EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0441

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Frar 2017.
Madaus GmbH vs Hauptzollamt Bremen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Bremen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 3824 90 97 u 2106 90 92 — Prodott fil-forma ta’ trab li jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju (95 %) u minn lamtu mmodifikat (5 %).
Kawża C-441/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:103

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

9 ta’ Frar 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 3824 90 97 u 2106 90 92 — Prodott fil-forma ta’ trab li jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju (95 %) u minn lamtu mmodifikat (5 %)”

Fil-Kawża C‑441/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Bremen (qorti tal-finanzi ta’ Brême, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

Madaus GmbH

vs

Hauptzollamt Bremen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Madaus GmbH, minn G. Eder, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier, A. Caeiros u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 3824 90 97 u 2106 90 92 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Madaus GmbH u l-Hauptzollamt Bremen (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Brême, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“HB”) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja fi ħdan din in-nomenklatura ta’ materjal mhux ipproċessat bl-isem “DESTAB Calcium Carbonate 90SE Ultra 250”, intiż għall-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, ta’ pilloli li jinħallu fl-ilma u ta’ pilloli li jintmagħdu.

Il-kuntest ġuridiku

In-NM

3

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika.

4

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u tar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni relatati, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament jiġi ppubblikat mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

5

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament Nru 927/2012 huwa applikabbli. Madankollu, mill-fajl imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera inkwistjoni hija tal-11 ta’ April 2014. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-verżjoni tan-Nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li daħlet fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2014, li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”). Madankollu, il-kontenut ta’ dawn iż-żewġ regolamenti fir-rigward tal-intestaturi kkonċernati jibqa’ identiku.

6

L-ewwel parti tan-NM, dwar id-“Dispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi t-Taqsima 1, iddedikata għar-“Regoli ġenerali”, li s-Sezzjoni A tagħha, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprevedi b’mod partikolari:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]”.

7

It-tieni parti tan-NM, li tinkludi skeda tad-dazji doganali, hija maqsuma f’taqsimiet. Is-Sezzjoni IV ta’ din il-parti tinkludi l-Kapitolu 21 tan-NM, intitolat “Preparazzjonijiet diversi tajbin għall-ikel”.

8

L-intestatura 2106 tan-NM, li tifforma parti mill-Kapitolu 21, hija strutturata kif ġej:

“2106 Preparazzjonijiet ta’ l-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

2106 10– Konċentrati ta’ proteini u sustanzi ta’ proteini minsuġin:

[…]

2106 90 – Oħrajn

[…]

2106 90 92 – – – Ma fihomx xaħmijiet tal-ħalib, sukrows, isoglukows, glukows jew lamtu jew fihom, bil-piż, inqas minn 1,5 % xaħam tal-ħalib, 5 % sukrows jew isoglukows, 5 % glukows jew lamtu

[…]”.

9

It-Taqsima VI tat-tieni parti tan-NM tirrigwarda l-prodotti tal-industrija kimika jew dawk relatati magħha. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 38 tan-NM, intitolat “Diversi prodotti kimiċi”, li fih hemm in-nota li ġejja:

“1.

Dan il-kapitlu ma jkoprix:

[…]

b)

taħlit ta’ kimiċi ma’ oġġetti ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv, ta’ kwalita’ użata fil-preparazzjoni ta’ ikel uman (ġeneralment, titlu 2106);

[…]”.

10

L-intestatura 3824 tan-NM, li tifforma parti minn dan il-Kapitolu 38, hija strutturata kif ġej:

“3824 Materjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra

[…]

3824 90 – Oħrajn

[…]

3824 90 97 – – – – Oħrajn.”

Ir-Regolament (UE) Nru 328/2013

11

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 328/2013, tat-8 ta’ April 2013, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, (ĠU 2013, L 102, p. 10), jinkludi, fl-anness tiegħu, tabella bi tliet kolonni fejn l-ewwel waħda tiddeskrivi kull merkanzija kkonċernata, it-tieni waħda tindika l-klassifikazzjoni fin-NM li ġiet attribwita lill-merkanzija u t-tielet waħda tipprovdi r-raġunijiet għal din il-klassifikazzjoni.

