This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0687
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 25 October 2017.#European Commission v Council of the European Union.#Action for annulment — Conclusions of the Council of the European Union concerning the World Radiocommunication Conference 2015 of the International Telecommunication Union — Article 218(9) TFEU — Derogation from the prescribed legal form — No indication of the legal basis.#Case C-687/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni – Artikolu 218(9) TFUE – Deroga mill-forma ġuridika prevista – Assenza ta’ indikazzjoni tal-bażi legali.
Kawża C-687/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni – Artikolu 218(9) TFUE – Deroga mill-forma ġuridika prevista – Assenza ta’ indikazzjoni tal-bażi legali.
Kawża C-687/15.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:803
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
25 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni – Artikolu 218(9) TFUE – Deroga mill-forma ġuridika prevista– Assenza ta’ indikazzjoni tal-bażi legali”
Fil-Kawża C‑687/15,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑17 ta’ Diċembru 2015,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Nicolae u F. Erlbacher, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Šulce, J.-P. Hix u O. Segnana, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u M. Hedvábná, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Stranz, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn F. Fize, G. de Bergues, B. Fodda u D. Colas, bħala aġenti,
Ir‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Brodie, M. Holt u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský, E. Levits u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, A. Prechal (Relatur), S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adottati fis‑26 ta’ Ottubru 2015, fit‑3419-il sessjoni tiegħu fil-Lussemburgu, dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015 (WRC‑15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
2 |
L-ITU hija istituzzjoni speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Bħalma jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tal-kostituzzjoni tagħha, huwa fil-kuntest tal-ITU li l-ispettru tar-radju u l-orbiti tas-satelliti huma attribwiti lill-iskala dinjija u li l-istandards tekniċi huma żviluppati sabiex tiġi żgurata l-interkonnessjoni tan-netwerks u tat-teknoloġiji. |
3 |
Konformement mal-Artikolu 2 tal-kostituzzjoni tal-ITU, din hija magħmula minn Stati Membri u membri ta’ setturi. Bħalissa, 193 Stat huwa membru tal-ITU, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni li, hija nfisha, hija “Membru ta’ Settur”. |
4 |
L-Artikolu 3 tal-kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Drittijiet u obbligi tal-Istati Membri u tal-Membri tas-Setturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi: “1. L-Istati Membri u l-Membri tas-Setturi għandhom id-drittijiet u huma suġġetti għall-obbligi previsti f’din il-kostituzzjoni u fil-ftehim. […] 3. F’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-[ITU], il-Membri tas-Setturi huma awtorizzati jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tas-Settur li huma membri tiegħu, suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-kostituzzjoni u tal-ftehim: […]
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Strumenti tal-[ITU]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat kif ġej: “1. L-istrumenti tal-[ITU] huma:
[…] 3. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-kostituzzjoni u tal-ftehim huma kkompletati ulterjorment b’dawk tar-regolamenti amministrattivi elenkati iktar ’il quddiem, li jirregolaw l-użu tat-telekomunikazzjoni u jorbtu lill-Istati Membri kollha: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
6 |
L-Artikolu 13 tal-kostituzzjoni tal-ITU, intitolat “Konferenzi tar-Radjukomunikazzjoni u Assembleji tar-Radjukomunikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi: “1. Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tista’ tgħaddi għal reviżjoni parzjali jew, b’mod eċċezzjonali, totali tar-Regolament tar-Radju u tittratta kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ natura dinjija li taqa’ fil-kompetenza tagħha u li hija relatata mal-aġenda tagħha. Il-funzjonijiet l-oħrajn ta’ din il-konferenza huma ddikjarati fil-ftehim. 2. Il-Konferenzi Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni normalment jissejħu kull tliet jew erba’ snin; madankollu, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim, tali konferenza tista’ ma tissejjaħx, jew tista’ tissejjaħ konferenza addizzjonali. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
