Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TO0640

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-23 ta’ Novembru 2015.
    Carsten René Beul vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Funzjonament tas-swieq finanzjarji – Regolament (UE) Nru 537/2014 – Att leġiżlattiv – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà.
    Kawża T-640/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:907

    DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    23 ta’ Novembru 2015 ( *1 )

    “Rikors għal annullament — Funzjonament tas-swieq finanzjarji — Regolament (UE) Nru 537/2014 — Att leġiżlattiv — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża T‑640/14,

    Carsten René Beul, residenti fi Neuwied (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn K.-G. Stümper, sussegwentement minn H.-M. Pott u T. Eckhold, avukati,

    rikorrent,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn P. Schonard u D. Warin, bħala aġenti,

    u

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Wiemann u N. Rouam, bħala aġenti,

    konvenuti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, p. 77),

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    Fatti, proċedura u talbiet tal-partijiet

    1

    Ir-rikorrent, Carsten René Beul, huwa kontabilista liċenzjat taħt il-Gesetz über eine Berufsordnung der Wirtschaftsprüfer (Wirtschaftsprüferordnung, liġi Ġermaniża dwar l-kontabilisti). Minħabba f’hekk, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, huwa awtorizzat li jwettaq l-awditjar statutorju ta’ impriżi, inklużi impriżi ta’ interess pubbliku.

    2

    Fis-16 ta’ April 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, p. 77), iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

    3

    Skont l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, li jiddefinixxi s-suġġett tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar jistabbilixxi rekwiżiti għat-twettiq tal-awditjar statutorju ta’ rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, regoli dwar l-organizzazzjoni u l-għażla ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar minn entitajiet ta’ interess pubbliku għall-promozzjoni tal-indipendenza tagħhom u għall-evitar tal-kunflitti ta’ interess u regoli dwar is-superviżjoni tal-konformità minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar ma’ dawk ir-rekwiżiti.

    4

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

    5

    B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 u fit-28 ta’ Novembru 2014 rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill qajmu xi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Ir-rikorrent ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawn l-eċċezzjonijiet fit-12 ta’ Jannar 2015.

    6

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

    7

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2014, il-Parlament indika li ma kienx qed jopponi għat-talba tal-intervent tal-Kummissjoni. Ir-rikorrent u l-Kunsill ma ppreżentawx osservazzjonijiet fir-rigward tal-imsemmija talba.

    8

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-regolament ikkontestat.

    9

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

    sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn hija tiċħad l-eċċezzjoni jew tiddeċiedi li tannetti d-deċiżjoni tagħha fuq l-ammissibbiltà fuq il-mertu, li tagħtih terminu ġdid biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, inklużi fuq il-kwistjoni tal-fondatezza;

    tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

    10

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

    tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    11

    Bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-konvenut jitolbu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li ma hemmx lok li titkompla l-proċedura.

    12

    F’dan il-każ, il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li r-regolament ikkontestat huwa att leġiżlattiv u li, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li r-rikorrent ma huwiex la direttament, lanqas individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat. B’hekk, ir-rikors ma jistax ikun ammissibbli abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

    13

    Ir-rikorrent jitqies direttament u individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat, meta dan iġib bidla fl-istruttura tal-organu kompetenti biex jagħmel superviżjoni tal-attività professjonali tiegħu.

    14

    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

    15

    Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ma huwiex id-destinatarju tar-regolament ikkontestat. Għaldaqstant, ma għandux dritt ta’ rikors bis-saħħa tal-ewwel ipoteżi intiża fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263.

    16

    Barra minn hekk, mill-Preambolu tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dan għandu bħala bażi legali l-Artikolu 114 TFUE li jirrigwarda l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u li ġie adottat flimkien mill-Parlament u mill-Kunsill skont proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    17

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 289(1) u (3) TFUE jirriżulta li l-atti legali adottati skont il-proċedura definita fl-Artikolu 294 TFUE, imsejħa “proċedura leġislattiva ordinarja”, jikkostitwixxu atti leġiżlattivi.

