Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0598

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-1 ta’ Diċembru 2016.
    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) vs Gilbert Szajner.
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(4) – Artikolu 65(1) u (2) – Trade mark verbali LAGUIOLE – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq dritt preċedenti, akkwistat bis-saħħa tad-dritt nazzjonali – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-EUIPO – Qorti tal-Unjoni.
    Kawża C-598/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:915

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fl-1 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

    Kawża C-598/14 P

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    vs

    Gilbert Szajner

    “Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Trade mark verbali ’LAGUIOLE’ — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba d-drittijiet tal-isem kummerċjali preċedenti ‘Forge de Laguiole’ — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO — Annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell mill-Qorti Ġenerali — Artikoli 8(4), 53(1)(c) u 65(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 — Determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni li tingħata lil sinjal permezz tad-dritt nazzjonali applikabbli — Sentenza nazzjonali mogħtija wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO — Stħarriġ tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell mill-Qorti Ġenerali — Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja — Stħarriġ tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Fl-appell preżenti hija kkonċernata essenzjalment il-kwistjoni dwar sa liema punt il-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżaminaw id-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema legali tat-trade marks tal-Unjoni.

    2.

    Din il-kwistjoni tqum f’kawża fejn jidher il-kunċett ta’ “Laguiole”, li fi Franza ma huwiex assoċjat biss mas-skieken, iżda wkoll ma’ diversi tilwimiet legali. Dawn tal-aħħar jikkonċernaw b’mod partikolari l-użu tal-isem ta’ Dorfes Laguiole, li llum il-ġurnata ta’ spiss jintuża bħala sinonimu għas-sikkina famuża li tintewa, li tradizzjonalment kienet immanifatturata hemmhekk. Il-kwistjoni sa liema punt dan l-isem jista’ jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma għandhomx x’jaqsmu mal-lokalità ta’ Laguiole għadha ma hijiex iċċarata b’mod definittiv fid-dritt nazzjonali ( 2 ).

    3.

    Minkejja dan, fil-każ preżenti hija kkonċernata biss il-kwistjoni li sa issa kienet indipendenti minn dan kollu, jiġifieri l-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni tal-isem kummerċjali“Forge de Laguiole” fil-kuntest tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu L. 711-4(b) tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż.

    4.

    Il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EUIPO”) f’dan ir-rigward kien tal-fehma li isem kummerċjali, skont il-ġurisprudenza Franċiża, huwa bħala prinċipju protett fir-rigward tal-attivitajiet kollha li huma koperti mill-għanijiet tal-kumpannija. Skont il-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, isem kummerċjali huwa protett biss fir-rigward tal-attivitajiet effettivament eżerċitatati mill-kumpannija. Il-Qorti Ġenerali bbażat din l-opinjoni fuq is-sentenza tal-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni, Franza)) tal-10 ta’ Lulju 2012 fil-kawża Cœur de Princesse (iktar ’il quddiem is-sentenza “Cœur de Princesse”) ( 3 ), li ngħatat biss wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

    5.

    Fil-fehma tal-EUIPO, hawnhekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Dan minħabba li l-Qorti Ġenerali tista’ tannulla deċiżjoni tal-Bord tal-Appell biss jekk din tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi fil-mument meta tiġi adottata. Billi ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza Cœur de princesse, il-Qorti Ġenerali b’hekk ma kkonstatat ebda żball tal-Bord tal-Appell, iżda ssostitwiet l-evalwazzjoni tiegħu b’tagħha stess. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti Ġenerali, is-sentenza inkwistjoni kienet limitata sabiex tiddeċiedi dwar id-dritt Franċiż, hekk kif kellu jiġi applikat mill-Bord tal-Appell ( 4 ).

    6.

    Din il-kontroversja turi li r-riferiment għad-dritt nazzjonali fis-sistema tat-trade marks tal-Unjoni jinsab f’ċertu tensjoni mal-prinċipji li normalment jirregolaw l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO. Dan peress li b’konformità ma’ dan, il-Qorti Ġenerali għandha bħala prinċipju tillimita ruħha sabiex tidentifika d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu fuq il-bażi tal-elementi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta diġà li dawn il-prinċipji ma humiex applikabbli bl-istess mod meta tkun ikkonċernata l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali. L-appell preżenti jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża u tkompli tiżviluppa din il-ġurisprudenza ( 5 ).

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    1. L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

    7.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

    “Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

    2. Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

    8.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja ( 6 ), ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja ( 7 ). B’dan il-mod, l-Artikoli 8, 52 u 63 tar-Regolament Nru 40/94 saru, mingħajr emenda sostanzjali, rispettivament, l-Artikoli 8, 53 u 65 tar-Regolament Nru 207/2009.

    9.

    L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

    “4.   [M]al-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

    (a)

    id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

    (b)

    dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

    10.

    L-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi dan li ġej:

    “(1)   Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

    […]

    (c)

    meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti.”

    11.

    L-Artikolu 65(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 jiddisponi dan li ġej:

    (1)   “Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell dwar appelli.

    (2)   Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.”

    B – Id-dritt Franċiż

    12.

    L-Artikoli L. 711-4(b) u L. 714-3 tal-Code de la propriété intellectuelle (kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż) (iktar ’il quddiem il-“KPI”) jaqraw kif ġej:

    L. 711-4

    “Sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark jekk ikun ta’ preġudizzju għal drittijiet preċedenti, u b’mod partikolari

    […]

    (b)

    għal isem kummerċjali, jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku;

    […]”

    L. 714-3

    “Hija ddikjarata invalida b’deċiżjoni ġudizzjarja r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 711-1 sa L. 711-4”

    III – Il-kuntest tal-kawża u l-proċedimenti quddiem l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali

    13.

    G. Szajner huwa proprjetarju tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea LAGUIOLE, li għaliha saret applikazzjoni fl-20 ta’ Novembru 2001 u li ġiet irreġistrata fis-17 ta’ Jannar 2005 mill-EUIPO skont ir-Regolament Nru 40/94 (issostitwit bir-Regolament Nru 207/2009).

    14.

    It-trade mark LAGUIOLE ġiet ippreżentata inter alia għal diversi prodotti u servizzi fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28, 34 u 38 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Hawnhekk kienet ikkonċernata firxa wiesgħa ta’ diversi prodotti u servizzi, li kienu jvarjaw minn għodda tal-idejn u implimenti għal ġojjellerija, arloġġi, oġġetti għal fuq il-mejda tal-ikel, lapsijiet, oġġetti tal-ġilda, opri tal-arti kif ukoll artikoli ta’ sport u oġġetti relatati mat-tipjip sa servizzi tat-telekomunikazzjoni ( 8 ), iżda ma kinitx għadha tinkludi skieken, frieket u mqassijiet wara ċ-ċessjoni parzjali li seħħet matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO ( 9 ).

