This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0132
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 15 December 2015.#European Parliament and European Commission v Council of the European Union.#Actions for annulment — Regulation (EU) No 1385/2013 — Directive 2013/62/EU — Directive 2013/64/EU — Legal basis — Article 349 TFEU — Outermost regions of the European Union — Amendment of the status of Mayotte with regard to the European Union.#Joined Cases C-132/14 to C-136/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Diċembru 2015.
Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 1385/2013 – Direttiva 2013/62/UE – Direttiva 2013/64/UE – Bażi legali – Artikolu 349 TFUE – Reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea – Emenda tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-132/14 sa C-136/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Diċembru 2015.
Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 1385/2013 – Direttiva 2013/62/UE – Direttiva 2013/64/UE – Bażi legali – Artikolu 349 TFUE – Reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea – Emenda tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-132/14 sa C-136/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:813
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Diċembru 2015 ( * )
“Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1385/2013 — Direttiva 2013/62/UE — Direttiva 2013/64/UE — Bażi legali — Artikolu 349 TFUE — Reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea — Emenda tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C‑132/14 sa C‑136/14,
li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2014,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Liukkonen (C‑132/14) kif ukoll minn L. Visaggio u J. Rodrigues (C‑132/14 u C‑136/14), bħala aġenti,
rikorrent fil-Kawżi C‑132/14 u C‑136/14,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal (C‑133/14 sa C‑135/14), W. Mölls (C‑133/14 sa C‑135/14), D. Bianchi (C‑133/14 u C‑135/14) kif ukoll minn D. Martin (C‑133/14 u C‑134/14), bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti fil-Kawżi C‑133/14 sa C‑135/14,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Westerhof Löfflerová, E. Karlsson, F. Florindo Gijón u J. Czuczai, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Renju ta’ Spanja, irrapreżentat minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Fize, D. Colas u N. Rouam, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, B. Andrade Correia, M. Duarte u S. Marques, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur) u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2015,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi C‑132/14 u C‑135/14, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, rispettivament, jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1385/2013, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 354, p. 86). |
2 |
Permezz tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi C‑133/14 u C‑136/14, il-Kummissjoni u l-Parlament, rispettivament, jitolbu l-annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/271/KEE u 1999/74/KE, u d-Direttivi 2000/60/KE, 2006/7/KE, 2006/25/KE u 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, p. 8). |
3 |
Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑134/14, il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, p. 7). |
L-atti kkontestati
Ir-Regolament Nru 1385/2013
4 |
Skont il-premessi 1, 3, 4, 7 u 8 tar-Regolament Nru 1385/2013:
[…]
[...]
|
5 |
Konformement mal-Artikoli 1 sa 4 ta’ dan ir-regolament: “Artikolu 1 Emendi għar-Regolament (KE) Nru 850/98 Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 huwa emendat kif ġej:
Artikolu 2 Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 Fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: ‘6. Sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-prodotti offruti għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur aħħari fil-Majott, bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE.’. Artikolu 3 Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, p. 22),] huwa emendat kif ġej:
Artikolu 4 Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 Fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-Artikolu 56 huwa sostitwit b’dan li ġej: ‘Artikolu 56 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011. Madankollu, l-Artikolu 4 għandu japplika għall-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn issa ’l quddiem ’il-Majott’), mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-prodotti sekondarji u l-prodotti derivati mill-annimali ġġenerati fil-Majott qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għandhom jintremew f’konformità mal-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.’.” |
Id-Direttiva 2013/62
6 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/62 jipprovdi: “Fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [tal-Kunsill] 2010/18/UE[, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13)], is-subparagrafu li ġej huwa mijud: ‘B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-perijodu addizzjonali msemmi fih għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE.’” |
Id-Direttiva 2013/64
7 |
Il-premessi 1 sa 9 tad-Direttiva 2013/64 jipprovdu:
|
8 |
Skont l-Artikolu 1 sa 6 ta’ din id-direttiva: “Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 91/271/KEE Id-Direttiva 91/271/KEE hija emendata kif ġej:
Artikolu 2 Emenda tad-Direttiva 1999/74/KE Fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/74/KE, jiżdied il-paragrafu li ġej: ‘3. B’deroga mill-paragrafu 2, fil-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’), tiġieġ li jbid jista’ jibqa’ jiġi mrobbi f’gaġeġ kif imsemmi f’dan il-Kapitolu sal-31 ta’ Diċembru 2017. Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-ebda gaġġa bħal dawk li għalihom saret referenza f’dan il-Kapitolu ma tista’ tinbena jew tiddaħħal f’servizz għall-ewwel darba fil-Majott. Il-bajd li ġej minn stabbilimenti li jrabbu tiġieġ li jbidu fil-gaġeġ kif imsemmi f’dan il-Kapitolu għandhom jitqiegħdu biss fis-suq lokali tal-Majott. Dak il-bajd u l-pakki tagħhom għandhom ikunu identifikati b’mod ċar b’marka speċjali, b’mod li jkunu jistgħu jsiru l-kontrolli neċessarji. Deskrizzjoni ċara ta’ dan l-immarkar speċjali għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.’. Artikolu 3 Emendi lid-Direttiva 2000/60/KE Id-Direttiva 2000/60/KE hija b’dan emendata kif ġej:
