F’din il-kawża, jekk jitqies li l-miżuri kontenzjużi effettivament jillimitaw id-drittijiet ekonomiċi msemmija mir-rikorrent, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni, imposta minn dispożizzjoni ta’ portata ġenerali tad-Deċiżjoni 2014/119, hija prevista mil-liġi (ara l-punt 82 iktar ’il fuq).

    94

    It-tieni nett, din il-limitazzjoni taqdi l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-miżuri kontenzjużi (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

    95

    It-tielet nett, tali restrizzjoni ma tistax titqies li hija sproporzjonata meta mqabbla ma dan l-għan. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma jinvoka ebda element li jista’ jikkonfuta l-proporzjonalità ta’ tali restrizzjoni. Huwa, b’mod partikolari, ma jsostnix li teżisti miżura inqas oneruża mill-miżura kontenzjuża, li hija, madankollu, xierqa għall-ilħuq tal-għanijiet imfittxija mill-atti kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-miżuri restrittivi

    97

    Skont ir-rikorrent, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi hija sproporzjonata sa fejn l-ammont tal-assi ffriżati huwa mingħajr limiti u ma huwiex relatat mal-għan imfittex mill-imsemmija miżuri. Fil-fatt, f’din il-kawża, la ġie ddeterminat l-ammont tar-riżorsi tal-Istat ikkonċernati mill-ksur allegat u lanqas l-ammont tal-assi jew tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati. Ir-rikorrent iqis li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill dwar id-diffikultajiet ta’ implementazzjoni ta’ limitu tal-assi ma jistgħux ikunu ġġustifikati. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ifakkar li huwa l-Kunsill li għandu juri n-natura proporzjonali tal-miżuri.

    98

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    99

    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel l-inqas waħda oneruża, u l-inkonvenjenti li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Issa, kif ġustament isostni l-Kunsill, għandu jiġi osservat li, fl-assenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-fondatezza tal-akkużi magħmula kontra r-rikorrent fl-Ukraina, il-Kunsill ma setax, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, la jkun jaf in-natura tal-fondi pubbliċi allegatament misapproprjati u lanqas ma seta jindika huwa nnifsu l-kwantità tagħhom. Għalhekk huwa ma kienx f’pożizzjoni li jiddistingwi l-assi li setgħu daħlu fil-patrimonju tar-rikorrent b’konsegwenza ta’ tali misapproprjazzjonijiet mill-kumplament tal-beni li jikkostitwixxu l-patrimonju tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm xejn li jippermetti li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li timponi, bħala eżempju, iffriżar parzjali tal-fondi tar-rikorrent.

    101

    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li, anki jekk jitqies li r-rikorrent isostni li l-iffriżar ta’ fondi ma jkunx iġġustifikat lil hinn mill-valur tal-beni allegatament misapproprjati, kif jirriżulta mill-informazzjoni li l-Kunsill kellu, minn naħa, [kunfidenzjali] jagħtu biss indikazzjoni tal-valur tal-assi li ġew misapproprjati u, min-naħa l-oħra, li kull tentattiv intiż sabiex jiġi ddelimitat l-ammont tal-fondi ffriżati jkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi implementat fil-prattika.

    102

    Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 85 iktar ’il fuq, minn naħa, il-miżuri kontenzjużi huma, min-natura tagħhom stess, ta’ natura temporanja u reversibbli u għalhekk ma jippreġudikawx l-“essenza” tad-dritt għall-proprjetà, u, min-naħa l-oħra, li jistgħu jiġu awtorrizzati derogi minnhom sabiex ikunu koperti l-bżonnijiet fundamentali, l-ispejjeż legali jew ukoll l-ispejjeż straordinarji tal-persuni kkonċernati.

    103

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, it-tieni motiv fit-totalità tiegħu.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

    104

    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontrih mingħajr ma kellu provi tal-fatti invokati bħala motivazzjoni li tiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-lista. Fl-opinjoni tiegħu, ikun hemm użu ħażin ta’ poter anki meta l-għan imfittex ikun leġittimu, iżda meta r-riżultat tal-att ma jservix għall-ilħuq ta’ dan l-għan. L-iffriżar ta’ assi ma jippermettix li jintlaħaq l-għan ta’ konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, la b’mod ġenerali u lanqas f’dak li jirrigwarda r-rikorrent, peress li huwa ma kienx għadu jeżerċità funzjoni politika meta ġew adottati l-atti kkontestati. Barra minn hekk, anki diversi xhur wara l-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri l-awtoritajiet Ukraini ma pproduċewx provi li jiġġustifikaw l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista. Fl-aħħar nett, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-miżuri inkwistjoni ma jgħinux lill-awtoritajiet Ukraini sabiex jirkupraw il-fondi pubbliċi missapproprjati.

