Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0540

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016.
    DK Recycling und Roheisen GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE ‑ Artikolu 10a – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Regoli tranżitorji dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mis-sena 2013 – Deċiżjoni 2011/278/UE – Miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja – Ċaħda tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti installazzjonijiet fuq il-listi ta’ installazzjonijiet li jirċievu kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas – Dispożizzjoni dwar il-każijiet li jqajmu ‘diffikultajiet eċċessivi’ – Kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni.
    Kawża C-540/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:469

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    22 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Appell — Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Artikolu 10a — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Regoli tranżitorji dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mis-sena 2013 — Deċiżjoni 2011/278/UE — Miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja — Ċaħda tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti installazzjonijiet fuq il-listi ta’ installazzjonijiet li jirċievu kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas — Dispożizzjoni dwar il-każijiet li jqajmu ‘diffikultajiet eċċessivi’ — Kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni”

    Fil-Kawża C‑540/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2014,

    DK Recycling und Roheisen GmbH, stabbilita f’Duisburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Altenschmidt u P.-A. Schütter, Avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White, C. Hermes u K. Herrmann, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, DK Recycling und Roheisen GmbH (iktar ’il quddiem “DK Recycling”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Settembru 2014, DK Recycling und Roheisen GmbH vs Il‑Kummissjoni (T‑630/13, EU:T:2014:833, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar laqgħet biss parzjalment it-talbiet tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal‑5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 240, p. 27), sa fejn, fl-Artikolu 1(1) tagħha, moqri flimkien mal-punt A tal-Anness I tagħha, din id-deċiżjoni ma tikkonfermax l-inklużjoni, fuq il-lista prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tal-installazzjonijiet li l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni tagħhom huma DE000000000001320 u DE-new-14220-0045, kif ukoll il-kwantitajiet annwali totali provviżorji tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra allokati mingħajr ħlas u proposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal dawn l-installazzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    2

    Skont il-premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2003/87 tikkontribwixxi sabiex jitwettqu l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-bniedem ta’ gassijiet serra “b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol”.

    3

    Il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:

    “Id-disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

    4

    Il-premessi 8, 15, 23, 44 u 45 tad-Direttiva 2009/29 huma redatti kif ġej:

    “(8)

    Filwaqt li l-esperjenza ta’ matul l-ewwel perjodu ta’ skambju ta’ kwoti turi l-potenzjal tal-iskema Komunitarja u l-finalizzazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni għat-tieni perijodu ta’ skambju ta’ kwoti se tirriżulta f’tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet sal-2012, ir-reviżjoni li saret fl-2007 kkonfermat li hija essenzjali sistema aktar armonizzata għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji ta’ skambju ta’ kwoti, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u biex tiġi faċilitata r-rabta bejn is-sistemi għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. [...]

    [...]

    (15)

    L-isforz addizzjonali li trid tagħmel l-ekonomija Ewropea jirrikjedi fost l-oħrajn li l-iskema Komunitarja riveduta topera bl-ogħla livell possibbli ta’ effiċjenza ekonomika u abbażi tal-kondizzjonijiet ta’ allokazzjoni kompletament armonizzati ġewwa l-Komunità. L-irkant għandu għalhekk ikun il-prinċipju ta’ bażi għal allokazzjoni, għaliex huwa l-aktar wieħed faċli u meqjus b’mod ġenerali bħala s-sistema l-aktar effiċjenti ekonomikament. Dan għandu jelimina wkoll gwadanji mhux previsti u jqiegħed lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq kif ukoll l-ekonomiji li għandhom espansjoni medja fuq l-istess livell tal-istallazzjonijiet eżistenti.

    [...]

    (23)

    Għandha tingħata allokazzjoni gratis tranżitorja għal istallazzjonijiet permezz ta’ regoli madwar il-Komunità (‘punti ta’ riferiment ex ante’) kollha sabiex tinżamm minima d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa l-Komunità. Dawk ir-regoli għandhom iqisu t-teknika l-aktar effiċjenti fil-gassijiet serra u fl-enerġija, is-sostituti, il-proċessi ta’ produzzjoni alternattivi, l-użu tal-bijomassa, l-enerġiji rinovabbli u l-ġabra u l-ħażna tal-gassijiet serra. Kwalunkwe regola bħal din ma għandhiex tagħti inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet u għandha tiżgura li proporzjoni dejjem jiżdied ta’ dawn il-kwoti jiġi rkantat. L-allokazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti qabel il-perjodu tal-iskambju tal-kwoti sabiex is-suq ikun jista’ jiffunzjona tajjeb. [...]

