Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0290

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2015.
    Proċeduri kriminali kontra Skerdjan Celaj.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Tribunale di Firenze.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Deċiżjoni li tordna r-ritorn flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal tliet snin – Ksur tal-projbizzjoni fuq id-dħul – Ċittadin ta’ pajjiż terz li kien tneħħa preċedentement – Piena ta’ priġunerija f’każ ta’ dħul mill-ġdid illegali fit-territorju nazzjonali – Kompatibbiltà.
    Kawża C-290/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:640

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    1 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Deċiżjoni li tordna r-ritorn flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal tliet snin — Ksur tal-projbizzjoni fuq id-dħul — Ċittadin ta’ pajjiż terz li kien tneħħa preċedentement — Piena ta’ priġunerija f’każ ta’ dħul mill-ġdid illegali fit-territorju nazzjonali — Kompatibbiltà”

    Fil-Kawża C‑290/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Firenze (Tribunal ta’ Firenze, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2014, fil-proċeduri kriminali kontra

    Skerdjan Celaj,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

    għall-Gvern Norveġiż, minn E. Widsteen u K. Moen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Aresu, bħala aġenti

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ April 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra S. Celaj, ċittadin Albaniż, wara d-dħul tiegħu fit-territorju Taljan bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul f’dan it-territorju għal tliet snin.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta ’ refuġjati

    3

    Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève, fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    4

    L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jistabbilixxi:

    “L-Istati Kontraenti ma għandhomx japplikaw sanzjonijiet kriminali, minħabba dħul irregolari jew residenza irregolari, fil-konfront ta’ refuġjati li, ġejjin direttament mit-territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom kienet mhedda fis-sens previst mill-Artikolu 1, jidħlu jew ikunu fit-territorju tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni, kemm-il darba dawn jippreżentaw ruħhom mingħajr dewmien quddiem l-awtoritajiet u jagħtu raġunijiet validi għad-dħul irregolari jew għall-preżenza irregolari tagħhom.”

    Id-Direttiva 2008/115

    5

    Il-premessi 1, 4, 14 u 23 tad-Direttiva 2008/115 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 stabbilixxa approċċ koerenti fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-asil, li jittratta flimkien il-ħolqien ta’ sistema komuni ta’ asil, il-politika dwar l-immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

    [...]

    (4)

    Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

    [...]

    (14)

    L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kollha.[...]

    [...]

    (23)

    L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève [...]”

    6

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

    7

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

    2.   Jekk l-Istat Membru jkun ta perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi nfurzata biss wara li l-perijodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perijodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

    3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

    4.   Meta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.

    5.   Meta jwettqu tneħħijiet bl-ajru, l-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida Komuni dwar dispożizzjonijiet ta’ sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru, annessa mad-Deċiżjoni 2004/573/KE.

    6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sistema ta’ monitoraġġ effettiva dwar ir-ritorn infurzat.”

    8

    L-Artikolu 11 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

    a)

    jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew

    b)

    jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

    F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

    [...]”

    Id-dritt Taljan

    9

    L-Artikolu 13(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, li jirrigwarda test uniku tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u r-regoli rigward il-kundizzjoni tal-barrani (decreto legislativo, n. 286 – Testo unico delle disposizioni concernenti la disciplina dell’immigrazione e norme sulla condizione dello straniero), tal-25 ta’ Lulju 1998 (Suppliment ordinarju tal-GURI no191, tat-18 ta’ Awwissu 1998, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”), jipprovdi:

    “Iċ-ċittadin barrani li lilu hija indirizzata ordni ta’ tneħħija mit-territorju ma jistax jiġi lura fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni speċjali tal-ministro dell’Interno [Ministru tal-Intern]. Fil-każ ta’ ksur ta’ din ir-regola, iċ-ċittadin barrani għandu jiġi ssanzjonat b’piena ta’ priġunerija minn sena għal erba’ snin u għandu jitneħħa mill-ġdid permezz ta’ akkumpanjament immedjat lejn il-fruntiera. [...]”