Artikolu 4 Emendi għad-Direttiva 2006/7/KE Id-Direttiva 2006/7/KE hija b’dan emendata kif ġej:
Artikolu 5 Emenda tad-Direttiva 2006/25/KE Fid-Direttiva 2006/25/KE, jiżdied l-Artikolu li ġej: ‘Artikolu 14a 1. Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni u prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, Franza tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2017, tidderoga mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tikkonforma ma’ din id-Direttiva fil-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 [TFUE] (minn hawn ’il quddiem ’il-Majott’) sakemm tali applikazzjoni tirrikjedi faċilitajiet tekniċi speċifiċi li ma jkunux disponibbli fil-Majott. L-ewwel subparagrafu ma japplikax għall-obbligi stipulati fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva, jew għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirriflettu l-prinċipji ġenerali stipulati fid-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE[, tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)] 2. Kull deroga minn din id-Direttiva li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ miżuri li kienu jeżistu fl-1 ta’ Jannar 2014 jew mill-adozzjoni ta’ miżuri ġodda għandha tkun preċeduta minn konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont id-dritt u l-prattika nazzjonali. Dawn id-derogi għandhom ikunu applikati b’kundizzjonijiet li, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi partikolari prevalenti fil-Majott, jiggarantixxu li r-riskji li jirriżultaw għall-ħaddiema għandhom jitnaqqsu għall-minimu possibbli u li l-ħaddiema kkonċernati jibbenefikaw minn sorveljanza msaħħa tas-saħħa. 3. Il-miżuri ta’ deroga nazzjonali għandhom jiġu riveduti kull sena, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u għandha tiġi rtirata hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma għadhomx jeżistu.’. Artikolu 6 Emenda tad-Direttiva 2011/24/UE Fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/24/UE, jiżdied il-paragrafu li ġej: ‘3. B’deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, Franza għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tkun konformi ma’ din id-Direttiva fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE sat-30 ta’ Ġunju 2016.’.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9 |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE, tal-11 ta’ Lulju 2012, li temenda l-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, p. 131), il-Mayotte ma baqax, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, jidher fost in-numru ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 355(2) TFUE, sabiex sar reġjun ultraperiferiku, fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE. B’din id-deċiżjoni, riferimenti għall-Mayotte iddaħħlu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 355(1) TFUE, filwaqt li, fl-Anness II tat-Trattat FUE, li jistabbilixxi l-lista ta’ “Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom japplikaw id-Dispożizzjonijiet tal-Parti IV [ta’ dan it-trattat]”, tħassar is-sitt inċiż, li kien jipprovdi “Mayotte”. |
10 |
Wara diversi talbiet mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-Repubblika Franċiża, marbuta bid-Deċiżjoni 2012/419 sabiex tapplika għall-Mayotte l-acquis tad-dritt tal-Unjoni fit-totalità tiegħu b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, kellha madankollu tingħata termini addizzjonali sabiex tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu. |
11 |
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat, fit-13 ta’ Ġunju 2013, il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti fil-qasam tas-sajd u s-saħħa tal-annimali minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni [COM(2013) 417 final], il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/18/UE tal-Kunsill fir-rigward tal-bidla fl-istatus tal-Mayotte [COM(2013) 413 final] kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Mayotte fir-rigward tal-Unjoni [COM(2013) 418 final], ibbażati rispettivament:
|
12 |
Il-Kunsill, wara li kkunsidra li l-atti previsti kellhom jiġu adottati kollha fuq il-bażi tal-Artikolu 349 TFUE u konformement mal-proċedura leġiżlattiva speċjali, bagħat lill-Parlament, għal opinjoni, il-proposti tal-Kummissjoni. Dawn il-proposti ġew ikkomunikati wkoll lill-parlamenti nazzjonali. |
13 |
Fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-Parlament adotta “pożizzjoni[jiet] fl-ewwel qari” tiegħu fuq il-proposta għal regolament COM(2013) 417 final kif ukoll fuq il-proposta għal direttiva COM(2013) 418 finali. F’dan it-teħid ta’ pożizzjonijiet, il-Parlament indika li l-atti previsti kellhom jiġu adottati “skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja” iżda li, fir-rigward speċifikament tar-regolament previst, dan kellu jkollu bħala bażi legali, b’żieda mal-Artikoli 43(2) TFUE u 168(4)(b) TFUE, l-Artikolu 349 TFUE. Fir-rigward tal-att previst fil-kuntest tal-proposta għal deċiżjoni COM(2013) 413 final, il-Parlament, filwaqt li enfasizza li huwa ġie “kkonsultat” konformement mal-Artikolu 349 TFUE fuq l-abbozz tal-Kunsill, approva, b’riżoluzzjoni leġiżlattiva wkoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, “l-abbozz tal-Kunsill kif emendat”. |
14 |
Fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill, “f’konformità ma’ proċedura leġislattiva speċjali”, adotta, fuq il-bażi tat-“Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu”, u wara l-“opinjoni tal-Parlament [tat-12 ta’ Diċembru 2013]”, ir-Regolament Nru 1385/2013, id-Direttiva 2013/62 u kif ukoll id-Direttiva 2013/64 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”). |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2014, il-kawżi ineżami ngħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura u kif ukoll tas-sentenza. |
16 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
17 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
18 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Lulju 2014, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
Fuq ir-rikorsi
20 |
