Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CO0431

    Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2014.
    Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Proċeduri għal miżuri provviżorji — Appell — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tiċħad rikors għal annullament — Talba essenzjalment intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-appell — Fumus boni juris — Għajnuna mill-Istat — Ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja — Kunċett ta’ ‘għajnuna’ — Kompatibbiltà mas-suq intern — Motivazzjoni.
    Kawża C‑431/14 P-R.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2418

    DIGRIET TAL-VIĊI-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    3 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

    “Proċeduri għal miżuri provviżorji — Appell — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tiċħad rikors għal annullament — Talba essenzjalment intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-appell — Fumus boni juris — Għajnuna mill-Istat — Ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja — Kunċett ta’ ‘għajnuna’ — Kompatibbiltà mas-suq intern — Motivazzjoni”

    Fil-Kawża C‑431/14 P-R,

    li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, ippreżentata fit-30 ta’ Settembru 2014,

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn I. Chalkias u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, R. Sauer u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-VIĊI-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali E. Sharpston,

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Bl-appell tagħha, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika Ellenika talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑52/12, EU:T:2014:677, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/157/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2011, dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 (ĠU 2012, L 78, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    2

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE intiża, b’mod partikolari, biex il-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sal-adozzjoni tas-sentenza fl-appell.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

    3

    L-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) hija organizzazzjoni pubblika li ġiet stabbilita bil-liġi 1790/1988 (FEK A’ 134/20.6.1988). L-ELGA hija persuna ġuridika tad-dritt privat li tappartjeni b’mod sħiħ lill-Istat. B’mod partikolari, din għandha bħala attività li tassigura l-produzzjonijiet veġetali u ta’ annimali, il-kapital veġetali u l-kapital tal-annimali tal-operaturi agrikoli fil-każ ta’ danni li jirriżultaw minn riskji naturali.

    4

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 3a tal-liġi 1790/1988, inserit bil-liġi 2945/2001 (FEK A’ 223/8.10.2001), is-sistema ta’ assigurazzjoni mal-ELGA hija obbligatorja u tkopri r-riskji naturali. Skont l-Artikolu 5a tal-liġi 1790/1988, inserit bil-liġi 2040/1992 (FEK A’ 70/23.4.1992), għandha tiġi imposta kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni favur l-ELGA fuq il-produtturi ta’ prodotti agrikoli li jibbenefikaw minn din is-sistema ta’ assigurazzjoni.

    5

    Bid-digriet interministerjali 262037 tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Ministru tal-Iżvilupp rurali u tal-Alimentazzjoni, tat-30 ta’ Jannar 2009, dwar il-kumpens b’mod eċċezzjonali minħabba danni għall-produzzjoni agrikola (FEK B’ 155/2.2.2009), ir-Repubblika Ellenika stabbilixxiet li kumpensi, f’ammont ta’ EUR 425 miljun, kellhom jitħallsu b’mod eċċezzjonali mill-ELGA minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni ta’ ċerti uċuħ tar-raba li seħħ matul is-sena ta’ tkabbir 2008, dovut għal kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena. Minn dan id-digriet interministerjali kien jirriżulta li l-ispejjeż magħmula b’applikazzjoni tiegħu fuq il-baġit tal-ELGA kienu ser jiġu ffinanzjati permezz ta’ self minn din l-organizzazzjoni mingħand il-banek, bil-garanzija tal-Istat.

    6

    B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2009, mibgħuta b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ellenika informat lil din tal-aħħar li l-ELGA kienet ħallset kumpensi lill-agrikolturi fl-2008 għal danni koperti mill-assigurazzjoni, f’ammont ta’ EUR 386 986 648. Dan l-ammont kien parzjalment provenjenti mill-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi, f’ammont ta’ EUR 88 353 000, u parzjalment mid-dħul miksub permezz ta’ self ta’ EUR 444 miljun li kisbet l-ELGA, rimborsabbli fuq għaxar snin, mingħand bank bil-garanzija tal-Istat.