    A – Il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

    15.

    Fit-22 ta’ Lulju 2005, Forge de Laguiole ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark LAGUIOLE skont l-Artikolu 52(1)(ċ) flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (issa l-Artikolu 53(1)(c) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    16.

    It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-isem kummerċjali Forge de Laguiole, li Forge de Laguiole kienet tuża għall-“fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikolu ta’ skieken, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell, artikoli għar-rigali u suveniers – kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità”. Skont Forge de Laguiole, dan l-isem kummerċjali kien jagħtiha d-dritt, skont l-Artikolu L. 711-4(b) moqri flimkien mal-Artikolu L. 714-3 tal-KPI, li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark LAGUIOLE.

    17.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    18.

    Fil-25 ta’ Jannar 2007, Forge de Laguiole ppreżentat appell quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

    19.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ parzjalment l-appell u ddikjara t-trade mark LAGUIOLE bħala invalida għall-prodotti fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28 u 34. Għal dak li jikkonċerna s-servizzi fil-klassi 38 (servizzi ta’ telekomunikazzjoni), l-appell ġie miċħud ( 10 ).

    20.

    Il-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq żewġ prinċipji, fejn kull wieħed kien meqjus bħala suffiċjenti, waħdu, sabiex ikun jista’ jasal għall-konklużjoni tiegħu, li l-isem kummerċjali ta’ Forge de Laguiole kien protett għall-attivitajiet kollha stabbiliti fl-għanijiet tal-kumpannija tiegħu ( 11 ). Minn naħa l-Bord tal-Appell assuma, skont l-Artikolu L. 711-4(b) tal-KPI, li isem kummerċjali skont id-dritt Franċiż huwa protett għall-attivitajiet kollha koperti mill-għanijiet tal-kumpannija tiegħu, meta dawn, bħal fil-każ preżenti, ikunu suffiċjentement preċiżi ( 12 ). Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell kien tal-fehma li, anki jekk jiġi aċċettat li l-għanijiet tal-kumpannija “fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikoli għar-rigali u suveniers – kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità” ma humiex suffiċjentement preċiżi, Forge de Laguiole kienet uriet li hija kienet estendiet l-attivitajiet tagħha għal dan is-settur ta’ attività qabel il-preżentata tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata ( 13 ).

    B – Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali

    21.

    Fit-8 ta’ Awwissu 2011, G. Szajner ippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa bbaża r-rikors tiegħu fuq ksur tal-Artikolu 53(1)(c) flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u sostna b’mod partikolari li skont l-Artikolu L. 711-4 tal-KPI l-protezzjoni ta’ isem kummerċjali, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Bord tal-Appell, testendi biss għal attivitajiet li kienu effettivament imwettqa minn kumpannija ( 14 ).

    22.

    Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikkonstatat li l-Bord tal-Appell ibbaża l-interpretazzjoni tiegħu tad-dritt Franċiż fuq il-ġurisprudenza hekk kif kienet teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fl-1 ta’ Ġunju 2011. Minkejja dan, din il-ġurisprudenza ma hijiex uniformi u kienet tat lok għal kontroversja fid-duttrina speċjalizzata ( 15 ).

    23.

    Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, din il-kontroversja ġiet deċiża mill-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) fis-sentenza Cœur de princesse fis-sens li “l-isem kummerċjali ma [kienx jibbenefika] minn protezzjoni ħlief għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija u mhux għal dawk elenkati fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħha” ( 16 ). Għalkemm is-sentenza kkonċernata ngħatat wara d-deċiżjoni kkontestata, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minnha fl-eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ( 17 ).

    24.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ewwel prinċipju tar-raġunament tal-Bord tal-Appell, ibbażat fuq l-attivitajiet stabbiliti fl-għanijiet tal-kumpannija ta’ Forge de Laguiole, ma jistax isostni d-deċiżjoni kkontestata ( 18 ). Fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tieni prinċipju tar-raġunament li fuqu kienet ibbażata din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li Forge de Laguiole, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Bord tal-Appell, kienet uriet biss li hija eżerċitat attivitajiet ta’ fabbrikazzjoni u ta’ bejgħ ta’ kull tip ta’ artikolu li jaqa’ taħt is-setturi tas-skieken jew tal-pożati tal-mejda, kif ukoll rigali u suveniers, sa fejn dawn huma prodotti li jaqgħu taħt dawn is-setturi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din identifikat probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ prodotti oħrajn fis-sens tal-Artikolu L. 711-4 KPI, u llimitat l-eżami tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għal attivitajiet li fil-fehma tagħha kienu effettivament eżerċitati minn Forge de Laguiole fil-perijodu inkwistjoni ( 19 ).

    25.

    Sussegwentement għal dan l-eżami ( 20 ), il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata biss fir-rigward ta’ ċertu ammont ta’ prodotti li jappartjenu għall-attivitajiet effettivament eżerċitati minn Forge de Laguiole u li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-isem kummerċjali Forge de Laguiole u t-trade mark LAGUIOLE. Għall-bqija l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell kien iddikkjara t-trade mark LAGUIOLE bħala invalida anki għal prodotti oħrajn ( 21 ).

    IV – L-appell u t-talbiet tal-partijiet

    26.

    Permezz ta’ att tat-22 ta’ Diċembru 2014, l-EUIPO ppreżenta l-appell preżenti kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2015, Forge de Laguiole ppreżentat att bir-risposta għall-appell. L-EUIPO u Forge de Laguiole jitolbu li s-sentenza appellata tiġi annullata u li G. Szajner jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    27.

    Minħabba problemi inizjali bin-notifika, kien biss f’Diċembru 2015 li G. Szajner seta’ jippreżenta r-risposta għall-appell tiegħu. Huwa jitlob li t-talbiet u l-aggravji kollha tal-EUIPO u ta’ Forge de Laguiole jiġu ddikjarati inammissibbli, kif ukoll, sussidjarjament, li l-imsemmija talbiet u aggravji jiġu ddikjarati infondati, li l-appell jiġi miċħud, li l-annullament tas-sentenza appellata jiġi ddikjarat superfluwu u li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    28.

    Il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja saret kompletament bil-miktub.

    V – Analiżi

    A – Fuq l-ammissibbiltà

    29.

