Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0598

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ April 2017.
    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) vs Gilbert Szajner.
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(4) – Artikolu 65(1) u (2) – Trade mark verbali LAGUIOLE – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq dritt preċedenti, akkwistat bis-saħħa tad-dritt nazzjonali – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-EUIPO – Qorti tal-Unjoni.
    Kawża C-598/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:265

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    5 ta’ April 2017 ( *1 )

    “Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 8(4) — Artikolu 65(1) u (2) — Trade mark verbali LAGUIOLE — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq dritt preċedenti, akkwistat bis-saħħa tad-dritt nazzjonali — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-EUIPO — Rwol tal-qorti tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C‑598/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑22 ta’ Diċembru 2014,

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

    Gilbert Szajner, residenti f’Saint-Maur-des-Fossés (Franza), irrappreżentat minn A. Sam-Simenot, avukat,

    rikorrent fl-ewwel istanza,

    Forge de Laguiole SARL, stabbilita f’Laguiole (Franza), irrappreżentata minn F. Fajgenbaum, avukat,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Ottubru 2014, Szajner vs UASI – Forge de Laguiole (LAGUIOLE) (T‑453/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:901), li permezz tagħha dik il-qorti annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal‑1 ta’ Ġunju 2011 (Każ R 181/2007‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Forge de Laguiole SARL u Gilbert Szajner (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie kkodifikat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8, 52 u 63 tar-Regolament Nru 40/94 ġew inkorporati, mingħajr bidla sostanzjali, fl-Artikoli 8, 53 u 65 tar-Regolament Nru 207/2009.

    3

    L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

    “[M]al-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni] jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

    (a)

    id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea];

    (b)

    dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

    4

    L-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi:

    “Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

    […]

    (c)

    meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti.”

    5

    L-Artikolu 65(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi:

    “1.   Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell dwar appelli.

    2.   Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.”

    Ir-Regolament ta ’ implementazzjoni

    6

    Ir-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat‑13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”) tipprovdi:

    “Applikazzjoni lill-Uffiċċju għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità […] għandu jkun fiha:

    […]

    (b)

    f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni.

    […]

    (iii)

    fil-każ ta’ applikazzjoni skond Artikolu [53] tar-Regolament [Nru 207/2009], dettalji tal-jedd li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u dettalji li juru li l-applikant huwa l-proprjetarju ta’ jedd preċedenti kif imsemmi f’Artikolu [53] tar-Regolament [Nru 207/2009] jew li huwa intitolat taħt il-liġi nazzjonali applikabbli li jagħmel pretensjoni għal dak il-jedd”.

    Id-dritt Franċiż

    7

    L-Artikolu L. 711‑4 tal-Code de la propriété intellectuelle (kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż) (iktar ’il quddiem il-“KPI”) huwa fformulat kif ġej:

    “Sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark jekk ikun ta’ preġudizzju għal drittijiet preċedenti, u b’mod partikolari

    […]

    (b)

    għal isem kummerċjali, jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku;

    […]”

    8

    L-Artikolu L. 714‑3 tal-KPI jipprevedi:

    “Hija ddikjarata invalida b’deċiżjoni ġudizzjarja r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 711‑1 sa L. 711‑4.

    […]

    Huwa biss il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li jista’ jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu L. 711-4. Madankollu, l-azzjoni tiegħu ma tkunx ammissibbli jekk it-trade mark tkun ġiet ippreżentata in bona fide jekk huwa jkun ittollera l-użu għal ħames snin.

    Id-deċiżjoni għal annullament għandha effett assolut.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    9

    Il-Qorti Ġenerali qassret il-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej:

    “1.

    […] [G.] Szajner, huwa proprjetarju tat-trade mark […] verbali [tal-Unjoni Ewropea] LAGUIOLE, li għaliha saret applikazzjoni fl‑20 ta’ Novembru 2001 u li ġiet irreġistrata fis‑17 ta’ Jannar 2005 mill-[EUIPO], skont ir-Regolament [Nru 40/94, ikkodifikat bir-Regolament Nru 207/2009].