    105

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    106

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew, għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, EU:T:2009:401, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    F’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-atti ta’ Marzu 2014, fil-formulazzjoni inizjali tagħhom u kif emendati bl-atti ta’ Jannar 2015 u bl-atti kkontestati, jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni identifikati bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukrain bil-għan li jsostnu l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

    108

    Kif diġà ġie indikat fil-punt 83 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2014/119 jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, li jipprevedi li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tiżgura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali sabiex, b’mod partikolari, tikkonsolida u ssostni d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, li tali għan jista’ jintlaħaq permezz tal-miżuri kontenzjużi.

    109

    B’mod partikolari, tali għan jista’ jintlaħaq permezz tal-iffriżar ta’ assi li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkun, bħal f’din il-kawża, limitat għal persuni identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Ukrain u l-persuni assoċjati magħhom, jiġifieri għal persuni li l-azzjonijiet tagħhom setgħu tellfu l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tal-korpi marbuta magħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T-187/11, EU:T:2013:273, punt 92; tat-28 ta’ Mejju 2013, Chiboub vs Il-Kunsill, T-188/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:274, punt 53, u tat-2 ta’ April 2014, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-133/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:176, punt 70).

    110

    Ir-rikorrent barra minn hekk ma pprovax li, billi adotta l-atti kkontestati jew l-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati bl-atti ta’ Jannar 2015, il-Kunsill kien qiegħed prinċipalment jipprova jilħaq għan li ma kienx dak ta’ konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

    111

    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jagħmel il-Kunsill, li l-allegata assenza ta’ provi konkreti li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista hija irrilevanti, peress li l-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri restrittivi humiex imsejsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida ma għandha l-ebda effett fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill aġixxiex għal finijiet oħra għajr dawk indikati jew jekk ipprovax jevita l-proċedura prevista għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

    112

    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-għan imfittex mill-atti kkontestati, jiġifieri dak ta’ konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina, ma jistax jintlaħaq f’dak li jirrigwarda r-rikorrent peress li huwa ma għadux jeżerċita funzjonijiet politiċi f’dan il-pajjiż, għandu jitfakkar li l-imsemmi għan jiġbor taħtu wkoll il-fatt li l-awtoritajiet Ukraini jiġu mgħejuna jirkupraw il-fondi pubbliċi misapproprjati u li l-atti kkontestati jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ tali għan (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrent għadux jeżerċità funzjonijiet politiċi fi ħdan il-Gvern Ukrain.

    113

    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

    114

    Ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati jiksru, minn diversi aspetti, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Dan il-prinċipju jinkludi, qabel kollox, id-dritt għal smigħ, li jimplika d-dritt li l-persuna kkonċernata għandha li tiġi informata bil-ftuħ ta’ proċedura u bl-għan tagħha, kif ukoll il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi. Dan jinkludi l-obbligu li l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha, fejn kull eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Id-dritt għal smigħ barra minn hekk jimplika d-dritt għal trattament imparzjali, li jipprekludi lill-Kunsill milli jimponi miżuri restrittivi abbażi ta’ data miġbura unilateralment.

    115

    Wara dan, skont ir-rikorrent, id-dritt għal trattament ekwu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ġie miksur f’din il-kawża, peress li r-raġuni indikata għaż-żamma ta’ ismu fil-lista ma kinitx sostnuta mill-fatti. Għalhekk ma kienx hemm proċedura imparzjali sa fejn il-Kunsill daħħal fil-fajl, mingħajr investigazzjoni, ittri li joriġinaw minn Stat terz.

    116

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeħtieġ investigazzjoni serja u bir-reqqa tal-fatti, li ma kienx il-każ f’din il-kawża. Il-fatt li l-Kunsill astjena ruħu milli jivverifika, fuq kollox fid-dawl tal-provi prodotti quddiemu, il-fatti u d-dritt Ukraini juri, barra minn hekk, il-parzjalità tiegħu kif ukoll it-trattament mhux ekwu li għalih kien suġġett ir-rikorrent.

    117

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    118

    Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi jagħmel riferiment għal sensiela ta’ drittijiet, bħal ma huwa d-dritt għal smigħ, li jimplika d-dritt li wieħed jiġi informat bil-ftuħ ta’ proċedura u bl-għan tagħha, kif ukoll li jippreżenta osservazzjonijiet fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi, u għal ċerti obbligi, bħal ma huwa l-obbligu li l-amministrazzjoni għandha li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, li tistabbilixxi bir-reqqa l-fatti kif ukoll l-obbligu ta’ imparzjalità u ta’ trattament ekwu.