    [...]

    (44)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati konformement mad-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

    (45)

    B’mod partikolari għandha tingħata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri għall-armonizzazzjoni tar-regoli dwar [...] l-allokazzjoni tranżitorja tal-kwoti mal-Komunità kollha [...] Ladarba dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2003/87/KE, inter alia billi jissupplementawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju previst fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.”

    5

    Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87 dwar “[l]-irkant tal-kwoti”:

    “Mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikolu 10a u 10c. [...]”

    6

    L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jipprovdi:

    “1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu.

    Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissumplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).

    Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-iktar effiċjenti [...]

    Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

    [...]

    2.   Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati.

    [...]”

    7

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni”, jiddikjara:

    “1.   Sat-30 ta’ Settembru 2011, kull Stat Membru għandu jippubblika u jippreżenta lill-Kummissjoni lista ta’ istallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva fit-territorju tagħha [tiegħu] u kull allokazzjoni gratis għal kull istallazzjoni fit-territorju tagħha [tiegħu] kkalkolata konformement mar-regoli kif stipulat fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10c.

    2.   Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu l-kwantità tal-kwoti li għandhom jiġu distribwiti għal dik is-sena, ikkalkolata taħt l-Artikoli 10, 10a u 10c.

    3.   L-Istati Membri ma jistgħux joħorġu kwoti gratis taħt il-paragrafu 2 lil istallazzjonijiet li ġew miċħuda mill-Kummissjoni milli jinkitbu fil-lista msemmija fil-paragrafu 1.”

    8

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1), il-Kummissjoni ddeterminat il-bażijiet armonizzati li fuqhom l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw, għal kull sena, in-numri ta’ kwoti ta’ emmissjoni allokati mingħajr ħlas għal kull installazzjoni li tinstab fuq it-territorju tagħhom.

    9

    Il-premessi 4 u 12 tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdu:

    “(4)

    Safejn huwa fattibbli, il-Kummissjoni żviluppat parametri referenzjarji għall-prodotti, kif ukoll għall-prodotti intermedjarji li huma skambjati bejn l-installazzjonijiet, prodotti minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE. Fil-prinċipju, għandu jkun definit parametru referenzjarju wieħed għal kull prodott. [...]

    [...]

    (12)

    Meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ mudelli ġeneriċi ta’ riżerva. Ġiet żviluppata ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati. Il-parametru referenzjarju tas-sħana huwa applikabbli għall-proċessi tal-konsum tas-sħana meta jintuża trasportatur tas-sħana li jista’ jitkejjel. Il-parametru referenzjarju tal-fjuwil huwa applikabbli meta tiġi kkunsmata sħana li ma tistax titkejjel. Il-valuri tal-parametri referenzjarji tas-sħana u l-fjuwil inkisbu fuq il-bażi tal-prinċipji tat-trasparenza u s-simpliċità, bl-użu tal-effiċjenza ta’ referenza ta’ fjuwil disponibbli b’mod wiesa’ li jista’ jitqies bħala t-tieni l-aħjar fir-rigward tal-effiċjenza fil-gassijiet serra, meta jitqiesu t-tekniki effiċjenti fl-enerġija. Għall-emissjonijiet minn proċessi, il-kwoti tal-emissjonijiet għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi. Sabiex ikun żgurat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għal tali emissjonijiet tipprovdi inċentivi biżżejjed għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u biex tkun evitata kwalunkwe differenza fit-trattament tal-emissjonijiet minn proċess li huma allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi u dawk fi ħdan il-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, il-livell storiku tal-attività ta’ kull installazzjoni għandu jkun immultiplikat b’fattur ugwali għal 0.9700 biex ikun stabbilit in-numru tal-kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas.”

