This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0460
Judgment of the Court (First Chamber) of 19 January 2017.#Schaefer Kalk GmbH & Co. KG v Bundesrepublik Deutschland.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgericht Berlin.#Reference for a preliminary ruling — Environment — Scheme for greenhouse gas emission allowance trading within the European Union — Directive 2003/87/EC — Monitoring plan — Regulation (EU) No 601/2012 — Article 49(1) and point 10 of Annex IV — Calculation of the emissions of an installation — Subtraction of carbon dioxide (CO2) transferred — Exclusion of CO2 used in the production of precipitated calcium carbonate — Legality of the exclusion.#Case C-460/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Jannar 2017.
Schaefer Kalk GmbH & Co. KG vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Pjan ta’ monitoraġġ – Regolament (UE) Nru 601/2012 – Artikolu 49(1) u punt 10 tal-Anness IV – Kalkolu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni – Tnaqqis tad-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit – Esklużjoni tas-CO2 użat fil-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat – Validità tal-esklużjoni.
Kawża C-460/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Jannar 2017.
Schaefer Kalk GmbH & Co. KG vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Pjan ta’ monitoraġġ – Regolament (UE) Nru 601/2012 – Artikolu 49(1) u punt 10 tal-Anness IV – Kalkolu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni – Tnaqqis tad-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit – Esklużjoni tas-CO2 użat fil-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat – Validità tal-esklużjoni.
Kawża C-460/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:29
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
19 ta’ Jannar 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Pjan ta’ monitoraġġ — Regolament (UE) Nru 601/2012 — Artikolu 49(1) u punt 10 tal-Anness IV — Kalkolu tal-emissjonijiet tal-installazzjoni — Tnaqqis tad-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit — Esklużjoni tas-CO2 użat fil-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat — Validità tal-esklużjoni”
Fil-Kawża C‑460/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura
Schaefer Kalk GmbH & Co. KG
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Schaefer Kalk GmbH & Co. KG, minn S. Altenschmidt u A. Sitzer, avukati, |
— |
għall-Bundesrepublik Deutschland, minn M. Fleckner, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White u K. Herrmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 49(1) u tal-punt 10 tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 181, p. 30). |
2 |
Din il-kawża tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Schaefer Kalk GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Schaefer Kalk”) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) rigward ir-rifjut fil-konfront ta’ din il-kumpannija li tnaqqas mill-emissjonijiet suġġetti għall-obbligu ta monitoraġġ id-diossidu tal-karbonju (CO2) iġġenerat f’installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir ittrasferit f’installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat (iktar ’il quddiem il-“KKP”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/87/KE
3 |
Skont il-premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jitnaqqsu emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra “b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol”. |
4 |
Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2003/87 għandha tapplika għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II tagħha, fejn fosthom hemm is-CO2. |
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jipprovdi: “1. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 […] […] Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart. Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. […] 2. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. […] Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante. […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 12(3) u (3a) tad-Direttiva 2003/87: “3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti […] ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati. 3a. M’għandux jinħoloq obbligu biex wieħed iċedi l-kwoti rigward emissjonijiet verifikati bħala emissjonijiet maqbuda u trasportati għal ħażna permanenti lejn faċilità li għaliha jkun hemm permess fis-seħħ taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ April 2009 [dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/377/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006].” |
