This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013TN0403
Case T-403/13: Action brought on 2 August 2013 — APRAM v European Commission
Kawża T-403/13: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Awwissu 2013 — APRAM vs Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża T-403/13: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Awwissu 2013 — APRAM vs Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 367, 14.12.2013, p. 28–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 367/28 |
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2013 — APRAM vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-403/13)
2013/C 367/52
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: APRAM — Administração dos Portos da Região Autónoma da Madeira, SA (Funchal, il-Portugall) (rappreżentant: M. Gorjão-Henriques, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 1870 finali, tas-27 ta’ Marzu 2013, li tnaqqas il-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġett “Żvilupp tal-infrastrutturi portwali tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira — Port ta’ Caniçal”, Madeira, il-Portugall; |
— |
tiddikjara l-inapplikabbiltà għall-kawża ineżami tar-Regolament (KE) Nru 16/2003 (1) u, b’mod konkret, tal-Artikolu 7 tiegħu, minħabba ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, ksur tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 (2) jew, fi kwalunkwe każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tal-UE; |
— |
tiddikjara li l-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ dovut; |
— |
sussidjarjament:
|
— |
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1. L-ewwel motiv: ksur tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq
Id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet legali dwar l-applikazzjoni tat-Trattat, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-eliġibbiltà ta’ nfiq għall-finanzjament mill-Fondi Ewropej, jiġifieri l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 16/2003. F’dan ir-rigward, il-partijiet ma humiex jaqblu dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-infiq imħallas wara u matul il-bidu tal-perijodu ta’ eliġibbiltà jikkostitwixxix infiq eliġibbli għall-finanzjament Ewropew meta jkun is-suġġett ta’ fattura preċedenti.
2. It-tieni motiv: illegalità tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 16/2003 minħabba ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali u minħabba ksur ta’ regola ta’ livell ġerarkiku superjuri
Id-deċiżjoni hija illegali wkoll minħabba li hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 16/2003, li huwa illegali minħabba li ma ġiex adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, la permezz tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, la permezz tal-proċedura bil-miktub u lanqas permezz ta’ proċedura ssemplifikata oħra skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni (3), minħabba li ma osservax l-Artikolu 18 ta’ dawn ir-Regoli u sa fejn il-Kummissjoni tinterpreta l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 16/2003 b’mod li jmur kontra r-Regolament (KE) Nru 1164/94.
3. It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà
Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jimplika l-istabbiliment ta’ regoli nazzjonali applikabbli għall-eliġibbiltà tan-nefqa sa fejn il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija qasam li fih il-kompetenza hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u li fil-kuntest tiegħu għandu għaldaqstant jiġi osservat dan il-prinċipju. Issa, ir-Regolament Nru 16/2003 jikser dan il-prinċipju sa fejn mhux talli ma jinvokahx iżda lanqas ma jiġġustifika, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-ħtieġa tar-regoli stabbiliti minnu.
4. Ir-raba’ motiv: ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali u ksur tal-obbligu tal-amministrazzjoni li tosserva l-atti tagħha stess
Il-Kummissjoni Ewropea kellha l-prassi amministrattiva kostanti li tinterpreta r-regola inkwistjoni fis-sens li qiegħda ssostni APRAM fil-kawża ineżami.
Din l-interpretazzjoni kienet ġejja minn sorsi awtorizzati mill-Kummissjoni u kienet ġiet ikkomunikata lir-Repubblika Portugiża u lill-Istati Membri l-oħra; skont il-kontenut ta’ din l-interpretazzjoni, l-Istat Portugiż seta’ leġittimament jistenna li l-fatturi riċevuti qabel u mħallsa wara li t-talba kompleta tasal għand il-Kummissjoni kienu ser ikunu eliġibbli. Din kienet ukoll il-fehma tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Kien għalhekk li APRAM ifformat l-aspettattiva leġittima li dan l-infiq kien effettivament eliġibbli.
L-impożizzjoni tal-interpretazzjoni li issa qiegħda ssostni l-Kummissjoni tmur manifestament kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba li timponi piżijiet finanzjarji sostanzjali fuq APRAM, mingħajr ma dan huwa ġust jew prevedibbli.
5. Il-ħames motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, il-Kummissjoni tista’ twettaq il-korrezzjonijiet finanzjarji li jidhrulha neċessarji u li jistgħu jimplikaw il-kanċellament totali jew parzjali tal-għajnuna mogħtija, hija għandha tosserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, bħalma huma t-tip ta’ irregolarità u l-portata tal-impatt finanzjarju li jista’ jkollhom l-eventwali nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni jew ta’ kontroll, b’tali mod li ma tagħżilx miżura sproporzjonata. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jifhem kif seta’ jiġi kkunsidrat kanċellament totali tal-għajnuna mogħtija sa fejn il-korrezzjonijiet ta’ 100 % japplikaw biss meta n-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll jew il-gravità tal-irregolarità kkonstatata jkunu jammontaw għal sitwazzjoni fejn ikunu injorati kompletament ir-regoli Komunitarji, sitwazzoni li timplika l-irregolarità tal-ħlasijiet kollha. Meta dan ma jkunx il-każ, l-awtoritajiet jipproponu korrezzjonijiet limitati għal 5 %, 2 %, jew saħanstira 0 %.
Id-diffikultajiet fl-interpretazzjoni tar-regola inkwistjoni huma fattur attenwanti deċiżiv, fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’kull każ. Skont iċ-ċirkustanzi deskritti, jeżistu miżuri inqas restrittivi — bħal korrezzjoni b’rata żgħira jew b’rata ta’ 0 % — sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi — ipoteżi li r-rikorrenti ma taqbilx magħha — li tapplika korrezzjoni fir-rigward tal-għajnuna mogħtija, din il-korrezzjoni ma għandha f’ebda każ taqbeż il-5 % u għandha fil-fatt tkun inqas jew ta’ 0 %.
6. Is-sitt motiv: il-preskrizzjoni
Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li jintalab l-irkupru tal-infiq preċedenti għat-3 ta’ Ġunju 2003 hija diġà preskritta peress li l-aħħar fattura għandha d-data tat-28 ta’ Frar 2003, jiġifieri tliet xhur u jumejn qabel id-data inkwistjoni. Issa, skont ir-Regolament Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995 (4), it-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri huwa ta’ erba’ snin u jiddekorri minn meta titwettaq l-irregolarità.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 16/2003, tas-6 ta’ Jannar 2003, li jippreskrivi regoli speċjali dettaljati għall-implimentazzjo[n]i tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tal-eliġibilità tal-ispiża fil-kuntest tal-miżuri parzjalment iffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 189).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9).
(3) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213.
(4) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).