    10

    L-Artikolu 13(13(b)) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdi:

    “Għar-reati previsti fil-paragrafi 13 u 13(a), l-arrest tal-awtur tal-fatti huwa obbligatorju anki jekk ma kienx inqabad flagrante delicto u għandha tittieħed proċedura b’urġenza”.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    S. Celaj, ġie arrestat fis-26 ta’ Awwissu 2011 fit-territorju Taljan mill-pulizija ta’ Pontassieve (l-Italja) għal attentat ta’ serq aggravat bi vjolenza fuq l-oġġett. Huwa kien ikkundannat, minħabba f’dan il-ksur, għal piena ta’ priġunerija u għall-ħlas ta’ multa permezz ta’ sentenza li saret res judicata fil-15 ta’ Marzu 2012, bil-benefiċċju tas-sospensjoni.

    12

    Fis-17 ta’ April 2012, S. Celaj kien suġġett għal digriet ta’ espulsjoni tal-Prefetto di Firenze (Prefett ta’ Firenze, l-Italja) u ordni ta’ tneħħija tal-Questore di Firenze (Kap tal-pulizija ta’ Firenze), flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal tliet snin.

    13

    Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Prefett ta’ Firenze ddikjara li huwa xieraq li tiġi eskluża l-possibbiltà li jingħata terminu għat-tluq volontarju lil S. Celaj minħabba fl-assenza ta’ talba mill-persuna interessata f’dan is-sens u minħabba f’riskju li jaħrab. L-akkumpanjament lejn il-fruntiera madankollu ma sarx minħabba f’raġunijiet tekniċi. L-awtoritajiet kompetenti Taljani, konsegwentement, ordnaw lill-persuna interessata sabiex titlaq immedjatament mit-territorju nazzjonali fil-waqt li avżawha li, f’każ li tonqos milli tagħmel dan, jiġu imposti fuqha s-sanzjonijiet previsti mil-liġi. Il-persuna interessata madankollu baqgħet fit-territorju Taljan, fejn il-preżenza tagħha ġiet ikkonstatata mill-awtoritajiet Taljani fis-27 ta’ Lulju, fl-1 ta’ Awwissu u fit-30 ta’ Awwissu 2012.

    14

    Fl-4 ta’ Settembru 2012, S. Celaj mar, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, l-istazzjon tal-pulizija tal-fruntiera fi Brindisi (l-Italja) u telaq volontarjament mit-territorju Taljan.

    15

    Sussegwentement, S. Celaj daħal mill-ġdid fit-territorju Taljan. Fl-14 ta’ Frar 2014, huwa ġie identifikat mill-pulizija fl-istazzjon ferrovjarju ta’ San Piero a Sieve (l-Italja). Dawn arrestawh għal ksur tal-Artikolu 13(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998.

    16

    Għalhekk, il-prosekutur pubbliku fetaħ proċeduri kriminali kontra S. Celaj quddiem it-Tribunal ta’ Firenze u talab li jingħata piena ta’ priġunerija ta’ tmien xhur abbażi tal-Artikolu 13 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998.

    17

    L-avukat tal-persuna interessata talab li din tal-aħħar tiġi rrilaxxata minħabba li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li, għalhekk, il-fatti ma jibqgħux jikkostitwixxu reat.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal ta’ Firenze ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 jipprekludu l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jipprevedu piena ta’ priġunerija sa erba’ snin għal ċittadin ta’ pajjiż terz li, wara li jkun intbagħat lura fil-pajjiż tiegħu mhux abbażi ta’ sanzjoni kriminali u lanqas bħala konsegwenza ta’ sanzjoni kriminali, jidħol mill-ġdid fit-territorju nazzjonali bi ksur ta’ projbizzjoni legali ta’ dħul [...], mingħajr ma jkun ġie preliminarjament issuġġettat għall-miżuri koerċitivi previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115 għall-finijiet tat-tneħħija rapida u effikaċi tiegħu?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment li, wara li rritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, jerġa’ jidħol mill-ġdid b’mod irregolari fit-territorju tal-imsemmi Stat bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

    20

    Qabel kollox huwa importanti li jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix, bħala prinċipju, li d-dritt ta’ Stat Membru jikklassifika bħala reat id-dħul mill-ġdid illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u li jistabbilixxi sanzjonijiet kriminali sabiex jiddiswadi u jiskoraġġixxi t-twettiq ta’ tali ksur (ara, b’analoġija, sentenzi Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 28, kif ukoll Sagor, C-430/11, EU:C:2012:777, punt 31).