    18

    Minn dan isegwi li r-regolament ikkontestat huwa att leġiżlattiv.

    19

    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-espressjoni “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tinkludix l-atti leġiżlattivi [sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punt 61, u tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 21].

    20

    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma għandux lanqas dritt ta’ rikors abbażi tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    21

    B’hekk, dan ir-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent huwa direttament u individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat, bis-saħħa tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    22

    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa utli li wieħed jibda l-analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors permezz tal-analiżi tal-kwistjoni tal-interess individwali tar-rikorrent.

    Fuq l-interess individwali tar-rikorrent mir-regolament ikkontestat

    23

    Għandu jitfakkar li r-regolament ikkontestat fih regoli intiżi li jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej:

    “L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu indipendenti minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar.

    […]

    Persuna ma għandhiex tkun membru tal-korp governattiv jew tkun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dawk l-awtoritajiet jekk matul l-involviment tagħha jew matul it-tliet snin preċedenti dik il-persuna:

    a)

    tkun għamlet awditi statutorji;

    b)

    kellha drittijiet tal-vot f’ditta tal-awditjar;

    c)

    kienet membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ ditta tal-awditjar;

    d)

    kienet sħabditta tal-awditjar, impjegata magħha jew b’xi mod ieħor ikkuntrattata minnha.

    […]”

    24

    Fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li r-rikorrent ma huwiex individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat. Huma jikkunsidraw li ma jappartjenix għal ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u li ma jevoka ebda ċirkustanza partikolari li jista’ jindividwalizzah fid-dawl tar-regoli li jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

    25

    Ir-rikorrent jargumenta li huwa individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat u li l-adozzjoni tiegħu jilħqu minħabba l-bidla tal-organu kompetenti biex jagħmel superviżjoni tal-attività professjonali tiegħu.

    26

    Huwa jiddeduċi mill-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat li dan iġib tibdil fis-sitwazzjoni legali tiegħu. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, l-organu kompetenti biex jagħmel superviżjoni u jistħarreġ l-attività tiegħu, inkluż dik relatata maċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet tal-impriżi ta’ interess pubbliku, kien il-Wirtschaftsprüferkammer (Kamra tal-kontabilisti, iktar ’il quddiem il-“WPK”). Madankollu, skont ir-rikorrent, il-WPK tamministra b’awtonomija sħiħa u kienet komposta minn membri demokratikament eletti li ħarġu mill-professjoni ta’ kontabilisti.

    27

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat jipprovdi espressament li l-membri tal-professjoni ta’ kontabilisti ma jistgħu jeżerċitaw ebda funzjoni fis-superviżjoni tal-awditjar statutorju ta’ impriżi ta’ interess pubbliku.

    28

    B’hekk, skont ir-rikorrent, billi jikkawża neċessarjament tibdil fil-kompożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni tal-attività tal-awdituri statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, ir-regolament ikkontestat jemenda l-kuntest legali li fih jeżerċita l-imsemmija attività. Dan it-tibdil jikkostitwixxi indħil fuq id-dritt fundamentali tiegħu relatat mal-libertà professjonali, stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta jaffettwa l-awtonomija tas-sistema tas-superviżjoni professjonali.

    29

    Ir-rikorrent iżid jgħid li, biex jeżerċita l-attività tiegħu, għandu jitlob il-missjoni ta’ stħarriġ lil kull korp kompetenti fi ħdan il-kumpanniji u impriżi oħra li għandhom jiġu mistħarrġa. Fid-dawl tar-regolament ikkontestat, l-imsemmija organi jistgħu biss jagħtuh missjoni jekk huwa jiċċertifika lilhom li huwa suġġett għas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti, li l-kompożizzjoni tagħha huwa għalhekk mibdul insegwitu għad-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat. B’hekk, ir-regolament ikkontestat iġiegħlu li jissuġġetta lilu nnifsu għas-superviżjoni tal-awtorità kompetenti l-ġdida. Jekk, wara l-kostituzzjoni ta’ din l-awtorità l-ġdida, ir-rikorrent huwa ffaċċjat fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu b’domandi li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-impriżi ta’ interess pubbliku, għandu jindirizza lil din l-awtorità l-ġdida u l-WPK ma tkunx f’miżura li tagħtih ebda rispons. Hija biss l-awtorità l-ġdida li tkun kompetenti għas-superviżjoni ġenerali, ir-repressjoni tal-ksur u l-parir uffiċjali lill-membri tal-professjoni ta’ kontabilisti.