7 |
Id-Direttiva 2002/21/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE. |
8 |
L-Artikolu 8a tad-Direttiva Qafas, intitolat “Ippjanar strateġiku u kordinazzjoni tal-politika tal-ispettru tar-radju”, jistipula, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Kull fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva tal-interessi tal-Komunità Ewropea f’organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet tal-ispektrum tar-radju, il-Kummissjoni, waqt li tieħu l-akbar kont possibbli tal-opinjoni tal-[Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG)], tista’ tipproponi għanijiet ta’ politika komuni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.” |
9 |
L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”, jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-[Regolament dwar ir-Radju], u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.” |
10 |
Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 317, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-radju”), ġiet ukoll adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi: “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiġi stabbilita politika u qafas komuni fil-Komunità sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni u l-attitudni politika u, fejn xieraq, kondizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibilità u l-użu effiċjenti ta’ l-ispettru tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern fiż-żoni tal-politika tal-Komunità bħal komunikazzjonijiet elettroniċi, trasport u riċerka u żvilupp (R & D).” |
11 |
Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Marzu 2012, li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU 2012, L 81, p. 7), ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Għan u Ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju għall-ippjanar strateġiku u għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru sabiex ikun żgurat il-funzjonament tas-suq intern fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni li jinvolvu l-użu ta’ spettru, bħall-politika tal-komunikazzjoni elettronika, tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, tat-trasport, tal-enerġija u tal-awdjoviżjoni.” |
12 |
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012, intitolat “Negozjati internazzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “F’negozjati internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet tal-ispettru, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:
Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw f’konformità mal-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-att ikkontestat
13 |
Il-WRC‑15 ġiet organizzata f’Genève (l-Isvizzera) bejn it‑2 u s‑27 ta’ Novembru 2015. Hemmhekk ftehmu li jiġu rriveduti r-Regolamenti tar-Radju. |
14 |
Fid‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, abbażi tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 114 u tal-Artikolu 218(9) TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, matul il-WRC‑15 [COM(2015) 234 final], li tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha: “L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jieħdu sehem fin-negozjati fil-[WRC‑15] bil-ħsieb li jiġu riveduti r-Regolamenti tar-Radju. Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’negozjati u matul l-adozzjoni ta’ reviżjonijiet għar-Regolamenti [tar-]Radju huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Meta proposti ġodda dwar is-suġġett fl-Anness huma magħmula waqt il-[WRC‑15] li għad m’hemmx pożizzjoni tal-Unjoni dwarhom, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta’ koordinazzjoni fuq il-post qabel il-[WRC‑15] tissejjaħ biex tadotta reviżjonijiet għar-Regolamenti tar-Radju. F’każijiet bħal dawn, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun konsistenti mal-prinċipji stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.” |
15 |
L-anness għall-imsemmija proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill huwa fformulat kif ġej: “Waqt in-negozjati u l-adozzjoni ta’ reviżjonijiet għar-Regolamenti tar-Radju tal-[ITU] fil-WRC 15, għandhom jittieħdu l-pożizzjonijiet li ġejjin f’isem l-Unjoni.