    2.

    Il-prodotti u s-servizzi li għalihom it-trade mark LAGUIOLE hija rreġistrata jaqgħu b’mod partikolari […] fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28, 34 u 38 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat […]

    […]

    3.

    Fit-22 ta’ Lulju 2005 […], Forge de Laguiole SARL, ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark LAGUIOLE, skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40//94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan l-istess regolament [li saru l-Artikolu 53(1)(c) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009].

    4.

    It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-isem kummerċjali Forge de Laguiole, użat [minn din il-kumpannija] għall-attivitajiet ta’ ‘fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikolu ta’ skieken, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell, artikoli għar-rigali u suveniers – kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità’. Skont [Forge de Laguiole SARL], dan l-isem kummerċjali, li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, kien jagħtiha d-dritt, skont id-dritt Franċiż, li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

    5.

    It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali kienet intiża kontra l-prodotti u servizzi kollha msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

    6.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas ‑27 ta’ Novembru 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni [tal-EUIPO] ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    7.

    Fil-25 ta’ Jannar 2007, [Forge de Laguiole SARL] ppreżentat rikors quddiem l-[EUIPO], skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

    8.

    [Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża], l-Ewwel Bord tal-Appell [tal-EUIPO] laqa’ parzjalment l-appell u ddikjara t-trade mark LAGUIOLE bħala invalida għall-prodotti fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28 u 34. Dan ċaħad l-appell f’dak li jikkonċerna s-servizzi fil-klassi 38.

    9.

    B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza Franċiża, isem kummerċjali kien bħala prinċipju protett għall-attivitajiet kollha koperti mill-għanijiet ta’ kumpannija tiegħu, fejn il-protezzjoni kienet madankollu limitata għall-attivitajiet effettivament u konkretament eżerċitati meta l-għanijiet ta’ kumpannija kienu impreċiżi jew l-attivitajiet eżerċitati ma kinux koperti minnhom. Issa, f’dan il-każ, l-għanijiet [ta’ Forge de Laguiole SARL] huma biżżejjed preċiżi f’dak li jikkonċerna l-‘fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikolu ta’ skieken, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell’. Il-Bord tal-Appell żied li, anki jekk jiġi aċċettat li l-formulazzjoni tal-għanijiet ‘fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikoli għar-rigali u suveniers — kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità’ hija impreċiża, l-isem kummerċjali tar-rikorrenti kien jistħoqqlu l-protezzjoni, tal-inqas fis-setturi fejn hija kienet effettivament eżerċitat l-attivitajiet tagħha qabel il-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE.

    10

    F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li [Forge de Laguiole SARL] kienet uriet li eżerċitat attività kummerċjali, sa mill-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE, għall-kummerċ ta’ prodotti fir-rigward tal-‘ospitalità’, tat-‘tiżjin tad-dar’, tad-dinja tal-inbid, tal-oġġetti maqgtugħa biċ-ċiżell, oġġetti relatati mat-tipjip, mal-persuni li jingħabu l-golf, tal-kaċċaturi u għad-divertiment, kif ukoll aċċessorji oħra. Min-naħa l-oħra, [Forge de Laguiole SARL] ma urietx li teżerċita attività kummerċjali f’dak li jikkonċerna l-prodotti ta’ lussu u l-artikoli għall-ivjaġġar, barra minn hekk mhux imsemmija mill-għanijiet ta’ kumpannija tagħha. Fl-aħħar nett, dan ikkunsidra li, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-klassi 38, il-prodotti kollha indikati minn din it-trade mark daħlu fuq is-setturi ta’ attività [ta’ Forge de Laguiole SARL] jew kienu jinsabu f’setturi ta’ attività konnessi.

    […]”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    10

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Awwissu 2011, G. Szajner ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi invoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament.