    7

    B’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010 (ĠU C 72, p. 12), il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, fil-Każ C 3/10 (ex NN 39/09), dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul is-snin 2008 u 2009 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”). Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    8

    L-Artikoli 1 sa 3 tad-dispożittiv tal-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

    “Artikolu 1

    1.   Il-kumpensi mħallsa mill-[ELGA] lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli matul l-2008 u l-2009 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    2.   Il-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija fl-2008 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni speċjali obbligatorja huma kompatibbli mas-suq intern f’dak li jirrigwarda għajnuna sa [EUR] 349 493 652,03 li l-ELGA tat lill-produtturi sabiex tpatti għal telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex tagħhom kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-għajnuna relatata mat-telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex minħabba l-ors sa [EUR] 91 500 u ma’ azzjonijiet korrettivi li ttieħdu fil-kuntest tal-għajnuna msemmija iktar ’il fuq. Il-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi għall-ammont li jifdal u li tħallas fl-2008 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni speċjali, huwa inkompatibbli mas-suq intern.

    3.   Il-ħlasijiet ta’ kumpens f’ammont ta’ [EUR] 27 614 905 li tħallsu fl-2009 abbażi tad-[digriet interministerjali] huma kompatibbli mas-suq intern.

    Il-ħlasijiet ta’ kumpens f’ammont ta’ [EUR] 387 404 547, li tħallsu lill-produtturi f’dati qabel it-28 ta’ Ottubru 2009 ma humiex kompatibbli mas-suq intern. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-għajnuna li, fil-mument tal-għoti tagħha, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ffissati fir-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35)].

    Artikolu 2

    1.   [Ir-Repubblika Ellenika] għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tirkupra, mingħand il-benefiċjarji tagħha, l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 u li diġà tqiegħdet illegalment għad-dispożizzjoni tagħhom.

    2.   L-għajnuna li għandha tinġabar għandha tinkludi l-imgħaxijiet ikkalkolati mid-data li fiha tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sad-data tal-irkupru tagħha.

    […]

    4.   L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien skont il-proċeduri disponibbli taħt il-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu t-twettiq immedjat u effettiv tad-deċiżjoni preżenti.

    Artikolu 3

    L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) u (3) għandu jkun immedjat u effettiv. [Ir-Repubblika Ellenika] għandha tiżgura li din id-deċiżjoni tkun implementata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.”

    9

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Frar 2012, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika Ellenika ressqet, abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, talba għal miżuri provviżorji, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-52/12 R, EU:T:2012:447), ġiet ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tobbliga lir-Repubblika Ellenika biex tirkupra l-ammonti mħallsa mingħand il-benefiċjarji tagħhom.

    10

    Ir-Repubblika Ellenika invokat seba’ motivi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108 TFUE, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 1790/1988, kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti dwar il-ħlasijiet ta’ kumpensi li saru fl-2009. It-tieni motiv kien ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali mwettqa mill-Kummissjoni, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti, meta din ikkonkludiet li l-ħlasijiet ta’ kumpens imwettqa fl-2009 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali. It-tielet motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti, peress li l-Kummissjoni inkludiet, fl-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, is-somma ta’ EUR 186 011 000.60 li tikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-agrikolturi fl-2008 u fl-2009 abbażi tal-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-ELGA. Ir-raba’ motiv, invokat b’mod sussidjarju, kien ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u fuq użu ħażin mill-Kummissjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minħabba li l-ħlasijiet li saru fl-2009 kellhom jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Il-ħames motiv, ukoll invokat b’mod sussidjarju, kien ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 39 TFUE, tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll ta’ diversi prinċipji ġenerali tal-liġi, minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas Komunitarju temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, ippubblikata fit-22 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, C 16, p. 1, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-qafas Komunitarju temporanju”), mis-17 ta’ Diċembru 2008, id-data li fiha kien applikabbli dan il-qafas, lill-impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. Is-sitt motiv, ukoll invokat b’mod sussidjarju, kien ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ kalkolu mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata. Is-seba’ motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-Settur tal-Agrikoltura u tal-Foresterija 2007-2013 (ĠU 2006, C 319, p. 1) u fuq użu ħażin tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, fir-rigward tal-kumpensi mħallsa fl-2008 għat-telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex minħabba l-ors.