12

Għalhekk minn dan l-anness jirriżulta li prodott fil-forma ta’ trab li jikkonsisti minn 97 % karbonat tal-kalċju u minn 3 % lamtu ġie kklassifikat fl-intestatura 2106 90 92 tan-NM. Fil-kolonna li tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-merkanzija, dan il-prodott huwa deskritt kif ġej:

“Prodott fil-forma ta’ trab li jikkonsisti minn (% bil-piż):

karbonat tal-kalċju 97

lamtu 3

Il-prodott huwa adattat għal użu f’diversi oqsma differenti, pereżempju oġġetti tal-ikel uman, medikamenti u materjal taż-żebgħa għall-mili.

Il-prodott huwa adattat għal użu fil-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju.”

13

Fil-kolonna ddedikata għar-raġunijiet tal-klassifikazzjoni magħżula hemm indikat li din tal-aħħar “hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 38 kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet NM 2106, 2106 90 u 2106 90 92”.

14

Dawn ir-raġunijiet jinkludu wkoll il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“Minħabba l-preżenza ta’ sustanza li mhijiex koperta min-Nota 1(a), (d) jew (e) tal-Kapitolu 28, il-klassifikazzjoni f’dak il-kapitolu hija eskluża.

[…]

Minħabba l-kompożizzjoni tal-prodott, il-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 38 hija eskluża bis-saħħa tan-Nota 1(b) ta’ dak il-kapitolu (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-Kapitolu 38, il-parti ġenerali).

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2106 bħala preparazzjoni tal-ikel li mhux speċifikat jew inkluż band’oħra.”

Is-SA u n-NM

15

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

16

L-intestaturi 2106 u 3824 tan-NM jirriproduċu l-formulazzjoni tal-intestaturi 2106 u 3824 tas-SA.

17

In-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA ġew elaborati fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni dwar is-SA.

18

In-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA li jirrigwardaw il-Kapitolu 38 tagħha jistipulaw b’mod partikolari:

“Kunsiderazzjonijiet ġenerali

[…]

Għall-finijiet tan-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu, l-espressjoni oġġetti tal-ikel jew sustanzi oħra b’valur nutrittiv tkopri prinċipalment prodotti tajbin għall-ikel tat-Taqsimiet I sa IV.

Din l-espressjoni tkopri wkoll ċerti prodotti oħra, b’mod partikolari l-prodotti tal-Kapitolu 28 użati bħala suppliment minerali fil-preparazzjonijiet tal-ikel, l-alkoħol taz-zokkor tan-Nru 29.05, l-amino-aċti essenzjali tan-Nru 29.22, il-leċitini tan-Nru 29.23, il-provitamini u l-vitamini tan-Nru 29.36, iz-zokkor tan-Nru 29.40, il-frazzjonijiet ta’ demm tal-annimali tan-Nru 30.02 intiżi għall-użu fil-preparazzjonijiet tal-ikel, il-kaseina u l-kaseinati tan-Nru 35.01, l-albumini tan-Nru°35.02, il-ġelatina tal-ikel tan-Nru°35.03, sustanzi ta’ proteini tajbin għall-ikel tan-Nru°35.04, id-destrini u lamti oħra mmodifikati tajbin għall-ikel tan-Nru°35.05, is-sorbitol tan-Nru°38.24, il-prodotti tajbin għall-ikel tal-Kapitolu 39 (bħall-amylopectine u l-amylose tan-Nru°39.13). Għandu jiġi enfasizzat li l-prodotti elenkati hawn fuq qed jingħataw bħala eżempju u li dan l-elenku ma għandux jitqies li huwa eżawrjenti.

Is-sempliċi preżenza ta’ oġġetti tal-ikel jew sustanzi oħra b’valur nutrittiv f’taħlita ma hijiex suffiċjenti sabiex dawn it-taħlitiet jiġu esklużi mill-Kapitolu 38, b’applikazzjoni tan-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu. Is-sustanzi li l-valur nutrittiv tagħhom huwa sempliċement ta’ importanza sekondarja meta mqabbel mal-funzjoni tagħhom inkwantu prodotti kimiċi, użati, pereżempju, bħala additivi tal-ikel jew awżiljarji teknoloġiċi, ma humiex meqjusa, għall-finijiet ta’ din in-nota, bħala oġġetti tal-ikel jew sustanzi oħra b’valur nutrittiv. It-taħlitiet li huma esklużi mill-Kapitolu 38 abbażi ta’ din in-Nota jaqgħu taħt dawk il-kategoriji ta’ prodotti li jintużaw fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel għal konsum uman u li l-valur tagħhom huwa bbażat fuq il-kwalitajiet nutrittivi tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-11 ta’ April 2014, Madaus għamlet dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ karbonat tal-kalċju li joriġina mill-Istati Uniti. F’din id-dikjarazzjoni, hija kklassifikat il-prodott inkwistjoni fis-subintestatura 2836 50 00 tan-NM.