    11

    Il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv uniku u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien ikkonstata l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni bejn l-isem kummerċjali “Forge de Laguiole” u t-trade mark LAGUIOLE għall-prodotti differenti minn dawk marbuta mal-attivitajiet effettivament eżerċitati taħt l-imsemmi isem kummerċjali fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    12

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza appellata, li l-invokazzjoni, minn G. Szajner, tas-sentenza tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) tal‑10 ta’ Lulju 2012 (no 08‑12.010, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012”) bħala prova, għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura orali, kienet ammissibbli, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI mill-EUIPO tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fid-dawl ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali deċiża wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ dan l-uffiċċju, u invokata minn parti fil-proċedura.

    13

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 43 sa 50 tas-sentenza appellata, li l-isem kummerċjali kien igawdi minn protezzjoni biss għall-“attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija u mhux għal dawk elenkati fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħha”, bħalma ddeċidiet il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Lulju 2012. Skont il-Qorti Ġenerali, dik is-sentenza hija applikabbli fil-kuntest tat-tilwim dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI, anki jekk ingħatat f’kuntest differenti. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li ma tantx huwa importanti li dik is-sentenza ngħatat wara d-deċiżjoni kontenzjuża, peress li din hija limitata li “tikkjarifika kwistjoni ġuridika kontenzjuża” u li, fi kwalunkwe każ, il-bidliet tal-ġurisprudenza japplikaw retroattivament għas-sitwazzjonijiet eżistenti.

    14

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-protezzjoni tal-isem kummerċjali “Forge de Laguiole” kienet testendi biss għall-attivitajiet effettivament eżerċitati taħt dan l-isem fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l‑20 ta’ Novembru 2001.

    15

    Fil-punt 78 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati franċiżi, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn diversi fatturi, li fosthom hemm il-livell ta’ xebh (viżiv, fonetiku u kunċettwali) bejn is-sinjali inkwistjoni, il-livell ta’ xebh bejn is-setturi ekonomiċi koperti minn dawn is-sinjali u s-setgħa distintiva ftit jew wisq għolja tas-sinjal preċedenti.

    16

    Fid-dawl tal-livell ta’ xebh tas-sinjali f’kunflitt, minn naħa, u tal-prodotti u tas-setturi ta’ attivitajiet tal-partijiet, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn); mgħaref; segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer, settijiet tal-manikjur” li jaqgħu fil-klassi 8, “l-“oġġetti li jaqtgħu l-karti”, li jaqgħu fil-klassi 16, it-“trabixù; fettieħa tal-fliexken” u l-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta”, li jaqgħu fil-klassi 21, u l-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u l-“ixkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, li jaqgħu fil-klassi 34. Hija annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO sa fejn hija kkonfermat l-eżistenza ta’ tali probabbiltà ta’ konfużjoni għal prodotti oħrajn.

    It-talbiet tal-partijiet

    17

    L-EUIPO jitlob l-annullament tas-sentenza appellata kif ukoll li G. Szajner jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    18

    Forge de Laguiole SARL (iktar ’il quddiem “Forge de Laguiole”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-appell tal-EUIPO fit-totalità tagħhom.

    19

    G. Szajner jitlob:

    li l-aggravji u t-talbiet kollha tal-EUIPO u ta’ Forge de Laguiole jiġu ddikjarati inammissibbli;

    sussidjarjament, li dawn jiġu ddikjarati infondati;

    li l-appell jiġi miċħud;

    li jiġi deċiż li ma hemmx lok li tiġi annullata s-sentenza appellata, u

    li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    20

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI.