    11

    Peress li kkunsidrat li ebda wieħed minn dawn il-motivi ma kien fondat, il-Qorti Ġenerali, bis-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

    It-talbiet tal-partijiet

    12

    Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata li kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata, billi qieset li l-għajnuna inkwistjoni kienet illegali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-appell u

    sussidjarjament, tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kkonfermata minnha tirrigwarda ammonti inferjuri għal EUR 15 000 għal kull benefiċjarju, li huwa l-limitu minimu tal-għajnuna de minimis awtorizzat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013, tat-18 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, p. 9), u fin-nuqqas, sa fejn din tirrigwarda ammonti inferjuri għal EUR 7 500 għal kull benefiċjarju li huwa l-limitu minimu tal-għajnuna de minimis awtorizzat mir-Regolament Nru 1535/2007, jew tordna kull miżura xierqa oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tidhrilha xierqa.

    13

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

    14

    Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandux, fil-prinċipju, effett sospensiv. Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 278 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu dan, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Front national u Martinez vs Il-Parlament, C-486/01 P-R u C-488/01 P-R, EU:C:2002:116, punt 71).

    15

    F’dan il-każ, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, it-talba għal miżuri provviżorji hija intiża, b’mod impliċitu iżda ċar, mhux biss biex il-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, iżda, barra minn hekk u b’mod iktar partikolari, biex din tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    16

    F’dan ir-rigward, il-fatt li t-talba għal miżuri provviżorji għandha bħala skop is-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk tmur lil hinn mis-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, ma jagħmilx it-talba għal miżuri provviżorji preżenti inammissibbli.

    17

    Ċertament, fil-kuntest tal-Artikolu 278 TFUE, il-miżuri mitluba ma jistgħux fil-prinċipju jeċċedu l-kuntest formali tal-appell li dawn isiru fih. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma ssirx, ħlief, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kontra deċiżjoni negattiva, peress li l-għoti ta’ sospensjoni ma jistax ikollu l-effett li jbiddel is-sitwazzjoni tar-rikorrenti (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Front National u Martinez vs Il-Parlament, EU:C:2002:116, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li s-sentenza appellata hija paragunabbli ma’ deċiżjoni negattiva sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika fl-intier tiegħu, u fid-dawl tal-fatt li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna inkwistjoni jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, raġunijiet relatati mad-dritt għal-protezzjoni legali effettiva jeżiġu li r-rikorrenti tkun ammissibbli li titlob, f’dan il-każ, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Le Pen vs Il-Parlament, C‑208/03 P‑R, EU:C:2003:424, punti 78 sa 88).

    18

    Għandu jingħad ukoll li t-talba għal miżuri provviżorji preżenti hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 279 TFUE, dispożizzjoni li abbażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna l-miżuri provviżorji neċessarji fil-kawżi li jkollha quddiemha.

    19

    L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom “jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li huma urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li jiġu adottati u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll, jekk ikun il-każ, jevalwa l-interessi preżenti (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P-R, EU:C:2005:267, punti 10 u 11 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P‑R, EU:C:2014:239, punt 14).

    20

    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris, din tiġi ssodisfatta meta tkun teżisti, fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kontroversja legali jew fattwali importanti fejn is-soluzzjoni tagħha ma tkunx immedjatament evidenti, b’tali mod li, prima facie, ir-rikors fil-kawża prinċipali ma jkunx nieqes minn bażi serja (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Publishers Association vs Il-Kummissjoni, 56/89 R, EU:C:1989:238, punt 31, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P-R, EU:C:2003:269, punt 40). Fil-fatt, peress li l-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva li għandha tingħata, biex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni legali żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jillimita ruħu biex jevalwa “prima facie” l-fondatezza tal-motivi invokati fil-kuntest tal-kawża fil-mertu biex jistabbilixxi jekk teżistix probabbiltà ta’ suċċess kbira biżżejjed għar-rikors fil-kawża prinċipali [digrieti tal-Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 41].

    21

    Fil-kuntest preżenti, il-fatt li t-talba għal miżuri provviżorji hija intiża għall-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iktar milli għal dik tas-sentenza appellata, iġġib konsegwenzi fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-fumus boni juris (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, EU:C:2005:267, punt 16).

