Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0335

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2015.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:464

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑335/14

    Les Jardins de Jouvence SCRL

    vs

    État belge

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Belġju)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Sitt Direttiva 77/388/KEE — Eżenzjonijiet — Artikolu 13(A)(1)(g) — Attivitajiet ta’ interess ġenerali — Provvista ta’ servizzi strettament marbuta mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali mwettqa minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew organi oħra rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali — Residenza li toffri servizzi”

    1. 

    Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima ( 2 ). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-provvista ta’ servizzi u ta’ oġġetti strettament marbuta mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali, inklużi dawk ipprovduti mid-djar tal-anzjani, imwettqa minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew organi oħra rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali mill-Istat membru kkonċernat, huma eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”).

    2. 

    Din il-kawża tagħti, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-opportunità li tinterpreta l-kunċett ta’ “komfort u x-xogħol [assistenza soċjali]”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk is-servizzi pprovduti minn residenza li toffri servizzi, jistgħux jitqiesu bħala strettament marbuta mal-assistenza soċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    3. 

    F’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet li għalihom naħseb li l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li residenza li toffri servizzi, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li toffri lil persuni li għandhom mill-inqas sittin sena, akkomodazzjoni li tippermetti għejxien indipendenti kif ukoll provvista ta’ servizzi supplimentari bi ħlas, li huma wkoll aċċessibbli għal min ma huwiex residenti u ma jibbenefika minn ebda għajnuna finanzjarja tal-istat, tista’ tiġi kklassifikata bħala “organizazzjonijet [...] rikonoxxuti bħala tal-karità [organu li għandu natura soċjali]” u meqjusa li tipprovdi servizzi “marbuta mal-komfort u x-xogħol tas-sigurtà soċjali [strettament marbuta mal-assistenza soċjali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għal dan il-għan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk, fid-dawl tal-għan soċjali li għandha din ir-residenza li toffri servizzi u tal-kontenut tas-servizzi li toffri, din il-klassifikazzjoni teċċedix is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri fl-imsemmija dispożizzjoni, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni u jekk l-attivitajiet tal-imsemmija residenza li toffri servizzi jaqgħux taħt l-assistenza soċjali. F’dan ir-rigward, hija ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi sabiex jiġi stabbilit jekk dawn l-attivitajiet għandhomx l-għan li jgħinu lil persuni fil-bżonn. Huwa wkoll il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-provvista ta’ servizzi li toffri humiex indispensabbli għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    L-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva jipprovdi kif ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma jfasslu għal dan l-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara għat-tali eżenzjoni u għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

    [...]

    g)

    il-provvediment tas-servizzi u ta’ l-oġġetti marbuta mal-komfort u x-xogħol tas-sigurtà soċjali [strettament marbuta mal-assistenza soċjali], inklużi dawk fornuti mid-djar ta’ l-anzjani, mill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru konċernat;

    [...]

    a)

    L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lill-entitjajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta f’(1) (b) (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ dan l-Artikolu soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

    huma m’għandhomx sistemikament jimmiraw biex jagħmlu profitt, imma kwalunkwe profitti li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti,

    huma għandhom ikunu mmaniġjati jew amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet konċernati,

    huma għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn enterpriżi kummerċjali soġġetti [għall-VAT],

    eżenzjoni tas-servizzi konċernati m’għandiex toħloq tfixkil ta’ kompetizzjoni b’tali mod li tpoġġi fi żvantaġġ l-impriżi kummerċjali responsabbli [għall-VAT].

    b)

    Il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti m’għandhomx jagħtu eżenzjoni kif pprovduti f’(1) (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) fuq jekk:

    m’huwiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti,

    l-iskop bażiku tiegħu hi li tikseb id-dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni billi twettaq transazzjonijet li huma b’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi responsabbli [għall-VAT]”.

    B – Id-dritt Belġjan

    5.

    Il-punt 2 tal-Artikolu 44(2) tal-kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud ( 3 ), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ sal‑21 ta’ Lulju 2005, jipprovdi li huma eżentati mill-VAT, il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti strettament marbuta mal-assistenza soċjali mwettqa minn organi li l-missjoni tagħhom hija li jieħdu ħsieb persuni anzjani, li huma rrikonoxxuti bħala tali mill-awtorità kompetenti u, fil-każ ta’ organi rregolati mid-dritt privat, li jaġixxu f’sitwazzjonijiet li huma paragunabbli ma’ dawk tal-organi rregolati mid-dritt pubbliku.

    6.

    Il-liġi programm tal‑11 ta’ Lulju 2005 ( 4 ), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ Lulju 2005, emendat din id-dispożizzjoni. Il-punt 2 tal-Artikolu 44(2) il-ġdid, jipprovdi għaldaqstant li huma eżentati mill-VAT, il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti strettament marbuta mal-assistenza soċjali, mas-sigurtà soċjali u mal-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, imwettqa minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn organi oħra rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali mill-awtorità kompetenti. Din id-dispożizzjoni l-ġdida għandha fil-mira tagħha, preċiżament, l-“organi li l-missjoni tagħhom hija li jieħdu ħsieb persuni anzjani”.