    G Szajner jikkontesta kemm l-ammissibbiltà tal-appell tal-EUIPO (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 1 hawn taħt) kif ukoll l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ Forge de Laguiole (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2 iktar ’l isfel).

    1. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell tal-EUIPO

    30.

    G. Szajner isostni li l-EUIPO ma jista’ jippreżenta ebda appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali, li s-suġġett tagħha kien deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, peress li la għandu locus standi u lanqas interess ġuridiku. Barra minn hekk, l-aggravji tal-EUIPO huma inammissibbli, peress li jbiddlu s-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet quddiem l-EUIPO.

    31.

    Dawn l-argumenti ma humiex fondati.

    32.

    L-ewwel nett, skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015 ( 22 ), ir-rikors ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO kontra l-EUIPO bħala konvenut. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti li tkun tilfet parzjalment jew għalkollox fit-talbiet tagħha, tista’ tappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li fil-każ preżenti l-EUIPO tilef parzjalment fl-ewwel istanza, għaldaqstant, il-locus standi kif ukoll l-interess ġuridiku tiegħu fl-appell ma humiex ikkontestati, kif huwa kkonfermat ukoll mill-prassi kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 23 ).

    33.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-EUIPO jidher bħala konvenut jew appellant fi proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni li jikkonċernaw deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tiegħu stess ma jiksirx il-prinċipji tal-indipendenza, tal-imparzjalità u tan-newtralità tal-ġudikatura, kif ukoll dak tal-aspettattivi leġittimi u ta’ smigħ xieraq. Huwa minnu li r-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-EUIPO quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ppreċedut mill-proċedura tal-appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO. L-aspetti kważi ġudizzjarji tal-imsemmija proċedura tal-appell ma humiex ikkontestati. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO b’xi mod huma attribwiti lilu. Dan għaliex huwa ma jistax jikkontestahom quddiem il-Qorti Ġenerali u d-drittijiet tiegħu huma ristretti fir-rigward ta’ konvenuti oħra u tal-intervenjenti ( 24 ). Minkejja dan, għall-kuntrarju tal-fehma ta’ G. Szajner, fil-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-EUIPO ma huwiex “kemm imħallef kif ukoll parti”, peress li f’din il-proċedura, ma huwiex il-EUIPO, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi indirizzata f’iktar dettall il-kwistjoni mqajma minn G. Szajner tal-kwalità ta’ qorti tal-Bordijiet tal-Appell fis-sens tal-Artikolu 6(1) KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    34.

    Barra minn hekk, il-preżunzjoni li l-EUIPO fil-proċeduri fl-ewwel istanza ma sarx il-konvenut iżda intervenjenti, u għalhekk irid juri l-interess ġuridiku tiegħu fl-appell, hija ineffettiva. Huwa minnu li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet dwar deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO dwar tilwima bejn il-proprjetarju ta’ trade mark iktar reċenti u dak ta’ sinjal preċedenti. Madankollu, mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ċċitati hawn fuq ( 25 ), jirriżulta biċ-ċar li l-EUIPO f’tali proċedura xorta waħda jassumi r-rwol ta’ konvenut ( 26 ).

    35.

    Fl-aħħar nett, G. Szajner jargumenta li l-aggravji tal-EUIPO b’rabta mas-sentenza Cœur de princesse huma inammissibbli. L-EUIPO f’dan ir-rigward biddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mit-talbiet tal-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

    36.

    Madankollu, lanqas din l-oġġezzjoni ma hija fondata. Fil-fatt, kif issottometta korrettament l-EUIPO, l-interpretazzjoni tad-dritt Franċiż kienet diġà s-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward hija kkonċernata b’mod partikolari l-portata tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali, li dwarha s-sentenza Cœur de princesse tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali – minn G. Szajner stess ( 27 ). Għaldaqstant, l-argumenti tal-EUIPO dwar l-ammissibbiltà ta’ din is-sentenza fl-ewwel istanza bl-ebda mod ma jikkostitwixxu estensjoni tas-suġġett tat-tilwima bejn il-partijiet fil-proċedura quddiem il-EUIPO.

    2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ Forge de Laguiole

    37.

    G. Szajner jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ Forge de Laguiole. Għalkemm hija ma hijiex appellant, hija qiegħda titlob b’mod partikolari li s-sentenza appellata tiġi annullata. Skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tagħha madankollu jridu jkunu intiżi sabiex l-appell tal-EUIPO jiġi milqugħ jew miċħud, totalment jew parzjalment. Għaldaqstant, l-att tagħha fir-realtà huwa appell inċidentali, li skont l-Artikolu 176 tar-Regoli tal-Proċedura kellu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat.

    38.

    Dan l-argument purament formali għandu jiġi miċħud. Huwa minnu li Forge de Laguiole fit-talbiet tagħha fit-tmiem tal-kunsiderazzjonijiet tagħha fir-realtà ma titlobx li jintlaqa’ l-appell tal-EUIPO, iżda li tiġi annullata s-sentenza appellata. Minkejja dan, mir-risposta għall-appell tagħha fl-intier tagħha jirriżulta biċ-ċar li Forge de Laguiole tappoġġa bis-sħiħ l-argumenti u l-aggravji tal-EUIPO. Għalhekk huwa ċar li hija titlob li jintlaqa’ l-appell. Barra minn hekk, hija ma tressaq ebda aggravju u argument indipendenti, kif meħtieġ fir-rigward ta’ appell inċidentali skont l-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    3. Konklużjoni intermedjarja

    39.

    Għaldaqstant, kemm l-appell tal-EUIPO kif ukoll it-talbiet ta’ Forge de Laguiole huma ammissibbli.

    B – Fuq il-mertu

    40.

    Kif diġà ġie enfasizzat, il-Bord tal-Appell jappoġġa l-ġustifikazzjoni tiegħu tal-portata tal-protezzjoni tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole kemm fuq l-attivitajiet koperti mill-għanijiet tal-kumpannija tagħha kif ukoll fuq dawk effettivament eżerċitati minnha ( 28 ). Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel argument huwa għalkollox żbaljat, peress li isem kummerċjali fid-dritt Franċiż huwa protett biss għall-attivitajiet effettivament eżerċitati. Fir-rigward tat-tieni argument, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa parzjalment żbaljat, peress li kien fir-rigward ta’ parti mill-attivitajiet koperti mill-għanijiet tal-kumpannija ta’ Forge de Laguiole li ntwera li dawn ġew eżerċitati fir-realtà ( 29 ).

    41.