|
16 |
Wara diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, dan adotta l-att ikkontestat, li jipprevedi dan li ġej: “IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
|
17 |
Meta ġie adottat l-att ikkontestat, il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li jmiss, inkluża fil-minuti tas-sessjoni tal-Kunsill: “Il-Kummissjoni tinnota b’dispjaċir li l-Kunsill adotta konklużjonijiet bi tħejjija għall-[WRC‑15], minflok deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 218(9) […] TFUE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-pożizzjoni tmur kontra t-Trattat u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […]. Il-Kummissjoni tirriżerva d-drittijiet kollha tagħha f’dan ir-rigward.” |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
19 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
20 |
Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi tal-Istati Membri intervenjenti
21 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li, billi adotta l-att ikkontestat, minflok deċiżjoni kif propost mill-Kummissjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE. |
22 |
Fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE għal dan il-każ, billi jargumentaw, b’mod partikolari, li l-Unjoni ma kellhiex il-kompetenza esterna meħtieġa sabiex il-Kunsill jistabbilixxi, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fuq il-punti fl-aġenda tal-WRC‑15 imsemmija fl-att ikkontestat. |
23 |
Madankollu, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, parti li hija ammessa bħala intervenjent f’kawża mressqa quddiem din tal-aħħar ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iċċirkoskritt mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan isegwi li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu fil-kuntest deskritt minn dawn it-talbiet u motivi li huma ammissibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 27). |
24 |
Issa, huwa paċifiku bejn il-partijiet prinċipali li l-Artikolu 218(9) TFUE huwa applikabbli għal din il-kawża. Is-suġġett tal-kawża, kif iċċirkoskritt mit-talbiet u l-motivi ta’ dawn il-partijiet prinċipali, jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni tal-att ikkontestat saritx f’konformità mar-rekwiżiti formali u proċedurali previsti f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-motivi tal-Istati Membri intervenjenti msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza għandhom mill-ewwel jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
Fuq il-motiv uniku
L-argumenti tal-partijiet
25 |
Skont il-Kummissjoni, billi adotta konklużjonijiet minflok deċiżjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE. |
26 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, meta jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata. Ir-regoli ta’ votazzjoni li japplikaw għall-adozzjoni ta’ att bħal konklużjonijiet tal-Kunsill huma, min-naħa l-oħra, mimlija, fil-prattika, b’diverġenzi ta’ opinjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Kunsill qies, diversi drabi, li tali atti għandhom jiġu adottati b’konsensus, li jimplika li dawn ma jistgħux jiġu adottati jekk Stat Membru jopponi għalihom. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regoli ta’ votazzjoni ma humiex f’konformità mat-Trattati. Skont dik l-istituzzjoni, mill-Artikolu 16(3) TUE, li jipprevedi li “[d]-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata, ħlief fejn it-Trattati jipprovdi mod ieħor”, jirriżulta fil-fatt li dawn l-atti għandhom jiġu adottati bil-maġġoranza kwalifikata. Din il-kawża turi li t-tfittxija għall-konsensus, minflok il-maġġoranza kwalifikata, tista’ twassal għal riżultat differenti, li jaffettwa negattivament il-politika tal-Unjoni. |
27 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni targumenta, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet tal-att ikkontestat jiddevjaw mill-proposta tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2015. Il-maġġoranza tal-emendi saru preċiżament sabiex il-kontenut tal-att ikkontestat jikkorrispondi mal-forma li l-Kunsill iddeċieda li jagħżel. Għalhekk, l-ewwel nett, l-att ikkontestat ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar il-bażi legali tiegħu. Issa, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-Kunsill, il-Kummissjoni tqis li din l-ommissjoni ma tikkostitwixxix difett purament formali. It-tieni nett, minflok uża premessi ddettaljati sabiex jispjega r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-att li kellu jiġi adottat, il-Kunsill illimita ruħu li “jfakkar” lista ta’ atti tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-azzjoni kkonċernata. It-tielet nett, il-Kummissjoni targumenta li, minflok iddeċieda li l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni, “jadottaw” ċerti pożizzjonijiet matul il-WRC‑15, mill-att ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill “jesprimi l-appoġġ ġenerali tiegħu” għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu fil-kuntest tan-negozjati fil-WRC‑15 u “jistieden lill-Istati Membri biex” ifittxu li jilħqu ċerti għanijiet matul dawn in-negozjati. |
