Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0374

    Kawża C-374/14 P: Appell ippreżentat fl- 4 ta’ Awwissu 2014 minn Walcher Meßtechnik GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit- 22 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-95/13, Walcher Meßtechnik GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 351, 6.10.2014, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 351/6


    Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2014 minn Walcher Meßtechnik GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-22 ta’ Mejju 2014 fil-Kawża T-95/13, Walcher Meßtechnik GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-374/14 P)

    2014/C 351/08

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Walcher Meßtechnik GmbH (rappreżentant: S. Walter, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-22 ta’ Mejju 2014, fil-Kawża T-95/13 u d-deċiżjoni kkontestata tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-13 ta’ Diċembru 2012, fil-Każ R 1779/2012-1.

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Mejju 2014, fil-Kawża T-95/13 u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali.

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka żewġ aggravji, li l-ewwel fosthom huwa maqsum fi tliet partijiet.

    1.

    L-ewwel aggravju:

    Is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) għal tliet raġunijiet:

    L-evalwazzjoni tan-natura reġistrabbli ta’ sinjal għandha ssir fuq il-bażi tal-kliem tal-prodotti u/jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom issir l-applikazzjoni. Dan ma sarx fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Minflok, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni s-siti internet tal-appellanti u l-lista ta’ prodotti ta’ trade mark fl-Istati Uniti, li ma kinux is-suġġett tal-kawża.

    Anki fis-sens tat-tifsira li l-Qorti Ġenerali tagħti lill-kelma HIPERDRIVE, is-sinjal HIPERDRIVE sempliċement jiddeskrivi karatteristika waħda ta’ drive. Fid-deskrizzjoni tal-parti tad-drive integrata fil-prodotti li għalihom qed issir l-applikazzjoni, l-ebda karatteristika ma hija deskritta f’din il-kawża bħala li hija essenzjali għall-prodotti li għalihom qed issir l-applikazzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2013, BSH vs UASI [ecoDoor] (2), T-625/11 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI (3), C-126/13 P, punt 27).

    Il-kunsiderazzjoni, allegatament żbaljata, tal-Qorti Ġenerali li “HIPER” għandha tiġi ekwiparata ma “hyper”, minkejja li dawn it-termini qatt ma huma użati bħala sinonimi, hija bbażata fuq l-affermazzjoni żbaljata li, bl-Ingliż, kemm “HIPER” kif ukoll “hyper” huma ppronunzjati bl-istess mod. Il-Qorti Ġenerali la turi u lanqas timmotiva din l-allegazzjoni żbaljata, minkejja n-numru ta’ eżempji kuntrarji mressqa mill-appellanti. Skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt.

    2.

    It-tieni aggravju:

    L-appellanti ssostni li s-sentenza tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà. Teżisti prattika ċara tal-UASI, li ma tekwiparax applikazzjonijiet li jkun fihom l-element HIPER ma dawk li fihom l-element “hyper”. Din il-prattika kienet teżisti sa minn qabel ma saret l-applikazzjoni għas-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża u kompliet teżisti wara. Il-każ preżenti huwa differenti mill-każijiet fejn l-applikanti jinvokaw biss applikazzjoni preċedenti. Il-fatt li, wara li rrifjuta l-applikazzjoni inkwistjoni, l-UASI ma rrifjutax r-reġistrazzjoni ta’ trade marks “HIPER” juri li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni jikser b’mod ċar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

    (2)  EU:T:2013:14.

    (3)  EU:C:2014:2065.


    Top