Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0597

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Lulju 2016.
    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) vs Xavier Grau Ferrer.
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 76(2) – Regolament (KE) Nru 2868/95 – It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) – Trade mark figurattiva – Oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti – Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti – Teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell ta’ prova prodotta tardivament – Ċaħda tal-oppożizzjoni mill-Bord tal-Appell.
    Kawża C-597/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:579

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    21 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

    “Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 76(2) — Regolament (KE) Nru 2868/95 — It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1), it-tielet inċiż — Trade mark figurattiva — Oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti — Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti — Teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell ta’ prova prodotta tardivament — Ċaħda tal-oppożizzjoni mill-Bord tal-Appell”

    Fil-Kawża C‑597/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2014,

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Palmero Cabezas u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

    rikorrent,

    il-parti l-oħra fil-proċedura hija:

    Xavier Grau Ferrer, residenti fi Caldes de Montbui (Spanja),

    rikorrent fl-ewwel istanza,

    Juan Cándido Rubio Ferrer,

    Alberto Rubio Ferrer,

    residenti fi Xeraco (Spanja),

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, C G. Fernlund, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Ottubru 2014, Grau Ferrer vs UASI - Rubio Ferrer (Bugui va) (T‑543/12, li ma ġietx ippubblikata, iktar il-quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:911), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-11 ta’ Ottubru 2012 (Kawżi magħquda R 274/2011-4 u R 520/2011-4), marbuta ma’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Xavier Grau Ferrer, minn naħa, u Juan Cándido Rubio Ferrer kif ukoll Alberto Rubio Ferrer, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

    3

    L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “L-użu ta’ trade marks Komunitarji”, jipprovdi:

    “Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

    Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu:

    a)

    l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija ġiet reġistrata;

    [...]”

    4

    L-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-regolament li jirregola l-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, jipprovdi:

    “L-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir. [...] Fi żmien perjodu stabbilit mill-Uffiċċju, l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.”

    5

    L-Artikolu 76(2) tal-imsemmi regolament, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, jipprovdi:

    “L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

    6

    Ir-Regola 15(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 287 M, p. 12) (iktar 'il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”), intitolata “Nota ta’ oppożizzjoni”, tipprovdi:

    “In-notifika ta’ l-oppożizzjoni għandha tinkludi:

    […]

    b)

    identifikazzjoni ċara tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti li fuqhom l-oppożizzjoni hi bbażata, jiġifieri:

    i)

    fejn l-oppożizzjoni hi bbażata fuq marka preċedenti fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 8(2)(a) jew (b) tar-Regolament [Nru 40/94, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009] jew fejn l-oppożizzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 8(3), tar-Regolament [Nru 40/94, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009], l-indikazzjoni tan-numru tal-fajl jew numru tar-reġistrazzjoni tal-marka preċedenti, l-indikazzjoni jekk il-marka preċedenti hijiex reġistrata jew applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, kif ukoll l-indikazzjoni ta’ l-Istati Membri inkluż, fejn applikabbli l-Benelux, li fihom jew li għalihom il-marka preċedenti hi protetta, jew, jekk applikabbli, l-indikazzjoni li hija trejdmark tal-Komunità;

    [...]

    e)

    rappreżentazzjoni tal-marka preċedenti kif reġistrata jew kif saret applikazzjoni għaliha; jekk il-marka preċedenti hi bil-kulur, ir-rappreżentazzjoni għandha tkun bil-kulur;

    [...]”

    7

    Ir-Regola 19 tar-regolament ta’ implementazzjoni, intitolat “Prova tal-verit[à] ta’ l-oppożizzjoni”, tipprovdi:

    “1.

    L-Uffiċċju għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunit[à] biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15 (3), fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni kellhom jibdew skond Regola 18 (1).

    2.

    Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

    a)

    jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

    [...]

    ii)

    jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark;

    [...]”

    8

    Taħt it-titoli “Eżami ta’ l-oppożizzjoni”, ir-Regola 20(1) ta’ dan ir-regolament tipprovdi :

    “Jekk sa l-iskadenza tal-perjodu msemmi f’Regola 19 (1) il-parti li qed topponi ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti, kif ukoll id-dritt li tiffajlja oppożizzjoni, l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi.”