Insostenn tar-rikorsi rispettivi tagħhom, il-Parlament u l-Kummissjoni jinvokaw motiv uniku bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati fuq il-bażi tal-Artikolu 349 TFUE, wettaq għażla żbaljata tal-bażi legali. |
L-argumenti tal-partijiet
L-argumenti tal-Kummissjoni
21 |
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 349 TFUE japplika biss fil-każ ta’ deroga mill-applikazzjoni tad-dritt primarju għar-reġjuni ultraperiferiċi. Fl-assenza ta’ tali deroga, il-bażi legali ta’ att li sempliċement jadatta politika għal dawn ir-reġjuni, kif kien il-każ fir-rigward tal-atti kkontestati, għandha titfittex fid-dispożizzjonijiet marbuta ma’ din il-politika. |
22 |
Din l-istituzzjoni tirrileva li l-Artikolu 355(1) TFUE jispeċifika li “[d]-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw” għar-reġjuni ultraperiferiċi “skond l-Artikolu 349 [TFUE]”. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippermetti biss li ssir deroga mill-applikazzjoni tad-“dispożizzjonijiet tat-Trattati” għal dawn ir-reġjuni. |
23 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52 TUE jirriżulta li minkejja li “[t]-Trattati” huma applikabbli għall-Istati Membri kollha, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom huwa speċifikat fl-Artikolu 355 TFUE. B’hekk, skont il-Kummissjoni, ir-rabtiet bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jimplikaw li l-kunċett ta’ “Trattati” li huma jużaw jeskludi d-dritt sekondarju. Fil-fatt, normalment id-dettalji speċifiċi marbuta mal-portata ġeografika ta’ regola ta’ dritt sekondarju jkunu jinsabu f’din ir-regola nfisha u ma jistgħux jinbidlu la bl-Artikolu 355 TFUE u lanqas bl-Artikolu 52 TUE. |
24 |
Fir-rigward partikolarment tal-Artikolu 349 TFUE, il-Kummissjoni tispeċifika li dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Kunsill jadotta kwalunkwe “miżura speċifika” favorevoli għar-reġjuni ultraperiferiċi previsti f’dan l-artikolu. Fil-fatt, dan tal-aħħar jippermetti biss l-adozzjoni ta’ miżuri billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” ta’ dawn ir-reġjuni kif ukoll il-fatturi, elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jaggravaw din is-sitwazzjoni. |
25 |
Sa fejn il-“miżuri speċifiċi” previsti fl-Artikolu 349 TFUE għandhom “[l]-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati” għar-reġjuni kkonċernati, it-terminu “partikolarment” ifisser li dan l-artikolu jkopri kull miżura li tidderoga mit-Trattati, kemm jekk din tistabbilixxi tali “kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni” kif ukoll jekk le. Mill-banda l-oħra, dan l-artikolu ma jippermettix lill-Kunsill jistabbilixxi l-“kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni” tad-dritt sekondarju. |
26 |
Tali interpretazzjoni la tista’ tiġi affettwata mill-espressjoni “inklużi l-politiki komuni”, użata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, u lanqas mil-lista mhux eżawrjenti ta’ dawn il-politiki, li tidher fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. Fil-fatt, l-użu ta’ din l-espressjoni u l-preżenza ta’ din il-lista sempliċement juru li l-portata tal-Artikolu 349 TFUE ma hijiex limitata għal ċerti oqsma politiċi speċifiċi, iżda ma jimplikawx li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandu jiġi estiż b’mod li l-Kunsill ikun jista’, fuq il-bażi tiegħu, jadotta miżuri li jidderogaw mid-dritt sekondarju. |
27 |
Il-Kummissjoni tqis li s-sistema tal-bażijiet legali tat-Trattat FUE tikkorrobora l-argumentazzjoni tagħha. Fil-fatt, kull waħda minn dawn il-bażijiet legali, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 349 TFUE, tikkonċerna politika partikolari, meħuda fl-intier tagħha, u tagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni kull fattur rilevanti. Minn dan jirriżulta li jistgħu jsiru differenzazzjonijiet ġeografiċi, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għaldaqstant, trattament differenzjat favur reġjun ultraperiferiku jista’ jiġi ġġustifikat mill-eżistenza, f’dan ir-reġjun, ta’ wieħed jew iktar mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 349 TFUE, mingħajr ma hija affettwata l-bażi legali applikabbli għal dan it-trattament. |
28 |
Finalment, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tal-atti kkontestati, billi r-rikorsi tagħha ma jirrigwardawx il-kontenut stess tagħhom. |
L-argumenti tal-Parlament
29 |
Il-Parlament iqis li r-Regolament Nru 1385/2013 u d-Direttiva 2013/64 ifittxu diversi għanijiet fl-istess ħin u għandhom diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma hemm xi wħud minnhom li huma sekondarji u indiretti meta mqabbla mal-oħrajn. Għalhekk, dawn l-atti kellhom jiġu bbażati fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti. |
30 |
Skont din l-istituzzjoni, l-Artikolu 349 TFUE ma jistax jibbenefika minn xi supremazija meta mqabbel mal-bażijiet legali settorjali għal dak li jirrigwarda miżuri intiżi għall-implementazzjoni ta’ politika partikolari jew oħra, kemm jekk f’reġjun ultraperiferiku wieħed u kemm jekk f’diversi reġjuni ultraperiferiċi, għax altrimenti l-istruttura tat-Trattat FUE u l-bilanċ istituzzjonali fl-adozzjoni ta’ miżuri previsti minn dan it-Trattat jiġu ppreġudikati. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-politiki tal-Unjoni japplikaw ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi. |
31 |
Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tal-Parlament, li l-miżuri li jimplementaw dawn il-politiki għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-bażijiet legali stabbiliti fit-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Il-fatt li miżura tikkonċerna, kompletament jew parzjalment, reġjun ultraperiferiku jew diversi reġjuni ultraperiferiċi jibqa’ mingħajr effett f’dan ir-rigward. Il-kriterju deċiżiv huwa dak dwar jekk tali miżura ssegwix għanijiet speċifiċi għall-politika kkonċernata, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi miżura speċifika favur reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE. |
32 |
F’dan ir-rigward, il-Parlament iqis li mill-kliem tal-Artikolu 349 TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti biss l-adozzjoni ta’ “miżuri speċifiċi” li jfittxu li jikkumpensaw l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-“karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet” li jiddifferenzjaw ir-reġjun jew ir-reġjuni kkonċernati mill-kumplament tat-territorju tal-Unjoni. |
33 |