    22

    Fil-fatt, minkejja kemm jistgħu jkunu serji l-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrenti kontra s-sentenza appellata, dawn ma jistgħux ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw legalment, waħedhom, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Biex tistabbilixxi li l-kundizzjoni relattiva għall-fumus boni juris hija ssodisfatta, ir-Repubblika Ellenika għandha barra minn hekk tirnexxi li turi li l-motivi u l-argumenti invokati kontra l-legalità tad-deċiżjoni msemmija, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, huma tali li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tas-sospensjoni mitluba (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Le Pen vs Il-Parlament, EU:C:2003:424, punt 90).

    23

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Imħallef għal miżuri provviżorji fl-ewwel istanza kkonkluda li jeżisti fumus boni juris fl-istadju tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa fil-kuntest tar-rikors għal annullament (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, EU:T:2012:447), madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-mertu l-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti fis-sentenza appellata.

    24

    Konsegwentement, fir-rigward tat-talba għal miżuri provviżorji preżenti, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ fumus boni juris għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha, diġà ġiet eżaminata, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, minn qorti tal-Unjoni u li din tal-aħħar iddeċidiet li r-rikors dirett kontra din id-deċiżjoni kien infondat (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, EU:C:2005:267, punt 19). Għalhekk, il-ħtieġa li jiġu invokati, fil-kuntest tat-talba għal miżuri provviżorji preżenti, motivi tal-liġi li jidhru, prima facie, partikolarment serji tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li dawn il-motivi għandhom ikunu jistgħu jpoġġu f’dubju l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fil-mertu fuq l-argumentazzjoni invokata mir-Repubblika Ellenika fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, EU:C:2005:267, punt 20).

    25

    Ir-Repubblika Ellenika tinvoka tliet aggravji insostenn tat-talba għal miżuri provviżorji tagħha.

    26

    Bl-ewwel aggravju tagħha, li jinqasam f’żewġ partijiet, hekk kif espost fit-talba għal miżuri provviżorji tagħha, ir-Repubblika Ellenika tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, injorat il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-fatt li parti sinjifikanti tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri madwar EUR 186 000 000, kienet tikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni obbligatorja mħallsa lill-ELGA mill-agrikolturi stess.

    27

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE peress li din il-parti tal-għajnuna ma tistax titqies li ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għaliex din qatt ma kienet għad-dispożizzjoni tal-Istat. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li tgħid li ċirkustanzi bħal dawk invokati mir-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-provenjenza tar-riżorsi użati għall-finanzjament tal-għajnuna, u b’mod partikolari n-natura inizjalment privata tagħhom bħala kontribuzzjonijiet imħallsa minn operaturi fil-kuntest ta’ sistema ta’ sussidji favur ċerti kummerċjanti f’settur partikolari, ma jipprekludux li dawn jitqiesu li ttieħdu minn riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Steinike & Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 22; PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58; Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 23, 24 u 37, kif ukoll Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fil-punti 121 sa 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat din il-ġurisprudenza għall-fatti ta’ din il-kawża. Wara li b’mod partikolari fakkret, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-servizzi pprovduti mill-ELGA kienu ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u kienu imputabbli lill-Istat (sentenza Freskot, C‑355/00, EU:C:2003:298, punt 81), din evalwat in-natura u l-provenjenza tal-ħlasijiet ta’ kumpens imwettqa mill-ELGA fl-2008, abbażi tal-fatti stabbiliti quddiemha, biex tikkonkludi li dawn kienu parzjalment provenjenti minn kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni u parzjalment minn dħul miksub permezz ta’ self. B’hekk, minn dan iddeduċiet li dawn kienu ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat, inkluża l-parti minnhom li kienet attribwibbli lil dawn il-kontribuzzjonijiet, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet imsemmija għandhom jiġu kontabilizzati bħala dħul mill-Istat. Din iddeċidiet fl-istess sens, fil-punti 130 sa 133 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet magħmula fl-2009 li kienu ffinanzjati minn self miksub bil-garanzija tal-Istat.