    7.

    Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-digriet dwar id-djar għall-anzjani, ir-residenzi li joffru servizzi u ċ-ċentri ta’ ospitalità ta’ matul il-jum għal persuni anzjani u li jistabbilixxi l-Kunsill ta’ Wallonie tat-tielet età, tal‑5 ta’ Ġunju 1997 ( 5 ), jiddefinixxi dar għall-anzjani bħala “stabbiliment maħsub għall-akkomodazzjoni ta’ persuni li għandhom mill-inqas sittin sena, li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom hemmhekk u li jibbenefikaw minn servizzi kollettivi familjari, domestiċi, li huma ta’ għajnuna għall-ħajja ta’ kuljum u jekk ikun il-każ, minn kura ta’ infirmiera jew ta’ paramediċi”.

    8.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mar-residenza li toffri servizzi, din hija ddefinita fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 1997 bħala “binja jew binjiet, ikun liema jkun l-isem li bih jissejħu, li jikkostitwixxu totalità funzjonali u li jiġbru fihom akkomodazzjonijiet individwali maħsuba għal persuni li għandhom mill-inqas sittin sena, li jippermettulhom li jgħixu ħajja indipendenti u li joffru, b’mod mandatorju, servizzi li dawn il-persuni jistgħu liberament jitolbu”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-“bini, it-tagħmir u s-servizzi kollettivi tar-residenza li toffri servizzi, jistgħu wkoll ikunu aċċessibbli għal persuni oħra li għandhom mill-inqas sittin sena”.

    9.

    Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-cour d’appel de Mons (il-Belġju) tippreċiża li residenza li toffri servizzi tistabbilixxi prezzijiet taħt il-kontroll tal-ministeru tal-affarijiet ekonomiċi.

    II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10.

    Les Jardins de Jouvence SCRL (iktar ’il quddiem, il-“kumpannija Les Jardins de Jouvence”) hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Belġjan li ġiet ikkostitwita fl-2004. L-għan tagħha huwa li tmexxi u li tamministra istituzzjonijiet ta’ kura kif ukoll li twettaq l-attivitajiet kollha li jolqtu direttament jew indirettament il-kura tas-saħħa u l-għajnuna, b’mod partikolari, lill-morda u lix-xjuħ b’diżabbiltà.

    11.

    Il-kumpannija Les Jardins de Jouvence nnotifikat il-bidu tal-attività tagħha, fl‑20 ta’ Ottubru 2004, lill-amministrazzjoni tal-VAT billi ddeskrivietha bħala l-“kiri ta’ appartamenri żgħar maħsuba għal persuni b’diżabbiltà”. Fis‑27 ta’ Ottubru 2006, hija rċeviet, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Wallonie, awtorizzazzjoni provviżorja għall-operat mit‑28 ta’ Ġunju 2006 sas‑27 ta’ Ġunju 2007. Fis‑27 ta’ Marzu 2007, waqt il-laqgħa ġenerali tas-soċji, ġie deċiż li l-għanijiet ta’ din il-kumpannija għandhom jiġu estiżi “[għall]-operat ta’ ristoranti, ta’ cafés-brasseries, ta’ tverni, ta’ snack-bars, ta’ swali ta’ riċeviment jew tat-té u ta’ kwalunkwe stabbiliment simili” kif ukoll “[l]-operat ta’ ħwienet tax-xagħar, ta’ kura estetika u ta’ kura tal-idejn”.

    12.

    B’mod konkret, l-imsemmija kumpannija tpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ min ikun qed jikri, akkomodazzjonijiet li huma maħsuba għal persuna jew żewġ persuni, li jinkludu kċina mgħammra, salott, kamra tas-sodda u kamra tal-banju mgħammra. Barra minn hekk, hemm diversi servizzi li huma offruti, bi ħlas, kemm lil min ikun qed jikri kif ukoll lil min ma jkunx, jiġifieri ristorant-bar, ħanut tax-xahar u tal-estetika, sala għal fiżjoterapija, attivitajiet ta’ terapija okkupazzjonali, post għall-ħasil tal-ħwejjeġ, spiżerija fejn jista’ jittieħed id-demm u klinika.

    13.

    Il-kumpannija Les Jardins de Jouvence wettqet ħafna xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u akkwistat it-tagħmir meħtieġ sabiex tkun tista’ tilħaq l-għan soċjali tagħha li twettaq l-attività ta’ residenza li toffri servizzi. Dawn ix-xogħlijiet, li bdew fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu 2004 u ġew itterminati fix-xahar ta’ Settembru 2006, kellhom l-għan li jżidu binja ġdida – dik iddevoluta lir-residenza li toffri servizzi ta’ din il-kumpannija – mad-dar tal-anzjani eżistenti.

    14.