Mill-għan stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jipprovdi li dawn il-miżuri jfittxu “partikolarment, [li] jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni”, u mir-riżerva stabbilita fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jipprovdi li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati “mingħajr ma [tit]naqqas l-integrità u l-koerenza ta’ l-ordni legali ta’ l-Unjoni, inkluż[a] [...] l-politika komuni”, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 349 TFUE jipprevedi biss derogi mill-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. |
34 |
Għalhekk, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu miżuri li ma jintroduċux deroga minn regoli altrimenti applikabbli, iżda sempliċement jipposponu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal reġjun ultraperiferiku. |
35 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2013/64, mill-premessi tagħha jirriżulta li hija għandha l-għan, bl-għoti ta’ perijodi tranżitorji, li tiffaċilita l-applikazzjoni sħiħa, sa fejn il-Mayotte huwa kkonċernat, ta’ diversi direttivi fl-oqsma tal-ambjent, tal-agrikoltura, tal-politika soċjali u tas-saħħa pubblika. |
36 |
Issa, id-diffikultajiet iffaċċjati għal applikazzjoni sħiħa, f’dan ir-reġjun, ta’ dawn id-direttivi la jirriżultaw mis-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” li fiha dan jinsab u lanqas mill-eżistenza ta’ fattur jew diversi fatturi aggravanti, kif elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. Fil-fatt, dawn id-diffikultajiet jistgħu jikkonċernaw kwalunkwe reġjun suġġett għall-obbligu li josserva, b’effett minn data partikolari, rekwiżiti li ma kinux preċedentement applikabbli għalih. |
37 |
Għalhekk, skont il-Parlament, l-emendi mressqa mid-Direttiva 2013/64 kellu jkollhom bħala bażijiet legali dawk li jikkorrispondu għad-direttivi settorjali kkonċernati u ma setgħux jiġu bbażati fuq l-Artikolu 349 TFUE. |
38 |
Fir-rigward tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Parlament jispeċifika li l-Artikolu 1 tiegħu huwa intiż sabiex jimplementa l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd. Il-fatt li l-ambjent marittimu fraġli, li għandu jkun suġġett għal protezzjoni, jinsab fl-ilmijiet ta’ reġjun ultraperiferiku huwa irrilevanti, peress li tali sitwazzjoni tista’ tirriżulta f’kull reġjun ieħor tal-Unjoni. B’hekk, il-miżuri adottati mill-Kunsill f’dan ir-regolament ma humiex intiżi sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi dovuti għas-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” tal-Mayotte. |
39 |
Il-Parlament iżid li l-fatt li miżura partikolari, adottata fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd, tista’ tkun intiża wkoll sabiex jinkisbu effetti pożittivi fil-qasam ekonomiku u soċjali kif ukoll fil-qasam tal-impjiegi ma huwiex ta’ natura li joħroġ lil din il-miżura mill-ambitu ta’ din il-politika. |
40 |
Fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1385/2013, l-emenda inkwistjoni tikkostitwixxi biss emenda tranżitorja intiża sabiex tippermetti l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt sekondarju għall-Mayotte u kellha taqa’, skont il-Parlament, taħt il-bażi settorjali tal-Artikolu 43(2) TFUE. |
41 |
Fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Parlament jammetti li l-miżuri li jidhru fil-punti 1 u 2 ta’ dan l-artikolu huma ta’ natura derogatorja u ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” partikolari tal-Mayotte. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 349 TFUE kien fil-fatt jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. |
42 |
Mill-banda l-oħra, bl-adozzjoni, bil-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1385/2013, tat-tabella dwar il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd, li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1380/2013, mingħajr ma llimita n-numru ta’ bastimenti tas-sajd li joperaw mill-Mayotte, il-Kunsill ma adottax “miżura speċifika” billi ħa inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” tal-Mayotte kif ukoll il-fatturi aggravanti, elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. Għalhekk, tali miżura kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFUE bħala l-bażi legali tagħha. |
43 |
Fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1385/2013, billi dan sempliċement ippospona għall-1 ta’ Jannar 2021 id-dħul fis-seħħ, għall-Mayotte, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1069/2009, il-Parlament iqis li din il-miżura kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 168(4)(b) TFUE. B’mod partikolari, sitwazzjoni simili għal dik li taffettwa lill-Mayotte, jiġifieri l-assenza ta’ industrija tal-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, tista’ tirriżulta f’kull reġjun ieħor tal-Unjoni. |
44 |
Fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Parlament jirrileva li din id-dispożizzjoni tipprevedi dispensa temporanja minn ċerti regoli fir-rigward tal-kontroll tas-segment ta’ bastimenti tal-flotta tal-Mayotte li għandhom tul ta’ inqas minn 10 metri, filwaqt li timponi sistema ta’ kontroll issimplifikata u provviżorja. Billi din il-miżura hija ġġustifikata mill-ħtieġa, minn naħa, “li jitħarrġu s-sajjieda u kontrolluri u li jistabbilixxu infrastruttura amministrattiva u fiżika xierqa”, u min-naħa l-oħra, li jiġu ssodisfatti “mill-anqas xi wħud mill-aktar objettivi importanti tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1224/2009 [li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, p. 1)]”, tali miżura tikkostitwixxi deroga, b’mod li tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 349 TFUE. |
45 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Parlament iqis li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1385/2013, il-kundizzjonijiet għal applikazzjoni simultanja tad-diversi bażijiet legali previsti fl-Artikolu 43(2) TFUE, fl-Artikolu 168(4)(b) TFUE u fl-Artikolu 349 TFUE huma ssodisfatti. |
L-argumenti tal-Kunsill
46 |
Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 349 TFUE jikkostitwixxi bażi legali speċifika b’kamp ta’ applikazzjoni ġeografika limitata, li tipprevali fuq il-bażijiet legali settorjali u li għandha tintuża fil-każ tal-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt sekondarju, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni sfavorevoli tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif deskritta f’dan l-artikolu. |