    119

    Issa, il-parti l-kbira tal-allegati ksur ta’ dawn id-drittijiet diġà ġew invokati mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi. Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent ma jippreżentax argumenti speċifiċi, ma huwiex meħtieġ li dawn l-ilmenti jerġgħu jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

    120

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità u ta’ trattament ekwu, sa fejn ir-rikorrent jibbaża dan l-ilment fuq l-allegazzjoni li r-raġuni mogħtija mill-miżuri restrittivi “ma hijiex sostnuta mill-fatti meħtieġa”, għandu jiġi speċifikat li dan ser jiġi eżaminat, essenzjalment, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ħames motiv. Sa fejn ir-rikorrent jibbaża dan l-ilment fuq iċ-ċirkustanza li l-Kunsill “daħħal fil-fajl, mingħajr investigazzjoni, ittri li joriġinaw minn Stat terz”, għandu jitfakkar li l-Kunsill, meta adotta l-atti kkontestati, kellu l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 kif ukoll l-osservazzjonijiet tar-rikorrent u li huwa ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista billi ħa inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi. Għalhekk, il-Kunsill ma wettaq ebda żball meta ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista billi jibbaża ruħu fuq dawn l-elementi. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kunsill ma huwiex sistematikament obbligat li jibda l-investigazzjonijiet tiegħu stess jew li jwettaq verifiki sabiex jikseb informazzjoni speċifika addizzjonali, meta jibbaża ruħu fuq elementi prodotti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz sabiex jadotta miżuri restrittivi kontra persuni li joriġinaw minn dan l-Istat u li hemmhekk huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 175).

    121

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-allegat ksur tal-obbligu li l-fatti jiġu stabbiliti bir-reqqa, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma sostniex l-argumenti tiegħu. Sa fejn dan l-iment għandu jinftiehem bħala li huwa intiż li jikkritika l-attitudni tal-Kunsill talli ma wettaqx investigazzjoni iktar fil-fond u talli kkuntenta ruħu bl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014, dan huwa marbut mal-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u għalhekk ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dak il-motiv.

    122

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

    123

    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi inkwistjoni abbażi tal-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014, peress li din l-ittra kienet biss tentattiv inutli sabiex mid-dokumenti kollha jinħoloq artifiċjalment ksur li jista’ jiġi imputat kontrih.

    124

    Fl-opinjoni tiegħu, l-atti kkontestati jinkludu biss motivazzjonijiet vagi ħafna u qosra. Il-Kunsill messu ppreżenta informazzjoni addizzjonali iktar konkreta minflok ma kkuntenta ruħu bir-raġunijiet li jinsabu fil-lista.

    125

    Ir-rikorrent jinvoka, barra minn hekk, diversi elementi intiżi li juru li ma kienx possibbli li huwa wettaq misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mill-baġit tal-Istat Ukrain [kunfidenzjali].

    126

    L-ewwel nett, id-deċiżjoni [kunfidenzjali] kienet għalhekk legali. It-tieni nett, inkwantu Prim Ministru, ir-rikorrent ma kellux id-diskrezzjoni biex iwettaq il-ksur li qed jiġi allegat konrih mill-awtoritajiet Ukraini. F’kull każ, minn deċiżjoni ta’ qorti indipendenti Ukraina, li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, jirriżulta li l-użu tal-fondi tal-Istat għal [kunfidenzjali] kien legali. It-tielet nett, id-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva tad-distrett ta’ Kiev kienet preċedentement ikkonstatat li [kunfidenzjali]. Għalhekk, l-ebda riżorsa tal-Istat ma kienet is-suġġett ta’ użu ħażin ta’ poter. Barra minn hekk, l-użu ta’ fondi mill-baġit b’mod konformi mal-użu intenzjonat tagħhom huwa kkonfermat mill-istess impriżi kkonċernati. Ir-raba’ nett, ma kienx hemm ftehim sigriet. Il-ħames nett, il-Kunsill ma osservax l-obbligi li jivverifika bir-reqqa li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Ukraina kienet tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista kienet twettqet fuq bażi fattwali suffiċjentement solida.

    127

    Fir-replika, ir-rikorrent isostni, qabel kollox, li, anki jekk jitqies li [kunfidenzjali] – fir-rigward ta’ liema l-Kunsill barra minn hekk ma għandux il-prova – twettqet, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ investigazzjoni serja tal-fatti. Barra minn hekk, meta semma li r-rikorrent għandu l-opportunità li jikkontesta, fil-kuntest tal-proċedura kriminali fl-Ukraina, ir-realta tas-suspetti fir-rigward tiegħu, il-Kunsill ċaħad l-opportunità li jiġi applikat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, sanċit fl-Artikolu 48 tal-Karta.

    128

    Barra minn hekk, ir-rikorrent jinsisti fuq il-fatt li, minkejja ż-żmien li għadda wara l-ftuħ tal-proċedura, l-awtoritajiet Ukraini baqgħu ma pproduċewx il-provi tal-ksur li qed jiġi allegat konrih.

    129

    Wara dan, ir-rikorrent isostni li ma kienx possibbli li huwa jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fl-Ukraina, hekk kif jikkonfermaw diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji li huwa jipproduċi bħala annessi.