    21

    G. Szajner iqis, prinċipalment, li l-appell tal-EUIPO u t-talbiet ta’ Forge de Laguiole huma inammissibbli. Sussidjarjament, huwa jargumenta li l-aggravji invokati insostenn ta’ dan l-appell għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq l-ammissibbiltà

    22

    G. Szajner jargumenta li l-appell huwa inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ locus standi individwali tal-EUIPO. B’mod partikolari, il-kwalità doppja ta’ qorti u ta’ appellant f’dan l-appell tikser manifestament il-prinċipju ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ newtralità tal-ġudikatura, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u, għaldaqstant, id-dritt għal smigħ xieraq. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi appell huwa inammissibbli għaliex, minn naħa, is-sentenza appellata ma taffettwax direttament l-interessi tal-EUIPO u, min-naħa l-oħra, l-aggravji invokati minnu f’dak li jirrigwarda s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 ibiddlu t-termini tat-tilwima.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO għandu jsir kontra l-EUIPO, bħala konvenut. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jsir minn kull parti li tilfet parzjalment jew totalment fir-rigward tat-talbiet tagħha, filwaqt li madankollu l-intervenjenti minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu dan l-appell biss jekk id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwahom direttament.

    24

    Peress li, f’dan il-każ, l-EUIPO kellu l-kwalità ta’ konvenut u mhux ta’ intervenjent fl-ewwel istanza, u peress li huwa tilef parzjalment fir-rigward tat-talbiet tiegħu, il-locus standi individwali u l-interess ġuridiku tiegħu fil-kuntest tal-appell ma jistgħux jiġu kkontestati, u dan l-uffiċċju bl-ebda mod ma għandu l-obbligu, f’dan ir-rigward, li juri li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwah direttament.

    25

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni G. Szajner, ma jistax jitqies li l-EUIPO għandu, b’xi mod jew ieħor, “kwalità doppja ta’ qorti u ta’ rikorrent”.

    26

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-punt 9 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tad-dritt Franċiż kienet diġà s-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO. Konsegwentement, l-argument invokat mill-EUIPO f’dak li jirrigwarda s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 ma jistax jikkostitwixxi estensjoni tas-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

    27

    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn G. Szajner fir-rigward tal-appell tal-EUIPO għandha tiġi miċħuda.

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta ’ Forge de Laguiole

    28

    G. Szajner jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ Forge de Laguiole sa fejn, peress li dawn ma humiex intiżi sempliċement, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex l-appell tal-EUIPO jintlaqa’ jew jiġi miċħud b’mod totali jew parzjali, iżda huma intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata, dawn it-talbiet jikkostitwixxu, fir-realtà, appell inċidentali, li, konformement mal-Artikolu 176 ta’ dawn ir-Regoli, kellu jsir permezz ta’ att separat.

    29

    Madankollu, mir-risposta ta’ Forge de Laguiole jirriżulta b’mod ċar li din ir-risposta ġiet ippreżentata insostenn tal-aggravji esposti mill-EUIPO u li, għaldaqstant, din il-kumpannija talbet li l-appell jintlaqa’.

    30

    Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn G. Szajner fil-konfront tat-talbiet ta’ Forge de Laguiole għandha wkoll tiġi miċħuda.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009

    L-argumenti tal-partijiet

    31

    Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-EUIPO, sostnut minn Forge de Laguiole, jikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat ħażin il-portata tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, billi wettqet evalwazzjoni tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, minkejja l-fatt li din ingħatat wara d-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Appell.

    32

    F’dan ir-rigward, l-EUIPO jargumenta li, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-ġurisprudenza tal-qrati Franċiżi kienet stabbilita bis-sentenza tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) tal‑21 ta’ Mejju 1996 (no 94‑16531, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑21 ta’ Mejju 1996”), li fiha dik il-qorti, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti, ħadet inkunsiderazzjoni l-għan soċjali tal-applikant mingħajr ma qieset l-attività effettivament eżerċitata minnu. Minkejja li, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mid-deċiżjonijiet mogħtija wara li ngħatat is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 1996, minn qrati Franċiżi inferjuri, li l-ġurisprudenza kienet evolviet f’sens kuntrarju għal dak adottat mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx dawn id-deċiżjonijiet u, għaldaqstant, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    33

    Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 kienet “inkwantu tali fatt ġdid”, il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kellhiex tiġi mistħarrġa fid-dawl ta’ din is-sentenza tal-aħħar, li l-imsemmi Bord tal-Appell ma setax jieħu inkunsiderazzjoni.