    Fil-kuntest tal-appell tiegħu, l-EUIPO joġġezzjona għall-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali kemm fir-rigward tal-protezzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-għanijiet tal-kumpannija ta’ Forge de Laguiole (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 1), kif ukoll fir-rigward tal-attivitajiet effettivament eżerċitati minnha (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2).

    1. Fuq il-protezzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-għanijiet tal-kumpannija ta’ Forge de Laguiole (l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju)

    42.

    L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza Cœur de princesse, li ngħatat wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (l-ewwel aggravju, ara l-punt (a) hawn taħt). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, skont l-EUIPO, żnaturat din is-sentenza (l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ara, f’dan ir-rigward, il-punt (b) iktar ’l isfel).

    a) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza Cœur de princesse mill-Qorti Ġenerali

    43.

    Skont l-EUIPO, l-eżami li twettaq il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Bord tal-Appell, huwa limitat ratione temporis. B’hekk, il-Qorti Ġenerali, b’konformità mas-sentenza UASI vs National Lottery Commission ( 30 ), tista’ tibbaża ruħha fuq sentenzi nazzjonali li jkunu diġà ngħataw fid-data tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, iżda li ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Jekk din il-possibbiltà tiġi estiża għal sentenzi nazzjonali mogħtija wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dan għall-kuntrarju jeċċedi l-limiti tal-kompiti ta’ verifika tal-Qorti Ġenerali

    44.

    Ir-Regolament Nru 207/2009 fih diversi riferimenti għad-dritt nazzjonali. Dan jikkonċerna b’mod partikolari sitwazzjonijiet li fihom, bħal fil-każ preżenti, drittijiet preċedenti jinsabu f’kunflitt ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Hawnhekk, il-protezzjoni li tista’ tintalab għal trade mark tal-Unjoni hija suġġetta għad-dritt ta’ Stat Membru. Id-dritt nazzjonali kkonċernat b’dan il-mod isir standard legali li għandu japplika meta jiġi implementat ir-Regolament Nru 207/2009.

    45.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li skontu rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ “vjolazzjoni […] ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni [ta’ dan ir‑Regolament]” ( 31 ), għandu jinftiehem fis-sens li l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li tapplika permezz ta’ riferiment fir-Regolament Nru 207/2009, jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali ( 32 ).

    46.

    L-eżami tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa stħarriġ sħiħ tal-legalità. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali la hija ristretta għall-elementi li jkunu ġew ipprovduti mill-partijiet, u lanqas għal dawk li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Għall-kuntrarju, hija tista’ tinforma ruħha ex officio, sabiex tivverifika l-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokat ( 33 ).

    47.

    Kuntrarjament għall-argument tal-EUIPO, il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti Ġenerali ma humiex limitati sabiex din tistħarreġ jekk il-Bord tal-Appell applikax id-dritt nazzjonali b’mod korrett. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina jekk u sa fejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali invokata tagħti d-dritt lill-proprjetarju ta’ sinjal preċedenti li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni.

    48.

    Minn dan jirriżulta li sabiex il-Qorti Ġenerali tevalwa l-protezzjoni mogħtija mid-dritt nazzjonali, hija għandha tapplika regola nazzjonali kif kienet interpretata mill-qrati nazzjonali fid-data tad-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll sentenza nazzjonali mogħtija wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, wara li l-partijiet, bħal fil-każ preżenti ( 34 ), ikun kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din is-sentenza ( 35 ).

    49.

    Tali fehim tal-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti Ġenrali huwa kkonfermat mill-fatt li jkun kuntrarju għall-garanzija tal-effettività prattika tar-Regolament Nru 207/2009 jekk il-Qorti Ġenerali jkollha tillimita ruħha sabiex tapplika d-dritt nazzjonali kif kien interpretat mill-qrati nazzjonali fid-data tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ( 36 ). Dan għaliex dan jista’ jwassal sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni jew sabiex tiġi ddikjarata invalida trade mark tal-Unjoni Ewropea minkejja li d‑dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti ma tkunx (għadha) tipprovdi bażi għal dan. Sitwazzjoni bħal din mhux biss ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda għandha tkun miċħuda wkoll għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali. Hija tista’ ġġiegħel lill-applikant jew lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni jibdew proċedura ta’ applikazzjoni ġdida quddiem l-EUIPO, sabiex jinvokaw id-drittijiet miċħuda lilhom b’mod żbaljat għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kkonċernati.

    50.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni ineżami għandha tiġi distinta minn sitwazzjoni fejn dispożizzjoni legali nazzjonali, li tapplika bis-saħħa ta’ riferiment fir-Regolament Nru 207/2009, tiġi emendata wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Huwa minnu li, fl-assenza ta’ tali limitazzjoni, riferiment bħal dak magħmul fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa riferiment dinamiku, li jirreferi għad-dritt nazzjonali fil-verżjoni applikabbli tiegħu. Madankollu, l-emenda ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, li tkun applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, toħloq sitwazzjoni ġdida u għalhekk ma tkunx għadha s-suġġett ta’ tilwima diġà eżistenti dwar l-eżistenza ta’ trade mark tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’tali każ, ikollha titressaq proċedura ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni kkonċernata.

    51.

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, bħal dik ineżami, ma tkunx ġiet emendata tiġi applikata kif kienet interpretata mill-qrati nazzjonali fid-data tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, ikun ukoll f’konformità mal-prinċipju li skontu l-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjoni legali hija essenzjalment, jiġifieri meta ma jkunx hemm deroga espliċita minnha, applikabbli b’mod retroattiv. Tali interpretazzjoni hija b’mod partikolari limitata sabiex tiċċara kif tali regola “għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha” ( 37 ). Il-kwistjoni tal-validità ġenerali ta’ dan il-prinċipju tad-dritt, ikkontestata mill-EUIPO, f’dan il-każ ma teħtieġ ebda kjarifika ulterjuri. Dan għaliex ma hemm ebda indikazzjoni li dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli fid-dritt Franċiż rilevanti hawnhekk. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni prodotta minn G. Szajner turi l-applikabbiltà tagħha anki fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) ( 38 ). Kif ikkonstatat korrettament il-Qorti Ġenerali, is-sentenza Cœur de princesse barra minn hekk ma fiha ebda indikazzjoni li l-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) xtaqet tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-interpretazzjoni adottata f’din is-sentenza ( 39 ).

    52.