    130

    Fl-aħħar nett, huwa jispeċifika, minn naħa, li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, ma huwiex rilevanti wisq li deċiżjoni ġudizzjarja tkun ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva u mhux kriminali, peress li l-importanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet tinsab fil-fatt li dawn jagħtu risposta għal kwistjonijiet preliminari li jqumu matul il-proċedura kriminali, u, min-naħa l-oħra, peress li, fis-sistema legali Ukraina, id-deċiżjonijiet tat-tieni istanza għandhom awtorità ta’ res judicata.

    131

    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

    132

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, mis-7 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi ġodda introdotti mill-atti kkontestati abbażi tal-kriterju ta’ iskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, hekk kif dan ġie speċifikat bid-Deċiżjoni 2015/143 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 2015/364 tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma, adottata mill-Kunsill wara kunsiderazzjoni mill-ġdid perjodika prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119.

    133

    Għandu wkoll jitfakkar, minn naħa, li dan il-kriterju jipprevedi li l-miżuri restrittivi jiġu adottati fir-rigward tal-persuni “li ġew identifikati bħala responsabbli” għal atti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi – u dan jinkludi l-persuni “li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi Ukraini – u, min-naħa l-oħra, li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrigwardax, b’mod astratt, kull att ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda jirrigwarda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li jistgħu jippreġudikaw l-osservanza tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T-340/14, EU:T:2016:496, punt 91).

    134

    Isem ir-rikorrent inżamm fil-lista permezz tal-atti kkontestati minħabba li huwa kien “[p]ersuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi” (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

    135

    Fuq din il-bażi, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, permezz tal-atti kkontestati, ġietx deċiża b’mod imparzjali u ekwu mill-Kunsill, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-provi li huwa kellu, tar-raġuni li fuqha hija bbażata l-imsemmija żamma kif ukoll tal-kriterju rilevanti msemmi iktar ’il fuq.

    136

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem persuna speċifika jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C-605/13 P, EU:C:2015:248, punti 4145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    137

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza dwar id-deċiżjonijiet ta’ żamma tal-iskrizzjoni ta’ isem persuna f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, meta l-persuna jew l-entità kkonċernata tifformula osservazzjonijiet dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-fondatezza tar-raġunijiet allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi skolpatorji prodotti magħhom (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata u tat-30 ta’ April 2015, Al-Chihabi vs Il-Kunsill, T-593/11, EU:T:2015:249, punt 51).

    138

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għall-evalwazzjoni tan-natura, tal-mod u tal-intensità tal-prova li tista’ tkun rikjesta mingħand il-Kunsill, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata speċifika tal-miżuri restrittivi kif ukoll l-għan tagħhom (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    139

    Kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119, din tifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali ta’ politika tal-Unjoni ta’ sostenn għall-awtoritajiet Ukraini intiża li tiffavorixxi l-istabbiltà politika tal-Ukraina. Din għalhekk taqdi l-għanijiet tal-PESK, li huma ddefiniti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, li jipprevedi li l-Unjoni għandha timplementa koperazzjoni internazzjonali biex tikkonsolida u ssostni d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    140

    Huwa f’dan il-kuntest li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprevedu l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi b’mod partikolari ta’ persuni “li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina”. Fil-fatt, il-faċilitazzjoni tal-irkupru ta’ dawn il-fondi tippermetti li l-Istat tad-dritt fl-Ukraina jiġi kkonsolidat u sostnut.

    141

    Minn dan isegwi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex intiżi li jissanzjonaw aġiri kundannabbli li possibbilment twettqu mill-persuni kkonċernati, u lanqas ma huma intiżi li jiddiswaduhom, permezz tar-restrizzjoni, milli jwettqu tali aġiri. L-uniku għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jiffaċilitaw il-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Ukraini, tal-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li jżommu l-opportunità, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ tali misapproprjazzjonijiet. Dawn huma għalhekk ta’ natura purament kawtelatorja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    142

    Għalhekk, il-miżuri restrittivi inkwistjoni, li ġew imposti mill-Kunsill abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikoli 21 u 29 TUE, ma għandhom l-ebda konnotazzjoni kriminali. Dawn għalhekk ma jistgħux jiġu assimilati għal deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ assi adottata minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-proċedura kriminali applikabbli u fl-osservanza tal-garanziji mogħtija minn din il-proċedura. Konsegwentement, ir-rekwiżiti li l-Kunsill għandu josserva fil-qasam tal-provi li fuqhom hija bbażata l-iskrizzjoni ta’ isem persuna fil-lista ta’ dawk li huma s-suġġett ta’ dan l-iffriżar ta’ assi ma jistgħux ikunu strettament identiċi għal dawk li għandhom jiġu osservati mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali fil-każ imsemmi iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    143

    Għandu jitfakkar ukoll li l-Kunsill ma huwiex obbligat li, ex officio u sistematikament, jibda’ l-investigazzjonijiet tiegħu stess jew li jwettaq verifiki sabiex jikseb informazzjoni speċifika addizzjonali, meta huwa diġà jkollu elementi prodotti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz sabiex jadotta miżuri restrittivi kontra persuni li joriġinaw minn dan l-Istat u li hemmhekk huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 57).