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    Fil-Ġermanja, id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 ġew implementati b’mod partikolari permezz tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (Liġi fuq l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra), tal-21 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem it-“TEHG”)

    11

    L-Artikolu 9(5) tat-TEHG jipprevedi dan li ġej:

    “Jekk l-allokazzjoni ta’ kwoti magħmula abbażi tal-Artikolu 10 toħloq diffikultajiet eċċessivi għall-operatur tal-installazzjoni u għal impriża relatata li, għal raġunijiet marbuta mad-dritt kummerċjali u mad-dritt tal-kumpanniji, għandha twieġeb personalment għar-riskji ekonomiċi tal-imsemmi operatur, l-awtorità kompetenti għandha talloka, fuq talba tal-operatur, kwoti addizzjonali fil-kwantità neċessarja għal kumpens ġust, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea ma tirrifjutax din l-allokazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva [2003/87].”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    12

    Fiż-żmien tad-deċiżjoni kontenzjuża, DK Recycling kienet topera fuq it-territorju Ġermaniż installazzjoni ta’ riċiklaġġ ta’ skart mill-industrija tal-azzar li jkun fih ħadid u żingu kif ukoll impjant tal-enerġija, it-tnejn li huma suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra stabbilita mid-Direttiva 2003/87.

    13

    Fuq il-bażi tal-Artikolu 9(5) tat-TEHG, din il-kumpannija kisbet mill-awtoritajiet Ġermaniżi l-inklużjoni ta’ dawn l-installazzjonijiet fuq il-lista msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87.

    14

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kkonfermatx din l-inklużjoni u lanqas, konsegwentement, l-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas korrispondenti.

    15

    Dan ir-rifjut kien immotivat, essenzjalment, mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

    16

    L-ewwel nett, id-Deċiżjoni 2011/278 ma pprevedietx l-allokazzjoni tal-kwoti li r-Repubblika Federali Ġermaniża xtaqet twettaq abbażi tal-Artikolu 9(5) tat-TEHG.

    17

    It-tieni nett, ir-Repubblika Federali Ġermaniża ma wrietx li l-allokazzjoni tal-kwoti fuq il-bażi ta’ regoli stabbiliti mid-Deċiżjoni 2011/278 kienet manifestament mhux xierqa, fir-rigward tal-għan ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-allokazzjonijiet koperti minn din id-deċiżjoni.

    18

    It-tielet nett, il-fatt li jiġu allokati iktar kwoti mingħajr ħlas lil xi installazzjonijiet kien jippreġudika l-kompetizzjoni, jew kien jhedded li jagħmel hekk, u kien ikollu effetti transkonfinali minħabba li s-setturi kollha koperti mid-Direttiva 2003/87 jipparteċipaw fil-kummerċ fuq il-livell tal-Unjoni.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    19

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2013, DK Recycling talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    20

    Insostenn tar-rikors tagħha, DK Recycling qajmet erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ osservanza tad-Deċiżjoni 2011/278, it-tieni nett, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Wara li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà opposta mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi, iżda laqgħet it-tielet wieħed.

    21

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata, iżda biss sa fejn ma tikkonfermax l-allokazzjoni proposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal sotto-installazzjoni b’emissjonijiet minn proċess għall-produzzjoni taż-żingu f’kalkara tal-funderija u l-proċessi relatati.

    22

    Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tat-talbiet tar-rikors ta’ DK Recycling dwar ir-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni każ ta’ “diffikultajiet eċċessivi” fl-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas.

    23

    Il-Qorti Ġenerali, għal dan il-għan, iddeċidiet, b’mod partikolari, wara eżami tal-proporzjonalità tad-Deċiżjoni 2011/278, li din tal-aħħar, sa fejn ma tippermettix l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-każ ta’ “diffikultajiet eċċessivi”, ma kisritx id-drittijiet fundamentali ta’ DK Recycling u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    24

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad il-kumplament tat-talbiet tagħha;

    tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, billi tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha;

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    25

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell kollu kemm hu;

    tikkundanna lil DK Recycling għall-ispejjeż.

    Fuq it-talba intiża għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura

    26

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2016, DK Recycling talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, din tal-aħħar invokat il-ħtieġa li tittieħed pożizzjoni fuq il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali u b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni ta’ dan tal-aħħar li l-aggravji huma ineffettivi.