28 |
Billi mexa b’dan il-mod, skont il-Kummissjoni, il-Kunsill ma wasalx biex jistabbilixxi pożizzjonijiet ċari u vinkolanti li l-Istati Membri kellhom josservaw fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-WRC‑15, billi jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni, iżda pjuttost stabbilixxa obbligi li jagħmel l-aħjar tiegħu. Tali obbligi madankollu ma humiex xierqa biex jiggarantixxu rappreżentazzjoni esterna b’saħħitha u magħquda tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u, konsegwentement, ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mit-Trattati. |
29 |
Il-Kunsill jargumenta li, fid-deċiżjoni fuq proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE, huwa stabbilixxa pożizzjoni vinkolanti tal-Unjoni fid-dawl tal-WRC‑15, konformement ma’ din id-dispożizzjoni. |
30 |
Fil-fatt, minn naħa, l-att ikkontestat jidentifika b’mod ċar il-prijoritajiet tal-Unjoni għal kull wieħed mill-punti fuq l-aġenda tal-WRC‑15 li huma elenkati fl-anness għall-proposta tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Mejju 2015. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjonijiet iddefiniti fl-att ikkontestat huma ta’ natura vinkolanti. |
31 |
F’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ bażi legali, il-Kunsill iqis li tali ommissjoni tikkostitwixxi l-iktar l-iktar difett purament formali li ma jistax iwassal għall-annullament tal-att ikkontestat u jinnota f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-bażi legali proċedurali applikabbli hija l-Artikolu 218(9) TFUE, u lanqas li l-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 114 TFUE. |
32 |
Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ votazzjoni, il-Kunsill jargumenta li, minkejja li l-maġġoranza kkwalifikata kienet bħala prinċipju applikabbli għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-fatt li kienet possibbli li tinkiseb l-unanimità fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni ta’ dan l-att ma jistax jimplika li l-Kunsill ma aġixxiex skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE. Dik l-istituzzjoni żżid li, peress li l-Kummissjoni ma emendatx il-proposta tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2015 matul id-dibattiti li wasslu għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi li kien se jkun hemm ftehim fuqhom fi ħdan il-Kunsill, mill-Artikolu 293(1) TFUE jirriżulta li l-Kunsill kellu jiddeċiedi bl-unanimità. |
33 |
Il-Kunsill jenfasizza li huwa jadotta kultant, fil-forma ta’ konklużjonijiet, ċerti atti li jipproduċu jew li huma intiżi li jipproduċu effett ġuridiku, filwaqt li jippreċiża li, f’każijiet bħal dawn, huwa għandu josserva r-rekwiżiti proċedurali previsti mit-Trattati, konformement mal-bażi legali applikabbli. |
34 |
Skont dik l-istituzzjoni, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li l-att ikkontestat jiddevja mill-proposta ppreżentata minnha fid‑29 ta’ Mejju 2015, ma juri bl-ebda mod li t-tfittxija għall-konsensus, minflok il-maġġoranza kkwalifikata, tista’ twassal għal riżultat differenti, li jaffettwa negattivament il-politika tal-Unjoni. |
35 |
Barra minn hekk, il-Kunsill jirrileva li l-ilment invokat mill-Kummissjoni dwar il-forma tal-att ikkontestat jikkontradixxi l-prattika stabbilita tagħha fir-rigward tal-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-konferenzi dinjija tar-radjukomunikazzjoni preċedenti. Dik l-istituzzjoni tqis li qari tat-Trattati kif maħsub mill-Kummissjoni jikkumplika b’mod sinjifikattiv id-difiża tal-interessi tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u jaqleb l-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 |
Permezz tal-motiv uniku tagħha, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li, billi adotta konklużjonijiet dwar il-WRC‑15, minflok deċiżjoni konformement mal-proposta tagħha tad‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE. Hija tikkritika wkoll lill-Kunsill li ma indikax il-bażi legali tal-att ikkontestat. |
37 |
Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni […] għandu jadotta deċiżjoni […] li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”. |
38 |
Billi adotta l-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-Kunsill għaldaqstant uża forma ta’ att differenti minn dik prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. |
39 |
Madankollu, il-Kunsill jargumenta li t-Trattat iħallilu l-għażla tal-forma ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE. F’dan il-każ, huwa adotta materjalment deċiżjoni fil-forma ta’ konklużjonijiet. Huwa jqis, barra minn hekk, li n-nuqqas li tissemma l-bażi legali tal-att ikkontestat ma jikkostitwixxix difett sostanzjali. |