    30

    B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent iqis li huwa individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat, sa fejn id-dritt tiegħu li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu taħt is-superviżjoni ta’ organu awtonomu amministrattivament ma jkollux effett. F’dan ir-rigward huwa jirreferi għas-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill (C‑309/89, Ġabra, EU:C:1994:197, punti 21 u 22), u minn din jiddeduċi li, fir-rigward tal-interess individwali, huwa suffiċjenti li l-att ikkontestat jippreġudika l-istatus stabbilit li minnu tibbenefika l-parti li tfittex l-annullament ta’ dan l-att.

    31

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod simili bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, p. 197, 223, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra, EU:C:2002:462, punt 36).

    32

    Skont il-ġurisprudenza, att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt (digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, Ġabra, EU:T:2011:419, punt 63).

    33

    Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 249 KE, regolament għandu applikazzjoni ġenerali. Regolament jorbot fl‑intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl‑Istati Membri kollha.

    34

    Fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat jiffissa r-rekwiżiti speċifiċi f’dak li jirrigwarda awditjar statutorju tal-entitajiet ta’ interess pubbliku b’applikazzjoni ġenerali, bil-għan li jiżgura l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u ta’ prattiki amministrattivi tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Dan japplika wkoll fir-rigward l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, ikkritikat mir-rikorrent, li jiffissa l-kundizzjonijiet intiżi li jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-awdituri statutorji fir-rigward tal-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku. Ir-regoli kollha inklużi fir-regolament ikkontestat japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha.

    35

    Barra minn hekk, is-sitwazzjonijiet u l-persuni li għalihom japplika r-regolament ikkontestat huma stabbiliti b’mod objettiv, peress li huwa ppreċiżat fl-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat li dan isemmi, minn naħa, awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-entitajiet ta’ interess pubbliku. Dan japplika wkoll għall-Artikolu 21 tiegħu li jiffissa r-rekwiżiti relatati mal-kompożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri meta dawn l-awtoritajiet jiġu kkostitwiti.

    36

    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-kategoriji ta’ persuni li għalihom japplika r-regolament ikkontestat huma wkoll previsti b’mod ġenerali u astratt.

    37

    Minn dan isegwi li r-regolament ikkontestat u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tiegħu għandhom applikazzjoni ġenerali.

    38

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-fatt li dispożizzjoni, minħabba n-natura u l-portata ġenerali tagħha, tkun ta’ applikazzjoni ġenerali, sa fejn tapplika għall-operaturi ekonomiċi interessati b’mod ġenerali, ma jeskludix, għal din ir-raġuni, li din id-dispożizzjoni tista’ tikkonċerna individwalment uħud minnhom (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra, EU:C:2006:416, punt 58, u tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, Ġabra, EU:C:2009:243, punt 29).

    39

    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li l-att ikkontestat japplika f’sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament mid-dispożizzjonijiet tiegħu stess u fih effetti legali fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt juri l-assenza ta’ interess individwali (sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2009:243, punt 31; ara, f’dan is-sens, id-digriet Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2011:419, punt 89).

    40

    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent huwa kkonċernat mir-regolament ikkontestat biss fil-kwalità tiegħu ta’ awditur statutorju li jeżerċita l-attività tal-awditjar ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku, sitwazzjoni li hija msemmija oġġettivament mir-regolament ikkontestat, mingħajr ma l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-membri ta’ din il-professjoni bi kwalunkwe mod. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-organi responsabbli bis-superviżjoni tal-awdituri statutorji li jeżerċitaw din l-attività huma fformulati b’mod ġenerali u japplikaw b’mod indifferenti għal kull operatur ekonomiku u għal kull awtorità li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament ikkontestat.