    F’dan il-kuntest, għall-finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi nnotat li l-evalwazzjoni tal-kontenut ta’ sentenza nazzjonali, u b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ jekk din hijiex emenda jew konferma tal-ġurisprudenza preċedenti, ma tistax tkun deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali tistax tieħu inkunsiderazzjoni jew le sentenza nazzjonali li ngħatat wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ( 40 ). Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi indirizzata f’iktar dettall il-kwistjoni ta’ jekk is-sentenza Cœur de princesse tikkostitwixxix emenda jew konferma tal-ġurisprudenza Franċiża preċedenti.

    53.

    Huwa minnu li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sentenza nazzjonali, li ngħatat wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, jista’ jkollu l-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod differenti mill-Bord tal-Appell sempliċiment minħabba din is-sentenza. B’hekk ma huwiex eskluż li l-Qorti Ġenerali, kif jissottometti l-EUIPO, tannulla jew tirriforma deċiżjoni tal-Bord tal-Appell minħabba “żball jew nuqqas”. Madankollu, fl-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Bord tal-Appell ma huwiex ikkonċernat “nuqqas”, iżda stħarriġ komprensiv tal-legalità, preċiżament minħabba l-kompetenza ta’ verifika tal-Qorti Ġenerali. Jekk iktar tard isir apparenti li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali, dan ma jistax iservi ta’ ostakolu sabiex dan l-iżball jiġi kkoreġut.

    54.

    Tali konklużjoni lanqas ma hija prekluża mill-fatt li l-Qorti Ġenerali, kif jinnota l-EUIPO, għandha bħala prinċipju tillimita ruħha li tieħu d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu, abbażi tat-tagħrif li fuqu bbaża d-deċiżjoni tiegħu l-Bord tal-Appell ( 41 ). Dan għaliex dan il-prinċipju japplika għall-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għas-suġġett tat-tilwima kif kien iddefinit quddiem l-EUIPO. Minn naħa, madankollu, is-suġġett tat-tilwima legali ma jkunx emendat bil-fatt li tkun qiegħda tiġi interpretata dispożizzjoni legali nazzjonali li tkun diġà tqajmet quddiem il-Bord tal-Appell. Min-naħa l-oħra, id-dritt nazzjonali, li għandu japplika meta jiġi implementat ir-Regolament Nru 207/2009, ma għandux l-istatus ta’ punt purament ta’ fatt ( 42 ), iżda, skont l-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-regolament, huwa suġġett għal stħarriġ sħiħ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha tassew il-possibbiltà li tistħarreġ ex officio l-kontenut u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kuntrarjament għall-prinċipji applikabbli f’rispetti oħra fis-sistema ta’ stħarriġ b’rabta mad-dritt tat-trade marks ( 43 ).

    55.

    B’mod preventiv, f’dan il-kuntest għandu jiġi indikat li minħabba din il-possibbiltà ta’ stħarriġ ex officio, il-Qorti Ġenerali tkun taħt ċerta pressjoni sabiex tinforma ruħha dwar id-dritt nazzjonali u l-iżviluppi tiegħu. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitqies li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, minħabba t-tqassim tal-kompiti bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, huwa f’idejn dawn tal-aħħar, u l-qrati tal-Unjoni ma għandhom l-ebda strument speċifiku għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiċċaraw kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ( 44 ). Għalhekk, il-possibbiltà tal-Qorti Ġenerali li tinforma ruħha ex officio dwar id-dritt nazzjonali, bl-ebda mod ma teħles lill-persuna li tibbaża fuq dan id-dritt mill-oneru li tippreżenta l-elementi, li minnhom tirriżulta l-interpretazzjoni li hija tinvoka ( 45 ). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali fl-appell ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni element ġdid dwar id-dritt nazzjonali, li tibbaża fuqu dik il-persuna li kellha tinforma lill-Qorti Ġenerali dwaru.

    56.

    F’konformità mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, finalment, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza Cœur de princesse mill-Qorti Ġenerali ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, l-ewwel aggravu għandu jiġi miċħud.

    b) Fuq il-portata tas-sentenza Cœur de princesse

    57.

    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sentenza Cœur de princesse u għalhekk kisret l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Qabel nindirizza dan l-argument, ser nittratta fil-qosor il-portata tal-istħarriġ tad-dritt nazzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell.

    i) Fuq l-eżami, fl-appell, tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

    – Osservazzjonijiet ġenerali

    58.

    Kif għadu kemm ġie diskuss, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009 hija suġġetta għal stħarriġ estremament komprensiv mill-Qorti Ġenerali. B’kuntrast ma’ dan, l-istħarriġ li twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja finalment fl-appell, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali, huwa sostanzjalment iktar ristrett.

    59.

    B’kuntrast mal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jippermetti rikors fl-ewwel istanza minħabba “vjolazzjoni […] ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni [ta’ dan ir-Regolament]”, l-Artikolu 58 tal-Istatut jillimita l-kompetenza ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell b’mod partikolari għal “ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali”. Għalhekk, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali fir-Regolament Nru 207/2009 fil-fatt jagħti lil dan id-dritt “status ġuridiku” ( 46 ). Madankollu minn dan jirriżulta biss li d-dritt nazzjonali huwa suġġett għal stħarriġ sħiħ tal-legalità quddiem il-Qorti Ġenerali. Iżda minħabba f’hekk, dan bl-ebda mod ma jsir dritt tal-Unjoni, li l-ksur tiegħu jista’ jiġi appellat ( 47 ).

    60.

    B’konformità ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Edwin vs UASI kkonstatat li l-eżami tagħha tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009 huwa limitat sabiex tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni kif ukoll il-ġurisprudenza u d-duttrina li jirreferu għalihom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx konstatazzjonijiet li huma manifestament kontra l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, u jekk evalwatx b’mod manifestament żbaljat il-portata tad-diversi elementi meta mqabbla ma’ xulxin ( 48 ).

    61.

    Għaldaqstant, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ma huwiex ristrett għall-eżami tal-iżnaturament tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, bħalma huwa l-każ għal punti purament ta’ fatt, iżda jinkludi wkoll l-istħarriġ ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni” ( 49 ). Minkejja dan, dan l-istħarriġ jibqa’ limitat sabiex jeżamina jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx l-elementi li kellha quddiemha b’mod manifestament żbaljat. B’hekk, għall-kuntrarju tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex twettaq evalwazzjoni komprensiva tad-dritt nazzjonali, iżda tillimita ruħha għall-istħarriġ tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-elementi li jilmentaw dwarhom il-partijiet u żbalji manifesti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma hija obbligata teżamina l-kontenut tad-dritt nazzjonali ex officio.

