Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0324

    Kawża C-324/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (il-Polonja) fis- 7 ta’ Lulju 2014 – PARTNER Apelski Dariusz vs Zarząd Oczyszczania Miasta

    ĠU C 339, 29.9.2014, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 339/2


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (il-Polonja) fis-7 ta’ Lulju 2014 – PARTNER Apelski Dariusz vs Zarząd Oczyszczania Miasta

    (Kawża C-324/14)

    2014/C 339/03

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Krajowa Izba Odwoławcza.

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: PARTNER Apelski Dariusz

    Konvenut: Zarząd Oczyszczania Miasta

    Domandi preliminari

    1)

    Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (1) (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 2004/18/KE”) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-frażi “fejn xieraq”, li ssemmi sitwazzjoni li fiha operatur ekonomiku jista’ jikseb il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, tinkludi kull sitwazzjoni li fiha operatur ekonomiku ma jiddisponix mill-ħiliet mitluba mill-awtorità aġġudikanti u jkun bi ħsiebu jinvoka l-ħiliet korrispondenti ta’ entitajiet oħrajn? L-indikazzjoni li operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn biss “fejn xieraq” hija restrizzjoni li biha operatur jista’ jinvoka dawn il-ħiliet eċċezzjonalment biss u mhux bħala regola ta’ għażla ta’ operatur ekonomiku fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-fatt, għal operatur ekonomiku, li jinvoka l-ħiliet relattivi għall-konoxxenzi u għall-esperjenza ta’ entitajiet oħrajn “bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom” u li “jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi” ta’ dawn l-entitajiet jimplika li, fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, l-operatur ma jkunx marbut li jkollu rabtiet ma’ dawn l-entitajiet jew jista’ jkollu rabtiet informali u mhux iddefiniti, b’tali mod li l-imsemmi operatur ikun jista’ jeżegwixxi kuntratt wieħed biss (mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ entità oħra), jew inkella din il-parteċipazzjoni tkun tista’ tieħu l-forma ta’ “parir”, ta’ “konsultazzjonijiet”, ta’ “taħriġ”, eċċ? jew, allura, l-Artikolu 48(3) għandu jiġi interpretat fis-sens li entità li tagħha operatur jinvoka l-ħiliet hija marbuta li teżegwixxi realment u personalment kuntratt sa fejn il-ħiliet tagħha jkunu ġew iddikjarati?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku li jiddisponi minn esperjenza tiegħu nnifsu, imma f’livell inqas minn dak li jkun irid jindika lill-awtorità kontraenti (pereżempju, insuffiċjenti biex jissottometti offerta fuq il-partijiet kollha ta’ kuntratt), jista’ jinvoka wkoll il-ħiliet ta’ entitajiet oħra sabiex isaħħaħ s-sitwazzjoni tiegħu fil-proċedura?

    4)

    Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, f’avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet, l-awtorità kontraenti tista’ (jew għandha) tindika r-regoli li meta jsegwihom operatur ekonomiku ikun jista’ jinvoka l-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, pereżempju l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ entità oħra fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew ta’ assoċjazzjoni tal-ħiliet ta’ operatur ekonomiku u ta’ entità oħra jew ukoll jekk entità oħra jkollha tinżamm solidalment responsabbli mal-operatur ekonomiku għat-twettiq konformi tal-kuntratt sa fejn operatur ekonomiku jkun invoka l-ħiliet ta’ din l-entità?

    5)

    Bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE, wieħed jista’ jinvoka l-ħiliet ta’ entità oħra, kif indikati fl-Artikolu 48(3), b’tali mod li jżid il-ħiliet ta’ żewġ jew iktar entitajiet li, kieku ma jkunx hekk, ma jkollhomx il-ħiliet li jirrigwardaw il-konoxxenzi u l-esperjenza li tkun qed teżiġi l-awtorità kontraenti?

    6)

    Konsegwentement, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE, l-Artikoli 44 u 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċedura, li timponi awtorità kontraenti, jistgħu jiġu ssodisfatti biss formalment, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fi proċedura, u indipendentement mill-ħiliet reali ta’ operatur ekonomiku?

    7)

    Bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE, jekk l-awtorità kontraenti tammetti s-sottomissjoni ta’ offerti dwar il-partijiet ta’ kuntratt, jista’ operatur ekonomiku, wara li jressaq offerta, pereżempju biex jikkompleta jew jikkjarifika xi dokumenti, jiddikjara għal liema partijiet ta’ kuntratt għandhom jiġu attribwiti l-mezzi li jkun invoka u b’hekk juri li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura?

    8)

    Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE, u ta’ trasparenza, jawtorizzawhom jannullaw appalt u jirrepetu appalt elettroniku jekk dan ikun ivvizzjat b’irregolarità rilevanti, pereżempju jekk l-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli ma jkunux ġew mistiedna jagħmlu hekk?

    9)

    Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE, u ta’ trasparenza, jawtorizzawhom jagħtu kuntratt lil operatur ekonomiku li l-offerta tiegħu tkun intagħżlet fil-ftuħ ta’ tali appalt mingħajr repetizzjoni tiegħu, filwaqt li ma jkunx jista’ jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur ekonomiku skartat kien biddel ir-riżultat tiegħu?

    10)

    Il-kontenut tad-dispożizzjonijiet u tal-preambolu tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, tista’ tintuża, bħala kundizzjoni għall-interpretazzjoni, sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE, minkejja li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha għadu ma skadiex, u sa fejn hija tindika ċerti approċċi u intenti tal-leġiżlatur tal-Unjoni u li hija ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132;


    Top