20

Dan il-prodott huwa materjal mhux ipproċessat għall-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, ta’ pilloli li jinħallu fl-ilma u ta’ pilloli li jintmagħdu. L-isem ta’ dan il-prodott huwa “DESTAB Calcium Carbonate 90SE Ultra 250” u jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita fil-forma ta’ trab u minn lamtu mmodifikat.

21

Il-merkanzija importata ġiet, kif mitlub mir-rikorrenti, irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera u b’konsegwenza ta’ dan id-dazji fuq l-importazzjoni ġew stabbiliti bir-rata ta’ 5 % applikabbli għas-subintestatura 2836 50 00 tan-NM.

22

Madankollu l-HB ordna li dawn il-prodotti jiġu analizzati. Mill-perizja ta’ klassifikazzjoni tariffarja mwettqa rriżulta li dawn il-prodotti kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 2106 90 92 tan-NM. Mill-analiżi mwettqa jirriżulta li, fid-dawl tal-livell ta’ lamtu mmodifikat li huwa iżgħar, bil-piż, minn 5 %, dan il-lamtu miżjud ma huwiex komponent importanti ta’ dan il-prodott.

23

Peress li d-dazji doganali applikabbli għal din l-intestatura huma ta’ 12.8 %, fl-24 ta’ Ġunju 2014, HB bagħat lir-rikorrenti avviż ta’ taxxa sabiex jikseb il-ħlas tad-dazji li kienu għadhom dovuti.

24

Wara li r-rikors amministrattiv tagħha kontra dan l-avviż ġie miċħud, Madaus ressqet rikors għall-annullament ta’ dan l-avviż quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tagħha hija qed issostni, issa, essenzjalment li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi kklassifikat, mhux fis-subintestatura 2836 50 00 tan-NM, iżda fis-subintestatura 3824 90 97 ta’ din in-Nomenklatura. Hija tispeċifika, minn naħa, li l-livell ta’ lamtu tal-prodott inkwistjoni jaqbeż il-5 % tal-piż totali tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-lamtu ma huwiex miżjud minħabba l-ispeċifikazzjonijiet nutrittivi tiegħu, iżda jservi biss bħala aġent għall-manifattura, sabiex jiffaċilita l-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju. Il-fatt li l-lamtu miżjud għandu valur nutrittiv żgħir huwa ta’ importanza sekondarja.

25

Skont Madaus, fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-prodott inkwistjoni jaqa’ taħt il-Kapitolu 38 tan-NM. L-esklużjoni ta’ ċerti prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, prevista fin-Nota 1(b) tiegħu u li tirrigwarda “taħlit ta’ kimiċi ma’ oġġetti ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv”, ma hijiex applikabbli għall-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din ma hijiex taħlita komposta b’mod partikolari minn oġġetti tal-ikel jew minn sustanza oħra b’valur nutrittiv. Fil-fatt, skont in-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA fuq il-Kapitolu 38, is-sempliċi preżenza ta’ oġġetti tal-ikel jew ta’ sustanzi oħra b’valur nutrittiv f’taħlita, bħal f’dan il-każ il-lamtu mmodifikat, ma hijiex suffiċjenti sabiex din it-taħlita tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 38 tan-NM. Fl-aħħar nett, Madaus tkompli tgħid li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 328/2013 huwa invalidu, għaliex jinterpreta ħażin il-portata tan-Nota 1(b) tal-Kapitolu 38 tan-NM.