40 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-forma tal-att ikkontestat, għandu jitfakkar li t-Trattati stabbilixxew sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni, li tagħti lil kull waħda minnhom il-missjoni rispettiva tagħhom fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom. Għalhekk, l-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, li jikkaratterizza l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha filwaqt li tosserva dawk tal-oħrajn (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, sa fejn ir-regoli dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, it-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 149). |
42 |
F’dan il-każ, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Kunsill, il-prattika tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda din il-kawża, allegata prattika stabbilita fir-rigward tal-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-konferenzi dinjija tar-radjukomunikazzjoni permezz ta’ konklużjonijiet, li tikkontradixxi mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma tistax temenda r-regoli tat-Trattati li l-istituzzjonijiet huma obbligati josservaw. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prattika tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u konsegwentement ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Opinjoni 1/08, (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi skont il-GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
43 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq il-punt 9 tas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264), li jipprovdi li l-forma li fiha l-atti jew id-deċiżjonijiet jittieħdu hija, bħala prinċipju, indifferenti għad-determinazzjoni ta’ jekk humiex intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dik is-sentenza hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Min-naħa l-oħra, minnha ma jista’ bl-ebda mod jiġi dedott li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma ħielsa li jidderogaw mill-forma tal-att prevista mid-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat. |
44 |
Il-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni tidderoga mill-forma ġuridika prevista mit-Trattati jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-annullament tal-att inkwistjoni, peress li din id-deroga tista’ toħloq inċertezzi fir-rigward tan-natura ta’ dan l-att jew tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tagħha, u b’hekk tikkomprometti ċ-ċertezza legali. |
45 |
F’dan il-każ, l-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet tagħti lok għal inċertezza fir-rigward tan-natura u tal-portata ġuridika ta’ dan l-att. Fil-fatt, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li l-Kunsill isostni li l-imsemmi att jikkostitwixxi “essenzjalment” deċiżjoni min-naħa tiegħu li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-WRC‑15, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża jikklassifikawha bħala pożizzjoni komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqisha bħala pożizzjoni kkoordinata bejn l-Istati Membri kollha fil-forma ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill jargumenta li l-att ikkontestat huwa ta’ natura vinkolanti, filwaqt li r-Repubblika Ċeka hija tal-opinjoni li dan l-att huwa legalment vinkolanti biss għal ċerti partijiet, billi jkopri aspetti li jaqgħu, skont dan l-Istat Membru, fil-kompetenza tal-Unjoni, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-imsemmi att jikkostitwixxi konklużjonijiet mhux vinkolanti. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija targumenta li, billi adotta l-att ikkontestat fil-forma ta’ konklużjonijiet, il-Kunsill għażel forma ġuridika li hija ġeneralment irriżervata għall-atti ta’ natura mhux vinkolanti. |
46 |
Il-kliem użat fl-att ikkontestat jikkontribwixxi, barra minn hekk, għal din l-inċertezza. Fil-fatt, minkejja li l-proposta tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Mejju 2015 kienet tirrigwarda “deċiżjoni tal-Kunsill” dwar il-pożizzjoni “li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni” matul il-WRC‑15, l-att ikkontestat jikkonsisti għall-Kunsill, skont il-punt 3 tiegħu, f’li “jesprimi l-appoġġ ġenerali tiegħu” għal serje ta’ għanijiet li għandhom jintlaħqu matul il-WRC‑15 sabiex ikun hemm implementazzjoni tajba tal-politiki kkonċernati tal-Unjoni u, skont il-punt 4 tiegħu, “jistieden lill-Istati Membri biex” ifittxu dawn l-għanijiet u josservaw il-prinċipji esposti fid-Deċiżjoni Nru 243/2012 f’negozjati li jirrigwardaw eventwali emendi tar-regolamenti tar-radju tal-ITU fil-WRC‑15. Bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, l-użu ta’ dan il-kliem ma huwiex kompatibbli mal-effett vinkolanti li għandha jkollha deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 288 TFUE. Barra minn hekk, ebda element tal-att ikkontestat ma juri li l-Istati Membri huma obbligati jieħdu pożizzjoni “f’isem l-Unjoni” matul il-WRC‑15, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 218(9) TFUE. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta l-konklużjonijiet fuq il-WRC‑15, minflok deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill kiser il-forom sostanzjali meħtieġa minn din id-dispożizzjoni. |