    34

    G. Szajner jargumenta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 21 sa 25 tas-sentenza appellata, li s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova, a fortiori peress li dik is-sentenza kienet is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35

    Għandu jitfakkar qabel kollox, f’dak li jirrigwarda t-tqassim tar-rwoli bejn min iressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-istanzi kompetenti tal-EUIPO u l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, li r-Regola 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tipprevedi li huwa min iressaq it-talba li għandu jipprovdi elementi li juru li huwa għandu s-setgħa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li jinforza dritt preċedenti, protett fil-kuntest ġuridiku nazzjonali. Din ir-regola timponi fuq min iressaq it-talba li jippreżenta lill-EUIPO mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huwa jitlob l-applikazzjoni tagħha, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 4950, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 34).

    36

    It-tieni nett, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-obbligi li huwa suġġett għalihom l-EUIPO, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ibbażata fuq dritt preċedenti protett minn dispożizzjoni legali nazzjonali, hija responsabbiltà, fl-ewwel lok, tal-istanzi kompetenti tal-EUIPO li jevalwaw l-awtorità u l-portata tal-elementi ppreżentati minn min ressaq it-talba sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-imsemmija regola (sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 51, u tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 35). Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tal-istanzi kompetenti tal-EUIPO jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju tat-trade mark minn dritt li jkun ingħatalu, il-portata ta’ tali deċiżjoni timplika neċessarjament li l-istanza li tieħu din id-deċiżjoni ma għandhiex tkun limitata għal rwol fejn sempliċement tivvalida d-dritt nazzjonali kif dan ikun ġie ppreżentat minn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 43).

    37

    It-tielet nett, konformement mal-Artikolu 65(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjoni magħmula mill-EUIPO fuq l-elementi ppreżentati minn min ressaq it-talba sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-leġiżlazzjoni li huwa jinvoka l-protezzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 52, u tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 36).

    38

    Barra minn hekk, sa fejn l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, fil-kuntest proċedurali inkwistjoni, jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mid-dritt tiegħu, huwa imperattiv li l-Qorti Ġenerali, minkejja eventwali nuqqasijiet fid-dokumenti prodotti bħala prova tad-dritt nazzjonali applikabbli, tkun tista’ realment teżerċita stħarriġ effettiv. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant għandha tkun tista’ tivverifika, lil hinn mid-dokumenti prodotti, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali invokati minn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 44).

    39

    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ imwettaq mill-EUIPO u mill-Qorti Ġenerali għandu jsir fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett utli tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 40).

    40

    Issa, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-Qorti Ġenerali sempliċement tapplika d-dritt nazzjonali kif kien interpretat mill-qrati nazzjonali fid-data tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO jista’ jwassal sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni jew sabiex tiġi ddikjarata invalida trade mark tal-Unjoni Ewropea minkejja li d-dispożizzjoni legali nazzjonali rilevanti ma tkun tipprovdi, fil-mument li l-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha, ebda bażi għal dan.

    41

    Dan ir-riżultat mhux biss imur kontra r-rekwiżit li jiġi ggarantit l-effett utli tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll, billi l-Qorti Ġenerali tiġi mċaħħda mill-possibbiltà reali li teżerċita b’mod effettiv l-istħarriġ sħiħ tal-legalità msemmi fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    42

    Minn dan jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali għandha tapplika dispożizzjoni legali nazzjonali kif interpretata mill-qrati nazzjonali fid-data tad-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant hija għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll deċiżjoni minn qorti nazzjonali, mogħtija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

    43

    Huwa minnu li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali mogħtija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħmel evalwazzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali li tvarja minn dik ta’ dan il-Bord tal-Appell. Madankollu, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-imsemmi Bord tal-Appell, magħmul mill-Qorti Ġenerali, huwa stħarriġ sħiħ tal-legalità, il-fatt, irrilevat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell, li dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali ma jistax, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, jikkostitwixxi ostakolu sabiex l-iżball imwettaq jiġi rrettifikat.