    29

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE peress li din ma esponietx ir-raġunijiet għalfejn l-għajnuna inkwistjoni kellha titqies li tikkonferixxi vantaġġ illegali lill-benefiċjarji tagħha, b’mod li ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa l-Unjoni, meta din l-għajnuna kienet tikkorrispondi, parzjalment, għall-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-ELGA minn dawn l-istess benefiċjarji. Madankollu, il-Qorti Ġenerali esponiet fid-dettall, fil-punti 59 sa 64 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għalfejn l-għajnuna msemmija kienet tikkostitwixxi, fil-fatt, vantaġġ għall-benefiċjarji tagħha, minkejja l-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Din fakkret ukoll, b’mod partikolari fil-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza, li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, b’tali mod li n-natura kumpensatorja jew soċjali tal-għajnuna inkwistjoni ma huwiex biżżejjed biex jeskludilha l-kwalifika bħala għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, C‑251/97, EU:C:1999:480, punt 37; Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 48, kif ukoll France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 102 u s-segwenti tas-sentenza appellata, li, skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni minn meta miżura tnaqqas l-ispejjeż tal-impriża benefiċjarja u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbel ma’ impriżi kompetituri oħra. Din ippreċiżat li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tipprova l-effett reali ta’ din il-miżura fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas li tistabbilixxi distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 44, kif ukoll Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din żiedet ukoll li dan l-effett fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, jeżisti minkejja l-importanza relattivament dgħajfa tal-għajnuna u d-daqs relattivament modest tal-impriżi benefiċjarji, peress li s-settur inkwistjoni huwa partikolarment espost għall-kompetizzjoni, liema ħaġa hija l-każ tas-settur agrikolu, u b’mod partikolari f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/00, EU:C:2002:508, punt 47, kif ukoll Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑278/00, EU:C:2004:239, punti 69 u 70).

    31

    Isegwi li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-ewwel aggravju, kif espost fit-talba għal miżuri provviżorji, ipoġġu indiskussjoni, fir-realtà, l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti kkonstatati minn din tal-aħħar fis-sentenza appellata. Ir-Repubblika Ellenika lanqas ma tispjega kif il-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-fatti. B’hekk, dawn l-argumenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tippreżenta livell ta’ probabbiltà ta’ suċċess kbir biżżejjed biex tiġi ġġustifikata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    32

    Bit-tieni aggravju tagħha, kif ippreżentat fit-talba għal miżuri provviżorji tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ħlasijiet ta’ kumpens imħallsa fl-2009 kienu jikkostitwixxu vantaġġ fiskali selettiv għall-benefiċjarji tagħhom, ta’ natura li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni u li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li kienet tinsab fihom l-ekonomija Griega u b’mod partikolari s-settur agrikolu tagħha. Billi limitat ruħha biex tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 29 u 30 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali interpretat din il-ġurisprudenza b’mod żbaljat, fid-dawl tal-fatt li s-sentenzi inkwistjoni jikkonċernaw vantaġġi finanzjarji mogħtija f’kundizzjonijiet normali ta’ funzjonament tal-ekonomija, u injorat il-fatt li sentenzi oħra mogħtija fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari s-sentenzi Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, (C‑75/97, EU:C:1999:311, punti 66 u 67), L-Italja vs Il-Kummissjoni, (C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 98 u 99) kif ukoll L-Italja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2004:234, punt 104), jesprimu riżervi biex jiġu affrontati ċirkustanzi eċċezzjonali.

    33

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tosserva li l-ġurisprudenza dwar il-kwalifika bħala “għajnuna […] mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, b’mod partikolari dik imsemmija fil-punti 29 u 30 tad-digriet preżenti, għandha tiġi applikata f’dan il-każ, peress li din il-kwalifika hija indipendenti miċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari ekonomiċi, li fihom jingħataw dawn il-vantaġġi u mill-motivi li għalihom jingħataw. Il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa għajnuna biex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern huma ddefiniti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Huwa l-Artikolu 107(3)(b) TFUE li, għalkemm mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ vantaġġ bħala għajnuna mill-Istat, jippermetti lill-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, tiddikjara kompatibbli mas-suq intern għajnuna li hija intiża biex tirrimedja tħarbit serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mir-Repubblika Ellenika u ċċitata fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, biżżejjed jiġi kkonstatat li din tapplika mhux għall-kwalifika bħala għajnuna ta’ miżura tal-Istat, iżda għall-irkupru tal-għajnuna, meta din tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern.