    144

    F’din il-kawża, il-Kunsill għandu jivverifika, minn naħa, sa fejn id-dokumenti [kunfidenzjali] li fuqhom huwa beħsiebu jibbaża ruħu jippermettu li jiġi stabbilit li, kif indikat fir-raġunijiet ta’ iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista inkwistjoni, mfakkra fil-punt 134 iktar ’il fuq, dan huwiex is-suġġett ta’ proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini għal fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li dawn il-proċeduri jippermettu li l-aġiri tar-rikorrent jiġu kkwalifikati b’mod konformi mal-kriterji rilevanti msemmija iktar ’il fuq. Huwa biss jekk dawn il-verifiki ma jirnexxux li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 137 iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu jwettaq verifiki addizzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    145

    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-koperazzjoni rregolata mill-atti kkontestati (ara l-punt 139 iktar ’il fuq), bħala prinċipju l-Kunsill ma għandux jeżamina u jevalwa huwa nnifsu l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li fuqhom l-awtoritajiet Ukraini jibbażaw ruħhom biex imexxu proċeduri kriminali kontra r-rikorrent għal fatti kwalifikabbli bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 141 iktar ’il fuq, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill ma jipprovax jissanzjoni huwa stess il-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi investigati mill-awtoritajiet Ukraini, iżda li jżommu l-opportunità, għal dawn l-awtoritajiet, li jikkonstataw l-imsemmija misapproprjazzjonijiet filwaqt li jirkupraw il-prodott tagħhom. Għalhekk huma dawn l-awtoritajiet li għandhom, fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri, jivverifikaw l-elementi li fuqhom huma jibbażaw ruħhom u, jekk ikun il-każ, li jisiltu l-konsegwenzi minnhom f’dak li jirrigwarda r-riżultat ta’ dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 66).

    146

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li minnha jirriżulta li l-Kunsill ma huwiex obbligat li jivverifika l-fondatezza tal-investigazzjonijiet fil-konfront tal-persuna kkonċernata iżda biss li jivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fid-dawl ta’ dawn l-investigazzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C-220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77).

    147

    Ċertament, il-Kunsill ma jistax jendorsja, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet Ukraini [kunfidenzjali]. Tali aġir la jkun konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas, b’mod ġenerali, mal-obbligu li l-instituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, abbażi tal-applikazzjoni konġunta tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 67).

    148

    Madankollu, huwa l-Kunsill li għandu jevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, in-neċessità li jwettaq verifiki addizzjonali, b’mod partikolari, li jitlob lill-awtoritajiet Ukraini jikkomunikawlu provi addizzjonali jekk jirriżulta li dawk diġà prodotti ma humiex suffiċjenti jew koerenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li elementi mgħarrfa lill-Kunsill, jew mill-awtoritajiet Ukraini nnifishom, jew b’xi mod ieħor, ma jwasslux sabiex din l-istituzzjoni jkollha dubji dwar in-natura suffiċjenti tal-provi diġà prodotti minn dawn l-awtoritajiet. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-possibbiltà li l-persuni kkonċernati għandhom jingħataw sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li l-Kunsill beħsiebu jagħti sabiex iżomm isimhom fil-lista inkwistjoni, dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw elementi, jekk mhux saħansitra elementi skolpatorji, ta’ natura li jkunu jeħtieġu li l-Kunsill iwettaq verifiki addizzjonali. B’mod partikolari, għalkemm il-Kunsill ma għandux jissostitwixxi ruħu għall-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-proċeduri kriminali [kunfidenzjali], ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, din l-istituzzjoni tkun obbligata li titlob kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukraini fir-rigward tal-elementi li fuqhom huma bbażati dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 68).

    149

    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill jibbaża ż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent prinċipalment fuq l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 [kunfidenzjali]. L-ittra tesponi wkoll li [kunfidenzjali]. Hija biss waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri, dik bin-numru [kunfidenzjali], li hija rilevanti sa fejn din tirrigwarda misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, li jaqbel mar-raġuni użata biex tiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-atti kkontestati. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ukraini jikkwalifikaw ġuridikament l-għan ta’ din il-proċedura bħala wieħed ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi, [kunfidenzjali]. Mill-imsemmija ittra jirriżulta li r-rikorrent wettaq misapproprjazzjoni ta’ fondi [kunfidenzjali].

    150

    Minn dan isegwi li ż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent kienet ibbażata fuq provi li kienu jippermettu li l-Kunsill jikkonstata mingħajr ebda dubju l-eżistenza ta’ proċedura miftuħa mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina kontra r-rikorrent fir-rigward ta’ reat ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

    151

    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li fl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 hemm iddikjarat li [kunfidenzjali], b’tali mod li din ma tħalli ebda dubju dwar l-allegata implikazzjoni tar-rikorrent, iktar u iktar peress li l-punti ta’ fatt li jiddeskrivu r-reat jibqgħu kostanti, koerenti, u huma kkwalifikati ġuridikament bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mill-awtoritajiet Ukraini, u dan jikkorrispondi għall-kriterju rilevanti msemmi iktar ’il fuq.