8 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Monitoraġġ u rappurtar ta’ emissjonijiet”, jipprovdi: “1. Sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet u, fejn rilevanti, data dwar l-attività, mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data dwar it-tunellati-kilometri għall-għan ta’ applikazzjoni taħt l-Artikoli 3e jew 3f, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji għall-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti fl-Anness IV u għandu jispeċifika l-potenzjal għat-tisħin globali ta’ kull gass serra fir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet għal dak il-gass. Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata bil-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3). 2. Ir-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jqis l-evidenza xjentifika l-aktar preċiża u aġġornata li tkun disponibbli, b’mod partikolari mill-[Bord Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC)], u jista’ ukoll jispeċifika rekwiżiti biex operaturi jirrapportaw dwar emissjonijiet assoċjati mal-produzzjoni ta’ oġġetti prodotti minn industriji intensivi fl-enerġija li jistgħu jkunu suġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali. Dak ir-Regolament jista’ wkoll jispeċifika r-rekwiżit li, din l-informazzjoni tiġi verifkata indipendentement. Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu r-rappurtar dwar livelli ta’ emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku koperta bl-iskema Komunitarja assoċjata mal-produzzjoni ta’ tali oġġetti. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur ta’ istallazzjoni jew ta’ ajruplan jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet minn din l-istallazzjoni matul kull sena kalendarja jew, mill-1 ta’ Jannar 2010, l-ajruplan li hu jopera, lill-awtorità kompetenti wara t-tmiem ta’ din is-sena konformement mar-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1. 4. Ir-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jinkludi rekwiżiti dwar l-użu ta’ sistemi awtomatizzati u forom ta’ skambju ta’ data għall-armonizzazzjoni tal-komunikazzjoni fil-pjan ta’ monitoraġġ, fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet u fl-attivitajiet ta’ verifika bejn l-operatur, min iwettaq il-verifika u l-awtoritajiet kompetenti.” |
9 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti ppreżentati mill-operaturi […] skond l-Artikolu 14(3) jiġu vverifikati skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness V u kwalunkwe dispożizzjoni dettaljata addottata mill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu, u li l-awtorità kompetenti tkun infurmata b’dan.” |
10 |
L‑Artikolu 16 tal-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex irażżnu l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skont id-Direttiva 2003/87. |
Ir-Regolament Nru 601/2012
11 |
Il-premessi 1, 5 u 13 tar-Regolament Nru 601/2012 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
12 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE u attivitajiet rilevanti oħra inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju.” |
13 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament: “Kull operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-emissjoniijet ta’ gassijiet serra, fuq bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni jew l-attività ta’ avjazzjoni li japplika għalihom.” |
14 |
L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 601/2012 jipprovdi li: “[m]eta jkun qed jiddefinixxi l-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar, l-operatur għandu jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi għas-settur stabbiliti fl-Anness IV”. |
15 |
L-Artikolu 49(1) ta’ dan ir-regolament jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “L-operatur għandu jnaqqas mill-emissjonijiet tal-installazzjoni kwalunkwe ammont ta’ CO2 li joriġina minn karbonju fossili f’attivitajiet koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, li ma jiġix rilaxxat mill-installazzjoni, iżda jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
Għal kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ CO2 ’l barra mill-installazzjoni, ma għandu jiġi permess l-ebda tnaqqis ta’CO2 mill-emissjonijiet tal-installazzjoni.” |
16 |
L‑Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012, intitolat “Metodoloġiji ta’ Monitoraġġ speċifiċi għall-attivitajiet relatati ma’ Installazzjonijiet (Artikolu 20(2))”, jinkludi punt 10 stabbilit għall-“[p]roduzzjoni tal-Ġir jew Kalċinazzjoni tad-Dolomit jew tal-Manjeżit kif elenkat fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE”. Taħt it-Titolu B tiegħu, dwar ir-“Regoli Speċifiċi ta’ Monitoraġġ”, dan il-punt jipprevedi b’mod partikolari: “Fejn CO2 jintuża fl-impjant jew jiġi ttrasferit f’impjant ieħor għall-produzzjoni ta’ PCC (karbonat tal-kalċju preċipitat), dak l-ammont ta’ CO2 għandu jiġi kkunsidrat bħala rilaxxat mill-installazzjoni li tkun qiegħda tipproduċi d-CO2.” |
Id-dritt Ġermaniż
17 |
L‑Artikolu 3 tal-Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen (liġi dwar l-skambji ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra), tal-21 ta’ Lulju 2011 (BGBI. I S. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
[…]” |
18 |
Skont l-Artikolu 5(1) tat-TEHG: “L-operatur huwa obbligat li jiddetermina, skont il-parti 2 tal-Anness 2, l-ammont tal-emissjonijiet iġġenerati mill-attività tiegħu matul sena kalendarja u li jirraPporta dan l-ammont lill-awtorità kompetenti qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena sussegwenti.” |
19 |