    44

    Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali għandha, bħala prinċipju, tillimita ruħha li ssib, abbażi tal-informazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, id-deċiżjoni li dan tal-aħħar kellu jieħu, it-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, meta ttieħdet, din kienet ivvizzjata minn waħda mir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ bdil previsti fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tielet nett, hija ma tistax tannulla jew tbiddel l-imsemmija deċiżjoni għal raġunijiet li joħorġu wara li tingħata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs OHMI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 7172, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Westermann Lernspielverlage vs EUIPO, C‑482/15 P, EU:C:2016:805, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Filwaqt li huwa minnu li dan il-prinċipju għandu portata wiesgħa u jipprojbixxi, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali milli tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO billi tieħu inkunsiderazzjoni fatti li ħarġu wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni jew billi tapplika dispożizzjonijiet legali sostantivi li ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ fil-mument ta’ dik l-adozzjoni, min-naħa l-oħra dan il-prinċipju ma jipprojbixxix lill-Qorti Ġenerali milli tieħu inkunsiderazzjoni, f’tilwim dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, evoluzzjoni fl-interpretazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tad-dispożizzjoni legali nazzjonali eżaminata mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO. Fil-fatt, din id-dispożiżzjoni legali nazzjonali kienet parti mill-elementi suġġetti għall-evalwazzjoni ta’ dan il-Bord tal-Appell u l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni minn dan tal-aħħar hija suġġetta, skont l-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-regolament, għal stħarriġ sħiħ ta’ legalità mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 36 sa 38).

    46

    Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali mogħtija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO huwa suġġett għall-kundizzjoni li, bħal f’dan il-każ, il-partijiet kellhom, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni nazzjonali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 52 sa 54).

    47

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-ksur allegat tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-elementi tad-dritt Franċiż meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha esklużivament, fl-evalwazzjoni tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, fuq il-formulazzjoni ta’ dik is-sentenza.

    48

    Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza preċedenti tal-qrati inferjuri Franċiżi, filwaqt li ma kinitx uniformi, wasslet, qabel ingħatat is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, għall-konklużjoni li l-protezzjoni tal-isem kummerċjali kienet limitata għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija inkwistjoni, jidher madankollu mill-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata li prinċipalment hija ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq din il-ġurisprudenza preċedenti, iżda fuq is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 u li hija mmotivat din l-evalwazzjoni b’mod suffiċjenti.

    49

    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

    50

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 mill-Qorti Ġenerali ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI

    51

    It-tieni aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq l-iżnaturament tas-sentenza tal‑10 ta ’ Lulju 2012

    – L-argumenti tal-partijiet

    52

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO, sostnut minn Forge de Laguiole, jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012.

    53

    B’mod partikolari, meta rrilevat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) ma kinitx interpretat l-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI, filwaqt li ddeċidiet li s-silta ta’ din is-sentenza tal-aħħar li tgħid li “l-isem kummerċjali ma jibbenefikax minn protezzjoni ħlief għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija u mhux għal dawk elenkati fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħha”, ma tinkludi ebda limitazzjoni, fil-formulazzjoni jew fil-kuntest fattwali jew proċedurali tagħha, li tista’ tagħti x’tifhem li l-applikabbiltà tagħha kienet limitata għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża deċiża u li, għaldaqstant, din setgħet tiġi applikata b’analoġija għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI, il-Qorti Ġenerali tat lis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 portata li din tal-aħħar manifestament ma għandhiex. Fil-fatt, skont l-EUIPO, l-għan ta’ din is-silta tal-imsemmija sentenza kien biss li jiddefinixxi l-karattru frawdolenti tal-preżentata tat-trade mark inkwistjoni, mill-kumpannija kkonċernata, u mhux il-portata tal-protezzjoni tal-isem kummerċjali tagħha fil-konfront ta’ trade mark posterjuri. Issa, l-Artikolu L. 711‑4(b) tal-KPI jeżiġi li jitwettaq “eżami prospettiv” tal-possibbiltà ta’ konfużjoni, li tista’ tinjora l-kundizzjonijiet konkreti tal-użu tas-sinjali f’kunflitt, inkluż tal-isem kummerċjali preċedenti, għaliex il-limitazzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali biss għall-attivitajiet eżerċitati konkretament ma hijiex applikabbli fil-każ ta’ kunflitti potenzjali biss.