26

HB isostni li ż-żewġ komponenti tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-karbonat tal-kalċju u l-lamtu mmodifikat, huma sustanzi li għandhom valur nutrittiv fis-sens tal-imsemmija nota, u li dan huwa, għal din ir-raġuni, preparazzjoni tal-ikel li taqa’ taħt l-intestatura 2106 tan-NM.

27

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju, li huwa bla dubju ta’ xejn prodott kimiku fis-sens ta’ kliem l-intestatura 3824 tan-NM, u minn lamtu mmodifikat. Hija tispeċifika li l-partijiet ma jaqblux dwar l-għan tal-użu tat-tieni komponent ta’ dan il-prodott, jiġifieri l-lamtu mmodifikat, li fuqu tiddependi l-klassifikazzjoni tariffarja tal-imsemmi prodott.

28

Fil-fatt, hekk kif diġà ġie espost, skont in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 38 tan-NM, huma esklużi minn dan il-kapitolu t-“taħlit ta’ kimiċi ma’ oġġetti ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv, ta’ kwalita’ użata fil-preparazzjoni ta’ ikel uman”.

29

Il-qorti tar-rinviju tindika li s-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk dan it-tieni komponent huwiex oġġetti tal-ikel jew sustanza oħra b’valur nutrittiv fis-sens ta’ din in-nota.

30

L-istess qorti tqis li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-Kapitolu 38 tan-NM, għaliex il-komponent prinċipali, jiġifieri l-karbonat tal-kalċju, huwa prodott kimiku, filwaqt li l-lamtu mmodifikat ġie miżjud biss sabiex jiffaċilita l-ksib ta’ pilloli tal-kalċju. Konsegwentement, hija tqis li l-lamtu mmodifikat jinsab fil-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss bħala aġent għall-manifattura, u mhux sabiex jagħti lil dan il-prodott valur nutrittiv.

31

F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq in-noti ta’ spjegazzjoni dwar il-Kapitolu 38 tas-SA, kif dawn jirriżultaw mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li “s-sempliċi preżenza ta’ oġġetti tal-ikel jew sustanzi oħra b’valur nutrittiv f’taħlita ma hijiex suffiċjenti sabiex dawn it-taħlitiet jiġu esklużi mill-Kapitolu 38, b’applikazzjoni tan-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu [meta] l-valur nutrittiv tagħhom huwa sempliċement ta’ importanza sekondarja meta mqabbel mal-funzjoni tagħhom inkwantu prodotti kimiċi”.

32

Madankollu, hija għandha dubji dwar jekk il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jaqa’ taħt il-Kapitolu 38 tan-NM, fid-dawl tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 328/2013. Fil-fatt, hija tindika li dan ir-regolament jagħmel riferiment għan-Nota 1(b), li tinsab fil-Kapitolu 38, li skontha huma esklużi minn dan il-kapitolu ċerti taħlitiet ta’ prodotti kimiċi u ta’ oġġetti tal-ikel li għandhom valur nutrittiv. Għalhekk, prodott paragunabbli għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-Kapitolu 21 tan-NM, u għaldaqstant għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2106 ta’ din in-nomenklatura, u mhux taħt il-Kapitolu 38 tagħha. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan ir-regolament jista’ jkun invalidu għall-istess raġunijiet bħal dawk li fl-opinjoni tagħha donnhom jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kapitolu 38 tan-NM u, għaldaqstant, minħabba interpretazzjoni ħażina tal-portata tan-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Bremen (qorti tal-finanzi ta’ Brême, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li materjal mhux ipproċessat bl-isem “DESTAB Calcium Carbonate 90SE Ultra 250” [użat] għall-finijiet tal-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, [ta’] pilloli li jinħallu fl-ilma u [ta’] pilloli li jintmagħdu, kompost minn karbonat tal-kalċju ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita fil-forma ta’ trab u, sabiex tiġi ffaċilitata l-manifattura ta’ pilloli, minn lamtu mmodifikat, b’livell ta’ lamtu – kif stabbilit skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2010, tad-9 ta’ Frar 2010, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 900/2008 li jistabbilixxi l-metodi tal-analiżi u d-dispożizzjonijiet tekniċi l-oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ ċertu merkanzija li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli [(ĠU 2010, L 37, p. 21)] – inferjuri, fit-toqol, għal 5 %, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 3824 90 97 [tan-NM]?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tal-mistoqsija tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użat għall-finijiet tal-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, ta’ pilloli li jinħallu fl-ilma u ta’ pilloli li jintmagħdu, li jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita fil-forma ta’ trab u, sabiex tiġi ffaċilitata l-manifattura ta’ pilloli, minn lamtu mmodifikat miżjud, u li l-livell ta’ lamtu tiegħu huwa iżgħar, bil-piż, minn 5 %, għandux jiġi kklassifikat fl-intestatura 2106, inkwantu preparazzjoni tal-ikel, jew fl-intestatura 3824, inkwantu prodott kimiku, ta’ din in-Nomenklatura.