    Peress li qieset li kienet suġġetta għall-VAT, l-imsemmija kumpannija naqqset, fid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha għas-snin 2004 sa 2006, il-VAT imħallsa għall-kostruzzjoni ta’ din il-binja l-ġdida.

    15.

    Fil‑5 ta’ Ottubru u fl‑14 ta’ Novembru 2006, is-sezzjoni tal-VAT tal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-kumpanniji u tad-dħul ivverifikat il-kontabbiltà tal-kumpannija Les Jardins de Jouvence għall-applikazzjoni tal-liġi fil-qasam tal-VAT għall-perijodu mit‑30 ta’ Awwissu 2004 sat‑30 ta’ Settembru 2006. Fil‑25 ta’ Jannar 2007 hija ħejjiet proċess-verbali, fejn indikat li hija kienet tqis lil din il-kumpannija bħala persuna taxxabbli li kienet eżentata mill-VAT u li t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa mir-residenza li toffri servizzi kienu eżentati mill-VAT skont il-punt 2 tal-Artikolu 44(2) tal-Kodiċi tal-VAT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal‑21 ta’ Lulju 2005. Din l-amministrazzjoni kkonkludiet, minn dan, li l-persuna taxxabbli, eżentata mill-VAT, ma setgħetx tirkupra t-taxxi fuq il-kostruzzjoni, fuq l-akkwist tal-proprjetà immobbli abbażi tad-destinazzjoni tagħhom, kif ukoll fuq l-ispejjeż kollha tagħha. Għalhekk, fl-opinjoni tagħha, l-imsemmija kumpannija kienet fid-dover li tħallas lill-Istat Belġjan somma li tammonta għal EUR 663437.25, li tikkorrispondi għat-taxxi mnaqqsa b’mod żbaljat fid-dikjarazzjonijiet fiskali.

    16.

    Barra minn hekk, l-imsemmija amministrazzjoni qieset li, peress li l-kumpannija Les Jardins de Jouvence hija persuna taxxabbli eżentata mill-VAT, kellhom jiġu kkontabilizzati fuq il-fatturi maħruġa mill-imprendituri taxxa ta’ 12 % għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-proprjetà immobbli stricto sensu u t-taxxa ta’ 21 % għax-xogħlijiet ta’ ġardinaġġ, mingħajr l-eżerċizzju ta’ kwalunkwe dritt għal tnaqqis favur din il-kumpannija.

    17.

    Għalhekk l-Istat Belġjan qiegħed jitlob, skont il-proċess-verbali msemmi iktar ’il fuq, is-somma ta’ EUR 436132.69 għall-VAT dovuta, EUR 43610 għal multi fiskali proporzjonali kif ukoll interessi legali bir-rata ta’ 0.80 % għal kull xahar ta’ dewmien li għandhom jiġu kkalkolati fuq il-VAT dovuta mill‑21 ta’ Ottubru 2006.

    18.

    Permezz ta’ posta elettronika tal‑25 ta’ Jannar 2007, il-kontrollur tal-VAT ta’ Dour (il-Belġju) informa lill-kumpannija Les Jardins de Jouvence dwar id-deċiżjoni tiegħu li jikkanċella l-kont kurrenti tagħha mal-VAT, b’effett mit‑30 ta’ Settembru 2006.

    19.

    Sussegwentement għal dan il-proċess-verbali, fit‑13 ta’ Frar 2007, din il-kumpannija ġiet nnotifikata bil-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv kontra tagħha. Din tal-aħħar ippreżentat l-oppożizzjoni tagħha permezz tar-rikors tal‑20 ta’ Frar 2007 fir-reġistru tat-tribunal de première instance de Mons. Permezz ta’ sentenza mogħtija fid‑19 ta’ Ġunju 2012, dan tal-aħħar ċaħad ir-rikors ippreżentat mill-imsemmija kumpannija, li, konsegwentement, ippreżentat appell.

    20.

    Peress li l-cour d’appel de Mons kellha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Residenza li toffri servizzi, fis-sens tad-[digriet tal‑5 ta’ Ġunju 1997, li topera,] bi skop ta’ lukru, residenzi individwali intiżi għal persuna waħda jew tnejn, li jinkludu kċina mgħammra, salott, kamra tas-sodda u kamra tal-banju mgħammra, li jippermettulhom b’hekk li jgħixu ħajja indipendenti, kif ukoll diversi servizzi fakultattivi pprovduti fuq ħlas, bi skop ta’ lukru, li ma humiex limitati biss għar-residenti tar-residenza b’servizzi (attività ta’ restorant-bar, ta’ hairdresser u ċentru tal-estetika, sala għall-fiżjoterapija, attivitajiet ta’ terapija okkupazzjonali, post għall-ħasil tal-ħwejjeġ, klinika [fejn] [jista’ jsir it-]teħid tad-demm, servizzi ta’ tabib), huwa organu li għandu essenzjalment natura soċjali għall-“provvediment tas-servizzi u ta’ l-oġġetti marbuta mal-komfort [assistenza soċjali] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva [...]?