    27

    Għandu jitfakkar li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Madankollu, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    29

    Dan ma kienx il-każ hawnhekk. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

    30

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq l-appell

    Osservazzjonijiet preliminari

    31

    Mingħajr ma titlob espressament sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk huwa possibbli li tiċħad individwalment kull aggravju, l-appell għandu, prinċipalment, jiġi miċħud għal raġuni li skontha hija “iktar fundamentali”.

    32

    Hija tindika, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li d-Direttiva 2003/87 kienet tawtorizzaha tipprevedi, fid-Deċiżjoni 2011/278, allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-każijiet fejn l-applikazzjoni tal-metodi armonizzati ta’ din id-deċiżjoni tkun ser tikkawża “diffikultajiet eċċessivi” għall-operaturi.

    33

    Peress li, madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex titlob – u barra minn hekk, ma tistax titlob – l-annullament tas-sentenza appellata, l-argumentazzjoni tagħha għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq sostituzzjoni tal-motivi.

    34

    Fil-fatt, kif argumentat il-Kummissjoni, jekk jirriżulta li, kif hija ssostni, id-Direttiva 2003/87 ma kinitx tippermettilha talloka kwoti addizzjonali mingħajr ħlas fil-każ ta’ “diffikultajiet eċċessivi”, l-aggravji kollha li tista’ tqajjem DK Recycling fil-kuntest ta’ dan l-appell ikunu ineffettivi.

    35

    Għalhekk, huwa meħtieġ li din l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni tiġi eżaminata qabel l-aggravji tal-appell.

    Fuq it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi

    L-argumenti tal-partijiet

    36

    Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 ma jagħtuha l-ebda setgħa sabiex tintroduċi, fid-Deċiżjoni 2011/278, dispożizzjoni li tippermetti l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lill-impriżi li jesperjenzaw “diffikultajiet eċċessivi”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, stabbilita fil-punt 50 tas-sentenza appellata, fis-sens li ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità permezz tal-imsemmija deċiżjoni ma setax jiġi eskluż prima facie, sa fejn is-setgħa diskrezzjonali li kellha l-Kummissjoni skont id-Direttiva 2003/87 kienet tippermettilha tipprevedi l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-każijiet ta’ “diffikultajiet eċċessivi”.

    37

    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 ma kienx jippermettilha tidderoga mill-prinċipju li għandhom jiġu adottati, fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, miżuri ta’ implementazzjoni kompletament armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni, peress li l-għan tal-leġiżlatur huwa, kif jindikaw dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva kif ukoll il-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29, li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni fl-Unjoni u li jiġi evitat li ż-żieda fl-emissjonijiet tkun imħeġġa. Issa, regoli li jippermettu l-allokazzjoni ta’ kwoti addizzjonali għal installazzjoni li tkun paragunabbli minn kull aspett, mill-perspettiva tal-prodotti tagħha, għal installazzjoni oħra u li tkun distinta minnha biss minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tikkawżalha “diffikultajiet eċċessivi” minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità finanzjarja, imorru kontra dawn l-għanijiet u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri kompletament armonizzati fuq il-livell Komunitarju.

    38

    Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ regoli kompletament armonizzati fil-livell Komunitarju huwa wieħed mill-elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87, li l-Kummissjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) ta’ din tal-aħħar, ma tistax tibdel.

    39

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-espressjoni “sa fejn ikun fattibbli”, użata fit-tielet subparagafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, tagħtiha biss latitudini fir-rigward tal-approċċ regolatorju li għandu jiġi adottat fir-rigward ta’ kull settur jew subsettur, u ma tagħtiha l-ebda latitudini fir-rigward ta’ impriża speċifika.

    40

    Fir-replika tagħha, DK Recycling tikkonetsta l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u tiddikjara li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li taċċettaha, hija teċċepixxi l-inkompatibbiltà tad-Direttiva 2003/87 mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    41

    Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tqis li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, prinċipalment, hija inammissibbli u, sussidjarjament, ma hijiex fondata, fir-rigward tal-konformità tad-Direttiva 2003/87 mad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi

    42

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex talba għas-sostituzzjoni tal-motivi tkun ammissibbli, huwa meħtieġ li jkun hemm interess ġuridiku, fis-sens li din it-talba għandha tkun tali li, permezz tal-eżitu tagħha, tikseb vantaġġ għall-parti li tkun ressqitha. Dan jista’ jkun il-każ meta t-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi tikkostitwixxi difiża kontra aggravju mqajjem mill-appellant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P, C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 23, tal-21 ta’ Diċembru 2011, Iride vs Il‑Kummissjoni, C‑329/09 P, EU:C:2011:859, punti 48 sa 51, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 42).