    9

    Skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tal-istess regolament:

    “Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu 74 (2) tar-Regolament [Nru 40/94, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009].”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    10

    Il-Qorti Ġenerali qassret il-fatti li wasslet għall-kawża kif ġej:

    “1

    Fit-23 ta’ Ottubru 2008, l-intervenjenti, Juan Cándido Rubio Ferrer u Alberto Rubio Ferrer, ippreżentaw applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea quddiem l-[EUIPO], skont ir-Regolament [Nru 40/94, ikkodifikat permezz tar-Regolament Nru 207/2009].

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej: [...]

    3

    Il-prodotti u s-servizzi li saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu fil-klassijiet 31, 35 u 39 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat [...].

    [...]

    5

    Fl-10 ta’ Awwissu 2009 [...] [X.] Grau Ferrer ressaq oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea mitluba għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

    6

    L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks figurattivi preċedenti li ġejjin:

    ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 2600724 tas-sinjal figurattiv li saret applikazzjoni għaliha fit-8 ta’ Ġunju 2004 u li ġiet irreġistrata fit-22 ta’ Novembru 2004 għall-prodotti kollha tal-klassi 31;

    [...]

    ir-reġistrazzjoni tal-Unjoni Ewropea Nru 2087534 tas-sinjal figurattiv li ġej, li saret applikazzjoni għaliha fl-14 ta’ Frar 2001 u li ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Ġunju 2002 għall-prodotti u s-servizzi tal-klassijiet li ġejjin:

    klassi 31 : [...] ;

    klassi 32 : [...] ;

    klassi 39 : [...].

    [...]

    8

    Fil-21 ta’ Diċembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni. Minn naħa, din ikkunsidrat li [X. Grau Ferrer] ma kienx ipproduċa d-dokument li jirrappreżenta t-trade mark figurattiva Spanjola preċedenti kif irreġistrata fit-terminu stabbilit għal dan l-għan [...]. Għaldaqstant, hija ċaħdet l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark figurattiva Spanjola preċedenti peress li l-eżistenza u l-validità tagħha ma ġewx suffiċjentement sostnuti fit-terminu stabbilit. Min-naħa l-oħra, hija laqgħet l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea preċedenti [...]. Fil-fatt, qabel xejn hija qieset li kienet ingħatat il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea [...].

    9

    Fl-10 ta’ Frar 2011, [X. Grau Ferrer] ippreżenta rikors (R 520/2011 4) u, fl-14 ta’ Frar 2011, l-intervenjenti [J.C. u A. Rubio Ferrer], min-naħa tagħhom ippreżentaw rikors (R 274/2011 4) quddiem l-EUIPO, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2012 [...], ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ r-rikors fil-Każ R 274/2011-4 u ċaħad ir-rikors fil-Każ R 520/2011-4. Essenzjalment, minn naħa, huwa kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li ma kinitx inġabet il-prova tal-eżistenza tat-trade mark figurattiva Spanjola. Min-naħa l-oħra, l-istess Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex juru li t-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea kienet ġiet suġġetta, matul il-perijodu rilevanti, għal użu ġenwin fil-forma li taħtha hija kienet ġiet irreġistrata jew f’xi forma oħra li ma tbiddilx il-karattru distintiv tagħha, għal wieħed mill-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Għaldaqstant hija annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010 u ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha.”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    11

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2012 (Kawża T-543/12), X. Grau Ferrer ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    12

    Insostenn tar-rikors tiegħu, X. Grau Ferrer invoka tliet motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-Artikoli 75 u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni, fit-tieni lok, fuq l-użu ġenwin tat-trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea Nru 2087534, irreġistrata minn X. Grau Ferrer fl-14 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) u, fit-tielet lok, fuq probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, it-trade mark preċedenti kif ukoll it-trade mark figurattiva Spanjola preċedenti (iktar ’il quddiem it-“trade mark Spanjola preċedenti”) u, min-naħa l-oħra, it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha minn Rubio Ferrer (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”).

    13

    Il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament billi ddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien naqas milli jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu u milli jimmotiva r-rifjut tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni t-trade mark Spanjola preċedenti u, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti prodotti quddiem il-Bord tal-Appell kienu jinkludu sinjal li kien ivarja mit-trade mark preċedenti biss minħabba elementi negliġibbli, b’tali mod li kienu jirrilevaw użu ġenwin minn din tal-aħħar.

    14

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kumplament tal-motivi invokati minn X. Grau Ferrer kienu ineffettivi jew infondati.

    15

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    It-talbiet tal-partijiet

    16

    Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata u tagħti hija stess deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża jew li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lil X. Grau Ferrer għall-ispejjeż.