48 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt li l-att ikkontestat ma jsemmix il-bażi legali li huwa bbażat fuqha, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-indikazzjoni tal-bażi legali hija meħtieġa fid-dawl tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-għanijiet stabbiliti minn dawn it-Trattati kemm għall-azzjoni interna kif ukoll għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996, EU:C:1996:140, punt 24, u s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 46]. |
49 |
Fil-fatt, l-għażla tal-bażi legali adatta għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali peress li l-Unjoni, li għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, għandha torbot l-atti li hija tadotta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jagħtuha s-setgħa għal dan l-għan [Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 71]. |
50 |
Sussegwentement, l-indikazzjoni tal-bażi legali għandha wkoll importanza partikolari sabiex tippreżerva l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati permezz tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 48). |
51 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, tali indikazzjoni tista’ taffettwa l-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill kif ukoll ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat. Bl-istess mod, l-indikazzjoni tal-bażi legali hija meħtieġa għad-determinazzjoni tal-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 48). B’mod partikolari, peress li l-att ikkontestat bl-ebda mod ma jaqa’ taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, bħala prinċipju, il-Kunsill kellu jadotta dan l-att konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE u tal-Artikolu 218(9) TFUE, b’deċiżjoni b’maġġoranza kkwalifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 66). |
52 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-indikazzjoni tal-bażi legali hija meħtieġa fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE. Dan l-obbligu, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu japplika, bħala prinċipju, għal kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 42 u 45). |
53 |
Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali jirrikjedi li kull att intiż li joħloq effetti ġuridiċi jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi indikata b’mod speċifiku bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 47). |
54 |
F’dan il-każ, l-att ikkontestat huwa att tal-Unjoni, peress li ġie adottat mill-Kunsill, u jipproduċi effetti ġuridiċi, sa fejn huwa jistabbilixxi l-għanijiet li huwa jistieden lill-Istati Membri li jfittxu matul il-WRC‑15. Minn dan isegwi li l-Kunsill kellu jindika, fl-att ikkontestat, il-bażi legali sostantiva u proċedurali li huwa bbażat fuqha. |
55 |
Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni speċifika tat-Trattat ma tistax tikkostitwixxi difett sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ elementi oħrajn tiegħu, bħalma jargumenta l-Kunsill, tali riferiment espliċitu huwa madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tiegħu, il-persuni kkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza dwar il-bażi legali speċifika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 48). |
56 |
Issa, f’dan il-każ, minflok indika l-bażi legali tal-att ikkontestat, il-Kunsill sempliċement, fil-punt 1 ta’ dan l-att, fakkar il-kuntest ġuridiku rilevanti u l-prattika istituzzjonali tal-Kunsill u, fil-punt 2 tal-imsemmi att, ħa nota tal-opinjoni tar-RSPG tax-xahar ta’ Frar 2015 fuq l-għanijiet politiċi komuni għall-WRC‑15. Minn din il-konstatazzjoni, flimkien ma’ dawk magħmula fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li ebda element tal-att ikkontestat ma jippermetti li tiġi identifikata l-bażi legali sostantiva u proċedurali tiegħu. |
57 |
Minn dan isegwi li l-bażi legali tal-att ikkontestat ma tistax tiġi ddeterminata b’mod ċar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, in-nuqqas ta’ riferiment, fl-att ikkontestat, għal kwalunkwe bażi legali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala difett purament formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 60 u 61). |
58 |
Għaldaqstant, id-deroga mill-forma ġuridika prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE u l-ommissjoni tal-indikazzjoni tal-bażi legali jikkawżaw konfużjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata ġuridika tal-att ikkontestat kif ukoll tal-proċedura li kellha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu, liema konfużjoni setgħet iddgħajjef lill-Unjoni fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha fil-WRC‑15 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 49). |
59 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-att ikkontestat għandu jiġi annullat. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
61 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.