Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0126

    Kawża C-126/13 P: Appell ippreżentat fil- 15 ta’ Marzu 2013 minn BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil- 15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-625/11 — BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 164, 8.6.2013, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 164/10


    Appell ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013 minn BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-625/11 — BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-126/13 P)

    2013/C 164/17

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH (rappreżentant: S. Biagosch, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Talbiet tal-appellant

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), tal-15 ta’ Jannar 2013, fil-Kawża T-625/11, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ma kisirx, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 (Każ R 340/2011-1), l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1);

    tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-22 ta’ Settembru 2009 (Każ R 340/2011-1), sa fejn din tirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ecoDoor abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

    sussidjarjament

    tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Dan l-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-625/11, li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors ta’ BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-22 ta’ Settembru 2011 (Każ R 340/2011-1), li tirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ecoDoor abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

    L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravju segwenti:

    Hija tibbaża ruħha fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li t-trade mark ecoDoor — li bl-ebda mod ma tiddeskrivi l-prodotti koperti miċ-ċaħda tal-applikazzjoni mill-UASI, iżda li tiddeskrivi sempliċiment bieb bħala parti possibbli minn dawn il-prodotti — tista’ titqies bħala li tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni biss jekk il-parti kkonċernata hija tant importanti għall-prodott li l-konsumatur jassimila din il-parti mal-prodott. Dan iseħħ biss meta l-parti inkwistjoni twettaq, f’għajnejn il-konsumatur, funzjoni assolutament essenzjali tal-prodott. Dan ma japplikax, madankollu, għal bieb bħala parti mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni, u għalhekk ma hemm l-ebda raġuni għal rifjut skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1).


    Top