L-Artikolu 6 tat-TEHG jiddikjara: “1. L-operatur huwa obbligat li jressaq quddiem l-awtorità kompetenti, għal kull perijodu ta’ skambju ta’ kwoti, pjan ta’ monitoraġġ li jikkonċerna d-determinazzjoni u r-rapportar tal-emissjonijiet, skont l-Artikolu 5(1). […] 2. Il‑pjan ta’ monitoraġġ huwa suġġett għal awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata meta l-pjan ta’ monitoraġġ huwa konformi mal-istipulazzjonijiet tar-regolament dwar il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ [Regolament Nru 601/2012], tar-regolament previst fil-punt 1 tal-Artikolu 28(2) u, fl-assenza ta’ regoli ffissati minn dawn iż-żewġ l-aħħar regolamenti, mal-istipulazzjonijiet tat-tielet sentenza tal-parti 2 tal-Anness 2. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Schaefer Kalk topera f’Hahnstätten (il-Ġermanja), installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir, fejn l-attività tagħha hija suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra. |
21 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ tal-installazzjoni tagħha mressqa quddiem id-Deutsche Emissionshandelsstelle im Umweltbundesamt (servizz Ġermaniż ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjoni tal-Uffiċju Federali tal-Ambjent, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”), Schaefer Kalk talbet l-awtorizzazzjoni li tnaqqas mill-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, imsemmija fir-rapportar tal-emissjonijiet, is-CO2 ttrasferit għal għanijiet ta’ produzzjoni ta’ KKP lejn installazzjoni mhux suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fil-fatt, hija tqis li dan is-CO2 hekk ittrasferit huwa kimikament marbut mal-KKP u li, peress li ma ġiex irrilaxxat fl-atmosfera, ma jikkorrispondix mal-“emissjonijiet” previsti fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87. |
22 |
Billi d-DEHSt awtorizza l-pjan ta’ monitoraġġ mingħajr ma ta deċiżjoni dwar it-tnaqqis tas-CO2 ttrasferit, Schaefer Kalk ressqet ilment f’dan ir-rigward, li ġie miċħud fid-29 ta’ Awwissu 2013. Id-DEHSt fil-fatt ikkunsidra li dan it-tnaqqis ma kienx previst fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 u tal-Anness IV tar-Regolament Nru 601/2012, li minnhom jirriżulta li huwa unikament is-CO2 ttrasferit lejn waħda mill-installazzjonijiet ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perijodu twil, elenkati f’dan l-artikolu, li jista’ jitnaqqas mill-emissjonijiet ta’ installazzjoni suġġetta għall-obbligu ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar. |
23 |
Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fl-10 ta’ Settembru 2013 quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), Schaefer Kalk żammet mat-talba tagħha. Hija bbażat ruħha fuq l-illegalità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV ta’ dan tal-aħħar. Hija tqis li dawn id-dispożizzjonijiet, li jissuġġettaw is-CO2 marbut mal-KKP u ttrasferit fid-dawl tal-produzzjoni ta’ din is-sustanza għall-obbligu li jkun parti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, ma humiex koperti mill-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87. |
24 |
Billi l‑Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin), kellha dubji rigward il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 601/2012, din iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
25 |
L-ewwel nett hemm lok li jiġi ppreċiżat li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, is-CO2 prodott minn installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir u ttrasferit, bħal fil-kawża prinċipali, lejn installazzjoni oħra bl-għan tal-produzzjoni ta’ KKP huwa kkunsidrat bħala li ġie rrilaxxat mill-ewwel installazzjoni. |
26 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn, billi inkludiet sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir is-CO2 bl-għan tal-produzzjoni ta’ KKP, kemm jekk dan is-CO2 jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, dawn id-dispożizzjonijiet imorru lil hinn mid-definizzjoni tal-emissjonijiet kif adottata fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 601/2012 ġie adottat skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87, li jistipula li l-Kummissjoni tistabbilixxi regolament relatat b’mod partikolari mal-monitoraġġ u mar-rapportar tal-emissjonijiet, fejn din il-miżura hija intiża sabiex tbiddel elementi mhux essenzjali ta’ din id-direttiva billi tikkompletaha. Konsegwentement, l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ dan ir-regolament twassal sabiex jiġi vverifikat li l-Kummissjoni, meta adottat dawn id-dispożizzjonijiet, ma eċċedietx il-limiti hekk stabbiliti mid-Direttiva 2003/87. |
28 |
Skont il-premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li tippermetti li ssir kontribuzzjoni għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, approvat, f’isem il-Komunità Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24), li huwa intiż għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet fl-atmosfera f’livell li jipprekludi kull interferenza antropoġenika perikoluża tas-sistema klimatika u li l-għan finali tiegħu huwa l-protezzjoni tal-ambjent. |
29 |
Il-loġika ekonomika li taħtha jaqgħu l-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, konformement ma’ dak li jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, tikkonsisti li jkun hemm mezz li t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel iseħħ bl-inqas spejjeż. B’mod partikolari, billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, din l-iskema hija intiża sabiex tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema li jirrilaxxa kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 32, kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, Holcim (Romania) vs Il‑Kummissjoni, C‑556/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:207, punti 64 u 65]. |