47 |
Issa, skont il-Kunsill, il-miżuri kollha li jidhru fl-atti kkontestati, indipendentement mit-tul tagħhom, huma intiżi sabiex jiffavorixxu lill-Mayotte konformement mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 349 TFUE u l-fatt li perijodi tranżitorji jistgħu jingħataw fuq bażi legali settorjali ma jaffettwa bl-ebda mod lil din l-analiżi. |
48 |
Il-Kunsill iqis ukoll li l-kundizzjonijiet sabiex jintużaw bażijiet legali multipliċi għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1385/2013 u tad-Direttiva 1385/2013 ma kinux issodisfatti. Minn naħa, il-miżuri li jidhru fihom, li jikkonċernaw diversi oqsma distinti u li ma humiex marbuta ma’ xulxin b’mod inseparabbli, inġabru f’dawn l-atti biss għal “skopijiet ta’ sempliċità u [ta’] rapidità”. Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament u din id-direttiva jfittxu għan prinċipali u predominanti, jiġifieri dak li jiġu adottati miżuri speċifiċi billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-Mayotte, fatt li jiġġustifika li jintuża biss l-Artikolu 349 TFUE. |
49 |
Il-Kunsill jikkontesta, b’mod partikolari, l-allegazzjoni li l-Artikolu 1 tar-Regolament 1385/2013 kif ukoll id-Direttivi 2013/62 u 2013/64 jinkludu miżuri ta’ politiki settorjali. Fil-fatt, l-għan imfittex mir-restrizzjoni tal-attivitajiet tas-sajd li dan l-artikolu jipprevedi huwa “sabiex ikunu ppreservati ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar qrib il-gżira tal-Majott” għall-benefiċċju tal-flotta artiġjanali ta’ bastimenti tas-sajd bil-konz tal-Mayotte u b’hekk l-industrija lokali tkun tista’ tiżviluppa. |
50 |
Fil-fatt, billi din il-flotta ma tistax tikkompeti b’mod effikaċi mal-bastimenti iktar effiċjenti li jużaw il-purse-seines, l-għan ta’ din il-miżura huwa li din il-flotta jkollha żona limitata riżervata għaliha sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar li jgħaddu minn din iż-żona. |
51 |
Il-Kunsill iżid li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1385/2013 huwa intiż, b’dan il-mod, li jikkumpensa għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte u jaqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE. |
52 |
Finalment, il-Kunsill jirrileva li d-Direttiva 2013/62 għandha lir-Repubblika Franċiża bħala destinatarja, li la l-Artikolu 151 TFUE u lanqas l-Artikolu 153 TFUE ma jsemmu l-għan speċifiku li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu ffavoriti u li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 155(2) TFUE ma kinux issodisfatti fil-każ ineżami. |
L-argumenti tal-intervenjenti
53 |
Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-għan imfittex mill-Artikolu 349 TFUE huwa dak li jkunu jistgħu jiġu adottati miżuri speċifiċi minħabba żvantaġġi strutturali u li, konsegwentement, dan l-artikolu jista’ jservi bħala bażi għal miżuri intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi partikolari li, għalkemm ma humiex ta’ natura ekonomika jew soċjali f’sens strett, jaffettwaw speċifikament reġjun ultraperiferiku, bħall-fatturi ambjentali bħalma hija l-klima jew il-fraġilità taż-żoni marittimi tiegħu. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jeħtieġx li l-miżuri speċifiċi li huwa jipprevedi jiġu adottati sabiex “tiġi ffaċċjata” s-sitwazzjoni ekonomika jew soċjali speċifika tar-reġjun ikkonċernat, iżda biss li dawn jiġu adottati billi “jittieħed kont” ta’ din is-sitwazzjoni. |
54 |
Dan il-gvern jispjega li l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1385/2013 ġew iddettati mill-karatteristiċi u mil-limitazzjonijiet partikolari tal-Mayotte u huma mmotivati mis-sitwazzjoni strutturali ekonomika, soċjali u ambjentali ta’ dan ir-reġjun. Fil-fatt, dawn huma neċessarji sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ekosistema lokali, fid-dawl tal-fraġilità tagħha, u sabiex tiġi ppreservata l-ekonomija lokali, fid-dawl tan-natura frammentata u sottożviluppata tas-sistemi ta’ pproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, tal-karatteristiċi tal-flotta tal-Mayotte u tal-assenza ta’ taħriġ għas-sajjieda u għall-kontrolluri fir-rigward tal-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd. |
55 |
Fir-rigward tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2013/64, dawn huma intiżi wkoll sabiex jirrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-Mayotte fir-rigward, partikolarment, tal-istat tal-ambjent, tan-nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku u tal-assenza tal-infrastruttura, sa fejn dawn il-karatteristiċi speċifiċi jikkostitwixxu żvantaġġi strutturali. |
56 |
Fir-rigward tal-miżura stabbilita mid-Direttiva 2013/62, mill-premessi tagħha jirriżulta li din tfittex li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli tal-Mayotte, li hija kkaratterizzata minn suq tax-xogħol sottożviluppat, minn rata ta’ impjieg baxxa minħabba d-distanza għall-Mayotte, mill-insularità tagħha, mit-topografija u mill-klima diffiċli tagħha, minn prodott gross domestiku baxx u mill-ħtieġa li tiġi evitata kull destabilizzazzjoni tal-ekonomija lokali. |
57 |
Il-Gvern Franċiż iżid li, kuntrarjament għal dak allegat mill-Parlament, l-atti kkontestati ma għandhomx l-għan prinċipali li jiżguraw l-applikazzjoni tal-acquis tad-dritt tal-Unjoni għall-Mayotte fi tmiem il-perijodi tranżitorji li huma jipprevedu, peress li din l-applikazzjoni tirriżulta direttament mill-Artikolu 355(1) TFUE. |
58 |
Il-Gvern Spanjol jispjega li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE sostnuta mill-Kummissjoni ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha, peress li, jekk din l-interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, ma jkunx possibbli li jiġu adottati miżuri speċifiċi fl-oqsma taż-“żoni liberi” u tal-“programmi oriżżontali” rregolati mid-dritt sekondarju. |
59 |
Barra minn hekk, skont dan il-gvern, jekk l-iskop tal-Artikolu 349 TFUE huwa li jiddefinixxi l-miżuri speċifiċi li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-applikazzjoni tat-Trattati, miżuri provviżorji jew tranżitorji li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tar-reġjuni kkonċernati u li huma intiżi sabiex jiżguraw fil-ħin applikazzjoni sħiħa għalihom tal-acquis tad-dritt tal-Unjoni jistgħu a fortiori jiġu adottati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar ma tiddistingwix bejn il-miżuri b’kontentut sostantiv u l-miżuri ta’ natura temporanja. |