    2)

    Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk ir-residenza li toffri servizzi inkwistjoni tikseb, għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni, sussidji jew kwalunkwe forma oħra ta’ vantaġġ jew ta’ għajnuna finanzjarja mingħand l-awtoritajiet pubbliċi?”

    III – L-analiżi tiegħi

    21.

    Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fis-sustanza, l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li residenza li toffri servizzi, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li toffri lil persuni li għandhom mill-inqas sittin sena akkomodazzjonijiet li jippermettu għejxien indipendenti kif ukoll provvista ta’ servizzi supplimentari bi ħlas li huma wkoll aċċessibbli għal min ma huwiex residenti u ma jibbenefika minn ebda għajnuna finanzjarja mill-istat, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “organizazzjonijet [...] rikonoxxuti bħala tal-karità [organu li għandu natura soċjali]” u meqjusa bħala li tipprovdi servizzi “marbuta mal-komfort u x-xogħol [strettament marbuta mal-assistenza soċjali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    22.

    Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-finijiet tal-benefiċċju mill-eżenzjoni tal-VAT. Qabel kollox, l-organu kkonċernat għandu jiġi rrikonoxxut bħala wieħed li għandu “natura soċjali”. Sussegwentement, il-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinna tal-oġġetti pprovduti minn dan l-organu, għandhom ikunu “marbuta mal-komfort u x-xogħol [strettament marbuta mal-assistenza soċjali]” ( 6 ). Filwaqt li l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni hija suffiċjentement indikattiva sabiex tingħata risposta utli lil qorti tar-rinviju, mhux l-istess jista’ jingħad dwar it-tieni kundizzjoni li, sa fejn naf jien, sal-ġurnata ta’ llum għadha ma ġietx interpretata.

    A – Fuq il-kunċett ta “organi rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali

    23.

    Kif diġà indikajt fil-punt preċedenti, il-ġurisprudenza relatata mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “organi rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali”, fis-sens tas-Sitt Direttiva, hija relattivament abbondanti.

    24.

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ dan il-kunċett, huwa l-kompitu, bħala prinċipju, tad-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli li abbażi tagħhom jista’ jingħata rikonoxximent lill-organi li jitolbuh. F’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali ( 7 ).

    25.

    Madankollu, “sabiex jiġu iddeterminati l-organi li n-‘natura soċjali’ tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 13 A(1)(g) tas-Sitt Direttiva, għandha tiġi rrikonoxxuta għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, huma l-qrati nazzjonali li, skont id-dritt tal-Unjoni u taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għadd ta’ elementi. Fost dawn jista’ jkun hemm l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari, sew jekk ikunu nazzjonali jew reġjonali, leġiżlattiva jew ta’ natura amministrattiva, fiskali jew ta’ sigurtà soċjali, in-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-fatt li persuni taxxabbli oħra li għandhom l-istess attivitajiet diġà jibbenefikaw minn rikonoxximent simili kif ukoll il-fatt li l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni huma eventwalment koperti, fil-parti l-kbira tagħhom, minn fondi ta’ mard jew minn organi oħra ta’ sigurtà soċjali” ( 8 ).

    26.

    Fil-każ preżenti, inqis li r-residenzi li joffru servizzi huma għal kollox fil-mira tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni reġjonali Belġjana.

    27.

    Fil-fatt mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 1997 jiddefinixxi speċifikament dak li wieħed għandu jifhem b’“residenza li toffri servizzi”. Barra minn hekk, skont dan id-digriet, sabiex ikunu jistgħu jinfetħu u joperaw, ir-residenzi li joffru servizzi għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi ( 9 ). B’mod partikolari, dawn ir-residenzi li joffru servizzi għandhom jissodisfaw ċerti regoli applikabbli għad-djar tal-anzjani, bħal dawk li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ aġġustament tal-prezz ta’ akkomodazzjoni jew ta’ akkoljenza, il-kontabbiltà, il-kapaċitajiet minimi u massimi ta’ akkomodazzjoni jew ta’ akkoljenza, il-kundizzjonijiet tal-esperjenza u tal-kwalifiki, kif ukoll ir-rekwiżiti minimi tal-attività u tal-preżenza meħtieġa għat-twettiq tal-funzjoni ta’ direttur ( 10 ). Bl-istess mod, sabiex ir-residenzi li joffru servizzi jingħataw din l-awtorizzazzjoni, huma għandhom jissodisfaw ċerti regoli li jirrigwardaw il-modalitajiet li jiżguraw permanenza li tippermetti li jintervjenu favur residenti f’każ ta’ bżonn, kif ukoll dawk li jirrigwardaw is-servizzi fakultattivi li l-amministratur għandu, b’mod mandatarju, jipprovdi jew jagħmel disponibbli fuq talba tar-residenti ( 11 ).

    28.

    In-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet proposti mill-kumpannija Les Jardins de Jouvence ma tqajjem l-ebda dubju fl-opinjoni tiegħi. Infakkar, fil-fatt, li hija għandha l-għan li tikri akkomodazzjonijiet lil persuni anzjani mingħajr diżabbiltà li għandhom mill-inqas sittin sena kif ukoll li twettaq l-attivitajiet kollha li jolqtu direttament jew indirettament il-kura tas-saħħa u l-għajnuna, b’mod partikolari, lil morda u lix-xjuħ b’diżabbiltà.