    34

    B’hekk, fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell, hekk kif espost fit-talba għal miżuri provviżorji, ir-Repubblika Ellenika tipprova tpoġġi indiskussjoni l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti kkonstatati minn din tal-aħħar fis-sentenza appellata. Ir-Repubblika Ellenika lanqas ma tispjega kif il-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-fatti. Għalhekk, it-tieni aggravju, bħall-ewwel wieħed, ma jippreżentax grad ta’ probabbiltà ta’ suċċess kbir biżżejjed biex jiġġustifika l-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mitluba fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    35

    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell, kif espost fit-talba għal miżuri provviżorji tagħha, ir-Repubblika Ellenika tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE sa fejn din ma ssanzjonatx l-evalwazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni. Skont ir-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE kien applikabbli direttament f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li laqtu lill-ekonomija Griega fl-2009 jew, mill-inqas, tissanzjona l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni minħabba l-fatt li din ma applikatx din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-Kummissjoni, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-dispożizzjoni msemmija ma kellhiex tiġi applikata lil hinn mill-każijiet speċifiċi kkunsidrati mill-komunikazzjoni dwar il-qafas Komunitarju temporanju.

    36

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 159 u 160 tas-sentenza appellata, li b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-derogi kollha mill-prinċipji ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stabbiliti mill-Artikolu 107(1) TFUE, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 161 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tibbenefika, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq intern tirriżulta, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni, minn proċedura xierqa li l-implementazzjoni tagħha hija taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni (sentenza DM Transport, C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, u b’mod partikolari mis-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance (EU:C:2008:482, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u Holland Malt vs Il-Kummissjoni (C-464/09 P, EU:C:2010:733, punti 46 u 47), imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 186 u 187 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-Kummissjoni fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-288/96, EU:C:2000:537, punt 62), bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ mġiba u bl-istqarrija, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li kienet ser tibda tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni limitat ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tinjora dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’hekk, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-Kummissjoni hija marbuta mid-dikjarazzjonijiet u mill-komunikazzjonijiet li tadotta, sa fejn dawn ma jinjorawx ir-regoli tat-Trattat f’dan il-qasam.

    38

    Il-Qorti Ġenerali eżaminat flimkien, fil-punti 146 sa 189 tas-sentenza appellata, l-ilmenti kollha invokati mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħames motivi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE għall-għajnuna inkwistjoni. B’hekk, din eżaminat fid-dettall u ċaħdet, fil-punti 148 sa 166 ta’ din is-sentenza, l-argumenti fil-ħames motiv dwar l-esklużjoni tal-kuntest Komunitarju temporanju tal-għajnuna lill-impriżi attivi fis-settur agrikolu primarju u, fil-punti 168 sa 184 tas-sentenza msemmija, dawk relattivi għan-natura mhux retroattiva tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2009, C 261, p. 2), li estendiet il-possibbiltà li jingħata ammont limitat ta’ għajnuna kompatibbli lill-impriżi attivi fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja mit-28 ta’ Ottubru 2009. Fil-punti 185 sa 189 tas-sentenza appellata, din ċaħdet ukoll l-argumenti fir-raba’ motiv u fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni diretta, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE lil hinn mill-każijiet speċifiċi msemmija mill-verżjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Komunitarju fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

    39

    B’hekk, fir-rigward tal-argument imressaq fit-talba għal miżuri provviżorji li jgħid li l-Qorti Ġenerali kellha tipproċedi hija stess għall-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3) TFUE, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tappartjeni, fl-ewwel lok, lill-Kummissjoni u li din għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, hekk kif espost fit-talba għal miżuri provviżorji, ir-Repubblika Ellenika tipprova tpoġġi indiskussjoni l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti kkonstatati minn din tal-aħħar fis-sentenza appellata. Ir-Repubblika Ellenika lanqas ma tispjega kif il-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-fatti. Għalhekk, lanqas l-ewwel parti tat-tielet motiv ma għandha livell ta’ probabbiltà ta’ suċċess kbir biżżejjed għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    40

    Finalment, it-tieni parti tat-tielet aggravju, hekk kif ippreżentat fit-talba għal miżuri provviżorji, hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-ilment, allegatament imressaq quddiemha, li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-fatt li din ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni filwaqt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni tas-settur agrikolu Grieg, diġà diffiċli ħafna, ġiet aggravata ulterjorment wara l-ħlas tal-għajnuna msemmija.