35

Għandu l-ewwel nett, jiġi enfasizzat li, meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jitressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa iktar li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li bl-implementazzjoni tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex neċessarjament l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex twettaq il-klassifikazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Kyowa Hakko Europe, C‑344/14, EU:C:2015:615, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Sussegwentement għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifika tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fl-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu tagħha (sentenza tas-17 ta’ Frar 2016, Salutas Pharma, C‑124/15, EU:C:2016:87, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għalhekk, in-noti tal-kapitolu tan-NM jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha. Il-kontenut tal-imsemmija noti għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħhom (ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2016, Salutas Pharma, C‑124/15, EU:C:2016:87, punt 30).

38

Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jirrigwarda s-SA, mill-ODD u, f’dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr madankollu ma għandhom saħħa vinkolanti ta’ liġi (sentenza tas-17 ta’ Frar 2016, Salutas Pharma, C‑124/15, EU:C:2016:87, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fl-intestatura adegwata, għandu jitfakkar ukoll li l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tiegħu (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 41, u tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 47). Madankollu, l-użu intenzjonat tal-prodott huwa kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss abbażi tal-karatteristiċi u tal-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tal-prodott (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Skoma-Lux, C‑339/09, EU:C:2010:781, punt 47, u tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 33).

40

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kompost minn karbonat tal-kalċju, prodott kimiku, u minn lamtu mmodifikat, sustanza li għandha valur nutrittiv, fi proporzjonijiet rispettivi ta’ madwar 95 % u ta’ 5 %. Il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintuża bħala materjal mhux ipproċessat fil-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju intiżi għal konsum uman. Għaldaqstant, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tal-prodott inkwistjoni, dan jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-Kapitolu 38 tan-NM dwar “Diversi prodotti kimiċi”.

41

Madankollu, minn kliem in-Nota 1(b), dwar dan il-Kapitolu 38, jirriżulta li minn dan il-kapitolu huma esklużi t-“taħlit ta’ kimiċi ma’ oġġetti ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv, ta’ kwalita’ użata fil-preparazzjoni ta’ ikel uman (ġeneralment, [intestatura Nru]2106)”.

42

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriterju relatat mal-kompożizzjoni tat-taħlita, hemm lok li n-Nota 1(b), relatata mal-Kapitolu 38 tan-NM, tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-noti ta’ spjegazzjoni rilevanti.

43

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-klassifikazzjoni ta’ taħlita ta’ prodotti kimiċi u ta’ oġġetti tal-ikel jew ta’ sustanzi oħra b’valur nutrittiv fil-Kapitolu 38 jew fil-Kapitolu 21 tan-NM tiddependi fuq il-kompożizzjoni ta’ din it-taħlita, kif din tirriżulta mill-karatteristiċi u mill-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi ta’ din tal-aħħar.

44

Min-naħa l-oħra, l-aħħar sentenza tal-aħħar paragrafu tan-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA relatati mal-Kapitolu 38 tagħha tispeċifika li t-taħlitiet li huma esklużi minn dan il-kapitolu “jaqgħu taħt dawk il-kategoriji ta’ prodotti li jintużaw fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel għal konsum uman u li l-valur tagħhom huwa bbażat fuq il-kwalitajiet nutrittivi tagħhom”.

45

Il-kunċett ta’ “taħlita”, fis-sens ta’ dan l-aħħar paragrafu, għalhekk jirrigwarda t-taħlita, inkwantu tali, ta’ prodotti kimiċi u ta’ oġġetti tal-ikel jew ta’ sustanzi oħra b’valur nutrittiv, mingħajr distinzjoni skont is-sustanzi kostituttivi ta’ tali taħlita.