    17

    Il-partijiet l-oħra fil-kawża ma ppreżentaw l-ebda nota quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    Fuq l-appell

    18

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka tliet aggravji bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

    Fuq it-tieni motiv

    19

    Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, l-EUIPO isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kellu setgħa diskrezzjonali naxxenti mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni u mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 “indipendentement ukoll min-natura addizzjonali jew le” tal-prova tardiva u, konsegwentement, ukoll fir-rigward tal-provi “ġodda”.

    20

    Fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell u r-raġuniijet għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti tardivament ma tagħmilx distinzjoni bejn il-provi l-ġodda u l-mezzi ta’ prova addizzjonali, u sussegwentement, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ċaħdet l-argument li l-Bord tal-Appell ma kienx fondat li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn X. Grau Ferrer peress li dawn il-provi kienu ta’ natura ġdida.

    21

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kellu setgħa diskrezzjonali u l-obbligu li jipprovdi motivazzjoni għar-rifjut tiegħu mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn il-provi “ġodda” u provi “addizzjonali”.

    22

    L-EUIPO jsostni li din is-setgħa diskrezzjonali u dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma kinux jikkonċernaw il-provi l-ġodda. L-Uffiċċju jirrileva, insostenn ta’ dan l-argument, diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tas-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638), tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639), u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, (C‑122/12 P, EU:C:2013:628). Skont l-Uffiċċju, abbażi tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 20(1)tar-regolament ta’ implementazzjoni, fin-nuqqas ta’ prova sħiħa quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda mingħajr ma tiġi eżaminata fuq il-mertu. Konsegwentement, huwa impossibbli li tinfetaħ mill-ġdid il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Bord tal-Appell.

    23

    Fir-rigward tal-kliem tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1), jeħtieġ li jiġi osservat li l-verżjoni Franċiża tagħha hija differenti mill-verżjoni Spanjola, Ingliża u Ġermaniża fir-rigward ta’ element essenzjali. Fil-fatt, filwaqt li dawn l-aħħar imsemmija verżjonijiet jipprevedu li l-Bord tal-Appell jista’ jikkunsidra biss fatti u provi addizzjonali jew kumplimentari, il-verżjoni Franċiża tikklassifika dawn l-istess fatti u provi bħala “ġodda jew addizzjonali”.

    24

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48, u tad-9 ta’ April 2014, GSV,C‑74/13, EU:C:2014:243, punt 27).

    25

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regola 50, jipprovdi li l-Uffiċċju jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li dawn ma jkunux ipproduċew tempestivament.

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta ma tiġi prodotta l-ebda prova ta’ użu mit-trade mark ikkonċernata fit-terminu stabbilit mill-Uffiċċju, dan għandu jiddikkjara ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni ex officio. Għall-kuntrarju, meta l-provi jkunu ġew prodotti fit-terminu stabbilit mill-Uffiċċju, tibqa’ dejjem possibbli l-produzzjoni ta’ provi addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punti 2830).

    27

    Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tingħata fir-rigward tal-prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi regola bi rwol orizzontali fis-sistema tal-imsemmi regolament, sa fejn hija tapplika independentement min-natura tal-proċedura kkonċernata. Isegwi li r-Regola 50 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija testendi s-setgħat diskrezzjonali tal-Bordijiet tal-Appell għal provi ġodda.

    28

    Għandu jiġi kkonststat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 45, 46 u 48 tas-sentenza appellata billi ddikjarat li l-Bord tal-Appell ma kienx eżerċita s-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi l-ġodda.

    29

    Madankollu jeħtieġ li jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirrilevaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat għal raġunijiet legali oħra, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni, C‑320/92 P, EU:C:1994:414, punt 37; tas-16 ta’ Diċembru 1999, CES/E, C‑150/98 P, EU:C:1999:616, punt 17, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 58).

    30

    Dan ma kienx il-każ hawnhekk. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni biss l-unika motiv inkwistjoni, iżda straħet ukoll fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kien ċaħad il-prova inkwistjoni mingħajr ma ezamina jekk din setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “kumplimentari”. Issa, billi ma wettaqx dan l-eżami, il-Bord tal-Appell effettivament kiser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jinċaħad l-appell u dan mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mill-EUIPO.

    Fuq l-ispejjeż

    32

    Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 184(2) tal-istess regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza. Peress li l-partijiet l-oħra fil-kawża ma ppreżentaw l-ebda nota quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jiġi deċiż li l-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top