Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CA0081

    Kawża C-81/14: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – Il-Pajjiżi l-Baxxi) – Nannoka Vulcanus Industries BV vs College van gedeputeerde staten van Gelderland (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 1999/13/KE — Anness II B — Tniġġis atmosferiku — Taħlit organiku volatili — Tnaqqis tal-emissjonijiet — Użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet — Obbligi applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti — Estensjoni tat-terminu)

    ĠU C 363, 3.11.2015, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 363/10


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – Il-Pajjiżi l-Baxxi) – Nannoka Vulcanus Industries BV vs College van gedeputeerde staten van Gelderland

    (Kawża C-81/14) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 1999/13/KE - Anness II B - Tniġġis atmosferiku - Taħlit organiku volatili - Tnaqqis tal-emissjonijiet - Użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet - Obbligi applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti - Estensjoni tat-terminu))

    (2015/C 363/12)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Raad van State

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Nannoka Vulcanus Industries BV

    Konvenut: College van gedeputeerde staten van Gelderland

    Dispożittiv

    1)

    L-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE, tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tat-terminu li huwa jipprevedi fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tiegħu, tista’ tingħata lill-operatur ta’ “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2, punt 1 ta’ din id-direttiva, għall-applikazzjoni tal-iskema tiegħu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, anki meta jista’ jiġi preżunt, għal din l-installazzjoni, kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

    2)

    Il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili teżiġi awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, li tippreżupponi talba minn qabel min-naħa tal-operatur ikkonċernat. Sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata estensjoni tat-terminu lil operatur għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili u sabiex jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu eventwalment mogħtija, huma dawn l-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li għandhom jivverifikaw, fost l-oħrajn, li prodotti ta’ sostituzzjoni adattati biex jintużaw fl-installazzjonijiet ikkonċernati u biex inaqqsu l-emissjonijiet tat-taħlit organiku volatili effettivament qed jiġu żviluppati, li x-xogħol li hu għaddej, fid-dawl tal-elementi pprovduti, huwa kapaċi li jwassal sabiex jiġu ffinalizzati tali prodotti u li ma teżistix miżura alternattiva li tista’ twassal, bi spejjeż inqas, għal tnaqqis simili ta’ emissjonijiet, jew saħansitra ikbar, u b’mod partikolari li prodotti oħra ta’ sostituzzjoni ma humiex diġà disponibbli. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn, minn naħa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jintlaħaq permezz tal-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu qed jiġu żviluppati kif ukoll l-ispejjeż ta’ dawn u, min-naħa l-oħra, l-emissjonijiet addizzjonali kkawżati mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi. It-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-iżvilupp tal-prodotti ta’ sostituzzjoni. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, u b’mod partikolari fid-dawl tal-ammont tal-emissjonijiet addizzjonali li jirriżulta mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll fid-dawl tal-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi meta mqabbla mal-ammont tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li jippermettu l-prodotti ta’ sostituzzjoni li qed jiġu żviluppati u mal-ispejjeż ta’ dawn il-prodotti.


    (1)  ĠU C 142, 12.5.2014.


    Top