    29.

    Il-kumpannija Les Jardins de Jouvence tqis li l-fatt li r-residenza tagħha li toffri servizzi għandha skop ta’ lukru u l-fatt li la hi u lanqas ir-residenti tagħha ma jibbenefikaw minn sussidji jew għajnuniet finanzjarji, huma x’inhuma, min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, kuntrarjament għad-djar tal-anzjani, juru li hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “organizazzjonijet [...] rikonoxxuti bħala tal-karità [organu rrikonoxxut li għandu natura soċjali]”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva.

    30.

    Ma nikkondividix din l-opinjoni. Qabel kollox, infakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali, għal dak li għandu x’jaqsam mar-rikonoxximent ta’ din in-natura. Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “organu”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi entitajiet privati li għandhom skop ta’ lukru ( 12 ). Fl-aħħar nett, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet xi elementi lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex huma jkunu jistgħu jistabbilixxu jekk organu għandux jitqies li għandu “natura soċjali” jew le, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, dak relatat mal-għajnuniet finanzjarji eventwali tal-Istat huwa biss wieħed mill-elementi li “jistgħu” jieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn l-elementi ma jikkostitwixxux lista eżawrjenti li l-organu inkwistjoni għandu jissodisfa. Huwa għalhekk abbazi ta’ numru ta’ elementi li jikkostitwixxu firxa ta’ indizji li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiddeterminaw jekk tali organu jistax jikkwalifika bħala “organizazzjonijet [...] rikonoxxuti bħala tal-karità [organu rrikonoxxut li għandu natura soċjali]”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva.

    31.

    Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, inqis li l-kumpannija Les Jardins de Jouvence tista’ tikkwalifika bħala “organizazzjonijet [...] rikonoxxuti bħala tal-karità [organu rrikonoxxut li għandu natura soċjali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-għan soċjali ta’ din il-kumpannija u tal-kontenut tas-servizzi li hija toffri, jekk din il-klassifikazzjoni teċċedix is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-imsemmija dispożizzjoni għall-finijiet ta’ din il- klassifikazzjoni.

    B – Fuq il-kunċett tal- “provvediment tas-servizzi u tal-oġġetti marbuta mal-komfort u x-xogħol tas-sigurtà soċjali [tal-provvista ta ’ servizzi u l-kunsinna ta ’ oġġetti strettament marbuta mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali]

    32.

    Qabel kollox, fl-opinjoni tiegħi, nistgħu neskludu s-servizzi pprovduti mill-kumpannija Les Jardins de Jouvence mill-provvista ta’ servizzi strettament marbuta mas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, din tal-aħħar tiġbor fiha l-iskemi kollha li jiżguraw il-protezzjoni permezz tal-kumpens tal-popolazzjoni kontra l-varji riskji soċjali, bħall-mard, il-maternità, ix-xjuħija jew inkella l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Ma hemmx dubju li l-kumpannija Les Jardins de Jouvence ma għandhiex bħala għan il-provvista ta’ tali servizzi. Bl-istess mod, din il-kumpannija lanqas ma għandha bħala għan il-kunsinna tal-oġġetti.

    33.

    L-eżami tiegħi għalhekk sejjer jiffoka fuq il-punti li ġejjin. Qabel kollox, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit x’inhu dak li jkopri l-kunċett ta’ “komfort u x-xogħol [assistenza soċjali]”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva. Sussegwentement ser nispjega t-tifsira, fl-opinjoni tiegħi, tal-kliem “marbuta [strettament marbuta]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fl-aħħar nett huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-użu tal-konġunzjoni “u” bejn il-kunċetti tal-“assistenza soċjali” u tas-“sigurtà soċjali”, jimplikawx li l-provvista ta’ servizzi għandha bilfors tkun strettament marbuta ma’ dawn iż-żewġ kunċetti. Fil-fatt, jekk l-eżami tiegħi jwassalni sabiex nikkonkludi li l-provvista ta’ servizzi tal-kumpannija Les Jardins de Jouvence effettivament taqa’ fl-ambitu tal-assistenza soċjali, iżda li din il-konġunzjoni timplika appartenenza simultanja lil dan il-kunċett kif ukoll lil dak tas-sigurtà soċjali, allura r-residenzi li joffru servizzi, bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jitqiesu bħala entitajiet taxxabbli eżentati.

    34.

    Qabel kollox, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kunċett tal-assistenza soċjali, nikkonstata li, minkejja li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva hija relattivament abbondanti, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tat definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tas-Sitt Direttiva. L-iktar, fis-sentenza Kügler ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “il-provvista tal-kura ġenerali u tal-għajnuna domestika pprovduti minn servizzi mobbli ta’ kura, lil persuni fi stat ta’ dipendenza fiżika jew ekonomika [...] hija, bħala prinċipju, marbuta mal-għajnuna soċjali, b’mod li taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ ‘servizzi [...] marbuta mal-komfort u x-xogħol tas-sigurtà soċjali [servizzi strettament marbuta mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali]’, imsemmija fil-punt (g) tal-imsemmija dispożizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 14 ).