    41

    Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza stabbilita, meta l-att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn ikunu jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jsir, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, Ġabra, EU:C:2014:100, punt 59).

    42

    Madankollu, f’dan il-każ, il-persuni affettwati mir-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat ma kinux la identifikati, lanqas identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

    43

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 44 tar-regolament ikkontestat, dan huwa applikabbli b’effett mis-17 ta’ Ġunju 2016. B’hekk, huwa qabel dan it-terminu li l-Istati Membri għandhom, jekk ikun il-każ, jorganizzaw mill-ġdid l-awtoritajiet kompetenti inkwistjoni sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat.

    44

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jispjega huwa stess li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, id-WPK kienet dejjem kompetenti biex tagħmel superviżjoni tal-awdituri fil-qasam tal-awditjar tal-entitajiet ta’ interess pubbliku u li din is-sitwazzjoni ser tibqa’ teżisti sat-trasferiment tal-kompetenza tas-superviżjoni tad-WPK lil organu li jissodisfa l-kriterji definiti fl-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat. Għaldaqstant, kull awditur Ġermaniż li beda jew ser jibda attivitajiet dwar l-awditjar tal-entitajiet ta’ interess pubbliku wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda qabel it-trasferiment tal-kompetenza tas-superviżjoni huwa jew ser ikun eżattament fl-istess sitwazzjoni bħar-rikorrent: is-superviżjoni tal-attivitajiet tiegħu tgħaddi mid-WPK, komposta minn membri li jeżerċitaw il-professjoni ta’ kontabilista, għal organu ieħor li jissodisfa r-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat, jiġifieri organu li ma jistax jinkludi, b’mod partikolari, awdituri li jeżerċitaw jew li kienu jeżerċitaw din il-professjoni fit-tliet snin preċedenti fost il-membri tal-korp ta’ direzzjoni jew fost il-kollaboraturi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    45

    B’hekk, numru mhux magħruf ta’ operaturi ekonomiċi jista’ jiżdied mal-kategorija ta’ persuni li għaliha kien jappartjeni r-rikorrent fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, b’mod li din il-kategorija ma tistax tiġi kklassifikata bħala ċirku ristrett. Bil-kontra, jirrigwarda b’hekk totalità indeterminata u indeterminabbli ta’ operaturi ekonomiċi li ċ-ċirku tagħhom jista’ jikber wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, Ġabra, EU:C:1984:345, punt 16, u d-digriet tat-3 ta’ April 2014, CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑2/13, EU:T:2014:226, punt 51).

    46

    Madankollu, l-operaturi ekonomiċi li jappartjenu għal tali kategorija miftuħa ma humiex individwalment ikkonċernati mill-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, EU:T:2014:226, punt 52).

    47

    Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ma jinvoka ebda fattur rikonoxxut mill-ġurisprudenza li jista’ jindividwalizzah. Huwa jagħmel riferiment għal allegat dritt miksub li jkun taħt superviżjoni minn organu professjonali awtonomu kompost minn membri tal-professjoni tiegħu. Anki jekk wieħed jippreżumi li tali dritt jeżisti u jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-interess individwali, għandu jiġi enfasizzat li kull awditur Ġermaniż ieħor jippossjedi tali dritt u li dan id-dritt, fir-rigward tal-awditjar tal-entitajiet ta’ interess pubbliku, ser jitħassar fir-rigward tat-totalità tal-imsemmija awdituri b’mod indifferenti mat-trasferiment ta’ kompetenza fil-qasam tas-superviżjoni ta’ organu ieħor li jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 21 tar-regolament ikkontestat.