    152

    Barra minn hekk, dawn il-provi prodotti quddiem il-Kunsill jinsabu [kunfidenzjali] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T-340/14, EU:T:2016:496, punti 4193). F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli qies li l-informazzjoni [kunfidenzjali] kienet korretta u pprovata.

    153

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tindika li r-rikorrent huwa ssuspettat li wettaq ċerti reati ekonomiċi [kunfidenzjali].

    154

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jiffaċilitaw u jikkompletaw l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet Ukraini sabiex jirkupraw il-fondi pubbliċi misapproprjati, u dan jaqa’ taħt l-għan ta’ konsolidazzjoni tal-Istat tad-dritt, hekk kif ġie indikat fil-punti 140 u 141 iktar ’il fuq.

    155

    Fl-aħħar nett, minn naħa, huwa għal darboħra opportun li jiġi osservat li t-teħid ta’ azzjoni kontra reati ekonomiċi, bħall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, huwa mezz importanti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, prinċipju stabbilit fi ħdan il-kunċett tal-Istat tad-dritt. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-reat li bih qed jiġi akkużat ir-rikorrent jidħol f’kuntest usa’ fejn parti mhux żgħira tal-klassi diriġenti l-qadima Ukraina hija ssuspettata li wettqet ksur gravi fl-amministrazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, b’tali mod li ġew serjament mhedda l-bażijiet istituzzjonali u ġuridiċi tal-pajjiż u li ġew ippreġudikati b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T‑340/14, EU:T:2016:496, punt 117). Minn dan isegwi li, ikkunsidrati flimkien u fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fi ħdan il-klassi diriġenti l-qadima Ukraina, il-miżuri inkwistjoni jikkontribwixxu, b’mod effikaċi, sabiex jiffaċilitaw it-tressieq ta’ azzjoni kontra reati ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa għad-detriment tal-istituzzjonijiet Ukraini u jippermettu li jkun iktar faċli, għall-awtoritajiet Ukraini, li jiksbu r-restituzzjoni tal-frott ta’ tali misapproprjazzjonijiet minn dawn tal-aħħar. Dan jippermetti li tiġi ffaċilitata, fl-ipoteżi fejn jirriżulta li t-tressieq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huma fondati, ir-respressjoni, b’mezzi ġudizzjarji, tal-atti allegati ta’ korruzzjoni mwettqa minn membri tat-tmexxija l-qadima, u b’hekk jingħata kontribut għas-sostenn tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T-340/14, EU:T:2016:496, punt 118).

    156

    Għalhekk, kien mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill adotta l-atti kkontestati, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent.

    157

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti mqajma mir-rikorrent.

    158

    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-investigazzjoni kontrih fl-Ukraina ma tista’ twassal għall-konstatazzjoni tal-ebda ksur fir-rigward tiegħu, fid-dawl tal-[kunfidenzjali], kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Ukraina f’dan il-qasam u tas-setgħat ta’ deċiżjoni limitati li huwa kellu.

    159

    Fil-fatt, ir-rikorrent ma jikkontestax l-awtentiċità tal-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014. Għalhekk, għandu jitqies li l-Kunsill ipproduċa prova tal-eżistenza ta’ proċedura kriminali fl-Ukraina fir-rigward tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-uniċi elementi prodotti mir-rikorrent quddiem il-Kunsill qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati kienu essenzjalment intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-investigazzjoni u kienu jirrigwardaw kemm il-kompetenzi tal-Prim Ministru fl-ordinament ġuridiku Ukrain kif ukoll id-dispożizzjonijiet baġitarji Ukraini. Dawn l-elementi, għalhekk, ma kinux ta’ natura li jikkonfutaw il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fid-dawl tal-investigazzjoni.

    160

    F’kull każ, kull argument tar-rikorrent relatat mal-kontestazzjoni tar-realta tal-akkużi mressqa kontrih u intiż li jikkontesta l-fatti kostituttivi tar-reat inkwisjoni fl-Ukraina ma huwiex rilevanti, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 141, 143, 145 u 146 iktar ’il fuq, bħala prinċipju, il-Kunsill ma għandux jeżamina u jevalwa huwa nnifsu l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li fuqhom l-awtoritajiet Ukraini jibbażaw ruħhom biex imexxu investigazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-rikorrenti u huma dawn l-awtoritajiet li għandhom, fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjonijiet, jivverifikaw l-elementi li fuqhom huma jibbażaw ruħhom u li minnhom jisiltu l-konsegwenzi f’dak li jirrigwarda s-segwitu li għandu jingħata għal dawn l-investigazzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 158).