46

Għalhekk, bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni tariffarja tal-prodott inkwistjoni, hemm lok li ma jintużax biss dak li jirrigwarda l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, jiġifieri b’mod partikolari l-valur nutrittiv tat-taħlita inkwantu tali, iżda wkoll dak li jirrigwarda l-użu intenzjonat ta’ dan il-prodott, jiġifieri l-fatt li din it-taħlita tintuża fil-manifattura ta’ prodotti tal-ikel.

47

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa taħlita komposta minn prodott kimiku, il-karbonat tal-kalċju, u minn sustanza li għandha valur nutrittiv, il-lamtu mmodifikat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ sustanza li għandha valur nutrittiv jista’ jkun applikabbli għal prodotti kimiċi (sentenza tat-30 ta’ Jannar 1992, SuCrest, C‑14/91, EU:C:1992:48, punt 10). Għalhekk, il-fatt li sustanza, bħall-karbonat tal-kalċju, jkollha l-kwalità ta’ prodott kimiku ma jipprekludix li din is-sustanza titqies li hija sustanza li għandha valur nutrittiv.

48

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie inizjalment iddikjarat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-isem “Karbonat tal-kalċju – supplimenti tal-ikel”. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kliem tal-intestatura 2106 tan-NM isemmi l-preparazzjonijiet tal-ikel li ma humiex speċifikati jew inklużi band’oħra u li n-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA għal din l-intestatura jippreċiżaw li din tinkludi, b’mod partikolari, il-preparazzjonijiet indikati ta’ spiss taħt l-isem ta’ “supplimenti tal-ikel”, ippreżentati f’ippakkjar li jindika li huma intiżi sabiex iżommu l-benesseri tal-ġisem (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Swiss Caps, C‑410/08 sa C‑412/08, EU:C:2009:794, punt 31).

49

Huwa paċifiku li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintuża għall-finijiet tal-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, ta’ pilloli li jinħallu fl-ilma u ta’ pilloli li jintmagħdu, intiżi għal konsum uman. Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, dawn il-pilloli tal-kalċju jikkontribwixxu għar-regolarizzazzjoni tas-sekrezzjoni gastrika, bil-għan li tiġi stimulata u ffaċilitata d-diġestjoni u, b’mod iktar ġenerali, li jinżammu s-saħħa u l-benesseri tal-ġisem.

50

Għalhekk, taħlita bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, skont il-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet oġġettivi tagħha, għall-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel għal konsum uman.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kopert mid-deroga prevista fin-Nota 1(b) tal-Kapitolu 38 tan-NM, u għandu, għalhekk, f’kull każ, jiġi eskluż minn dan il-kapitolu dwar id-“Diversi prodotti kimiċi”.

52

Konsegwentement, taħlita bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-Kapitolu 21 tan-NM, intitolat “Preparazzjonijiet diversi tajbin għall-ikel”, u għandha, għalhekk, tiġi kklassifikata fl-intestatura 2106 tan-NM, relatata ma “Preparazzjonijiet ta’ l-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”, li għaliha tagħmel espliċitament riferiment in-Nota 1(b) tal-Kapitolu 38 tan-NM.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użat għall-finijiet tal-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, ta’ pilloli li jinħallu fl-ilma u ta’ pilloli li jintmagħdu, li jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita fil-forma ta’ trab u, sabiex tiġi ffaċilitata l-manifattura ta’ pilloli, minn lamtu mmodifikat miżjud, u li l-livell ta’ lamtu tiegħu huwa iżgħar, bil-piż, minn 5 %, għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2106 ta’ din in-Nomenklatura.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħqud li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […], fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użat għall-finijiet tal-manifattura ta’ pilloli tal-kalċju fil-forma ta’ pilloli sempliċi, ta’ pilloli li jinħallu fl-ilma u ta’ pilloli li jintmagħdu, li jikkonsisti minn karbonat tal-kalċju ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita fil-forma ta’ trab u, sabiex tiġi ffaċilitata l-manifattura ta’ pilloli, minn lamtu mmodifikat miżjud, u li l-livell ta’ lamtu tiegħu huwa iżgħar, bil-piż, minn 5 %, għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2106 ta’ din in-Nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top