    48

    Għaldaqstant, il-kuntest fattwali ta’ dan il-każ huwa differenti minn dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza Codorniu vs Il‑Kunsill, punt 30 iktar ’il fuq (EU:C:1994:197). Fil-fatt, fl-imsemmija kawża, ir-rikorrent kien individwalizzat mill-fatt li kien proprjetarju tat-trade mark “Grand Crémant de Codorniu” u r-regolament inkwistjoni kien qed jimpedixxilu li juża’ din tal-aħħar, peress li kien qed jirriżerva d-dritt li juża’ l-imsemmija “crémant” biss għall-produtturi Franċiżi u Lussemburgiżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din iċ-ċirkustanza kienet tindividwalizza r-rikorrent fir-rigward ta’ kull operatur ieħor (is-sentenza Codorniu vs Il-Kunsill, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:1994:197, punti 21 u 22). Madankollu, f’dan il-każ, ma kienx jirrigwarda l-użu ta’ trade mark, neċessarjament individwali min-natura tagħha, iżda allegat dritt li jkun taħt is-superviżjoni minn organu professjonali li jinkludi membri li jeżerċitaw il-professjoni ta’ kontabilista. Tali dritt, anki jekk wieħed jippreżumi li huwa stabbilit, ma jindividwalizza bl-ebda mod ir-rikorrent fir-rigward tat-totalità indeterminata u indeterminabbli tal-operaturi li jeżerċitaw l-imsemmija professjoni li jagħmlu awditjar tal-entitajiet ta’ interess pubbliku.

    49

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma huwa individwalment ikkonċernat la mir-regolament ikkontestat b’mod ġenerali, u lanqas mill-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, li jikkritika fl-att tiegħu.

    50

    Konsegwentement, il-kriterji ta’ interess dirett u individwali li huma kriterji kumulattivi tal-ammissibbiltà peress li din hija analizzata fid-dawl tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa superfluwu li jiġi analizzat l-interess dirett tar-rikorrent mir-regolament ikkontestat.

    51

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrent ma għandux locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    Fuq id-dritt tar-rikorrent għal possibbiltà li titressaq kawża effettiva

    52

    Ir-rikorrent jinvoka l-Artikolu 19 TUE kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u minn dan jiġi dedott li, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt tiegħu għal rikors effettiv jimplika li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

    53

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea huwa żgurat, kif dan jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-qrati tal-Istati Membri (is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 90).

    54

    Skont il-ġurisprudenza, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (is-sentenzi Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2002:462, punt 40, u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 92).

    55

    B’hekk, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, huma protetti kontra l-applikazzjoni, fil-konfront tagħhom, ta’ tali atti. Meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu responsabbli għall-implementazzjoni ta’ tali atti, dawn il-persuni jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jkunu jistgħu jinvokaw, skont l-Artikolu 277 TFUE, insostenn ta’ dan ir-rikors, l-illegalità tal-att ġenerali inkwistjoni. Meta l-Istati Membri jkunu responsabbli għal din l-implementazzjoni, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 93).

    56

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-individwi għandhom, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, u dan billi jqajmu l-kwistjoni tal-invalidità tal-imsemmi att (is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 94).

    57

    Minn dan isegwi li r-rinviju għal evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 95).

    58

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, (is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:2013:625, punt 97).

    59

    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jistax validament jallega li dan ir-rikors għal annullament għandu jkun ammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minkejja li ma għandux il-locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    60

    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

    61

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill u, għaldaqstant, li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    62

    Minn dan jirriżulta wkoll li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent imressqa mill-Kummissjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    64

    Peress li r-rikorrent tilef ir-rikors tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament u mill- Kunsill, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

    65

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Kif din tirriżulta mill-punt 7 iktar ’il fuq, ir-rikorrent u l-Kunsill ma sostnewx spejjeż f’dan ir-rigward.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    tordna:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

     

    2)

    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea.

     

    3)

    Carsten René Beul għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess, kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

     

    4)

    Il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent.

     

    Magħmul fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2015*.

     

    Reġistratur

    E. Coulon

    Il-President

    G. Berardis


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top