    43

    F’dan il-każ, it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi hija intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 kien jawtorizza lill-Kummissjoni tintroduċi, fid-Deċiżjoni 2011/278, dispożizzjoni li hija relatata mal-każijiet li jippreżentaw “diffikultajiet eċċessivi”. Issa, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ din it-talba, il-motivi li permezz tagħhom DK Recycling takkuża lill-Kummissjoni li ma adottatx tali dispożizzjoni, u lill-Qorti Ġenerali li ma kkonkludietx b’hekk li din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata, isiru ineffettivi.

    44

    Minn dan isegwi li t-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi, li hija suxxettibbli li taffettwa bosta mill-argumenti mqajma fl-appell, hija ammissibbli.

    – Fuq il-fondatezza tat-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi

    45

    Għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tintroduċi, fid-Deċiżjoni 2011/278, dispożizzjoni li tippermetti l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas addizzjonali lil ċerti impriżi li għalihom l-allokazzjoni ta’ kwoti skont ir-regoli settorjali previsti minn din id-deċiżjoni kienet ser tikkawża “diffikultajiet eċċessivi”.

    46

    Huwa importanti f’dan ir-rigward li jitfakkar li l-premessa 45 tad-Direttiva 2009/29 issemmi l-ħtieġa li “għandha tingħata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri għall-armonizzazzjoni tar-regoli dwar [...] l-allokazzjoni tranżitorja tal-kwoti mal-Komunità kollha”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jippreċiża li dawn il-miżuri ta’ implementazzjoni huma “imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali” ta’ din tal-aħħar.

    47

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jitwettqu għażliet politiċi li huma responsabbiltajiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega min-naħa tiegħu u li, sussegwentement, il-miżuri ta’ implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni la jistgħu jemendaw elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika u lanqas ma jistgħu jikkompletawha b’elementi essenzjali ġodda (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il-‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 65 u 66).

    48

    L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-aspetti partikolari tal-qasam ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 47).

    49

    Fir-rigward tal-elementi tad-Direttiva 2003/87 li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali fis-sens tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza ċċitati fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-għan ewlieni ta’ din id-direttiva huwa li jitnaqqsu sostanzjalment l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, dan il-għan għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu osservati sensiela ta’ għanijiet sekondarji. Kif jesponu l-premessi 5 u 7 tal-imsemmija direttiva, dawn l-għanijiet sekondarji huma, b’mod partikolari, il-preżervazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi kif ukoll tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punt 77 u Il‑Kummissjoni vs l‑Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 79, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Irbedrola et, C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11, u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 43).

    50

    Ir-referenza ripetuta għall-għan sekondarju rigward il-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, mhux biss fil-premessi 5 u 7 tad-Direttiva 2003/87, iżda wkoll fil-premessi 8 u 15 tad-Direttiva 2009/29, tikkonferma n-natura essenzjali ta’ dan l-għan sekondarju fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    51

    Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tar-regoli tranżitorji dwar l-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29 tipprevedi wkoll ir-rekwiżit li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni fil-Komunità. Għal dan il-għan, huwa stabbilit li l-allokazzjoni tranżitorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għandha titwettaq skont regoli armonizzati fil-livell Komunitarju.

    52

    Għalhekk, fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-leġiżlatur, minn naħa, enfasizza l-importanza fundamentali ta’ armonizzazzjoni sħiħa billi ppreveda li “il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni ta’ kwoti”, u, min-naħa l-oħra, indika lill-Kummissjoni skont liema kriterji għandha titwettaq din l-armonizzazzjoni, jiġifieri, essenzjalment, fuq il-bażi ta’ punti ta’ riferiment skont is-setturi u subsetturi.