    161

    It-tieni nett, fir-rigward tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati amministrattivi Ukraini, li, skont ir-rikorrent, essenzjalment juru li l-fatti li fuqhom hija bbażata l-investigazzjoni mibdija kontrih ma jikkostitwixxux misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn humiex rilevanti jew le, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-Kunsill kien jaf dwarhom qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Minn dan isegwi li l-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

    162

    Barra minn dan għandu jitfakkar li deċiżjoni dwar iffriżar tal-assi għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kunsill seta’ kellu meta huwa adotta din id-deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T-187/11, EU:T:2013:273, punt 115). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2012, Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, T-63/12, EU:T:2012:579, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    163

    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li huwa sanċit, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, kif jgħamel il-Kunsill, li fl-atti kkontestati ma hemm xejn li jindika li r-rikorrent ġie misjub ħati ta’ fatti punibbli mid-dritt kriminali Ukrain jew mid-dritt ta’ Stat Membru tal-Unjoni, u lanqas ma hemm xejn li jippreġudika l-evalwazzjoni tal-fatti mill-awtoritajiet u mill-qrati Ukraini kompetenti. Barra minn hekk, bl-adozzjoni ta’ dawn l-atti, il-Kunsill ma ħoloqx fl-opinjoni pubblika s-sentiment li r-rikorrent huwa ħati. Fl-imsemmija atti, fil-fatt, hemm ikkonstatat biss li r-rikorrent huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Ukraina fir-rigward ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punti 82 sa 84).

    164

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ kredibbiltà [kunfidenzjali], li jivvizzja l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Ukraina hija Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1995 li rratifika l-KEDB u, min-naħa l-oħra, li l-gvern il-ġdid Ukrain ġie rrikonoxxut bħala leġittimu kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-komunità internazzjonali. Għalhekk, il-Kunsill ma wettaqx żball meta bbaża ruħu fuq provi [kunfidenzjali], mingħajr ma kkontesta l-legalità u l-leġittimità tal-gvern u tas-sistema ġudizzjarja Ukraini. F’kull każ, sa fejn l-eżami tal-argument tar-rikorrent ikun jimplika li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-regolarità tat-tranżizzjoni tal-gvern Ukrain, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li tali eżami ma jaqax fil-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq l-atti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il-Kunsill, T-119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 75).

    165

    Il-ħames nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet li jirrigwardaw l-allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    166

    Fl-aħħar nett, fin-noti tiegħu u matul is-seduta, ir-rikorrent sostna, billi bbaża ruħu, fl-ewwel lok, fuq is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T-208/11 u T-508/11, taħt appell, EU:T:2014:885), u, fit-tieni lok, fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2016:723), li kien il-Kunsill li kellu, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, jivverifika bir-reqqa li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dan l-Istat kienet tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ekwivalenti għal dik iggarantita fuq il-livell tal-Unjoni. Skont ir-rikorrent, ma hemm xejn li jgħati l-wieħed x’jifhem li l-livell tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit fl-Ukraina huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak li jeżisti fl-Unjoni. Għalhekk huwa l-Kunsill li kellu jivverifika jekk l-ordinament ġuridiku Ukrain kienx jiggarantixxi tali protezzjoni.

    167

    Dan l-argument huwa msejjes fuq premessi żbaljati. Fil-fatt, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T-208/11 u T-508/11, EU:T:2014:885), ma jistax jiġi traspost għal dan il-każ.

    168

    B’mod iktar partikolari, f’dik il-kawża, il-Pożizzjoni komuni 2001/93/PESK tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), li tistabbilixxi mekkaniżmu li l-effett tiegħu huwa li jippermetti li l-Kunsill jinkludi persuna f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi ta’ deċiżjoni adottata minn awtorità nazzjonali, jekk ikun il-każ, ta’ Stat terz, kienet tipprevedi kriterju ta’ klassifikazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill li kien ifformulat kif ġej:

    “Il-lista […] għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi [li] deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.”

    169

    F’din il-kawża, l-eżistenza ta’ deċiżjoni minn qabel tal-awtoritajiet Ukraini ma tikkostitwixxix waħda mill-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, peress li l-proċeduri ġudizzjarji miftuħa mill-imsemmija awtoritajiet jikkostitwixxu biss il-bażi fattwali li fuqha huma msejsa dawn il-miżuri. Fil-fatt, il-kriterju rilevanti jirreferi sempliċement għall-persuni “li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina”.

    170

    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-kriterju rilevanti hija iktar qrib għal dik tal-kriterju inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T-256/11, EU:T:2014:93). B’mod iktar partikolari, fil-punt 66 tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan il-kriterju kien jinkludi l-persuni li kontrihom tressqu azzjonijiet kriminali għal fatti ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi”, u dan mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk l-ordinament ġuridiku tal-pajjiż ikkonċernat, f’dan il-każ l-Eġittu, kienx joffri protezzjoni ġudizzjarja paragunabbli għal dik iggarantita fl-Unjoni.

