Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0314

    Kawża T-314/13: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Ġunju 2013 — Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 226, 3.8.2013, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 226, 3.8.2013, p. 6–6 (HR)

    3.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 226/23


    Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2013 — Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-314/13)

    (2013/C 226/32)

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, aġent, M. Gorjão-Henriques u J. da Silva Sampaio, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 1870 finali;

    tiddikjara n-nuqqas ta’ applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tar-Regolament (KE) Nru 16/2003 (1), essenzjalment, tal-Artikolu 7 tiegħu, minħabba ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, ksur tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 (2) jew, fi kwalunkwe każ, tal-prinċipji ġenerali ta’ dritt fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tal-UE.

    tiddikjara l-obbligu tal-Kummissjoni Ewropea li tipproċedi għall-ħlas tal-bilanċ dovut;

    sussidjarjament:

    (a)

    tiddikjara preskritt il-proċediment ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa diġà u tad-dritt għaż-żamma tal-bilanċ li għadu ma tħallasx;

    (b)

    tiddikjara l-obbligu ta’ tnaqqis tal-korrezzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea b’rabta mal-irregolaritajiet eventwali li jiddeterminaw in-nuqqas ta’ ħlas sħiħ tal-bilanċ u l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż imħallsa sa mit-3 ta’ Ġunju 2003 iżda ffatturati bejn Ġunju 2002 u Frar 2003;

    Fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi:

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura illegali tar-Regolament (KE) Nru 16/2003 minħabba ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali u ksur ta’ regola ġerarkikament ogħla.

    Ir-Regolament (KE) Nru 16/2003 huwa illegali billi ma ġiex adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji la taħt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, la taħt il-proċedura bil-miktub jew lanqas taħt kull proċedura oħra ssemplifikata skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni Ewropea (3), fil-verżjoni fis-seħħ meta ġie adottat l-imsemmi regolament, u billi ma ġiex osservat il-provvediment fl-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tiegħu u inkwantu l-Kummissjoni twettaq interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 16/2003 li tmur kontra r-Regolament (KE) Nru 1164/94.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli Ewropej dwar l-eliġibbiltà ta’ spejjeż.

    Id-deċiżjoni kkontestata tikser ir-regoli ġudizzjarji ta’ applikazzjoni tat-Trattat, b’mod speċifiku fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż imħallsa wara u matul il-bidu tal-perijodu ta’ eliġibbiltà, minkejja li kellhom jiġu ffatturati qabel, jikkostitwixxu spejjeż eliġibbli għall-finanzjament Ewropew.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ obbligu tal-amministrazzjoni li tirregola l-aġir tagħha.

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha prassi amministrattiva kostanti ta’ interpretazzjoni tar-regola inkwistjoni fis-sens sostnut mir-Repubblika Portugiża.

    L-interpretazzjoni inkwistjoni kienet dovuta għal sorsi awtorizzati tal-Kummissjoni Ewropea, kienet ġiet ikkomunikata lir-Repubblika Portugiża, bħal ma ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri l-oħra, u l-kontenut tagħha kien, b’mod ċar, tali li kien jagħti lok lir-Repubblika Portugiża tistenna leġittimament li l-fatturi rċevuti qabel u mħallsa wara li t-talba kompleta ma tkun waslet il-Kummissjoni Ewropea jkunu eliġibbli.

    L-impożizzjoni tal-interpretazzjoni issa sostnuta mill-Kummissjoni tikser manifestament il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li timponi oneri finanzjarji sostanzjali fuq ir-Repubblika Portugiża, mingħajr ma din l-interpretazzjoni kienet ċerta jew prevedibbli.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1164/94, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji li tqis li huma xierqa, liema fatt ikun jista’ jinvolvi t-tneħħija totali jew parzjali tal-għajnuna mogħtija għall-proġett, l-istess entità għandha l-obbligu li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, bħat-tip ta’ irregolarità u l-portata tal-effett finanzjarju possibbli tad-difetti eventwali tas-sistemi ta’ ġestjoni jew ta’ kontroll. F’dan is-sens, wieħed ma jistax jifhem kif tista’ tiġi kkunsidrata tneħħija totali tal-għajnuna mogħtija, ġaladarba l-korrezzjonijiet ta’ 100 % japplikaw biss meta d-difetti fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ikunu tant importanti, jew l-irregolarità kkonstatata tkun tant serja, li jikkostitwixxu nuqqas ta’ osservanza totali tar-regoli Komunitarji, li jinvolvu l-pagamenti irregolari kollha.

    Id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni huma fattur deċiżiv ta’ attenwazzjoni li għandhom dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Skont iċ-ċirkustanzi deskritti, jeżistu miżuri inqas restrittivi — l-applikazzjoni ta’ rata ridotta jew anki n-nuqqas ta’ korrezzjoni — li jiksbu l-għan imfittex.

    (5)

    Il-ħames motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-preskrizzjoni.

    Fi kwalunke każ, l-ispejjeż li jippreċedu t-3 ta’ Ġunju 2003 diġà huma preskritti, fejn l-aħħar fattura hija tat-28 ta’ Frar 2003, tliet xhur u jumejn qabel id-data inkwistjoni.

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 2988/95 (4), tat-18 ta’ Diċembru, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċedimenti huwa ta’ erba’ snin mid-data li fiha seħħet l-irregolarità.


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 16/2003, tas-6 ta’ Jannar 2003, li jippreskrivi regoli speċjali dettaljati għall-implimentazzjoi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tal-eliġibilità tal-ispiża fil-kuntest tal-miżuri parzjalment iffinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 189).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9).

    (3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


    Top