Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0733

    Kawża T-733/14: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2014 – European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs IL-Parlament

    ĠU C 16, 19.1.2015, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 16/42


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2014 – European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs IL-Parlament

    (Kawża T-733/14)

    (2015/C 016/66)

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, l-Greċja) (rappreżentanti: E. Veletsanou u M. Sfyri, avukati)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni kkontestata tal-Parlament D(2014)38802 datata t-18 ta’ Settembru 2014, li permezz tagħha l-Parlament ċaħad l-offerta tar-rikorrenti għal Lott 3 fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-miftuħ 2014/S 066-111912 bit-titolu “PE/ITEC-ITS14 – Provvista esterna għal servizzi IT”, u

    tordna lill-Parlament Ewropew iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw is-segwenti:

    Fil-fehma tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, skont l-Artikolu 263 TFUE, fuq il-bażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Parlament, peress li l-Parlament ipprovda motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-offerta teknika tar-rikorrenti, li biha huma pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-motivazzjoni għall-gradazzjoni li ngħatat lill-offerta teknika tagħhom u dik ta’ offerenti oħrajn għal Lott 3 tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwisjtoni, fir-rigward ta’ kull kriterju ddefinit ta’ għoti, ma ppermettitilhomx li jifhmu la l-motivazzjoni għall-gradazzjoni li l-offerta tagħha kisbet u lanqas il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerti ppreżentati minn offerenti oħrajn. Ir-rikorrenti jsostnu li, jekk ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom motivazzjoni suffiċjenti għall-gradazzjoni tal-offerta teknika tagħhom, huma jkunu jistgħu jiddefenu ruħhom aħjar.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Parlament ibbażax fuq id-dokumenti kuntrattwali (l-ispeċifikazzjoni tas-sejħa u l-linji ġwida addizzjonali), li l-Parlament stess kien irrediġi, fir-rigward tal-metodu għall-evalwazzjoni tal-offerti finanzjarji ppreżentati mill-offerenti, u li kienu vinkolanti għalih. B’dan il-mod, il-Parlament kiser kemm ir-Regolament Finanzjarju kif ukoll ir-regola ta’ implementazzjoni tiegħu, li taħthom l-awtorità kontraenti għandha twettaq il-proċedura ta’ sejħa għal offerti skont id-dokumenti kuntrattwali u fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.


    Top