    54

    Forge de Laguiole żżid li, peress li s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 hija sentenza ta’ rifjut, jiġifieri sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni mogħtija fl-appell, hija ma tistax tikkostitwixxi, fid-dritt Franċiż, sentenza li tistabbilixxi prinċipju.

    55

    G. Szajner jargumenta li l-pożizzjoni tal-EUIPO, li s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 tirrigwarda biss il-każijiet ta’ preżentati ta’ trade marks frawdolenti, hija kuntrarja kemm għall-ġurisprudenza preċedenti għal dik is-sentenza kif ukoll għall-interpretazzjoni tagħha magħmula mil-letteratura ġuridika Franċiża, li hija unanima fir-rigward tal-portata ġenerali tal-imsemmija sentenza.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    56

    Għandu jitfakkar fl-ewwel lok li, f’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex tivverifika, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħrajn sottomessi lilha, żnaturatx il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew tal-ġurisprudenza nazzjonali dwarhom jew anki letteratura ġuridika li tikkonċernahom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fir-rigward ta’ dawn l-elementi, waslitx għal konstatazzjonijiet li jmorru b’mod manifest kontra l-kontenut tagħhom u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fl-eżami ta’ dawn l-elementi kollha, tatx lil wieħed minnhom, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħrajn, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53).

    57

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk l-argumenti tal-EUIPO jirrigwardawx żbalji tal-Qorti Ġenerali, imwettqa matul il-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 54).

    58

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li fl-oriġini tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 ma kienx hemm rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI, iżda rikors intiż għall-annullament ta’ trade mark minħabba preżentata frawdolenti u talba fil-qasam ta’ kompetizzjoni żleali.

    59

    Bħalma l-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll fl-imsemmi punt, xejn fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 ma jindika li l-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) kellha l-intenzjoni tillimita l-validità tal-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-portata tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali għaċ-ċirkustanzi speċifiċi li wasslu għall-imsemmija sentenza. Għall-kuntrarju, dawn l-evalwazzjonijiet saru minn dik il-qorti fil-kuntest tar-rifjut tal-ewwel motiv tar-rikors, li kien ibbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-Artikolu L. 711‑4(b) tal-KPI. Għaldaqstant, l-argumenti tal-EUIPO, fis-sens li l-imsemmija evalwazzjonijiet ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistgħux jintlaqgħu.

    60

    Barra minn hekk, l-EUIPO jargumenta li l-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) ħadet inkunsiderazzjoni l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-proprjetarju ta’ isem kummerċjali, sabiex teżamina t-tieni motiv imqajjem quddiemha fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali, li jippreżumi sitwazzjoni effettiva ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

    61

    Madankollu, mill-kliem tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012 jirriżulta b’mod ċar, minn naħa, li l-evalwazzjoni li “l-isem kummerċjali ma jibbenefikax minn protezzjoni ħlief għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija u mhux għal dawk elenkati fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħha” twettqet fil-kuntest tat-tweġiba għall-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-preżentata frawdolenti tat-trade mark inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, u, min-naħa l-oħra, li l-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) għamlet riferiment għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija kkonċernata, kemm fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għal dan l-ewwel motiv, kif ukoll fit-tweġiba tagħha għat-tieni motiv tar-rikors, dwar kawża għal kompetizzjoni żleali.

    62

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidhirx b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012.