    62.

    Din il-limitazzjoni hija ġġustifikata kemm mir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-appell kif ukoll mill-importanza tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009. Dan għaliex id-dritt nazzjonali fil-fatt ma huwiex biss “punt purament ta’ fatt” u jiġi eżaminat b’mod komprensiv mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, huwa jibqa’ parti miċ-ċirkustanzi tal-kawża – anki jekk legali. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu eżaminati u evalwati mill-EUIPO u mill-Qorti Ġenerali, iżda jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell biss fir-rigward ta’ żbalji manifesti. Dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-appell ma hijiex f’pożizzjoni li tiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt nazzjonali, li fir-rigward tagħha għandhom ġurisdizzjoni l-qrati superjuri nazzjonali, iżda hija responsabbli għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

    63.

    Huwa minnu li din il-limitazzjoni tal-istħarriġ tad-dritt nazzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell tinsab f’ċerta tensjoni mar-raġunament wara l-kompetenza ta’ verifika tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. Dan għaliex dan jikkonsisti fil-garanzija li tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk u sa fejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħti d-dritt lil proprjetarju ta’ sinjal li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti fil-mument tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Madankollu din it-tensjoni ma tistax tiġi evitata minħabba d-diversità tal-kompiti tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minħabba r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tapprova evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali li minħabba interpretazzjoni li tkun ingħatat sadanittant mill-ġurisprudenza nazzjonali ma tkunx għadha tikkorrispondi mar-realtajiet legali nazzjonali. Jekk minn dan tirriżulta emenda fundamentali għall-protezzjoni ta’ sinjal nazzjonali, li jkollha effett fuq il-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, possibbilment tkun trid tinbeda proċedura ta’ reviżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew anki proċediment ġdid għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-EUIPO.

    – Applikazzjoni f’dan il-każ

    64.

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-elementi dwar id-dritt Franċiż li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstat li fl-evalwazzjoni tagħha tas-sentenza Cœur de princesse l-Qorti Ġenerali bbażat biss fuq il-formulazzjoni tagħha ( 50 ).

    65.

    Huwa minnu li addizzjonalment il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ġurisprudenza preċedenti, anki jekk mhux konsistenti, ta’ qrati Franċiżi inferjuri, anki qabel is-sentenza Cœur de princesse, kienet diġà tippermetti l-konklużjoni li l-protezzjoni tal-isem kummerċjali kienet limitata għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija inkwistjoni ( 51 ). Minkejja dan, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha tal-portata tas-sentenza Cœur de princesse fuq din il-konstatazzjoni, li ġiet invokata biss sussidjarjament. Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi indirizzata f’iktar dettall il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti Ġenerali ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, sa fejn irreferiet għal “diversi sentenzi preċedenti tal-qrati Franċiżi prodotti mill-partijiet kemm quddiem l-EUIPO kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali”, mingħajr ma ċċitat dawn is-sentenzi.

    66.

    Fil-kuntest tal-appell preżenti, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk huwa ristrett sabiex jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx il-formulazzjoni tas-sentenza Cœur de princesse u jekk għamlitx konstatazzjonijiet li jikkontradixxu manifestament l-elementi inklużi f’din is-sentenza. Dan għaliex peress li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx fuq elementi oħra b’rabta mad-dritt nazzjonali, hija ma tistax tiġi akkużata li żnaturat jew li evalwat b’mod manifestament żbaljat tali elementi. Minkejja dan, il-kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinftiehem fis-sens li għandu jiġi eżaminat jekk is-sentenza Cœur de princesse flimkien mal-formulazzjoni tal-Artikolu L. 711-4(b) tal-KPI hijiex kapaċi ssostni l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali jew jekk għal dan il-għan kienx evidentement meħtieġ tagħrif ieħor dwar id-dritt Franċiż.

    67.

    Għall-kuntrarju, l-opinjonijiet tad-duttrina ġuridika Franċiża li ġew ippreżentati minn G. Szajner favur l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza Cœur de princesse jistgħu, l-iktar l-iktar, jintużaw insostenn ta’ dan. Il-fatt li la huwa evidenti jekk dawn l-elementi kinux disponibbli għall-Qorti Ġenerali, u lanqas jekk ittiħdux inkunsiderazzjoni minnha huwa irrilevanti.

    ii) Fuq l-allegat żnaturament tas-sentenza Cœur de princesse

    68.

    L-EUIPO u Forge de Laguiole jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sentenza Cœur de princesse billi kkonstatat li d-dikjarazzjoni li tinsab f’din is-sentenza dwar il-portata tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali bl-ebda mod ma hija ambigwa u setgħet tiġi applikata b’mod ġenerali.

    69.

    Is-sentenza Cœur de princesse fil-fatt ma kinitx tikkonċerna d-definizzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali fil-konfront ta’ trade mark ippreżentata minn terz. Għall-kuntrarju, is-suġġett ta’ din is-sentenza sar l-istabbiliment tan-natura frawdulenti tal-preżentata ta’ trade mark minn proprjetarju tal-kumpannija stess. B’hekk, f’din il-kawża, il-kumpannija Cœur de princesse kienet ippreżentat trade mark bl-istess isem biss sabiex tikkawża danni lil terz. Il-preżentata barra minn hekk saret għal attivitajiet li ma kinux eżerċitati minn Cœur de princesse u li lanqas ma kienu koperti mill-għanijiet tal-kumpannija oriġinali tagħha.

    70.

    Dan huwa tassew minnu u ġie rrikonoxxut ukoll mill-Qorti Ġenerali. B’hekk il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonstatat li s-sentenza Cœur de princesse ma kinitx ibbażata fuq rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 711-4 tal-KPI, iżda fuq rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark minħabba preżentata frawdolenti u talba fil-qasam ta’ kompetizzjoni żleali.

    71.

    Minkejja dan, kif ikkonstatat ukoll b’mod korrett il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Cœur de princesse ma hemm ebda indikazzjoni li l-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) riedet tillimita l-validità tad-dikjarazzjoni tagħha dwar il-portata tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali għaċ-ċirkustanzi partikolari li fuqhom kienet ibbażata din is-sentenza. Għall-kuntrarju, il-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) għamlet id-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kuntest taċ-ċaħda tal-ewwel aggravju, li b’mod partikolari kien ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu L. 711-4(b) tal-KPI. Għalhekk, l-argument tal-EUIPO li d-dikjarazzjoni tal-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 711-4(b) tal-KPI ma jistax jintlaqa’. Proprju fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jidher ukoll loġiku li wieħed jibbaża ruħu fuq l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-proprjetarju ta’ isem kummerċjali. Dan għaliex l-Artikolu L. 711-4(b) tal-KPI jissuġġetta l-possibbiltà li isem kummerċjali preċedenti jopponi trade mark iktar reċenti dipendenti għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni eżistenti għall-pubbliku. Jista’ jkun diffiċli li tiġi pprovata tali probabbiltà ta’ konfużjoni għal attivitajiet li ma kinux eżerċitati.