    53

    Meta ppreveda tali metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, armonizzat kompletament fuq bażi settorjali, il-leġiżlatur stabbilixxa fil-prattika r-rekwiżit essenzjali li d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern jitnaqqsu kemm jista’ jkun.

    54

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tmur kontra dan ir-rekwiżit u, għaldaqstant, mingħajr ma tibdel element essenzjali tad-Direttiva 2003/87, tipprevedi regoli ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas li ma humiex kompletament armonizzati u settorjali.

    55

    Issa, ma hemm l-ebda dubju li l-introduzzjoni mill-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2011/278, ta’ dispożizzjoni li tippermetti l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lil ċerti impriżi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ “diffikultajiet eċċessivi” wara l-implementazzjoni tal-kriterji settorjali previsti minn din id-deċiżjoni kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ allokazzjoni armonizzata u settorjali tal-kwoti mingħajr ħlas, peress li din l-introduzzjoni kienet neċessarjament timplika approċċ każ b’każ ibbażat fuq l-okkorenza ta’ ċirkustanzi partikulari u indvidwali, uniċi għal kull operatur ikkonċernat minn tali “diffikultajiet eċċessivi”. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni kienet tkun ta’ natura li tibdel element essenzjali tad-Direttiva 2003/87, u kienet b’hekk iddaħħal inkwistjoni s-sistema li hija tistabbilixxi.

    56

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li tintroduċi tali dispożizzjoni.

    57

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bit-termini “sa fejn ikun fattibbli” u “fil-prinċipju” użati fit-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Għalkemm dawn it-termini jagħtu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tiddeterimna l-punti ta’ riferiment ex ante fil-każijiet fejn ma huwiex possibbli li jintuża punt ta’ riferiment ikkalkulat fuq il-bażi tal-prodotti, dawn it-termini ma għandhomx bħala għan li jiftħu lill-Kummissjoni l-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ allokazzjoni armonizzata u settorjali tal-kwoti. Mill-bqija, analiżi kuntestwali ta’ dawn it-termini jippermettu li tiġi kkorroborata, jekk ikun meħtieġ, l-interpretazzjoni fis-sens li l-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment ex ante għandu jsir “skont is-settur u subsettur”, peress li dawn huma l-kliem użati fl-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87.

    58

    Għalhekk il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet ir-rikors ta’ DK Recycling billi telqet mill-premessa li l-Kummissjoni setgħet legalment tadotta dispożizzjoni li tipprevedi l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-każijiet ta’ “diffikultajiet eċċessivi”, minflok ma osservat biss li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta tali dispożizzjoni.

    59

    Għaldaqstant, it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi għandha tintlaqa’.

    Fuq il-fondatezza tal-appell

    60

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-aggravji li bihom DK Recycling takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ċċensuratx l-assenza, fid-Deċiżjoni 2011/278, ta’ dispożizzjoni li tipprevedi l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti addizzjonali fil-każ ta’ “diffikulatjiet eċċessivi” huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda.

    61

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumentazzjoni ta’ DK Recycling dwar l-illegalità tad-Direttiva 2003/87 sa fejn ma pprevedietx tali dispożizzjoni, anki jekk jitqies li DK Recycling, bħalma tallega, eċċepixxiet l-illegalità ta’ din id-direttiva quddiem il-Qorti Ġenerali, mill-atti fil-proċess tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kien biss fir-replika tagħha li hija ppreżentat għall-ewwel darba dan l-aggravju fil-kuntest tal-appell, u mhux fir-rikors promotur tagħha.

    62

    Issa, mill-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 190 tal-istess Regoli, jirriżulta li l-produzzjoni ta’ aggravji ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn l-aggravji ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

    63

    Din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi applikata għall-aggravju ppreżentat minn DK Recycling fir-replika tagħha, bi tweġiba għar-rimarka li biha l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, sempliċement osservat, mingħajr ma pprovdiet ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt ġdid, li l-legalità tad-Direttiva 2003/87 ma kinitx ikkontestata fir-rikors tal-appell.

    64

    L-aggravju bbażat fuq l-illegalità tad-Direttiva 2003/87 għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

    65

    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    66

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    67

    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

    68

    Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti għandha tbati l-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    DK Recycling und Roheinsen GmbH hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top