30 |
Għalhekk, wieħed mill-punti fuq liema hija mibnija l-iskema stabbilita bid-Direttiva 2003/87 huwa l-obbligu tal-operaturi li, qabel it-30 ta’ April tas-sena fis-seħħ, iċedu, sabiex jiġu annullati, numru ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ugwali għall-emissjonijiet tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti (sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 29). |
31 |
Huwa għalhekk determinanti, għall-funzjonament tajjeb tal-iskema stabbilita bid-Direttiva 2003/87, li jiġu identifikati l-emissjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward mill-operaturi. |
32 |
Skont l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, l-“emissjonijiet”, għall-finijiet tagħha, huma mifhuma bħala r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi li jinsabu ġewwa installazzjoni. Mill-istess ittra ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-emissjoni fis-sens tagħha tippresupponi r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera. |
33 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Artikolu 12(3)a tad-Direttiva 2003/87 jipprevdi li ma humiex suġġetti għall-obbligi ta’ ċediment tal-kwoti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-emissjonijiet li huma maqbuda u ttrasportati lejn ħażna ġeoloġika permanenti tagħhom lejn installazzjoni li għaliha permess ikun fis-seħħ skont id-Direttiva 2009/31. |
34 |
Madankollu, u kuntrarjament għall-argument imressaq mill-Kummissjoni, dan ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-operaturi huma eżentati mill-obbligu ta’ ċediment fil-każ biss ta’ ħażna ġeoloġika permanenti. |
35 |
Fil-fatt, bid-differenza tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012, li jipprevedi li għat-tipi l-oħra kollha ta’ trasferiment ta’ CO2, l-emissjonijiet tal-installazzjoni ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda tnaqqis ta’ CO2, l-Artikolu 12(3)a tad-Direttiva 2003/87 ma jinkludix regola analoga. |
36 |
Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li fil-fatt hija intiża għal sitwazzjoni speċifika waħda biss, u li għandha bħala għan li tiffavorixxi l-ħażna ta’ gassijiet serra, la kellha bħala għan u lanqas bħala effett li tbiddel id-definizzjoni tal-“emissjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87, u lanqas, konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ġie stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha. |
37 |
Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-CO2 li jirriżulta mill-attività ta’ produzzjoni ta’ ġir, minn installazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, konformement mal-Artikolu 2(1) u mal-Annessi I u II tagħha, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali produzzjoni twassalx għal rilaxx ta’ dan is-CO2 fl-atmosfera. |
38 |
Mill-punti ta’ informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta, u dan ma huwiex ikkontestat, li s-CO2 użat għall-produzzjoni ta’ KKP huwa kimikament marbut ma’ dan il-prodott stabbli. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ KKP ma humiex fost dawk li, skont dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 u tal-Anness I tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
39 |
Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn is-CO2 prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ ġir huwa ttrasferit lejn installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ KKP, jidher li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, is-CO2 ttrasferit kollu, kemm jekk parti minnu tiġix irrilaxxata jew le fl-atmosfera, matul it-trasport tiegħu, jew minħabba tnixxija, jew minħabba l-proċess ta’ produzzjoni stess, jitqies bħala li ġie rrilaxxat mill-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ ġir li fiha kien ġie prodott dan is-CO2, minkejja li dan it-trasferiment ma jista’ jipprovoka ebda rilaxx ta’ CO2 fl-atmosfera. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu preżunzjoni iuris et de iure ta’ rilaxx fl-atmosfera tas-CO2 ttrasferit kollu. |
40 |
Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu għalhekk li s-CO2 ttrasferit f’tali ċirkustanzi jitqies bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, minkejja li ma jkunx, fil-każijiet kollha, irrilaxxat fl-atmosfera. Permezz tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, il-Kummissjoni għalhekk estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett. |
41 |
Barra minn hekk, l-operaturi kkonċernati ma jistgħux, bħala konsegwenza ta’ din il-preżunzjoni, inaqqsu f’ebda każ mill-emissjonijiet totali tal-installazzjoni ta’ produzzjoni tal-ġir tagħhom il-kwantità ta’ CO2 ttrasferita bl-għan tal-produzzjoni ta’ KKP, minkejja li dan is-CO2 ma huwiex, fil-każijiet kollha, irrilaxxat fl-atmosfera. Tali impossibbiltà timplika li l-kwoti għandhom jiġu ċeduti għas-CO2 kollu ttrasferit bl-għan tal-produzzoni ta’ KKP u ma jistgħux jinbiegħu iktar bħala eċċess, li jqajjem dubju dwar l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, f’sitwazzjoni li għaldaqstant tissodisfa l-għan finali tad-Direttiva 2003/87 li huwa intiż għall-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/87, ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31). |
