Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0006

    Kawża C-6/13 P: Appell ippreżentat fl- 4 ta’ Jannar 2013 minn IDT Biologika GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil- 25 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-503/10 — IDT Biologika GmbH vs Il-Kummissjopni Ewropea

    ĠU C 108, 13.4.2013, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 108/14


    Appell ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2013 minn IDT Biologika GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-25 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-503/10 — IDT Biologika GmbH vs Il-Kummissjopni Ewropea

    (Kawża C-6/13 P)

    2013/C 108/29

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: IDT Biologika GmbH (rappreżentanti: R. Gross u T. Kroupa, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2012, innotifikata lir-rikorrenti/appellanti permezz ta’ faks fis-26 ta’ Ottubru 2012;

    tannulla d-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2010 tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Serbja, li permezz tagħha hija, minn naħa, ċaħdet l-offerta li IDT Biologika GmbH ippreżentat għal-lott Nru 1 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti bir-referenza EuropAid/129809/C/SUP/RS u li kellha bħala għan il-provvista ta’ vaċċini anti-rabies lill-Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Foresta u tar-Riżorsi tal-Ilma tar-Repubblika tas-Serbja, u, min-naħa l-oħra, tat il-kuntratt inkwistjoni lil konsorzju ta’ impriżi mmexxija minn “Bioveta a.s.”.

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rikors tal-appellanti.

    Id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni Ewropea, appellata, għandha teżerċita fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni ta’ sejħa għal offerti ma kinitx eżerċitata, fattwalment u teknikament, b’tali mod li ma tistax tiġi kkontestata.

    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li Bioveta a.s., fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ipproduċiet prova tas-sigurtà tal-prodott offert permezz ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali korrispondenti, u li testijiet separati fuq primati sabiex jiġi stabbilit li l-prodott offert ma jikkawżax ħsara lill-bnedmin ma kinux meħtieġa.

    Minbarra dan, Bioventa a.s. ma pproduċietx il-prova li l-vaċċin tagħha ma kienx ibbażat fuq l-oriġinali, iżda fuq kampjun tal-virus SAD-Bern immodifikat.


    Top