60 |
Fir-rigward tal-atti kkontestati, il-Gvern Spanjol jirrileva li l-għan prinċipali tagħhom huwa, kif turi l-premessa 1 ta’ kull wieħed minn dawn l-atti, li d-dritt sekondarju jiġi adattat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Barra minn hekk, peress li l-miżuri stabbiliti minn dawn l-atti għandhom l-għan li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, inkluż fil-qasam tad-dritt sekondarju, l-Artikolu 349 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali predominanti. |
61 |
Il-Gvern Portugiż iqis li mill-qari tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa kuntrarja, l-espressjonijiet “Trattati” u “applikazzjoni tat-Trattati” għandhom jinftiehmu li jfissru d-“dritt tal-Unjoni” u l-“acquis legali tal-Unjoni”, inkluż id-dritt sekondarju. |
62 |
Barra minn hekk, il-kriterju mressaq mill-Parlament li jippermetti li ssir distinzjoni bejn id-derogi permanenti u d-derogi temporanji ma jsib ebda sostenn fit-test tal-Artikolu 349 TFUE. |
63 |
Għalhekk, l-Artikolu 349 TFUE huwa ppreżentat bħala bażi legali speċifika ta’ importanza li hija mmanifestata mill-fatt li dan l-artikolu, fl-ewwel lok, jiddefinixxi l-kunċett ta’ reġjun ultraperiferiku (identifikazzjoni tat-territorji), fit-tieni lok, jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-miżuri ta’ differenzjazzjoni (kull qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni), fit-tielet lok, jistabbilixxi l-limiti tal-kompetenza deċiżjonali tal-Kunsill (il-miżuri ma jistgħux “[inaqqsu] l-integrità u l-koerenza ta’ l-ordni legali ta’ l-Unjoni”) u, fir-raba’ lok, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ abilitazzjoni li tipprovdi bażi legali u li tidentifika kemm il-proċedura li għandha tiġi segwita (deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Parlament) kif ukoll in-natura tal-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu adottati (dawn għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-inugwaljanza strutturali tar-reġjuni kkonċernati). |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
64 |
Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li l-Artikolu 52 TUE jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-Trattati għandhom japplikaw għall-Istati Membri u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn it-trattati huwa speċifikat fl-Artikolu 355 TFUE. |
65 |
Skont l-Artikolu 355(1) TFUE, kif emendat bl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/419, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi, fosthom il-Mayotte, konformement mal-Artikolu 349 TFUE. |
66 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, kif emendat bl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/419, jipprovdi li l-Kunsill “għandu jadotta miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni”. |
67 |
Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE jirriżulta wkoll li l-“miżuri speċifiċi” li huwa jipprevedi għandhom jiġu adottati billi “jittieħed kont” tas-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija “aktar ikkumplikata” b’numru ta’ fatturi “li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom”. |
68 |
Għalhekk, dawn il-fatturi huma ppreżentati, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, bħala fatturi aggravanti tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi li l-Kunsill għandu jieħu inkunsiderazzjoni, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, meta jadotta miżuri speċifiċi. |
69 |
Minkejja li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament ma huwiex iġġustifikat li jsostni li kull miżura speċifika, fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE, għandha tkun iġġustifikata mhux biss mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tar-reġjun ultraperiferiku kkonċernat, iżda wkoll mill-eżistenza ta’ mill-inqas wieħed mill-fatturi elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li huma partikolari għal dak ir-reġjun, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kunsill għandu jkun f’pożizzjoni, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, li jippreżenta elementi li jistabbilixxu fattur ta’ konnessjoni bejn il-miżura speċifika prevista u l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet partikolari tar-reġjun ultraperiferiku inkwistjoni. |
70 |
Barra minn hekk, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE, hemm speċifikat li l-miżuri speċifiċi adottati mill-Kunsill skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE jikkonċernaw “b’mod partikolari oqsma bħalma huma l-politika doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-kondizzjonijiet għall-fornitura ta’ materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuniet ta’ l-Istat u l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u għal programmi oriżżontali ta’ l-Unjoni.” |
71 |
B’hekk, mill-kliem tal-Artikolu 349 TFUE jirriżulta li dan jippermetti lill-Kunsill jadotta, partikolarment fl-oqsma msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, miżuri speċifiċi intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi. |
72 |
Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 349 TFUE jippermetti biss li ssir deroga mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju għar-reġjuni ultraperiferiċi u mhux, bħalma kien il-każ fil-każ ineżami, li atti tad-dritt sekondarju jiġu adattati għas-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn ir-reġjuni, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li “l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandhom jinftiehmu bħala li jkopru fl-istess ħin il-kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni u dawk marbuta mal-applikazzjoni ta’ atti tad-dritt sekondarju adottati fuq il-bażi ta’ dan id-dritt primarju. |
73 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 227(2) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 299(2) KE, li hu stess sar l-Artikolu 349 TFUE], li minnha jirriżulta li l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kunsill minn din id-dispożizzjoni sabiex jipprevedi miżuri speċifiċi intiżi sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet tat-territorji extra-Ewropej tikkonċerna kemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll dawk tad-dritt sekondarju (sentenza Hansen & Balle, 148/77, EU:C:1978:173, punt 10). |