42 |
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, billi adottat dawn id-dispożizzjonijiet, bidlet element essenzjali tad-Direttiva 2003/87. |
43 |
Barra minn hekk, ma jidhirx, fl-ewwel lok, li l-garanziji riżultanti kollha, minn naħa, mis-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar ta’ emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87 u bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 601/2012 minbarra dawk li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li jirriżultaw, min-naħa l-oħra, mis-setgħat ta’ kontroll u ta’ verifiki li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 37), ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni waqt trasferimenti ta’ gassijiet serra lejn installazzjoni, bħal dik fejn jiġi prodott il-KKP, mhux suġġetta għal din l-iskema. |
44 |
F’dan il-kuntest, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu jiggarantixxu li, fil-każijiet kollha, is-CO2 ttrasferit lejn installazzjoni, bħal dik fejn huwa prodott il-KKP, kemm jekk dan jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, jitqies bħal emissjoni fl-atmosfera, tali preżunzjoni, minbarra li taffettwa l-koerenza tas-sistema stabbilita fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/87, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. |
45 |
Fit-tieni lok, billi r-Regolament Nru 601/2012 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87 sabiex jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-portata tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li huma inkwistjoni f’din il-kawża u li jikkonċernaw biss tali emissjonijiet fis-sens tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87 ma tistax tiġi affettwata minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva relatati mal-produzzjoni ta’ CO2 u meħuda inkunsiderazzjoni b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti “punti ta’ riferiment ex ante” imsemmija fl-Artikolu 10a tal-istess direttiva. |
46 |
Din il-portata lanqas ma tista’, u għall-istess raġuni, tiġi affettwata mir-rekwiżit, impost fuq il-Kummissjoni skont l‑Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/87, li tieħu inkunsiderazzjoni, fit-tfassil tar-Regolament Nru 601/2012, evidenza xjentifika l-iktar preċiża u aġġornata li tkun disponibbli. F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi presuppost li d-data l-iktar reċenti pprovduta mill-IPCC kienet ħeġġet lill-Kummissjoni sabiex tadotta, ġustament, approċċ iktar strett tat-trasferimenti ta’ CO2 u sabiex tattribwixxi, konsegwentement, sakemm ikun possibbli, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-sors tagħhom, madankollu tali attribuzzjoni ma tistax tiġi ammessa, fi kwalunkwe każ, ħlief fil-limiti stabbiliti bid-Direttiva 2003/87, kif imfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. |
47 |
Fit-tielet lok, huwa veru li jekk, fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ gassijiet serra, l-għan prinċipali huwa li sostanzjalment jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ tali gassijiet, wieħed mill-għanijiet sussidjarji tagħha huwa li jiġi ppreservat is-suq intern kollu u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 79, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punti 49 u 50). Madankollu, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, teżisti differenza oġġettiva bejn operatur li jirrilaxxa gassijiet serra fl-atmosfera u operatur li jevita tali emissjonijiet billi jittrasforma kimikament is-CO2 prodott fi prodott kimiku stabbli ġdid li miegħu huwa marbut. Għalhekk, fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ gassijiet serra, jekk tali differenza għandha bħala effett li tippermetti li dan it-tieni operatur li jżomm iktar kwoti mill-ewwel wieħed, din ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, titqies bħala li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ operaturi. |
48 |
Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni, billi bidlet element essenzjali tad-Direttiva 2003/87 billi adottat id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV tiegħu, eċċediet il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. |
49 |
Konsegwentement, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu risposti li d-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 601/2012 u tal-punt 10(B) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, sa fejn jinkludu sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir is-CO2 ttrasferit lejn installazzjoni oħra bl-għan tal-produzzjoni ta’ KKP, kemm jekk dan is-CO2 jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, huma invalidi. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tal-punt 10(B) tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, sa fejn jinkludu sistematikament fl-emissjonijiet tal-installazzjoni għall-kalċinazzjoni tal-ġir id-diossidu tal-karbonju (CO2) ittrasferit lejn installazzjoni oħra bl-għan tal-produzzjoni ta’ karbonat tal-kalċju preċipitat, kemm jekk dan id-diossidu tal-karbonju jiġix irrilaxxat jew le fl-atmosfera, huma invalidi. |
Firem |
( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.