Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0211

    Kawża T-211/13: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ April 2013 — Eni vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 156, 1.6.2013, p. 53–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 156/53


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2013 — Eni vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-211/13)

    2013/C 156/99

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Eni SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: G. M. Roberti u I. Perego, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara r-rikors ammissibbli;

    tannulla l-atti kkontestati;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattiva mill-ġdid il-proċeduri ta’ sanzjoni tas-26 ta’ Frar 2013 [C(2013) 1200 finali], kif ukoll kontra d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Frar 2013 [C(2013)1199] dwar proċedura skont l-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fil-Każ AT.40032-BR/ESBR.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka kompetenza vvizzjata, billi l-Kummissjoni ma tistax tattiva mill-ġdid il-proċedura ta’ sanzjoni bil-għan li tbiddel id-deċiżjoni adottata fil-Każ BR-ESBR fl-2006 u li tadotta, kontestwalment, deċiżjoni ġdida ta’ sanzjoni li timponi mill-ġdid iż-żieda minħabba reċidiva.

    ENI ssostni li fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011 (Kawża T-39/07), minbarra li pprovdiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni BR-ESBR tal-2006, fejn irriżultat evalwazzjoni żbaljata tal-aggravanti tar-reċidiva min-naħa tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali effettivament eżerċitat il-kompetenza tagħha nnifisha fuq il-mertu — skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament 1/2003 — fejn iddeterminat l-ammont tal-multa u ssostitwiet l-evalwazzjonijiet tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni. Minbarra li jiksru tali dispożizzjonijiet, l-atti kkontestati jmorru barra minn hekk kontra l-Artikolu 266 TFUE, il-prinċipju ta’ attribuzjoni tal-kompetenzi u tal-ekwilibriju istituzzjonali skont l-Artikolu 13 TFUE, kif ukoll kontra l-prinċipji fundamentali ta’ proċess ekwu, skont l-Artikolu 6 KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem skont l-Artikolu 7 KEDB.

    Barra minn hekk, ENI tikkontesta l-fatt li, bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx difett proċedurali fir-rigward tal-applikazzjoni tar-reċidiva magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni BR-ESBR tal-2006; fejn għaldaqstant l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija bbażata fuq premessa legali u li effettivament hija għal kollox żbaljata u, anki minn din il-perspettiva, tmur kontra l-Artikolu 7 KEDB.


    Top