    72.

    Lanqas l-argument mhux issostanzjat ta’ Forge de Laguiole, li peress li s-sentenza Cœur de princesse ikkonfermat id-deċiżjoni preliminari, hija ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni awtoritattiva, ma jista’ jipprekludi dan. Dan għaliex fil-każ preżenti ma jridx jiġi ċċarat jekk is-sentenza Cœur de princesse tikkostitwixxix “deċiżjoni awtoritattiva”. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-istruttura tar-risposta għall-ewwel aggravju kif ukoll mill-pożizzjoni meħuda fid-dikjarazzjoni dwar il-portata ta’ protezzjoni ta’ isem kummerċjali jirriżulta biċ-ċar li din hija konstatazzjoni ġenerali u fundamentali.

    73.

    Finalment, l-EUIPO jsostni li l-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) ibbażat ruħha fuq l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-proprjetarju ta’ isem kummerċjali, sabiex teżamina t-tieni aggravju, li wkoll ġie invokat quddiemha. Hawnehkk ġie ttrattat b’mod partikolari l-qasam tal-kompetizzjoni żleali li kien jirrikjedi ambjent kompetittiv reali bejn iż-żewġ kumpanniji kkonċernati. Madankollu dan l-argument huwa irrilevanti. Dan għaliex id-dikjarazzjoni kkonċernata hawnhekk ma saritx fil-kuntest tar-risposta tal-Cour de cassation (Qorti tal-kassazzjoni) għat-tieni aggravju, li kien relatat mal-kompetizzjoni żleali. Għalhekk, il-kontroversja bejn il-partijiet fir-rigward tal-ħtieġa ta’ ambjent kompetittiv reali fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali ma teħtieġx li tiġi diskussa f’dan il-każ.

    74.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex evidenti li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sentenza Cœur de princesse jew li evidentement kienet teħtieġ elementi oħra dwar id-dritt nazzjonali sabiex tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, l-opinjonijiet tad-duttrina ġuridika Franċiża, li ġew ippreżentati minn G. Szajner, jikkonfermaw l-interpretazzjoni tas-sentenza Cœur de princesse mogħtija mill-Qorti Ġenerali ( 52 ).

    75.

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

    2. Fuq l-attivitajiet effettivament eżerċitati minn Forge de Laguiole (it-tieni parti tat-tieni aggravju)

    76.

    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO, appoġġjat minn Forge de Laguiole, jakkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ddeterminatx b’mod korrett l-attivitajiet effettivament eżerċitati minn Forge de Laguiole. B’hekk, il-Qorti Ġenerali nnotat b’mod korrett li l-portata ta’ protezzjoni tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole kienet tiddependi biss mid-dritt Franċiż. Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-attivitajiet eżerċitati minn Forge de Laguiole, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq in-natura tal-prodotti kkonċernati, u mhux ukoll fuq l-iskop u d-destinazzjoni tagħhom, kif titlob il-ġurisprudenza Franċiża. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali barra minn hekk irreferiet għall-ġurisprudenza tagħha stess dwar l-użu ġenwin tat-trade marks tal-Unjoni, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eskludiet applikazzjoni analoga ta’ din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    77.

    Dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat, mingħajr ma hemm għalfejn li tiġi ċċarata iktar il-kwistjoni tal-applikazzjoni analoga tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament ( 53 ).

    78.

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-attivitajiet li kienu eżerċitati minn Forge de Laguiole, bl-ebda mod ma wettqet applikazzjoni analoga b’mod ġenerali tal-ġurisprudena tagħha dwar l-użu ġenwin tat-trade marks tal-Unjoni. Fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċċitat biss il-ġurisprudenza dwar il-kunċett tal-kategoriji jew sottokategoriji tal-prodotti. Dan sar sabiex tispjega l-konstatazzjoni li skontha l-kummerċjalizzazzjoni tal-frieket ma tippermettix li tiġi stabbilita attività fis-settur kollu tal-ospitalità, iżda biss attività fis-settur tal-pożati. Il-kritika sottomessa mill-EUIPO u minn Forge de Laguiole hija ineffettiva fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni.

    79.

    Barra minn hekk, il-kritika tal-EUIPO u ta’ Forge de Laguiole hija manifestament infondata sa fejn hija bbażata fuq fehim skorrett tas-sentenza appellata. Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-attivitajiet effettivament imwettqa minn Forge de Laguiole, ma speċifikatx il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom kellhom jiġu identifikati dawn l-attivitajiet. B’hekk, kien biss fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li l-Qorti Ġenerali ċċitat il-ġurisprudenza Franċiża li għaliha jirreferu l-partijiet ( 54 ). Madankollu, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali applikat il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza kkonċernata, li ġew ippreżentati mill-partijiet bħala l-kriterji rilevanti, anki fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-attivitajiet effettivament imwettqa minn Forge de Laguiole.

    80.

    Fl-eżami li wettqet ta’ dawn l-attivitajiet, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ma bbażatx espressament fuq in-natura tal-prodotti kkonċernati biss, iżda wkoll fuq id-destinazzjoni, l-użu, il-konsumaturi kif ukoll il-mezzi ta’ distribuzzjoni ( 55 ).

    81.

    Peress li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod estensiv dawn id-diversi fatturi, l-evalwazzjoni tagħha taqa’ fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-fatti. Din l-evalwazzjoni, bla ħsara għal żnaturament, li f’dan il-każ la huwa allegat u lanqas ma huwa manifest, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ). L-EUIPO u Forge de Laguiole ma jixtiqux japprovaw il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali minħabba n-natura, id-destinazzjoni u l-użu tal-prodotti kkonċernati fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati minn Forge de Laguiole. Madankollu dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata.

    82.

    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju lanqas ma tista’ tintlaqa’.

    3. Sommarju

    83.

    Peress li ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-EUIPO ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

    VI – Spejjeż

    84.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    85.

    Skont l-Artikolu 138(1) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talba mressqa minn G. Szajner.

    86.