    41

    Issa, fil-kuntest tal-ħames motiv imressaq fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ellenika invokat argument speċifiku bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, din sostniet li, billi ma kkonferietx karattru retroattiv lill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Qafas Komunitarju temporanju, biex l-għajnuna inkwistjoni tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli fuq din il-bażi, bħall-għajnuna simili mħallsa ulterjorment lill-agrikolturi fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni hija miżura b’konsegwenzi kbar għall-agrikolturi Griegi u ħolqot “sitwazzjonijiet u relazzjonijiet sproporzjonati”. Il-Qorti Ġenerali rrispondiet għal din l-argumentazzjoni, fil-punti 175 sa 179 tas-sentenza appellata, billi rrilevat, essenzjalment, li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ipprovat li n-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-emenda ta’ dan il-qafas kien qabeż il-limiti neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u li, f’kull każ, is-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet differenti minn dik tal-Istati Membri li kienu taw għajnuna simili wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda msemmija.

    42

    Bl-istess mod, sa fejn ir-Repubblika Ellenika lmentat li l-Kummissjoni, permezz tas-sitt motiv tagħha mressaq fl-ewwel istanza, wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ kalkolu fid-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, billi ma naqsitx l-għajnuna li għandha titqies bħala de minimis fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall l-argumenti ppreżentati insostenn ta’ dan il-motiv u ċaħdithom fl-intier tagħhom fil-punti 190 sa 203 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, wara li fakkret, fil-punt 194 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata kienet b’mod espliċitu teskludi mill-kwalifika bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern lil dik li, għalkemm kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1535/2007, kellha titqies bħala de minimis, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ddeċidiet, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni setgħet validament tillimita ruħha biex tikkonstata l-obbligu ta’ restituzzjoni tal-għajnuna inkwistjoni u tħalli lill-awtoritajiet l-inkarigu li jikkalkolaw l-ammont preċiż tas-somom li kellhom jiġu restitwiti.

    43

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rrispondiet l-argumenti ppreżentati b’mod espliċitu fil-kuntest tal-ħames u tas-sitt motivi fl-ewwel istanza li bihom ir-Repubblika Ellenika invokat ilmenti relatati man-natura sproporzjonata tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, ordnat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Repubblika Ellenika trid tirreferi, fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji preċedenti, għal argumenti oħra invokati fl-ewwel istanza dwar il-karattru sproporzjonat tad-deċiżjoni ta’ rkupru, fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli tas-settur agrikolu Grieg, biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma identifikathomx b’mod xieraq fit-talba għal miżuri provviżorji.

    44

    Għalhekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jinsabx f’pożizzjoni li jidentifika, abbażi tat-talba għal miżuri provviżorji, ilmenti speċifiċi, debitament imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni u fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli tas-settur agrikolu Grieg, li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx dwarhom fis-sentenza appellata.

    45

    F’kull każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, b’tali mod li l-irkupru ta’ tali għajnuna, bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti, ma tistax, fil-prinċipju, titqies li hija miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-[Unjoni]”.

    46

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika, billi limitat ruħha, fit-talba għal miżuri provviżorji tagħha, biex issemmi s-sitwazzjoni diffiċli tas-settur agrikolu tagħha, ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn l-Imħallef għal miżuri provviżorji kellu jikkonkludi, skontha, li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni huwa miżura sproporzjonata meta mqabbel mal-għan leġittimu ta’ stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tagħha. Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv, kif espost fit-talba għal miżuri provviżorji, ma għandux livell ta’ probabbiltà ta’ suċċess kbir biżżejjed biex jiġġustifika s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    47

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ma hijiex issodisfatta. Għalhekk, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kundizzjoni relattiva għall-urġenza f’dan il-każ, u lanqas li jsir l-ibbilanċjar tal-interessi.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

     

    2)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top