74 |
Barra minn hekk, kif il-Kunsill irrileva, diversi oqsma msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE huma essenzjalment irregolati minn atti tad-dritt sekondarju. Għalhekk, l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni tiġi affettwata jekk, f’dawn l-oqsma, hija tawtorizza biss l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju. |
75 |
Finalment, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhux l-atti tad-dritt sekondarju kollha jiddefinixxu, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni donnha ssostni, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom. |
76 |
Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ speċifikazzjoni f’dan is-sens, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju għandu jiġi ddeterminat, kif sostna b’mod partikolari l-Gvern Franċiż, skont l-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE. |
77 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispjega li d-dritt sekondarju għandu, bħala prinċipju, l-istess kamp ta’ applikazzjoni li għandhom it-Trattati stess u japplika ipso jure f’dan il-kamp (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, 61/77, EU:C:1978:29, punt 46, kif ukoll Hansen & Balle, 148/77, EU:C:1978:173, punt 10). |
78 |
Konsegwentement, mill-kliem u mill-għanijiet tal-Artikolu 349 TFUE u kif ukoll mill-istruttura tat-Trattati jirriżulta li, fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-acquis kollu tad-dritt tal-Unjoni huwa ddefinit, b’mod partikolari, mill-qari flimkien tal-Artikolu 52 TUE u tal-Artikolu 355(1) TFUE kif ukoll mill-miżuri adottati skont l-Artikolu 349 TFUE. |
79 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, l-Artikolu 349 TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri speċifiċi intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, għal dawn ir-reġjuni, mhux biss ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati, iżda wkoll ta’ dawk tad-dritt sekondarju. |
80 |
Minn dan isegwi li r-rikorsi tal-Kummissjoni fil-Kawżi C-133/14 sa C-135/14, li huma bbażati biss fuq l-argumentazzjoni kuntrarja, għandhom jiġu miċħuda. |
81 |
Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-Parlament li l-Artikolu 349 TFUE ma jippermettix lill-Kunsill jadotta miżuri li jkollhom biss l-għan li jipposponu l-applikazzjoni għal reġjuni ultraperiferiċi ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu ma jirrestrinġix is-setgħa deċiżjonali tal-Kunsill għal kategorija partikolari ta’ miżuri. |
82 |
Fil-fatt, apparti li t-terminu “miżura” jkopri kull tip ta’ azzjoni li tista’ tiġi ġestita mill-Kunsill, għandu jiġi enfasizzat li l-użu, fl-Artikolu 349 TFUE, tat-terminu “b’mod partikolari” jimplika li l-awturi tat-Trattat FUE ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu lista eżawrjenti tat-tipi ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu. |
83 |
Konsegwentement, il-Kunsill kif ukoll il-Gvern Spanjol u dak Portugiż għandhom raġun meta jsostnu li d-distinzjoni li saret mill-Parlament bejn id-derogi minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u s-sempliċi posponimenti tal-applikabbiltà tagħhom, min-naħa l-oħra, ma ssib ebda sostenn fil-kliem ta’ dan l-artikolu. |
84 |
Tali limitazzjoni hija wkoll kuntrarja għall-għanijiet segwiti mill-Artikolu 349 TFUE, peress li ma hemm xejn li jippermetti li jiġi eskluż li posponiment tal-applikabbiltà sħiħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ jirriżulta li jkun l-iktar miżura adatta sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali ta’ reġjun ultraperiferiku. |
85 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati jissodisfawx ir-rekwiżiti indikati fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza. |
86 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-Regolament Nru 1385/2013, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament żied mar-“Reġjun 8”, kif iddefinit mir-Regolament Nru 850/98, l-ibħra kollha barra mix-xtut tal-Mayotte li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, u li l-punt 2 ta’ dan l-artikolu daħħal f’dan l-istess Regolament Nru 850/98 l-Artikolu 34g li jipprojbixxi lill-bastimenti milli jużaw purse-seines fuq ġlejjeb ta’ tonn jew speċitajiet ta’ ħut li jixbhu lit-ton fiż-żona li testendi sa 24 mil mix-xtut tal-Mayotte, imkejla mil-linji ta’ bażi użati sabiex jiġu ddelimitati l-ibħra territorjali. |
87 |
F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-premessi 3 u 7 tar-Regolament Nru 1385/2013, kif spjegati mill-Kunsill quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jiġu ppreservati ġlejjeb ta’ ħut migratorji kbar qrib il-Mayotte għall-benefiċċju tal-flotta lokali li, peress li hija flotta sottożviluppata ta’ basitmenti tas-sajd bil-konz, ma tistax titqabbel mal-flotot barranin. Minn dan isegwi li dawn il-miżuri ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Għaldaqstant, il-Kunsill seta’ legalment jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE sabiex jadottahom. |
88 |
It-tieni nett, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1385/2013 żied mal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1379/2013 il-paragrafu 6, li jipprevedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-artikolu tal-aħħar ma għandhomx japplikaw għall-prodotti offruti għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali fil-Mayotte. |
89 |
Kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1385/2013, din il-miżura ġiet iġġustifikata mill-Kunsill mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“iskemi ta’ kummerċjalizzazzjoni frammentati ħafna u sottożviluppati tal-Mayotte” u li jiġi evitat li l-applikazzjoni prematura tar-regoli tal-ittikettjar tal-prodotti tas-sajd timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut oneru sproporzjonat fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata lill-konsumatur. |
90 |
Għalhekk, tali miżura ġiet adottata billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE sabiex jadotta din il-miżura. |
91 |