    35.

    L-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Dan jaqa’ taħt it-Titolu X ta’ din tal-aħħar, intitolat “Eżenzjonijiet”. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza tagħha Kingscrest Associates u Montecello ( 15 ), għal dak li għandu x’jaqsam mal-għanijiet li l-eżenzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13A(1)(g) u (h) tas-Sitt Direttiva jipprovaw jilħqu, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmija eżenzjonijiet, billi jiżguraw trattament iktar favorevoli, fil-qasam tal-VAT, fir-rigward ta’ ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess pubbliku mwettqa fis-settur soċjali, huma intiżi sabiex inaqqsu l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi u jagħmluhom iktar aċċessibbli għall-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom ( 16 ).

    36.

    Nifhem sew, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, li l-eżenzjoni mill-VAT fil-kuntest tal-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva, għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-provvisti ta’ servizzi li huma meqjusa li għandhom utilità soċjali, fis-sens li għandhom l-għan li jgħinu l-persuni fil-bżonn, peress li dawn is-servizzi jaqgħu, normalment, taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika. L-assistenza soċjali hija l-bażi, għalhekk, tal-għajnuna lill-persuna, u jidhirli, barra minn hekk, li dan huwa kkonfermat bl-emenda ta’ din id-dispożizzjoni permezz tad-Direttiva 2006/112, fejn minn dakinhar ’il quddiem, din tal-aħħar adottat il-kunċett ta’ għajnuna soċjali ( 17 ).

    37.

    Għalkemm hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini użati biex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, madankollu naħseb li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasal biex tagħti tal-kunċett ta’ “assistenza soċjali”, ma għandhiex tkun ta’ natura li tipprekludi d-dispożizzjoni li fiha huwa jinsab minn kull effettività ( 18 ), u dan iktar u iktar meta din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiffavorixxi l-aċċess għal servizzi meqjusa li huma ta’ utilità soċjali.

    38.

    Kuntrarjament għall-provvisti ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali hija kkaratterizzata bl-evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet ( 19 ). Fl-opinjoni tiegħi, huwa preċiżament għaliex dawn il-ħtiġijiet ma humiex koperti mis-sigurtà soċjali li t-teħid tar-responsabbiltà minn organu rregolat taħt id-dritt pubbliku jew rikonoxxut li għandu natura soċjali, isir meħtieġ, jew saħansitra jkun vitali għall-persuna kkonċernata. L-istess jgħodd għat-teħid tar-responsabbiltà tal-persuni anzjani jew tal-persuni b’diżabbiltà li jeħtieġu l-provvista ta’ akkomodazzjonijiet u ta’ kura li huma adattati għall-istat ta’ vulnerabbiltà tagħhom.

    39.

    Il-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni ma humiex neċessarjament fiżiċi. Jistgħu jikkonsistu wkoll f’għajnuna finanzjarja li tkun maħsuba sabiex itaffi nuqqas ta’ riżorsi ekonomiċi tali li jpoġġihom fi stat gravi ta’ povertà.

    40.

    A priori, l-attivitajiet tal-organi privati, bħall-kumpannija Les Jardins de Jouvence, jaqgħu taħt l-assistenza soċjali, inkwantu jikkonsistu fl-offerta ta’ akkomodazzjonijiet adattati għall-persuni anzjani. Huwa minnu li, kuntrarjament għal organi oħra bħalma huma d-djar tal-anzjani, fejn ir-residenti huma ta’ spiss persuni anzjani li ma humiex awtonomi u li jeħtieġu t-teħid tar-responsabbiltà medika għall-egħmejjel kollha tal-ħajja ta’ kuljum, ir-residenzi li joffri servizzi bħall-kumpannija Les Jardins de Jouvence joffru akkomodazzjonijiet lil persuni awtonomi. Xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-bdil kollu f’ħajjithom, ma humiex iktar kapaċi li jgħixu bħalma kienu jgħixu qabel. Għaldaqstant huma jagħżlu li joqogħdu fi ħdan struttura li jidhrilhom li hija adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħalma hija l-preżenza meħtieġa ta’ lift, appartament iżgħar u mqassam b’mod li l-waqgħat jistgħu jiġu evitati iktar faċilment, jew inkella awtomazzjoni domestika adattata. Ir-residenza li toffri servizzi hija struttura li fi ħdanha dawn il-persuni jkunu ċerti li ser isibu l-għajnuna f’każ ta’ bżonn u li toffrilhom il-garanziji kollha ta’ trankwillità għall-benesseri tagħhom. Huma jafu, ukoll, li fi struttura bħal din, bilfors jiġu offruti lilhom servizzi li jippermettulhom li jserħulhom rashom dwar il-loġistika ta’ kuljum (xogħol tad-dar, ikel) jew il-ħtieġa li jivjaġġaw bil-karozza, peress li ċerti servizzi huma offruti fuq il-post, bħall-ħanut tax-xagħar u jew tal-kura tal-idejn.