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li intervenjent fl-ewwel istanza, li ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu stess jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’konformità ma’ dan, Forge de Laguiole SARL, li fil-każ preżenti pparteċipat fil-proċedura bil-miktub, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha.

    VII – Konklużjoni

    87.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    L-appell huwa miċħud.

    2)

    L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn G. Szajner.

    3)

    Forge de Laguiole SARL għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) L-aħħar stadju tat-tilwima li diġà ilha għaddejja 20 sena dwar l-użu tal-isem “Laguiole” hija deċiżjoni tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni Franċiża) tal-4 ta’ Ottubru 2016; ara, f’dan ir-rigward, kif ukoll b’mod ġenerali dwar l-istorja tat-tilwima, E. Tymen, “Une nouvelle manche dans la guerre autour des couteaux Laguiole”, Le Figaro tal-11.10.2016, disponibbli fuq http://www.lefigaro.fr/conjoncture/2016/10/11/20002-20161011ARTFIG00196-une-nouvelle-manche-dans-la-guerre-autour-des-couteaux-laguiole.php.

    ( 3 ) Anness 4 tar-risposta għall-appell ta’ G. Szajner.

    ( 4 ) Ara l-punt 51 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2014, Szajner vs UASI – Forge de Laguiole (LAGUIOLE) (T‑453/11, EU:T:2014:901) (iktar ’il quddiem ukoll is-“sentenza appellata”).

    ( 5 ) Sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452), u tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186).

    ( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, , p. 146

    ( 7 ) ĠU 2009 L 78, p. 1.

    ( 8 ) Punti 1 u 2 tas-sentenza appellata.

    ( 9 ) Ara l-punt 2 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-punti 5 u 6 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-1 ta’ Ġunju 2011 (Anness 1 tar-rikors fl-ewwel istanza) (iktar ’il quddiem ukoll id-“deċiżjoni kkontestata”).

    ( 10 ) Punti 3 sa 8 tas-sentenza appellata.

    ( 11 ) Punti 9 u 33 tas-sentenza appellata.

    ( 12 ) Punti 34 u 41 tas-sentenza appellata. Punti 87 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata (Anness 1 tar-risposta fl-ewwel istanza).

    ( 13 ) Punt 34 tas-sentenza appellata. Punti 91 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata (Anness 1 tar-risposta fl-ewwel istanza).

    ( 14 ) Punt 38 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Punt 42 tas-sentenza appellata.

    ( 16 ) Punt 43 tas-sentenza appellata.

    ( 17 ) Punt 45 tas-sentenza appellata.

    ( 18 ) Punti 51 u 52 tas-sentenza appellata.

    ( 19 ) Punti 53, 73 u 74 tas-sentenza appellata.

    ( 20 ) Punti 161 sa 165 tas-sentenza appellata.

    ( 21 ) Punt 166 u l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    ( 22 ) Ara dak li kien l-Artikolu 133(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

    ( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer (C‑597/14 P, EU:C:2016:579), u tal-11 ta’ Diċembru 2014, UASI vs Kessel (C‑31/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2436), kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Mejju 2014, UASI vs Sanco (C‑411/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:315).

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll is-sentenza invokata minn G. Szajner tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI (C‑106/03 P, EU:C:2004:611, punt 26 et seq).

    ( 25 ) Punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 26 ) Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI (C‑106/03 P, EU:C:2004:611, punt 27).

    ( 27 ) Ara l-punt 25 tas-sentenza appellata.

    ( 28 ) Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 29 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 44 u 46).

    ( 31 ) L-enfasi hija tiegħi.

    ( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:30, punti 61 et seq).

    ( 33 ) Sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 52), u tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 44 u 46).

    ( 34 ) Ara l-punt 25 tas-sentenza appellata.

    ( 35 ) Ara, dwar din il-ħtieġa, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 55 sa 59).

    ( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2013:782, punti 91 u 92), kif ukoll is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 40 u 44).

    ( 37 ) Hekk kien il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà retroattiva tal-interpretazzjoni tagħha tad-dritt tal-Unjoni fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari [ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et (C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 59) ]. Ara, f’dan il-kuntest ukoll, il-punt 48 tas-sentenza appellata.

    ( 38 ) Ara l-punti 25 u 27 kif ukoll l-Annessi 5 (p. 1), 5a (p. 2) u 7 (p. 1) tar-risposta għall-appell ta’ G. Szajner.

    ( 39 ) Punt 48 tas-sentenza appellata.

    ( 40 ) Għaldaqstant, l-argument tal-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, minkejja li ġie invokat biss sussidjarjament, huwa ineffettiv.

    ( 41 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 71 u 72 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452) invokati mill-EUIPO, kif ukoll il-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata; ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Westermann Lernspielverlage vs EUIPO (C‑482/15 P, EU:C:2016:805, punt 27, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

    ( 42 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 37).

    ( 43 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:30, punt 49 et seq.).

    ( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 50).

    ( 46 ) Skont l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2013:782, punt 86).

    ( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:30, punt 42 et seq); fuq il-pożizzjoni differenti tad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-kuntest proċedurali tad-dritt tal-Unjoni rispettiv, ara wkoll J. Kokott, “Le droit de l’Union et son champ d’application”, La Cour de justice de l’Union européenne sous la présidence de Vassilios Skouris, Bruylant, Brüssel, 2015, p. 349 sa 366 (p. 350 et seq).

    ( 48 ) Ara l-punt 53 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452); ara wkoll id-digriet tad-29 ta’ Novembru 2011, Tresplain Investments vs UASI (C-76/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:790, punt 66).

    ( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2013:782, punt 84).

    ( 50 ) Punt 44 tas-sentenza appellata.

    ( 51 ) Punt 46 tas-sentenza appellata.

    ( 52 ) Ara, b’mod partikolari, l-Anness 16 tar-risposta għall-appell ta’ G. Szajner.

    ( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ċċitata mill-EUIPO tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punti 142 sa 146), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2010:518, punti 69 u 70).

    ( 54 ) Ara l-punt 81 tas-sentenza appellata.

    ( 55 ) Ara l-punti 61, 62, kif ukoll 67 sa 69 tas-sentenza appellata b’rabta mal-attivitajiet effettivament eżerċitati minn Forge de Laguiole. Fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ara wkoll il-punti 85, 99, 101, 104, 106, kif ukoll 110 tas-sentenza appellata.

    ( 56 ) Ara, b’analoġija, id-digrieti tat-30 ta’ Jannar 2014, Industrias Alen vs The Clorox Company (C‑422/12 P, EU:C:2014:57, punt 38), kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2015, Longevity Health Products vs UASI (C‑311/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:23, punt 39).

    Top