It-tielet nett, ladarba l-Parlament ma jikkontestax li l-miżuri li jidhru fl-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1385/2013 setgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 349 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk dawn il-miżuri ġewx adottati b’mod konformi mar-rekwiżiti esposti fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza. |
92 |
Sa fejn il-Parlament jikkontesta li l-inklużjoni, prevista mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1385/2013, tal-entrati dwar il-Mayotte, li jidhru fl-anness ta’ dan ir-regolament, fit-tabella fl-Anness II tar-Regolament Nru 1380/2013 setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 349 TFUE, għandu jiġi rrilevat li din il-miżura tikkostitwixxi, flimkien mal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1385/2013, totalità inseparabbli u li din hija, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawn il-miżuri tal-aħħar. |
93 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament ma jistax jilmenta fir-rigward tal-Kunsill li, sabiex jadotta l-miżuri kollha previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1385/2013, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE. |
94 |
Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li l-posponiment għall-1 ta’ Jannar 2021, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1385/2013, tad-dħul fis-seħħ għall-Mayotte tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1069/2009 ġie ġġustifikat mill-Kunsill, skont il-premessa 8 tal-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti, bil-fatt li l-Mayotte ma għandu ebda kapaċità industrijali sabiex jipproċessa prodotti sekondarji tal-annimali. |
95 |
Tali miżura ġiet għalhekk adottata billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Minn dan isegwi li l-użu tal-Artikolu 349 TFUE bħala bażi legali għal din il-miżura kien konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
96 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/64 jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifikati fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar, kif korrettament irrileva l-Parlament, li l-Kunsill ipproċeda, fl-Artikoli 1 sa 6 ta’ din id-direttiva, b’emendi għad-Direttivi 91/271, 1999/74, 2000/60, 2006/7, 2006/25 u 2011/24, sabiex l-applikazzjoni sħiħa, fir-rigward tal-Mayotte, ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fihom tiġi posposta. |
97 |
Dawn l-emendi ġew iġġustifikati, b’mod ġenerali, skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2013/64, mill-ħtieġa li “titqies is-sitwazzjoni partikolari fil-Mayotte fir-rigward tal-istat tal-ambjent, li jeħtieġ li jitjieb konsiderevolment sabiex ikun jista’ tikkonforma mal-objettivi ambjentali stipulati mid-dritt tal-Unjoni, u li għalihom huwa meħtieġ żmien addizzjonali”. |
98 |
Barra minn hekk, ġustifikazzjonijiet speċifiċi għal kull waħda minn dawn l-emendi ġew esposti mill-Kunsill fil-premessi 3 sa 9 ta’ din id-direttiva. |
99 |
B’hekk, fil-premessa 3 tal-istess direttiva, li tirrigwarda l-emendi għad-Direttiva 91/271, ġie indikat li s-sitwazzjoni strutturali u ekonomika speċifika tal-Mayotte, fir-rigward tat-trattament ta’ ilma urban mormi, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. |
100 |
Fil-premessa 4 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 1999/74, ġie rrilevat li, fil-qasam tal-protezzjoni tat-tiġieġ li jbid, kienu meħtieġa investimenti u xogħlijiet preparatorji kunsiderevoli sabiex is-sitwazzjoni fil-Mayotte tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva tal-aħħar. |
101 |
Fil-premessa 5 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 2000/60, il-Kunsill enfasizza li, minħabba s-sitwazzjoni strutturali u ekonomika speċifika tal-Mayotte, ir-Repubblika Franċiża kellha tingħata terminu suffiċjenti sabiex tadotta u timplementa l-miżuri li jiżguraw il-konformità tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva tal-aħħar. |
102 |
Fil-premessa 6 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 2006/7, ġie enfasizzat li l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-Mayotte kellu jitjieb kunsiderevolment sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva tal-aħħar, billi l-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm kienet affettwata minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika speċifika ta’ dan ir-reġjun. |
103 |
Fil-premessa 7 tad-Direttiva 2013/64, li tikkonċerna l-emendi għad-Direttiva 2006/25, il-Kunsill irrileva li l-Mayotte, minħabba s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika partikolari tiegħu, ma kellux faċilitajiet tekniċi għall-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità ma’ din id-direttiva tal-aħħar fil-qasam tar-radjazzjoni ottika artifiċjali. |
104 |
Finalment, fil-premessa 9 tad-Direttiva 2013/64, dwar l-emendi għad-Direttiva 2011/24, il-Kunsill spjega li t-traspożizzjoni tagħha kienet teżiġi numru ta’ adattamenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura u l-informazzjoni għall-pazjenti. |
105 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri li jinsabu fid-Direttiva 2013/64, li permezz tagħhom il-Kunsill emenda d-Direttivi 91/271, 1999/74, 2000/60, 2006/7, 2006/25 u 2011/24, ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu raġun meta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 349 TFUE sabiex jadotta dawn il-miżuri. |
106 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mill-għanijiet u mill-kontenut tal-atti kkontestati jirriżulta li l-miżuri li jinsabu fihom ġew adottati billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali tal-Mayotte, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 TFUE. |
107 |
Għalhekk, il-Parlament ma huwiex iġġustifikat li jsostni li la l-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 1385/2013 u lanqas id-Direttiva 2013/64 ma setgħu legalment ikollhom l-Artikolu 349 TFUE bħala bażi legali. |
108 |
Konsegwentement, ir-rikorsi tal-Parlament fil-Kawżi C‑132/14 u C‑136/14 għandhom ukoll jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
109 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
110 |
Peress li l-Kunsill talab il-kundanna tal-Parlament u tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-kawża tagħhom fil-Kawżi C‑132/14 sa C‑136/14, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kunsill marbuta ma’ dawn il-kawżi. |
111 |
Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.