    21

    Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax japplika leġiżlazzjoni kriminali li tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva u, għalhekk, li tiċħad lil din tal-aħħar mill-effettività tagħha (sentenza Sagor, C-430/11, EU:C:2012:777, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li d-Direttiva 2008/115 ġiet adottata abbażi tal-punt 3(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 li sar l-Artikolu 79(2)(c) TFUE, li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali u tar-residenza irregolari.

    23

    Skont il-premessi 1 u 4 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 79 TFUE, l-implementazzjoni ta’ politika komuni dwar ir-ritorn tagħmel parti integrali mill-iżvilupp, mill-Unjoni Ewropea, ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni intiża li tiżgura, b’mod partikolari, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u miżuri iktar b’saħħithom sabiex jikkombattuha.

    24

    L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi għall-possibbiltà u, f’ċerti każijiet, għall-obbligu sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta’ ritorn bi projbizzjoni fuq id-dħul, miżura intiża, skont il-premessa 14 ta’ din id-direttiva, tagħti dimensjoni Ewropea għall-effetti tal-miżuri nazzjonali ta’ ritorn.

    25

    Hemm lok li jitqies li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, l-għażla, tal-Istati Membri, li jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi għal sanzjonijiet kriminali għad-dħul mill-ġdid illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

    26

    Ċertament, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jiġu ppreġudikati jekk, wara li tiġi kkonstatata r-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat jippreċedi l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, jew anki l-adozzjoni stess ta’ din id-deċiżjoni, bi prosekuzzjoni kriminali li tista’ twassal għal piena ta’ priġunerija matul il-proċedura ta’ ritorn, sa fejn tali pass ikun qed jirriskja li jtawwal it-tneħħija (ara, f’dan is-sens, sentenzi El Dridi, C-61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 59; Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punti 37 sa 39 u 45, kif ukoll Sagor,C-430/11, EU:C:2012:777, punt 33).

    27

    Madankollu, il-proċedura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li fil-konfronti tiegħu ġew applikati r-regoli u l-proċeduri komuni stabbiliti permezz tad-Direttiva 2008/115 sabiex tintemm l-ewwel residenza irregolari tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru u li jidħol mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

    28

    Għalhekk, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma distinti b’mod ċar minn dawk fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi El Dridi (C-61/11 PPU, EU:C:2011:268) u Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807), fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati li jirrisjedu irregolarment kienu s-suġġett tal-ewwel proċedura ta’ ritorn fl-Istat Membru inkwistjoni.

    29

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-proċedura kriminali, fuq ċittadini ta’ pajjiż terz li fil-konfronti tagħhom ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva u li kienu jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma tkun teżisti motivazzjoni ġusta għan-nuqqas ta’ ritorn (sentenza Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 48).

    30

    Għalhekk, hemm lok li, a fortiori, jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2008/115 ma teskludix l-għażla tal-Istati Membri sabiex jipprovdu sanzjonijiet kriminali kontra ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment li fil-konfronti tagħhom l-applikazzjoni tal-proċedura stabbilita permezz ta’ din id-direttiva wasslet għar-ritorn tagħhom u li jidħlu mill-ġdid fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

    31

    Madankollu, sa fejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li wasslet għat-tneħħija li ġiet qabel id-dħul mill-ġdid irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ammessa biss taħt il-kundizzjoni li l-projbizzjoni fuq id-dħul fil-konfronti tal-imsemmi ċittadin tkun konformi mal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    32

    L-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni kriminali hija wkoll suġġetta għar-rispett totali kemm tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 49), kif ukoll, fejn japplika, tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u b’mod partikolari tal-Artikolu 31(1) tagħha.

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment li, wara li rritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, jerġa’ jidħol mill-ġdid b’mod irregolari fit-territorju tal-imsemmi Stat bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment li, wara li rritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, jerġa’ jidħol mill-ġdid b’mod irregolari fit-territorju tal-imsemmi Stat bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top