    41.

    Waqt is-seduta, AXA Belgium SA, l-intervenjent fil-kawża prinċipali, indikat li, fl-opinjoni tagħha, l-attivitajiet relatati mal-assistenza soċjali għandhom bilfors ikunu taħt ir-responsabbiltà ta’ kollettività pubblika, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Ma nikkondividix din l-opinjoni. B’mod partikolari, ikun paradossali, fl-opinjoni tiegħi, li wieħed iqis li organu li ma huwiex irregolat mid-dritt pubbliku, li jopera bi skop ta’ lukru u li ma jirċievi l-ebda għajnuna finanzjarja, jista’ jiġi rrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, u li jitqies li l-attività tiegħu ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala waħda li taqa’ taħt l-assistenza soċjali peress li ġustament ma jirċievi l-ebda għajnuna pubblika.

    42.

    Fi kwalunkwe każ, naħseb li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk organu rrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali jwettaqx attivitajiet relatati mal-assistenza soċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni totalità ta’ elementi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk dawn l-attivitajiet għandhomx l-għan li jgħinu persuni fil-bżonn.

    43.

    Sussegwentement, fir-rigward tal-kunċett ta’ provvisti ta’ servizzi “marbuta [strettament marbuta]” mal-assistenza soċjali, imsemmija fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett jimplika li dawn il-provvisti għandhom ikunu marbuta mal-attività tal-assistenza soċjali meta jiġu effettivament ipprovduti bħala provvisti anċillari għal din l-attività ( 20 ).

    44.

    F’dan ir-rigward, irrid nosserva li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 13(A)(2)(b) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi li l-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinna tal-oġġetti huma esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(A)(1)(g) ta’ din id-direttiva, jekk dawn ma jkunux essenzjali għat-tranżazzjonijiet eżenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li provvista tista’ titqies bħala anċillari għall-provvista prinċipali, meta ma tikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda l-mezz sabiex wieħed jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur ( 21 ).

    45.

    Fl-opinjoni tiegħi, u fid-dawl tal-punti eżaminati iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda dubju li l-provvista ta’ servizzi offruta mill-kumpannija Les Jardins de Jouvence hija strettament marbuta mal-assistenza soċjali, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva.

    46.

    Fil-fatt, kif rajna, ir-residenzi li joffru servizzi għandhom l-għan li jippermettu li l-anzjani jgħixu f’ambjent adattat għall-istat tagħhom. Is-servizzi mandatorji u fakultattivi li tipproponi l-kumpannija Les Jardins de Jouvence tippermettilhom igawdu, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, is-servizz prinċipali, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom ta’ akkomodazzjonijiet adattati f’ambjent akkoljenti. L-attività ta’ din il-kumpanija tikkostitwixxi totalità, li jidhirli li hija indissoċjabbli. X’jiġri kieku din tal-aħħar kellha toffri biss akkomodazzjonijiet lir-residenti tagħha? Dawn tal-aħħar jibqgħu jagħżlu li jgħixu f’din ir-residenza? Ir-risposta jidhirli li tkun fin-negattiv. Ir-raġuni għall-istess eżistenza ta’ dawn ir-residenzi li joffru servizzi, kif jindika isimhom stess, wara kollox, hija li tiġi proposta lill-persuni anzjani akkomodazzjoni b’servizzi tal-għażla tagħhom, li jippermettulhom li jgħixu b’mod awtonomu u b’moħħhom mistrieħ.

    47.

    Min-naħa l-oħra, mhux l-istess jista’ jingħad għall-provvista ta’ servizzi lil persuni mhux residenti. Huwa ċar li, f’dan il-każ, dawn il-provvisti lanqas ma huma anċillari, iżda għal kollox separati mill-provvista prinċipali. Għalhekk, dawn ma jibqgħux jissodisfaw, fl-opinjoni tiegħi, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri dik li jkunu strettament marbuta mal-assistenza soċjali.

    48.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-użu tal-konġunzjoni “u” f’din id-dispożizzjoni, ma naħsibx li hemm għalfejn jitqies li din tipproduċi effett kumulattiv. Ninnota, f’dan ir-rigward, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha Il‑Kummissjoni vs Franza ( 22 ) u Dornier ( 23 ), fil-kuntest tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, eskludiet l-effett kumulattiv ta’ din il-konġunzjoni. Fil-fatt, fl-ewwel sentenza, indikat li din id-dispożizzjoni “ma fiha l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ attivitajiet ‘strettament marbuta’ ma’ ammissjoni fi sptar jew ma’ kura medika” ( 24 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    49.

    Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, l-attribuzzjoni ta’ effett kumulattiv fuq l-użu tal-imsemmija konġunzjoni tmur kontra l-għan tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri li l-eżenzjoni ta’ ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali tista’ tnaqqas il-prezz ta’ dawn is-servizzi sabiex b’hekk dawn tal-aħħar ikunu iktar aċċessibbli lill-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom.

    50.

    F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li s-servizzi kollha marbuta mal-assistenza soċjali mhux bilfors li jaqgħu wkoll taħt is-sigurtà soċjali. Dan huwa l-każ, barra minn hekk, skont il-kumpannija Les Jardins de Jouvence, tas-servizzi li fir-rigward tagħhom ir-residenti ma jibbenefikaw minn ebda għajnuna mill-Institut national d’assurance maladie invalidité, l-organu li jiffinanzja s-sigurtà soċjali.

    51.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li residenza li toffri servizzi, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, tista’ titqies li tipprovdi servizzi “marbuta mal-komfort u x-xogħol tas-sigurtà soċjali [strettament marbuta mal-assistenza soċjali]”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ta’ din ir-residenza li toffri servizzi jaqgħux taħt l-assistenza soċjali. F’dan ir-rigward, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni totalità ta’ elementi li jippermettulha tistabbilixxi jekk dawn l-attivitajiet għandhomx l-għan li jgħinu persuni fil-bżonn. Huwa wkoll il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-provvista ta’ servizzi proposta mill-imsemmija residenza li toffri servizzi hijiex indispensabbli għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet.

    IV – Konklużjoni

    52.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-cour d’appel ta’ Mons:

    L-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li residenza li toffri servizzi, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li toffri lil persuni li għandhom mill-inqas sittin sena akkomodazzjoni li tippermetti għejxien indipendenti kif ukoll provvista ta’ servizzi supplimentari bi ħlas, li huma wkoll aċċessibbli għal min mhux residenti u ma jibbenefika minn ebda għajnuna finanzjarja tal-istat, tista’ tiġi kklassifikata bħala “organizazzjonijet [...] rikonoxxuti bħala tal-karità [organu li għandu natura soċjali]” u meqjusa li tipprovdi servizzi “marbuta mal-komfort u x-xogħol [strettament marbuta mal-assistenza soċjali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Għal dan il-għan, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi:

    jekk, fid-dawl tal-għan soċjali ta’ din ir-residenza li toffri servizzi u tal-kontenut tas-servizzi li hija toffri, din il-klassifikazzjoni teċċedix is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-imsemmija dispożizzjoni għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni;

    jekk l-attivitajiet tal-imsemmija residenza li toffri servizzi jaqgħux taħt l-assistenza soċjali. F’dan ir-rigward, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni totalità ta’ elementi li jippermettulha tistabbilixxi jekk dawn l-attivitajiet għandhomx l-għan li jgħinu persuni fil-bżonn, u

    jekk il-provvisti ta’ servizzi li din ir-residenza tipproponi humiex indispensabbli għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem, is-“Sitt Direttiva”.

    ( 3 )   Moniteur belge tat‑3 ta’ Lulju 1969, p. 7046, iktar ’il quddiem, il-“kodiċi tal-VAT”.

    ( 4 )   Moniteur belge tat‑12 ta’ Lulju 2005, p. 32180.

    ( 5 )   Moniteur belge tas‑26 ta’ Ġunju 1997, p. 17043, iktar ’il quddiem, id-“digriet tal‑5 ta’ Ġunju 1997”.

    ( 6 )   Sentenza Kingscrest Associates u Montecello (C‑498/03, EU:C:2005:322, punt 34).

    ( 7 )   Sentenza Zimmermann (C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 8 )   Ibidem (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja iktar reċenti u taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1 u r-Rettifika ĠU 2007, L 335, p. 60), ara s-sentenza go fair Zeitarbeit (C‑594/13, EU:C:2015:164, punti 2126 u 29).

    ( 9 )   Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi digriet.

    ( 10 )   Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tad-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 1997, li jirreferi għas-suġġetti msemmija fil-punti 1 sa 8 tal-paragrafu 2 tiegħu.

    ( 11 )   Ara l-punti 3 u 4 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dan id-digriet.

    ( 12 )   Sentenza go fair Zeitarbeit (C‑594/13, EU:C:2015:164, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 )   C‑141/00, EU:C:2002:473.

    ( 14 )   Punt 44.

    ( 15 )   C‑498/03, EU:C:2005:322.

    ( 16 )   Punt 30.

    ( 17 )   Ara l-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva.

    ( 18 )   Is-sentenza Zimmermann (C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 )   Ara s-sentenzi Frilli (1/72, EU:C:1972:56, punt 14); Biason (24/74, EU:C:1974:99, punt 10), u Hosse (C‑286/03, EU:C:2006:125, punt 37).

    ( 20 )   Ara s-sentenza CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 )   Ibidem (punt 40).

    ( 22 )   C‑76/99, EU:C:2001:12.

    ( 23 )   C‑45/01, EU:C:2003:595.

    ( 24 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑76/99, EU:C:2001:12, punt 22). Il-korsiv huwa tiegħi.

    Top