    63

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti ta’ Forge de Laguiole li dik is-sentenza ma hijiex sentenza “li tistabbilixxi prinċipju”. Fil-fatt, fir-rigward tal-prinċipji li jirregolaw l-eżami, mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali applikabbli, kif imfakkra fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, u peress li ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk l-imsemmija sentenza tikkostitwixxix sentenza “li tistabbilixxi prinċipju”, huwa biżżejjed jekk jiġi kkonstatat li, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-istess sentenza, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali manifestament kisret il-portata tagħha.

    64

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq l-iżball ta ’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ħadet inkunsiderazzjoni n-natura biss tal-prodotti sabiex tiddetermina s-setturi ta ’ attività ta ’ Forge de Laguiole

    – L-argumenti tal-partijiet

    65

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO, sostnut minn Forge de Laguiole, jikkontesta l-kriterji li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom sabiex tiddetermina s-setturi ta’ attività ta’ din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, l-EUIPO jargumenta li, minkejja li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li t-tweġiba għall-mistoqsija jekk u, jekk ikun il-każ, sa liema punt, l-isem kummerċjali ta’ Forge de Laguiole kien jippermetti lil din tal-aħħar tipprojbixxi lil G. Szajner milli juża t-trade mark LAGUIOLE tiddependi mid-dritt Franċiż biss, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet il-parametru ta’ protezzjoni tal-isem kummerċjali, billi għamlet riferiment, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, għall-ġurisprudenza tagħha stess biss, jiġifieri għas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) (T‑256/04, EU:T:2007:46), li tirrigwarda l-użu ta’ trade marks preċedenti, li l-Qorti Ġenerali applikat b’analoġija għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    66

    Konsegwentement, skont l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali ddeterminat l-imsemmija setturi ta’ attività biss fid-dawl tal-kriterju dwar in-natura tal-prodotti u għaldaqstant wettqet żball ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI. Fil-fatt, l-EUIPO jargumenta li, f’tali determinazzjoni tas-setturi ta’ attività, fis-sens tad-dritt Franċiż, id-destinazzjoni u l-użu tal-prodotti kkummerċjalizzati mill-proprjetarju tal-isem kummerċjali preċedenti kellhom wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    67

    G. Szajner jargumenta li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tevalwa s-similarità tal-prodotti inkwistjoni billi tibbaża ruħha kemm fuq in-natura tagħhom, kif ukoll fuq id-destinazzjoni u l-użu tagħhom.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    68

    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-attivitajiet eżerċitati minn Forge de Laguiole, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma applikat b’analoġija, b’mod ġenerali, il-ġurisprudenza tagħha. Hekk, hija ċċitat il-ġurisprudenza tagħha dwar l-użu ta’ trade marks preċedenti biss fil-punt 63 tas-sentenza appellata, sabiex tispjega l-evalwazzjoni tagħha li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ frieket kienet tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ attività mhux fis-settur kollu ta’ “artikoli marbuta mal-ospitalità’”, iżda biss fil-qasam ta’ “pożati”.

    69

    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, ċertament, ma semmietx b’mod espliċitu, minn qabel, il-kriterji li fid-dawl tagħhom kellhom jiġu ddeterminati l-attivitajiet effettivament eżerċitati minn Forge de Laguiole u, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, iċċitat il-ġurisprudenza tal-qrati Franċiżi, invokati mill-partijiet, biss fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-possibbiltà ta’ konfużjoni.

    70

    Madankollu, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li, fl-eżami tagħha ta’ dawn l-attivitajiet, fil-punti 54 sa 74 tagħha, il-Qorti Ġenerali espressament ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss in-natura tal-prodotti inkwistjoni, iżda wkoll id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom, il-klijentela kkonċernata minnhom kif ukoll il-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom.

    71

    Minn dan isegwi li l-argumenti tal-EUIPO u ta’ Forge de Laguiole jistrieħu fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    72

    Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

    73

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell huwa infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    74

    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub minn G. Szajner.

    75

    Konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li Forge de Laguiole, intervenjenti fl-appell, tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    3)

    Forge de Laguiole SARL għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top