    171

    F’kull każ, hekk kif osserva l-Kunsill matul is-seduta, hemm lok li jiġi nnotat li teżisti differenza kbira bejn il-miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T-208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885), li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u dawk li, bħal f’din il-kawża, ġew adottati fil-kuntest ta’ koperazzjoni bejn l-Unjoni, minn naħa, u l-awtoritajiet il-ġodda ta’ Stat Terz, f’dan il-każ l-Ukraina, min-naħa l-oħra.

    172

    Fil-fatt, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li għaliha l-Kunsill jikkontribwixxi permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jirrigwardaw ċerti persuni jew entitajiet, ma tifformax neċessarjament parti mill-kuntest ta’ koperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ Stat terz li għadda minn bidla fil-gvern u li l-Kunsill għażel li jappoġġja. Min-naħa l-oħra, dan huwa l-każ tal-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża, l-istess bħal ma kien il-każ tal-miżuri li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T-256/11, EU:T:2014:93), ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C-220/14 P, EU:C:2015:147).

    173

    Għalhekk, li kieku l-għażla prinċipalment politika tal-Kunsill, li tikkonsisti f’koperazzjoni mal-awtoritajiet il-ġodda Ukraini – li huwa jqis bħala denji ta’ fiduċja – sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu b’mod partikolari jirkupraw fondi pubbliċi possibbilment misapproprjati “bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt” fl-Ukraina, kellu jkun suġġett għall-kundizzjoni li, minkejja l-fatt li dan il-pajjiż huwa membru tal-Kunsill tal-Europe u rratifika l-KEDB, l-Istat Ukrain jiggarantixxi, immedjatament wara l-bidla fil-gvern, livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jkun ekwivalenti għal dak offrut mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, dan ikun jippreġudika, essenzjalment, il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li l-Kunsill għandu f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kriterji ġenerali li jiddelimitaw iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi intiżi li jsostnu lil dawn l-awtoritajiet il-ġodda (ara l-punt 136 iktar ’il fuq).

    174

    Fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, il-Kunsill għandu għalhekk ikun liberu li jqis li, wara l-bidla fil-gvern, l-awtoritajiet Ukraini jistħoqqilhom li jiġu sostnuti sa fejn huma jtejbu l-ħajja demokratika u r-rispett tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet teżisti preċedentement u li waħda mill-possibbiltajiet ta’ konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt tikkonsisti fl-iffriżar tal-assi tal-persuni “li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina”, peress li dan il-kunċett jinkludi, wara l-atti ta’ Jannar 2015, il-persuni li huma suġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukraina għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, jew għal kompliċità f’tali misapproprjazzjoni, u għal abbuż ta’ poter, jew għal kompliċità f’tali abbuż.

    175

    Għalhekk, ikun biss jekk jirriżulta li l-għażla politika tal-Kunsill li jsostni l-gvern il-ġdid Ukrain, inkluż permezz tal-koperazzjoni li tirriżulta mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, hija manifestament żbaljata, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-drittijiet fundamentali huma sistematikament miksura f’dan il-pajjiż wara l-bidla fil-gvern, li l-eventwali nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ukraina u dik li teżisti fl-Unjoni jista’ jkollu effett fuq il-legalità taż-żamma ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tar-rikorrent. Issa, mill-eżami ta’ dan ir-rikors jirriżulta li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

    176

    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-elementi prodotti mir-rikorrent la huma ta’ natura li jikkonfutaw in-natura probabbli tal-akkużi mressqa kontrih fir-rigward tal-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, kif ġie eżaminat iktar ’il fuq, u lanqas ma huma suffiċjenti sabiex jintwera li s-sitwazzjoni partikolari tiegħu ġiet affettwata mill-problemi li huwa jinvoka f’dak li jirrigwarda s-sistema ġudizzjarja Ukraina matul il-proċedura mressqa kontrih u li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni li l-miżuri restrittivi imposti fuqu jinżammu.

    177

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill issodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu u li huwa ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014 kienet tipprovdi bażi fattwali suffiċjenti li kienet turi li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent kien suġġett għal proċeduri kriminali dwar misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi [kunfidenzjali], u meta, abbażi ta’ dan, żamm isem ir-rikorrent fil-lista.

    178

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

    179

    Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati la t-talba tar-rikorrent għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u lanqas it-talba, mressqa sussidjarjament mill-Kunsill, biex l-effetti tad-Deċiżjoni 2015/364 jinżammu.

    Fuq l-ispejjeż

    180

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    Taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Mykola Yanovych Azarov huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Berardis

    Spielmann

    Csehi

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2017.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Fatti li seħħew qabel il-preżentata tar-rikors

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

     

    Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

     

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika

     

    Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-miżuri restrittivi

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

     

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    ( 1 ) Informazzjoni kunfidenzjali mhux żvelata.

    Top